SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
6 ta’ Marzu 2014 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tassazzjoni — VAT — Direttiva 2006/112/KE — Artikolu 17(2)(f) — Kundizzjoni li tikkonċerna l-ispedizzjoni mill-ġdid ta’ oġġett lejn l-Istat Membru minn fejn kien inizjalment mibgħut jew ittrasportat”
Fil-Kawżi magħquda C-606/12 u C-607/12,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Commissione tributaria provinciale di Genova (l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-30 ta’ Ottubru 2012, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Diċembru 2012, fil-proċeduri
Dresser-Rand SA
vs
Agenzia delle Entrate, Direzione Provinciale, Ufficio Controlli di Genova,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), President tal-Awla, G. Arestis u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Dresser-Rand SA, minn P. Centore, avukat,
– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. De Stefano, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Recchia u C. Soulay, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2)(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).
2 Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawża bejn Dresser-Rand SA (iktar ’il quddiem “Dresser-Rand France”), kumpannija rregolata mid-dritt Franċiż, u l-Agenzia delle Entrate, Direzione Provinciale, Ufficio Controlli di Genova, dwar l-avviżi ta’ rettifika ta’ rkupru tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) mhux imħallsa għall-perijodi ta’ taxxa 2007 u 2008.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi:
“1. [‘]Provvista ta’ merkanzija [kunsinna ta’ oġġetti’] għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli.
2. Flimkien mat-transazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, kull waħda minn dawn li ġejjin għandha tiġi kkunisdrata bħala provvista ta’ merkanzija:
[…]
(ċ) it-trasferiment ta’ merkanzija [oġġetti] skont kuntratt li bih titħallas kummissjoni meta jsir xiri jew bejgħ.
[...]”
4 L-Artikolu 17 ta’ din id-Direttiva huwa fformulat kif ġej:
“1. It-trasferiment ta’ merkanzija [oġġetti] li tkun saret minn persuna taxxabbli li tifforma parti mill-assi tan-negozju tagħha għal Stat Membru ieħor għandha tiġi trattata bħala provvista ta’ merkanzija bi ħlas.
[‘]Trasferiment għal Stat Membru ieħor[’] għandha tfisser li proprjetà tanġibbli mibgħuta jew ittrasportata minn jew għan-nom tal-persuna taxxabbli, għall-iskop tan-negozju tagħha, għal destinazzjoni barra mit-territorju ta’ l-Istat Membru li fih tinsab il-proprjetà, iżda fil-Komunità.
2. Merkanzija mibgħuta jew ittrasportati għall-iskop ta’ waħda mit-transazzjonijiet li ġejjin m’għandux jiġi kkunsidrat bħala trasferiment għal Stat Membru ieħor:
[...]
f) il-provvista ta’ servizz, imwettaq għall-persuna taxxabli, u li jikkonsisti f’xogħol fuq il-merkanzija involuta mwettqa fiżikament fit-territorju ta’ l-Istat Membru li fih tispiċċa l-merkanzija mibgħuta jew ittrasportata, sakemm il-merkanzija, wara li tkun inħadmet, terġa’ tintbagħat lil dik il-persuna taxxabli fl-Istat Membru minn fejn kienet inizjalment mibgħuta jew ittrasportata;
[...]
3. Jekk waħda mill-kondizzjonijiet li tirregola l-eliġibbiltà skont il-paragrafu 2 ma tibqax tiġi sodisfatta, il-merkanzija għandha tiġi kkunsidrata bħala trasferita lejn Stat Membru ieħor. F’tali il-każijiet, it-trasferiment jitqies li twettaq fil-ħin li fih dik il-kondizzjoni ma tibqax tiġi milħuqa.”
5 L-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“[‘]Akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija [oġġetti][’] għandha tfisser l-akkwist tad-dritt li tiddisponi bħala sid ta’ proprjetà tanġibbli mobbli, mibgħuta jew ittrasportata għand il-persuna li qed takkwista l-merkanzija, mill-bejjiegħ jew f’ismu jew il-persuna li qed takkwista l-merkanzija, fi Stat Membru minbarra dak li minnu ntbagħtet jew kienet ittrasportata l-merkanzija.
Meta merkanzija akkwistata minn persuna legali mhux taxxabbli tintbagħat jew tkun ittrasportata minn territorju terz jew pajjiż terz u importata minn dik il-persuna legali mhux taxxabbli għal ġewwa Stat Membru li mhux l-Istat Membru li fih tispiċċa l-merkanzija mibgħuta jew ittrasportata, il-merkanzija għandha titqies li ntbagħtet jew kienet ittrasportata mill-Istat Membru ta’ importazzjoni. Dak l-Istat Membru għandu jagħti lill-importatur innominat jew rikonoxxut skont l-Artikolu 201 bħala obbligat li jħallas il-VAT rifużjoni tal-VAT li tkun tħallset fir-rigward tal-importazzjoni tal-merkanzija, sakemm l-importatur jistabbilixxi li l-VAT tkun ġiet applikata għall-akkwist tiegħu fl-Istat Membru fejn tispiċċa l-merkanzija mibgħuta jew ittrasportata.”
6 L-Artikolu 21 tal-istess direttiva jekwipara “[l]-applikazzjoni minn persuna taxxabbli, għall-finijiet tan-negozju tiegħu, ta’ merkanzija [oġġett] mibgħuta jew ittrasportata minn jew għan-nom ta’ dik il-persuna taxxabbli minn Stat Membru ieħor, li fih il-merkanzija saret, inħarġet, kienet ipproċessata, inxtrat, jew kienet akkwistata fit-tifsira ta’ l-Artikolu 2(1)(b), jew ta’ merkanzija importata minn dik il-persuna taxxabbli għall-finijiet tan-negozju tiegħu, hi trattata bħala akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija bi ħlas”, għal akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġett bi ħlas.
Id-dritt Taljan
7 Taħt it-titolu “Akkwisti intra-Komunitarji”, l-Artikolu 38 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 331, tat-30 ta’ Awwissu 1993, dwar l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar taxxi f’diversi oqsma (GURI Nru 203, tat-30 ta’ Awwissu 1993, p. 12), jipprovdi:
“1. Il-[VAT] tapplika għall-akkwisti intra-Komunitarji ta’ oġġetti mwettqa fit-territorju ta’ Stat Membru fil-kuntest tal-operat ta’ impriża, fl-eżerċizzju ta’ sengħa jew ta’ professjoni jew, fi kwalunkwe każ, minn persuni ġuridiċi, assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet oħra msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 633, tas-26 ta’ Ottubru 1972 [(suppliment ordinarju tal-GURI Nru 292, tal-11 ta’ Novembru 1972, iktar ’il quddiem id-‘Digriet Nru 633’)], li huma persuna taxxabbli fit-territorju tal-Istat.
2. Għandu jiġi kkunsidrat bħala ‘akkwist intra-Komunitarju’ il-ksib, permezz ta’ att bi ħlas, tal-proprjetà ta’ oġġett jew ta’ xi dritt ieħor in rem li jagħti t-tgawdija ta’ dan l-oġġett, mibgħut jew ttrasportat fit-territorju tal-Istat minn Stat Membru ieħor, jew mill-fornitur, bħala l-persuna taxxabbli, jew mix-xerrej, jew minn terz f’isimhom.
3. Barra minn hekk, huma kkunsidrati bħala akkwisti intra-Komunitarji:
[...]
b) l-introduzzjoni fit-territorju tal-Istat, minn jew f’isem persuna taxxabbli, ta’ oġġett minn Stat Membru ieħor. Din id-dispożizzjoni tapplika kemm fil-każ tal-ispedizzjoni jew tat-trasport lejn it-territorju tal-Istat, għal finijiet relatati tal-operat tal-impriża, ta’ oġġett minn impriża oħra li l-attivitajiet tagħha huma eżerċitati mill-istess persuna fi Stat Membru ieħor;
ċ) l-akkwisti msemmija fil-paragrafu 2 minn persuni ġuridiċi, assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet imsemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 4 tad-[Digriet Nru 633], li ma humiex persuni taxxabbli;
d) l-introduzzjoni fit-territorju tal-Istat, minn jew f’isem persuni msemmija fil-punt (ċ), ta’ oġġetti li jkunu ġew impurtati minn qabel minnhom minn Stat Membru ieħor;
[...]
5. Ma humiex ikkunsidrati bħala akkwisti intra-Komunitarji:
a) l-introduzzjoni fit-territorju tal-Istat ta’ oġġetti li jkunu suġġetti għal operazzjonjiet ta’ pproċessar jew ta’ mmaniġar fis-sens, tal-Artikolu 1(3)(h) tar-Regolament tal-Kunsill [(KEE) Nru 1999/85 tas-16 ta’ Lulju 1985 dwar is-sistema tal-ipproċessar attiv (ĠU L 188, p. 1)] u tal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill [(KEE) Nru 2503/88, tal-25 ta’ Lulju 1988, dwar l-imħażen doganali (ĠU L 225, p. 1)], rispettivament, jekk l-oġġetti jiġu ttrasportati jew mibgħuta ulterjorment lix-xerrej, li huwa l-persuna taxxabbli, fl-Istat Membru tal-oriġini jew f’ismu fi Stat Membru ieħor, jew barra mit-territorju tal-Komunità; l-introduzzjoni fit-territorju tal-Istat ta’ oġġetti użati temporanjament għat-twettiq ta’ servizzi jew li, jekk ikunu importati, jibbenefikaw minn sistema ta’ importazzjoni temporanja b’eżenzjoni totali tad-dazju fuq l-importazzjoni;
[...]
7. It-taxxa ma hijiex dovuta f’każ ta’ akkwist intra-Komunitarju fit-territorju tal-Istat, minn persuna taxabbli fi Stat Membru ieħor, ta’ oġġetti akkwistati mill-imsemmija persuna taxxabbli fi Stat Membru ieħor, sussegwentement mibgħuta jew ittrasportati fit-territorju tal-Istat lill-mandatarji tagħhom stess, li huma l-persuni taxxabbli, jew lil persuni ġuridiċi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 4 tad-[Digriet Nru 633], li huma l-persuni taxxabbli għall-akkwisti intra-Komunitarji effettwati, peress li dawn il-mandatarji jew persuni ġuridiċi ġew indikati bħala persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa relatata mal-kunsinna.
8. Għandhom jiġu kkunsidrati bħala mwettqa minnhom stess l-akkwisti intra-Komunitarji magħmula minn aġenti mingħajr rappreżentazzjoni.”
8 L-Artikolu 8 tad-Digriet Nru 633, intitolat “Kunsinni għall-esportazzjoni”, jipprovdi:
“Huma kkunsidrati bħala kunsinni għall-esportazzjoni li ma humiex intaxxabbli:
a) il-kunsinni, inklużi dawk permezz ta’ aġenti, ta’ oġġetti ttrasportati jew mibgħuta barra mit-territorju tal-Komunità Ekonomika Ewropea minn jew f’isem fornituri jew aġenti, inkluż fuq istruzzjonijiet tal-mandatarji jew aġenti tagħhom stess. L-oġġetti jistgħu jiġu suġġetti, f’isem il-mandatarju u mill-fornitur innifsu jew minn terzi, għal xogħol kuntrattwali, xogħlijiet ta’ trasformazzjoni, xogħol ta’ armar, assemblaġġ jew adattament għal oġġetti oħra [...]
b) il-kunsinni b’trasport jew b’spedizzjoni barra mit-territorju tal-Komunità Ekonomika Ewropea f’terminu ta’ disgħin jum li jibdew jiddekorru mill-kunsinna tal-oġġetti, mill-mandatarju li ma jkunx residenti jew f’ismu, bl-eċċezzjoni ta’ oġġetti ttrasportati mill-konsumatur innifsu għall-attrezzar jew l-għoti ta’ karburant ta’ dgħajjes jew ta’ dgħajjes tad-divertiment, ta’ ajruplani privati jew kwalunkwe mezz tat-trasport ieħor għall-użu privat, kif ukoll ta’ oġġetti li għandhom jiġu ttrasportati f’bagalji personali barra mit-territorju tal-Komunità Ekonomika Ewropea, l-esportazzjoni għandha tkun awtorizzata b’timbru fuq kopja tal-fattura mill-Uffiċċju Doganali jew mill-Uffiċju Postali;
ċ) il-kunsinni, inklużi dawk permezz ta’ aġenti, ta’ oġġett minbarra bini u artijiet għall-bini, u l-provvisti ta’ servizzi forniti lil persuni li jkunu għamlu kunsinni għall-esportazzjoni jew tranżazzjonijiet intra-Komunitarji u li, għalhekk jużaw il-kapaċità ta’ akkwist, inkluż permezz ta’ aġenti, jew li jimportaw oġġetti u servizzi mingħajr ħlas tat-taxxa.
Il-kunsinni u l-provvisti ta’ servizzi msemmijin fil-punt (ċ) isiru mingħajr ħlas tat-taxxa lill-persuni indikati fil-punt (a), jekk dawn ikunu residenti, u lill-persuni li jagħmlu l-kunsinni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu preċedenti abbażi tad-dikjarazzjoni bil-miktub tagħhom u taħt ir-responsabbiltà tagħhom, fil-limiti tal-ammont totali tal-kunsinni li jidhru fl-imsemmija punti li jkunu saru mill-imsemmija persuni matul is-sena finanzjarja preċedenti. Il-mandatarji u l-aġenti jistgħu jużaw kompletament dan l-ammont għall-akkwist ta’ oġġett li jiġu esportati fl-Istat ta’ oriġini tagħhom fis-sitt xhur ta’ wara l-kunsinna tagħhom jew għall-akkwist ta’ oġġett jew servizzi oħra fil-limiti, madankollu, tad-differenza bejn dan l-ammont u dak tal-kunsinni ta’ oġġetti magħmula favurihom matul l-istess sena, skont il-punt (a) [...]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 Dresser-Rand France timmanifattura kumpressuri industrijali tal-gass naturali.
10 Fil-kuntest ta’ din l-attività, Dresser-Rand France kkonkludiet kuntratt ma’ klijent finali, li hija kumpannija Spanjola, dwar il-provvista ta’ oġġett kumplessi. Għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, hija użat kumpressuri importati mill-istabbilimenti Ċiniżi tagħha minn Dresser-Rand Italia Srl (iktar ’il quddiem “Dresser-Rand Italia”).
11 Dresser-Rand France daħħlet fit-territorju Taljan minn Franza ċerti partijiet neċessarji għall-użu tal-kumpressuri importati. Imbagħad hija kkonkludiet, ma’ FB ITMI SpA (iktar ’il quddiem “FB ITMI”), subappaltatur stabbilit fl-Italja, kuntratt fir-rigward ta’ provvista ta’ partijiet oħra neċessarji għal funzjonament u l-installazzjoni tal-oġġett kkonċernati għand il-klijent finali. Fl-aħħar nett, FB ITMI bagħtet direttament dawn il-oġġett assemblati lill-klijent finali f’isem Dresser-Rand Italia, li taġixxi bħala rappreżentanta fiskali ta’ Dresser-Rand France.
12 FB ITMI ħarġet fattura lil Dresser-Rand Italia għat-tranżazzjonijiet relatati mas-servizzi aċċessorji ta’ assemblaġġ u ta’ adattament kif ukoll ta’ kunsinna tal-oġġetti inkwistjoni. Dresser-Rand Italia, bħala rappreżentanta fiskali ta’ Dresser-Rand France, ħarġet fattura għall-oġġetti kollha mibgħuta lill-klijent finali.
13 Filwaqt li invokat il-kwalità tagħha ta’ esportatur abitwali, Dresser-Rand Italia, fil-kwalità tagħha ta’ rappreżentant fiskali ta’ Dresser-Rand France, qieset, abbażi tal-Artikolu 8(1)(ċ) u tal-Artikolu 2 tad-Digriet Nru 633, li tista’ takkwista l-oġġett u s-servizzi pprovduti minn FB ITMI mingħajr ma jkollha għalfejn tħallas il-VAT u dan huwa kkontestat mill-awtorità tat-taxxa. Peress li l-klassifikazzjoni ta’ esportatur abitwali tiddependi fuq il-klassifikazzjoni tat-trasferimenti ta’ oġġett magħmula minn Franza lejn l-Italja, in-nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali jirrigwarda din l-aħħar klassifikazzjoni.
14 Għalhekk, Dresser-Rand France tikkunsidra li t-trasferiment ta’ kumpressuri minn Franza lejn l-Italja jikkostitwixxi “akkwist intra-Komunitarju assimilat, abbażi tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva [tal-VAT]”. Hija tippreċiża wkoll li l-bejgħ ta’ oġġetti assemblati lill-klijent finali, li jitilqu mit-territorju Taljan, jagħti lok għal kunsinna intra-Komunitarja.
15 L-Agenzia delle Entrate, Direzione Provinciale, Ufficio Controlli di Genova, sostniet li t-trasferiment tal-merkanzija minn Franza lejn l-Italja, huwa rregolat mill-Artikolu 17(2)(f) ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, huwa suġġett għas-sistema sospensiva prevista fl-Artikolu 38(5)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 331, tat-30 ta’ Awwissu 1993, dwar l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar taxxi f’diversi oqsma. Hija ssostni, fil-fatt, li s-suġġett tal-kuntratt konkluż bejn Dresser-Rand France u FB ITMI ma huwiex il-provvista ta’ oġġett ġdid, iżda l-provvista ta’ servizz. Konsegwentement, it-tranżazzjoni prevista minn dan il-kuntratt ma tistax tiġi assimilata għal kunsinna ta’ oġġett, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-imsemmija direttiva.
16 Dresser-Rand France tikkontesta l-applikazzjoni tal-imsemmija sistema sospensiva fil-kawża prinċipali, minħabba li, minn naħa, l-attività ta’ FB ITMI tikkonsisti essenzjalment fil-produzzjoni u fil-kunsinna ta’ oġġetti u li, min-naħa l-oħra, l-oġġetti mdaħħla fit-territorju Taljan ma humiex mibgħuta mill-ġdid lejn l-Istat Membru ta’ oriġini, kuntrarjament għal dak li tipprovdi d-Direttiva tal-VAT għall-applikazzjoni ta’ din is-sistema.
17 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-Commissione tributaria provinciale di Genova (Kummissjoni Fiskali tal-Provinċja ta’ Genova) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li ġew ifformulati f’termini identiċi fil-Kawżi C-606/12 u C-607/12:
“1) Tranżazzjoni ta’ trasferiment ta’ merkanzija [oġġetti] minn Stat Membru [lejn] it-territorju Taljan bil-għan li tiġi vverifikata l-adattabbiltà tal-merkanzija nnifisha għal merkanzija oħra akkwistata fit-territorju nazzjonali, mingħajr ma jkun sar ebda intervent fuq il-merkanzija introdotta fl-Italja, hija attribwibbli għall-kliem [koperta mill-kunċett ta’] ‘xogħol fuq [i]l-merkanzija’ [previst] fl-Artikolu 17(2)(f) tad-Direttiva [tal-VAT] u, f’dan ir-rigward, ikun utli li tiġi evalwata n-natura tat-tranżazzjonijiet bejn FB ITMI u [Dresser-Rand Italia]?
2) L-Artikolu 17(2)(f) tad-Direttiva [tal-VAT] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-leġiżlazzjoni jew lill-prassi tal-Istati Membri [mill-]fakultà li jipprovdu li l-ispedizzjoni jew it-trasport tal-merkanzija jiġu kkunsidrati bħala trasferiment lejn Stat Membru ieħor biss bil-kundizzjoni li l-merkanzija tirritorna fl-Istat Membru li minnu kienet inizjalment intbagħtet jew ġiet ittrasportata?”
18 Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-28 ta’ Jannar 2013, il-Kawżi C-606/12 u C-607/12 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
19 Kemm mid-deċiżjonijiet tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet tal-partijiet, tista’ tirriżulta konfużjoni bejn il-kunċett ta’ “provvista ta’ merkanzija [kunisnna ta’ oġġetti]”, iddefinita fl-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-VAT, u dak ta’ “akkwist intra-Komunitarju”, iddefinita fl-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva.
20 Fil-fatt, kif muri fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, diversi drabi, isir riferiment għall-kunċett ta’ “akkwist intra-Komunitarju”, b’konnessjoni mal-Artikolu 17(1) tal-imsemmija direttiva, filwaqt li dan il-kunċett huwa kopert mill-Artikolu 21 tal-istess direttiva.
21 Għalhekk, l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva tal-VAT jassimila ċerti trasferimenti ta’ oġġetti ma’ kunsinni intra-Komunitarji u ma jikkonċerna bl-ebda mod l-akkwisti intra-Komunitarji.
22 Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li dawn id-domandi ma jirrigwardawx il-kunċett ta’ “akkwisti intra-Komunitarji” iżda jirrigwardaw il-kunċett ta’ “trasferiment ta’ merkanzija [oġġetti]”, fis-sens tal-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-VAT.
Fuq it-tieni domanda
23 Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 17(2)(f) tad-Direttiva tal-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li hija eskluża, minbarra fil-każ fejn l-oġġetti inkwistjoni jerġgħu lura fl-Istat Membru li minnu kienu ġew inizjalment mibgħuta jew ittrasportati, kull possibbiltà li l-leġiżlazzjoni jew il-prassi tal-Istati Membri ma jittrattawx l-ispedizzjoni jew it-trasport ta’ oġġett lejn Stat Membru ieħor bħala trasferiment lejn dan l-Istat Membru.
24 L-ewwel nett, għandu jsir riferiment għall-kliem stess tal-Artikolu 17(2)(f) tad-Direttiva tal-VAT peress li dan jindika b’mod espliċitu li l-ispedizzjoni ta’ oġġett għall-finijiet ta’ provvista ta’ servizz imwettqa għall-persuna taxxabbli ma għandhiex titqies li hija trasferiment lejn Stat Membru ieħor sakemm dan l-oġġett jintbagħat mill-ġdid, lill-persuna taxxabbli, lejn l-Istat Membru ta’ oriġini, jiġifieri l-Istat Membru li minnu kienet saret inizjalment l-ispedizzjoni.
25 L-applikazzjoni tal-Artikolu 17(2)(f) ta’ din id-direttiva hija għalhekk suġġetta, b’mod espliċitu, għall-kundizzjoni li l-oġġett jintbagħat mill-ġdid lejn l-Istat Membru ta’ oriġini.
26 Imbagħad, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva tal-VAT jelenka serje ta’ każijiet, fosthom dak indikat fl-ittra (f), li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “trasferiment għal Stat Membru ieħor”, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-imsemmija direttiva.
27 Għalhekk, mill-istruttura stess u mill-formulazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-VAT jirriżulta li l-paragrafu (2) tiegħu jsemmi lista eżawrjenti ta’ derogi li għaldaqstant, għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2013, TNT Express Worldwide, C-169/12, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
28 Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-għan tas-sistema tranżitorja tal-VAT applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju stabbilita minn din id-direttiva huwa li d-dħul mit-taxxa jiġi ttrasferit lill-Istat Membru fejn iseħħ il-konsum finali tal-oġġetti kkunsinnati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ April 2010, X u fiscale eenheid Facet-Facet Trading, C-536/08 u C-539/08, Ġabra p. I-3581, punt 30, kif ukoll tat-18 ta’ Novembru 2010, X, C-84/09, Ġabra p. I-11645, punti 22 u 31). Għalhekk, id-deroga prevista fl-Artikolu 17(2)(f) tal-istess direttiva għandha tiġi interpretata, b’mod partikolari, fid-dawl ta’ dan il-għan.
29 Skont il-prinċipju ta’ intaxxar fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni msemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 17(2)(f), tad-Direttiva tal-VAT għandu għaldaqstant jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li t-trasferiment ta’ oġġett fi Stat Membru ieħor ma jiġix ikklassifikat bħala kunsinna intra-Komunitarja, biss sa fejn dan l-oġġett jibqa’ b’mod temporanju f’dan l-Istat Membru u bil-prospett li jintbagħat mill-ġdid, sussegwentement, lejn l-Istat Membru tal-oriġini.
30 Fil-fatt, huwa biss meta t-trasferiment ta’ oġġett fi Stat Membru ieħor ma jsirx bil-prospett tal-konsum finali ta’ dan l-oġġett f’dan l-Istat Membru, iżda bil-prospett tat-twettiq ta’ operazzjoni ta’ trasformazzjoni tal-imsemmi oġġett segwita bl-ispedizzjoni mill-ġdid tiegħu lejn l-Istat tal-oriġini, li dan it-trasferiment ma għandux jiġi kklassifikat bħala kunsinna intra-Komunitarja.
31 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ispedizzjoni mill-ġdid tal-oġġett, lill-persuni taxxabbli, lejn l-Istat Membru li minnu dan l-oġġett ġie oriġinarjament mibgħut jew ittrasportat għandha titqies li hija kundizzjoni neċessarja għall-applikazzjoni tal-Artikolu 17(2)(f) tad-Direttiva tal-VAT.
32 Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(2)(f) tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex l-ispedizzjoni jew it-trasport ta’ oġġett ma jiġux ikklassifikati bħala trasferiment lejn Stat Membru ieħor, dan l-oġġett, wara li jkunu saru x-xogħlijiet fuqu fl-Istat Membru tad-destinazzjoni tal-ispedizzjoni jew tat-trasport tal-imsemmi oġġett, għandu neċessarjament jintbagħat mill-ġdid lill-persuna taxxabbli fl-Istat Membru minn fejn kien inizjalment mibgħut jew ittrasportat.
Fuq l-ewwel domanda
33 Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 17(2)(f) tad-Direttiva tal-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li l-verifika tal-adattabbiltà tal-oġġetti ttrasferiti mill-ewwel Stat Membru lejn it-territorju tat-tieni Stat Membru, għal oġġetti oħra akkwistati fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat, mingħajr ma jsir ebda intervent fuq il-oġġetti ttrasferiti, hija koperta mill-kunċett ta’ “xogħol fuq [i]l-merkanzija [oġġetti]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
34 Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tat-tqassim tal-funzjonijiet ġudizzjarji bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, previst fl-Artikolu 267 TFUE, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi preliminarjament, mingħajr ma jkun neċessarju, bħala prinċipju, li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi li fihom il-qrati nazzjonali ħassewhom fid-dmir li jagħmlulha d-domandi u li fihom jipproponu li japplikaw id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu talbuha tinterpreta, madankollu dan ma jgħoddx, b’mod partikolari, fil-każ fejn huwa evidenti li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tagħha qed tintalab l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi applikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, C-297/88 u C-197/89, Ġabra p. I-3763, punti 39 u 40, kif ukoll tal-14 ta’ Ġunju 2007, Telefónica O2 Czech Republic, C-64/06, Ġabra p. I-4887, punti 22 u 23).
35 Kif ġie enfasizzat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, l-ispedizzjoni mill-ġdid ta’ oġġett lill-persuna taxxabbli fl-Istat Membru minn fejn kien inizjalment mibgħut jew ittrasportat hija kundizzjoni neċessarja għall-applikazzjoni tal-Artikolu 17(2)(f) tad-Direttiva tal-VAT.
36 Madankollu, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li, fil-kawżi prinċipali, l-oġġetti inkwistjoni ma ntbagħtux mill-ġdid lejn l-Istat Membru ta’ oriġini, jiġifieri lejn ir-Repubblika Franċiża, wara li saru x-xogħlijiet fuqhom fl-Italja.
37 Peress li l-kundizzjoni li tirrikjedi l-ispedizzjoni mill-ġdid tal-oġġett lejn l-Istat Membru ta’ oriġini ma hijiex sodisfatta, l-Artikolu 17(2)(f) tad-Direttiva tal-VAT ma huwiex applikabbli fil-kawżi prinċipali.
38 Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda.
Fuq l-ispejjeż
39 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 17(2)(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex l-ispedizzjoni jew it-trasport ta’ oġġett ma jiġux ikklassifikati bħala trasferiment lejn Stat Membru ieħor, dan l-oġġett, wara li jkunu saru x-xogħlijiet fuqu fl-Istat Membru tal-wasla tal-ispedizzjoni jew tat-trasport tal-imsemmi oġġett, għandu neċessarjament jintbagħat mill-ġdid lill-persuna taxxabbli fl-Istat Membru minn fejn kien inizjalment mibgħut jew ittrasportat.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.