Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

27.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/9


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof te Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-25 ta’ Jannar 2013 — X AG et vs Inspecteur van de Belastingdienst Amsterdam

(Kawża C-40/13)

2013/C 123/12

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Gerechtshof te Amsterdam

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: X AG, X1 Holding GmbH, X2 Holding GmbH, X3 Holding BV, D1 BV, D2 BV, D3 BV

Konvenut: Inspecteur van de Belastingdienst Amsterdam

Domandi preliminari

(1)

Il-fatt li r-rikorrenti huma mċaħħda mill-opportunità li jkollhom is-sistema ta’ unità fiskali Olandiża applikata għall-attivitajiet u għall-assi tal-kumpanniji stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi X3 Holding, D1 u D2, li għandhom l-istess kumpannija parent, jikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 43 KE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 48 KE?

F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-għanijiet segwiti mis-sistema ta’ unità fiskali Olandiża (…), is-sitwazzjoni ta’ X3 Holding, D1 u D2 hija oġġettivament paragunabbli (…) (i) mas-sitwazzjoni ta’ kumpanniji li jkollhom l-istess kumpannija parent, stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi, li ma jkunux għażlu li jkunu integrati f’unità fiskali mal-kumpannija (kumpanniji) parent komuni tagħhom, stabbilita (stabbiliti) fil-Pajjiżi l-Baxxi, u li għalhekk, flimkien bħala kumpanniji li għandhom l-istess kumpannija parent, bl-istess mod bħar-rikorrenti, ma għandhomx aċċess għas-sistema ta’ unità fiskali, jew (ii) mas-sitwazzjoni ta’ kumpanniji li jkollhom l-istess kumpannija parent, stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi, li, flimkien mal-kumpannija (kumpanniji) parent komuni tagħhom, stabbilita (stabbiliti) fil-Pajjiżi l-Baxxi, għażlu li jifformaw unità fiskali mal-kumpannija (kumpanniji) parent tagħhom u li għalhekk l-attivitajiet u l-assi tagħhom, b’differenza minn dawk tar-rikorrenti, huma kkonsolidati għall-finijiet tat-taxxa?

(2)

Fl-għoti ta’ risposta għall-ewwel sentenza tal-ewwel domanda, tagħmel xorta waħda differenza l-kwistjoni (…) ta’ jekk il-kumpanniji kkonċernati għandhomx (i), bħalma huwa l-każ ta’ D1 u D2, kumpannija parent (diretta) komuni fl-Istat Membru l-ieħor jew (ii), bħalma huwa l-każ, minn naħa, ta’ X3 Holding, u, min-naħa l-oħra, ta’ D1 u D2, kumpanniji parent differenti (diretti) fl-Istat Membru l-ieħor, bil-konsegwenza li huwa biss f’livell ogħla — għalkemm f’dak l-Istat Membru l-ieħor — tal-istruttura tal-grupp li hemm kumpannija parent (indiretta) komuni ta’ dawn id-diversi kumpanniji?

(3)

Jekk u sa fejn l-ewwel sentenza tal-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, tali restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari minħabba l-ħtieġa li titħares il-konsistenza fiskali, inkluż il-prevenzjoni tal-użu doppju unilaterali jew bilaterali tat-telf (…)?

(4)

Jekk u sa fejn it-tielet domanda tingħata risposta fl-affermattiv, tali restrizzjoni għandha tiġi kkunsidrata li hija proporzjonata (…)?