SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
19 ta’ Ġunju 2014 (*)
“Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Aġenzija tax-xogħol temporanju — Kollokament ta’ ħaddiema minn aġenzija stabbilita fi Stat Membru ieħor — Restrizzjoni — Impriża li tuża s-servizzi ta’ ħaddiema — Żamma f’ras il-għajn tat-taxxa fuq id-dħul ta’ dawn il-ħaddiema — Obbligu — Ħlas lill-baġit nazzjonali — Obbligu — Każ ta’ ħaddiema kkollokati minn aġenzija nazzjonali — Assenza ta’ tali obbligi”
Fil-Kawżi magħquda C-53/13 u C-80/13,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajský soud v Ostravě (ir-Repubblika Ċeka) u min-Nejvyšší správní soud (ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjonijiet tas-16 u tas-17 ta’ Jannar 2013, rispettivament, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Jannar u fil-15 ta’ Frar 2013, fil-proċeduri
Strojírny Prostějov, a.s. (C-53/13),
ACO Industries Tábor s. r. o. (C-80/13)
vs
Odvolací finanční ředitelství,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, A. Borg Barthet, E. Levits, M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2013,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal ACO Industries Tábor s. r. o., minn D. Hejzlar, avukat,
– għall-Odvolací finanční ředitelství, minn E. Nedorostková, avukat,
– għar-Repubblika Ċeka, minn M. Smolek, T. Müller u J. Vláčil, bħala aġenti,
– għar-Renju tad-Danimarka, minn M. Søndahl u V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels kif ukoll minn M. Šimerdová u Z. Malůšková, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Frar 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 TFUE, 45 TFUE, 49 TFUE u 56 TFUE.
2 Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn Strojírny Prostějov, a.s. (iktar ’il quddiem “Strojírny Prostějov”) u ACO Industries Tábor s. r. o. (iktar ’il quddiem “ACO Industries Tábor”), minn naħa, u l-Odvolací finanční ředitelství (direttorat tal-finanzi kompetenti fil-qasam tal-appelli), min-naħa l-oħra, dwar it-trattament fiskali li dawn iż-żewġ impriżi kienu ġew suġġetti għalih.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt Ċek
3 L-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 586/1992 dwar it-taxxa fuq id-dħul, kif emendata tipprovdi:
“1. Il-persuni suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi huma persuni fiżiċi (iktar ’il quddiem il-‘persuni taxxabbli’).
2. Il-persuni taxxabbli li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju tar-Repubblika Ċeka jiġu intaxxati abbażi tad-dħul minn sorsi Ċeki jew barranin.
3. Il-persuni taxxabbli li ma jissemmewx fil-paragrafu 2 jew dawk li għalihom jipprovdi xi ftehim internazzjonali, huma intaxxati unikament abbażi tad-dħul minn sors Ċek (Artikolu 22). [...]
4. Il-persuni taxxabbli li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju tar-Repubblika Ċeka huma dawk li jgħixu hemmhekk ta’ mill-inqas 183 jum f’kull sena ċivili, u dan b’mod kontinwu jew perijodiku; it-terminu ta’ 183 jum jinkludi kull jum li wieħed joqgħod fil-pajjiż. Domiċilju fit-territorju tar-Repubblika Ċeka jfisser, għall-finijiet ta’ din il-liġi, il-post fejn il-persuna taxxabbli jkollha residenza stabbli f’ċirkustanzi li fihom ikun possibbli li wieħed jiddeduċi l-intenzjoni tagħha li tokkupa dik ir-residenza b’mod permanenti.”
4 L-Artikolu 6(2) ta’ din il-liġi jipprovdi:
“Il-persuna taxxabbli li tikseb id-dħul tagħha minn attività bħala persuna impjegata u benefiċċji marbuta mal-funzjoni tagħha tissejjaħ iktar ’il quddiem ‘impjegat’, waqt li min iħallas id-dħul jissejjaħ ‘persuna li timpjega’. Persuna li timpjega tfisser ukoll kull persuna msemmija fl-Artikolu 2(2) jew fl-Artikolu 17(3), li għaliha l-impjegati jagħmlu xogħol skont id-direttivi tagħha, anki jekk il-ħlas għal dak ix-xogħol ikun, fuq il-bażi ta’ relazzjoni kuntrattwali, imħallas permezz ta’ persuna stabbilita jew residenti f’pajjiż barrani. Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet l-oħrajn tal-liġi, id-dħul ittrasferit b’dan il-mod jitqies li huwa mħallas minn persuna taxxabbli msemmija fl-Artikolu 2(2) jew fl-Artikolu 17(3). F’każ fejn is-somma mħallsa mill-persuna li timpjega lil persuna stabbilita jew residenti f’pajjiż barrani tkun tinkludi wkoll ħlas għas-servizz tal-aġenzija, id-dħul ta’ impjegat jitqies li jirrapreżenta ta’ mill-inqas 60 % tas-somma totali.”
5 L-Artikolu 22(1)(b) ta’ din il-liġi huwa redatt kif ġej:
“Dħul minn sors Ċek ifisser, fil-każ tal-persuni taxxabbli msemmija fl-Artikolu 2(3) u fl-Artikolu 17(4), id-dħul miksub minn attività bħala persuna impjegata (impjieg bħala persuna impjegata) [...] eżerċitata fit-territorju tar-Repubblika Ċeka [...]”
6 L-Artikolu 38c tal-istess liġi jipprovdi:
“B’mod konformi mal-Artikoli 38d, 38e u 38h, persuna suġġetta għall-ħlas tat-taxxa tfisser ukoll kull persuna taxxabbli msemmija fl-Artikolu 2(3) u fl-Artikolu 17(4), li jkollha stabbiliment fiss fit-territorju tar-Repubblika Ċeka [Artikolu 22(2)], jew li tkun timpjega hemmhekk lill-impjegati tagħha għal aktar minn 183 jum, bl-eċċezzjoni tal-każijiet ta’ forniment ta’ servizzi fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(1)(c) […]. Fil-każ stabbilit fit-tieni u t-tielet sentenzi tal-Artikolu 6(2), il-persuna taxxabbli msemmija fl-Artikolu 2(3) u fl-Artikolu 17(4) ma għandhiex il-kwalità ta’ persuna suġġetta għall-ħlas tat-taxxa.”
7 Skont l-Artikolu 38h(1) ta’ din il-liġi:
“Il-persuna suġġetta għall-ħlas tat-taxxa għandha tikkalkola l-ħlas bil-quddiem abbażi tad-dħul ta’ persuni fiżiċi miksub minn attività bħala persuna impjegata u mill-benefiċċji marbuta ma’ funzjoni (iktar ’il quddiem “ħlas bil-quddiem”) billi tibbaża ruħha fuq il-bażi użata sabiex jiġi kkalkolat il-ħlas bil-quddiem. [...]”
Il-ftehim sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja
8 L-Artikolu 14(1) tal-ftehim sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja u l-evażjoni fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul u fuq il-ġid, konkluż bejn ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Slovakka (komunikazzjoni tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Nru 100/2003, ippubblikata fil-Ġabra ta’ Ftehimiet Internazzjonali), jipprovdi
“It-trattamenti, salarji u ħlas ieħor simili, li jirċievi r-resident ta’ Stat kontraenti abbażi tal-attività professjonali tiegħu huma intaxxati bla ħsara għall-Artikoli 15, 17 u 18, unikament f’dan l-Istat, ħlief jekk din l-attività professjonali tkun eżerċitata fl-Istat kontraenti l-ieħor. Jekk tkun eżerċitata fl-Istat kontraenti l-ieħor, il-ħlasijiet li jirċievi abbażi ta’ din l-attività jistgħu jiġu ntaxxati f’dak l-Istat l-ieħor.”
9 L-Artikolu 23(1) u (3) ta’ dan il-ftehim jipprovdi:
“1. Iċ-ċittadini nazzjonali ta’ Stat kontraenti ma għandhom ikunu suġġetti, fl-Istat kontraenti l-ieħor, għal ebda taxxa jew għal ebda obbligu ieħor relatat magħha, li jkunu differenti jew iktar onerużi mill-impożizzjoni u mill-obbligi relatati li għalihom huma suġġetti, jew jistgħu jkunu suġġetti, iċ-ċittadini nazzjonali ta’ dan l-Istat ieħor, li jinstabu, b’mod partikolari fir-rigward tar-residenza, f’sitwazzjoni identika. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1, ukoll fir-rigward tal-persuni li ma jirrisjedux f’wieħed jew fiż-żewġ Stati kontraenti.
[...]
3. L-intaxxar tal-istabbiliment permanenti li l-impriża ta’ Stat kontraenti għandha fl-Istat kontraenti l-ieħor ma jistax, f’dan l-Istat l-ieħor, ikun inqas favorevoli minn dak tal-impriżi ta’ dan l-Istat l-ieħor li jeżerċitaw l-istess attività [...]”.
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
10 Il-kawżi fil-proċeduri prinċipali jikkonċernaw żewġ impriżi Ċeki, Strojírny Prostějov u ACO Industries Tábor, li użaw is-servizzi ta’ aġenzija tax-xogħol temporanju stabbilita fir-Repubblika Slovakka, iżda li topera fir-Repubblika Ċeka peremzz ta’ fergħa rreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ tar-Repubblika Ċeka. Dawn iż-żewġ impriżi, fil-kapaċità ta’ impriżi li jużaw is-servizzi ta’ ħaddiema, irrikorrew għall-użu, għal perijodu determinat, ta’ ħaddiema impjegati minn din l-aġenzija.
Il-Kawża C-53/13
11 Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2011, il-Finanční úřad v Prostějově (direttorat tal-finanzi ta’ Prostějov) talab lil Strojírny Prostějov tħallas lill-baġit tal-Istat it-taxxa fuq id-dħul miżmuma dovuta mill-ħaddiema li hija kienet użat is-servizzi tagħhom. Skont il-Finanční úřad v Prostějově, peress li, taħt id-dritt Ċek, il-fergħa ta’ persuni ġuridika barranija ma tistax tkun id-detentriċi ta’ drittijiet u ta’ obbligi, l-impriża fornitriċi kellha titqies bħala aġenzija barranija. Għaldaqstant, il-benefiċjarju Ċek tas-servizzi huwa obbligat iżomm it-taxxa fuq id-dħul tal-ħaddiema u jħallas din it-taxxa lill-baġit tal-Istat.
12 L-appell minn din id-deċiżjoni, ippreżentat minn Strojírny Prostějov quddiem il-Finanční ředitelství v Ostravě (direttorat tal-finanzi ta’ Ostrava), ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Awwissu 2011. Din l-aħħar deċiżjoni hija attwalment is-suġġett ta’ stħarriġ quddiem il-Krajský soud v Ostravě (qorti reġjonali ta’ Ostrava).
13 Din il-qorti tqis li l-leġiżlazzjoni Ċeka tiddiskrimina bejn is-sitwazzjoni ta’ impriża Ċeka li tirrikorri għall-użu tas-servizzi ta’ aġenzija tax-xogħol temporanju nazzjonali u dik ta’ impriża Ċeka li tuża aġenzija stabbilita fi Stat Membru ieħor. Fil-fatt, huwa biss fit-tieni każ li l-impriża Ċeka hija meħtieġa żżomm f’ras il-għajn it-taxxa fuq id-dħul dovuta mill-ħaddiema li hija użat is-servizzi tagħhom abbażi tal-kuntratt konkluż mal-aġenzija tax-xogħol temporanju, filwaqt li, fl-ewwel każ, hija l-aġenzija tax-xogħol temporanju, li dawn il-ħaddiema huma impjegati tagħha, li għandha żżomm din it-taxxa. Issa, dan jikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-moviment liberu tal-ħaddiema, peress li tali obbligu jinvolvi piżijiet, b’mod partikolari ta’ natura amministrattiva, li huma sostnuti biss mill-impriżi li jagħżlu aġenzija li ma hijiex stabbilita fir-Repubblika Ċeka.
14 F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Krajský soud v Ostravě ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tressaq id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 56 [TFUE] u 57 [TFUE] jipprekludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ fejn impriża (il-fornitur) li tqiegħed ħaddiema għad-dispożizzjoni ta’ impriża oħra hija stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, timponi fuq l-impriża li tirrikorri għas-servizzi ta’ dawn il-ħaddiema l-obbligu li tiġbor it-taxxa fuq id-dħul imposta fuq ir-remunerazzjonijiet imħallsa lil dawn il-ħaddiema u li tittrasferixxiha lill-baġit tal-Istat, filwaqt li, fil-każ fejn il-fornitur huwa stabbilit fit-territorju tar-Repubblika Ċeka, dan l-obbligu jaqa’ fuq il-fornitur?”
Il-Kawża C-80/13
15 Il-Finanční úřad v Táboře (amministrazzjoni fiskali ta’ Tábor) wettaq kontroll fiskali ta’ ACO Industries Tábor u sab li, matul is-snin 2007 u 2008, ebda ħlas bil-quddiem fuq it-taxxa fuq id-dħul tal-ħaddiema mqiegħda għad-dispozizzjoni minn N-Partner, aġenzija tax-xogħol temporanju stabbilita fir-Repubblika Slovakka, ma kien ġie miġbur. Għal din ir-raġuni, huwa ordna lil ACO Industries Tábor tħallas dan il-ħlas bil-quddiem. Il-bażi taxxabbli meqjusa għall-kalkolu tal-ammont ta’ dan il-ħlas bil-quddiem kienet tikkorrispondi għal 60 % tas-somom iffatturati lil ACO Industries Tábor mill-fergħa Ċeka ta’ N-Partner.
16 L-appell minn din id-deċiżjoni, ippreżentat minn ACO Industries Tábor quddiem il-Finanční ředitelství v Českých Budějovicích (direttorat tal-finanzi ta’ České Budějovice, ir-Repubblika Ċeka), ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2011. ACO Industries Tábor appellat minn din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-Krajský soud v Českých Budějovicích (qorti tal-appell ta’ České Budějovice). Din il-qorti ċaħdet dan l-appell permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2012, li kienet is-suġġett ta’ appell ta’ kassazzjoni quddiem in-Nejvyšší správní soud (qorti amministrattiva suprema).
17 In-Nejvyšší správní soud tqis li l-leġiżlazzjoni Ċeka, minn naħa, tista’ tiddisswadi lil impriża, bħal ACO Industries Tábor, milli tirrikorri għas-servizzi offruti minn aġenzija tax-xogħol temporanju stabbilita fi Stat Membru għajr milli fir-Repubblika Ċeka, peress li, f’dan il-każ, din il-leġiżlazzjoni mhux biss timponi l-obbligu li t-taxxa tinżamm f’ras il-għajn, iżda tipprevedi wkoll, fir-rigward tal-portata tat-tassazzjoni, bażi tat-taxxa b’rata fissa li ma tiħux inkunsiderazzjoni s-salarju effettiv li l-ħaddiema jirċievu. Min-naħa l-oħra, din il-leġiżlazzjoni għandha bħala effett li jkun inqas attraenti għal aġenzija tax-xogħol temporanju stabbilita barra mir-Repubblika Ċeka li tipproponi servizzi f’dan l-Istat Membru meta mqabbla ma’ aġenzija stabbilita fih. Bl-istess mod, l-aċċess għas-suq tax-xogħol fir-Repubblika Ċeka permezz ta’ aġenziji tax-xogħol temporanju mhux nazzjonali isir iktar diffiċli. Għal dawn ir-raġunijiet, din il-qorti tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxix restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, b’mod sussidjarju, ukoll tal-moviment liberu tal-ħaddiema.
18 Barra minn hekk, filwaqt li teskludi li din ir-restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika, din il-qorti tistaqsi jekk kunsiderazzjonijiet relatati mal-effikaċja tal-kontroll fiskali jistgħux jiġġustifikaw din ir-restrizzjoni, peress li, f’dan il-każ, il-fornitriċi ta’ servizzi, jiġifieri l-aġenzija tax-xogħol temporanju Slovakka, għandha fergħa, stabbilita fir-Repubblika Ċeka, li permezz tagħha l-amministrazzjoni fiskali tista’ tirkupra t-taxxa. Din il-fergħa, fil-fatt, tista’ żżomm it-taxxa fuq id-dħul, kif, barra minn hekk għamlet, fil-kawża fil-proċeduri prinċipali, il-fergħa Ċeka ta’ N-Partner.
19 Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa permezz tal-applikazzjoni ta’ rata fissa ta’ 60 % tal-ammont iffatturat mill-aġenzija tax-xogħol temporanju Slovakka lill-impriża li tuża s-servizzi ta’ ħaddiema, il-qorti tar-rinviju tqis, min-naħa l-oħra, li din il-finzjoni ġuridika tista’ tiġi ġġustifikata minn interess relatat mal-effikaċja tal-kontroll fiskali. Fil-fatt, din ir-regola hija intiża sabiex tiskoraġġixxi lill-aġenziji tax-xogħol termporanju barranin milli jiffatturaw l-ammont dovut mill-impriżi li jużaw is-servizzi ta’ ħaddiema mingħajr ma jagħmlu distinzjoni bejn il-parti ta’ dan l-ammont dovuta fir-rigward tas-salarju tal-ħaddiema — li fir-rigward tagħha għandha tinżamm it-taxxa fuq id-dħul — u dik dovuta fir-rigward tar-remunerazzjoni lil din l-aġenzija għas-servizz ipprovdut. Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni tapplika biss fis-sitwazzjoni li fiha l-fattura maħruġa mill-aġenzija tax-xogħol temporanju mhux residenti ma tkunx tindika l-ammont tar-remunerazzjoni għas-servizz ta’ intermedjarju.
20 F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší správní soud iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) L-Artikoli 18 [TFUE], 45 [TFUE], 49 [TFUE] u 56 [TFUE] jipprekludu leġiżlazzjoni li tipprevedi li l-persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru għandha l-obbligu li tagħmel ħlas bil-quddiem ta’ taxxa fuq id-dħul tal-impjegati (ċittadini ta’ Stat Membru ieħor) li huma temporanjament disponibbli għaliha minn aġenzija tax-xogħol temporanju stabbilita fit-tieni Stat Membru permezz ta’ fergħa stabbilita fl-ewwel Stat Membru?
2) L-Artikoli 18 [TFUE], 45 [TFUE], 49 [TFUE] u 56 [TFUE] jipprekludu leġiżlazzjoni li tipprevedi li l-bażi tat-taxxa fuq id-dħul tal-impjegati hija kkalkolata skont rata fissa ta’ mill-inqas 60 % tal-ammont iffatturat mill-aġenzija tax-xogħol temporanju fil-każijiet fejn dan l-ammont jinkludi wkoll ir-remunerazzjoni għas-servizz ta’ intermedjarju?
3) Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda, huwa possibbli, f’sitwazzjoni bħal dik ineżami, li l-libertajiet fundamentali ċċitati iktar ’il fuq jiġu ristretti billi jiġu invokati raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika, jew ukoll, skont il-każ, l-effikaċja tal-kontroll fiskali?”
21 Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Marzu 2013, il-Kawżi C-53/13 u C-80/13 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.
Fuq id-domandi preliminari
Fuq id-domanda preliminari fil-Kawża C-53/13 u fuq l-ewwel u fuq it-tielet domanda preliminari fil-Kawża C-80/13
22 Permezz tad-domanda fil-Kawża C-53/13 u permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda fil-Kawża C-80/13, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu jekk l-Artikoli 18 TFUE, 45 TFUE, 49 TFUE, 56 TFUE jew 57 TFUE jipprekludux leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha l-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru wieħed li jirrikorru għal ħaddiema impjegati u kkollokati minn aġenziji tax-xogħol temporanju stabbiliti fi Stat Membru ieħor, iżda li joperaw fl-ewwel Stat Membru permezz ta’ fergħa, huma obbligati li jżommu t-taxxa f’ras il-għajn u li jħallsu lill-ewwel Stat Membru ħlas bil-quddiem fuq it-taxxa fuq id-dħul dovuta minn dawn il-ħaddiema, filwaqt li l-istess obbligu ma huwiex previst fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti fl-ewwel Stat li jużaw is-servizzi ta’ aġenziji tax-xogħol temporanju stabbiliti f’dan l-istess Stat.
Osservazzjonijiet preliminari
23 Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, hemm lok li l-ewwel nett jitfakkar li anki jekk, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, is-suġġett tat-taxxi diretti ma jaqax bħala tali fil-kompetenza tal-Unjoni, jibqa’ l-fatt li l-Istati Membri għandom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza FKP Scorpio Konzertproduktionen, C-290/04, EU:C:2006:630, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
24 Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ libertà ta’ moviment waħda jew oħra, minn ġurisprudenza ferm stabbilita jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni s-suġġett tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Test Claimants in the FII Group Litigation, C-35/11, EU:C:2012:707, punt 90, kif ukoll Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, EU:C:2006:544, punti 31 sa 33).
25 F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni Ċeka timponi fuq l-impriżi Ċeki li jixtiequ jirrikorru għas-servizzi intermedjarji ta’ aġenzija tax-xogħol temporanju mhux stabbilita fir-Repubblika Ċeka obbligu li jżommu f’ras il-għajn it-taxxa fuq id-dħul dovuta mill-ħaddiema kkollokati għall-vantaġġ tagħhom minn din l-aġenzija, filwaqt li l-istess obbligu ma huwiex previst għall-impriżi Ċeki li jixtiequ jirrikorrru għas-servizzi intermedjarji ta’ aġenzija tax-xogħol temporanju stabbilita fir-Repubblika Ċeka.
26 Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Aritkolu 56 TFUE jagħti drittijiet mhux biss lill-fornitur ta’ servizzi stess, iżda wkoll lid-destinatarju ta’ dawn is-servizzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Luisi u Carbone, 286/82 u 26/83, EU:C:1984:35, punt 10; FKP Scorpio Konzertproduktionen, EU:C:2006:630, punt 32, kif ukoll X, C-498/10, EU:C:2012:635, punt 23).
27 Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
28 Ċertament, hekk kif issostni l-Kummissjoni Ewropea, tali leġiżlazzjoni tista’ taffettwa wkoll il-libertà ta’ stabbiliment tal-aġenziji tax-xogħol temporanju li jixtiequ jipprovdu s-servizzi tagħhom fir-Repubblika Ċeka filwaqt li jżommu s-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari għaliex, f’dan il-każ, l-aġenziji inkwistjoni jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fir-Repubblika Ċeka permezz ta’ fergħa.
29 L-istess japplika fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema, peress li tali leġiżlazzjoni tikkonċerna modalitajiet ta’ ġbir tat-taxxa fuq id-dħul li huma imposti fuq l-impriżi Ċeki li magħhom dawn il-ħaddiema ġew ikkollokati fil-kuntest ta’ relazzjoni kuntrattwali mal-aġenziji li minnhom dawn huma impjegati, fatt li jista’ jaffettwa indirettament il-possibbiltà għal dawn il-ħaddiema li jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom.
30 Madankollu, minkejja l-effetti restrittivi possibbli ta’ din il-leġiżlazzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment u fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema, tali effetti huma l-konsegwenza inevitabbli ta’ ostakolu eventwali għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li ma jiġġustifikawx, f’kull każ, eżami awtonomu tal-imsemmija leġiżlazzjoni fid-dawl tal-Artikoli 45 TFUE u 49 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Omega, C-36/02, EU:C:2004:614, punt 27, kif ukoll Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, EU:C:2006:544, punt 33).
31 Fl-aħħar nett, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx iktar lok li jiġi interpretat l-Artikolu 18 TFUE.
32 Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija intiża li tapplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-Trattat FUE ma jistabbilixxix regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni. Issa, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implementat, fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, permezz tal-Artikoli 56 TFUE sa 62 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenzi Attanasio Group, C-384/08, EU:C:2010:133, punt 37, kif ukoll Schulz-Delzers u Schulz, C-240/10, EU:C:2011:591, punt 29).
33 Għaldaqstant hemm lok li l-leġiżlazzjoni Ċeka inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE.
Fuq ir-restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi
34 Sabiex jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tosservax il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 56 TFUE jeżiġi t-tneħħija ta’ kull restrizzjoni ta’ din il-libertà fundamentali imposta minħabba l-fatt li l-fornitur huwa stabbilit fi Stat Membru differenti minn dak li fih is-servizz huwa pprovdut (ara, s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 205/84, EU:C:1986:463, punt 25; Il-Kummissjoni vs L-Italja, EU:C:1991:78, punt 15; FKP Scorpio Konzertproduktionen, EU:C:2006:630, punt 31, u X, EU:C:2012:635, punt 21).
35 Il-miżuri nazzjonali li jipprojbixxu, jostakolaw jew li jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jikkostitwixxu restrizzjonijiet ta’ din il-libertà (sentenza X, EU:C:2012:635, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
36 Barra minn hekk, hekk kif tfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 56 TFUE jagħti drittijiet mhux biss lill-fornitur ta’ servizzi stess, iżda wkoll lid-destinatarju ta’ dawn is-servizzi.
37 Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-obbligu li jinżamm ħlas bil-quddiem fuq it-taxxa fuq id-dħul tal-ħaddiema mqiegħda għad-dispożizzjoni mill-aġenziji tax-xogħol temporanju mhux stabbiliti fir-Repubblika Ċeka u li dan il-ħlas bil-quddiem jitħallas lill-Istat Ċek huwa impost inevitabbilment fuq id-destinatarji tas-servizzi pprovduti minn dawn l-aġenziji u jimplika piż amministrattiv addizzjonali li ma huwiex meħtieġ fir-rigward tad-destinatarji kollha tal-istess servizzi pprovduti minn fornitur residenti. Għaldaqstant, tali obbligu jista’ jirrendi s-servizzi transkonfinali inqas attraenti għal dawn id-destinatarji mis-servizzi pprovduti minn fornituri ta’ servizzi residenti u jista’ għaldaqstant jiddisswadi lil dawn id-destinatarji milli jirrikorru għal fornituri ta’ servizzi residenti fi Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi FKP Scorpio Konzertproduktionen, EU:C:2006:630, punt 33; Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-433/04, EU:C:2006:702, punti 30 sa 32, u X, EU:C:2012:635, punt 28).
38 Il-Gvern Daniż, filwaqt li jibbaża ruħu fuq is-sentenza Truck Center (C-282/07, EU:C:2008:762, punti 49 sa 51), isostni li s-sitwazzjoni tal-aġenziji stabbiliti fir-Repubblika Ċeka hija oġġettivament differenti minn dik tal-aġenziji stabbiliti barra minn dan l-Istat Membru u li, għaldaqstant, ir-restrizzjoni inkwistjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma hijiex diskriminatorja.
39 F’dan ir-rigward, huwa madankollu biżżejjed li jiġi rrilevat li l-fornitur u d-destinatarju tas-servizzi huma żewġ suġġetti tad-dritt distinti, li għandhom l-interessi rispettivi tagħhom u li jistgħu, kull wieħed minnhom, jinvokaw il-benefiċċju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, meta jkun hemm ksur tad-drittijiet tagħhom (sentenza X, EU:C:2012:635, punt 27).
40 F’dan il-każ, id-differenza fit-trattament stabbilita mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taffettwa d-dritt tad-destinatarji tas-servizzi li jagħżlu liberament servizzi transkonfinali. Barra minn hekk, sa fejn dawn id-destinatarji jirrisjedu fir-Repubblika Ċeka, dawk li jiddeċiedu li jirrikorru għas-servizzi tal-aġenziji residenti jsibu lilhom infushom f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dawk li jippreferu s-servizzi ta’ aġenzija mhux residenti.
41 Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li hija pprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 56 TFUE.
42 Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-argument tal-Gvern Ċek li l-effetti tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni huma insinjifikanti, peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, anki restrizzjoni ta’ portata limitata jew ta’ importanza minuri ta’ libertà fundamentali hija pprojbita mit-Trattat (sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, C-34/98, EU:C:2000:84, punt 49, u X, EU:C:2012:635, punt 30).
Fuq il-ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
43 Fir-rigward tal-possibbiltà li tali restrizzjoni tiġi ġġustifikata, ebda waħda mill-persuni kkonċernati li ppreżentaw osservazzjonjiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas il-qrati tar-rinviju ma jqisu li din ir-restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata għal raġunijiet ta’ ordni pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.
44 Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ taħt qasam li ma ġiex armonizzat fuq il-livell tal-Unjoni u li hija applikabbli mingħajr distinzjoni għal kull persuna jew impriża li teżerċita attività fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat tista’, minkejja l-effett restrittiv tagħha fuq il-libertà li jiġu ppprovduti servizzi, tiġi ġġustifikata sa fejn din tissodisfa raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li ma jkunx diġà protett mir-regoli li l-fornitur ikun suġġett għalihom fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit, sa fejn din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan mixtieq u sa fejn din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Säger, C-76/90, EU:C:1991:331, punt 15, u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, EU:C:2006:702, punt 33).
45 Issa, kemm in-Nejvyšší správní soud, fit-talba tagħha, kif ukoll il-Gvern Ċek waqt is-seduta, essenzjalment qiesu li l-leġiżlazzjoni Ċeka inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata fid-dawl tan-neċessità li jiġi ggarantit l-irkupru effettiv tat-taxxa fuq id-dħul. F’dan ir-rigward, dan il-gvern sostna b’mod partikolari li t-taxxa miżuma f’ras il-għajn tikkostitwixxi mod effikaċi ħafna għall-irkupru tat-taxxa peress li din tippermetti lill-amministrazzjoni fiskali ssir taf mingħajr dewmien dwar informazzjoni rilevanti li tikkonċerna lill-persuna suġġetta għall-ħlas tat-taxxa.
46 F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li n-neċessità li jiġi ggarantit l-irkupru tat-taxxa fuq id-dħul tista’ tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenzi FKP Scorpio Konzertproduktionen, EU:C:2006:630, punt 35, u X, EU:C:2012:635, punt 39).
47 B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-proċedura taż-żamma tat-taxxa f’ras il-għajn tikkostitwixxi mezz leġittimu u xieraq sabiex jiġi żgurat it-trattament fiskali tad-dħul ta’ persuna stabbilita barra mill-Istat ta’ tassazzjoni u sabiex jiġi evitat li d-dħul ikkonċernat jaħrab mit-taxxa fl-Istat ta’ residenza kif ukoll fl-Istat fejn is-servizzi jiġu pprovduti (sentenzi FKP Scorpio Konzertproduktionen, EU:C:2006:630, punt 36, u X, EU:C:2012:635, punt 39).
48 Madankollu, din is-soluzzjoni kienet ibbażata, kemm fis-sentenza FKP Scorpio Konzertproduktionen (EU:C:2006:630) kif ukoll fis-sentenza X (EU:C:2012:635), fuq il-fatt li l-fornituri tas-servizzi inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi kienu jipprovdu servizzi okkażjonali fi Stat Membru li ma kienx dak li fih huma kienu stabbiliti u fuq il-fatt li huma kienu jibqgħu fih biss għal żmien qasir (ara, b’mod partikolari, is-sentenza X, EU:C:2012:635, punt 42).
49 Kif irrivela l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ma jistax jiġi sostnut li l-aġenziji tax-xogħol temporanju inkwistjoni fil-kawża prinċipali jipprovdu s-servizzi tagħhom fir-Repubblika Ċeka biss b’mod okkażjonali, peress li huma aġixxew permezz ta’ fergħa rreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ tar-Repubblika Ċeka.
50 F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk, kif jippreċiża l-Gvern Ċek, fergħa, skont id-dritt Ċek, ma għandhiex personalità ġuridika u għaldaqstant ma tistax tiġi mġiegħla tħallas taxxi skont id-dritt Ċek, xorta jibqa’ l-fatt li tali fergħa tiżgura preżenza fiżika tal-fornitur tas-servizzi fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u twettaq ċertu xogħol amministrattiv f’isem l-aġenzija tax-xogħol temporanju kkonċernata bħall-iffirmar ta’ kuntratti.
51 F’dan ir-rigward, mhux biss ma jistax jiġi eskluż li l-awtoritajiet fiskali Ċeki jirkupraw it-taxxa dovuta mingħand din il-fergħa u li għaldaqstant din iżżomm it-taxxa inkwistjoni, iżda mill-elementi tal-proċess fil-Kawża C-80/13 jirriżulta li, f’dan il-każ, il-ħlasijiet bil-quddiem miġbura fuq is-salarji tal-impjegati kkonċernati effettivament tħallsu mill-fergħa tal-aġenzija tax-xogħol temporanju Slovakka.
52 Barra minn hekk, l-impożizzjoni fuq id-destinatarji tas-servizzi residenti, minflok fuq il-fergħa Ċeka tal-aġenziji residenti fi Stati Membri oħra, tal-piż amministrattiv relatat maż-żamma tat-taxxa fuq id-dħul dovuta mill-ħaddiema kkollokati ma tidhirx iktar sempliċi jew iktar effikaċi la mil-lat tal-fornituri ta’ servizzi u lanqas mil-lat tal-amministrazzjoni Ċeka. Fil-fatt, peress li l-fergħa tal-aġenzija tax-xogħol temporanju li l-ħaddiema huma impjegati tagħha għandha b’ mod iktar faċli l-informazzjoni neċessarja relatata mad-dħul ta’ dawn il-ħaddiema, il-piż amministrattiv relatat mal-operazzjoni taż-żamma tat-taxxa jkun inqas għal din il-fergħa milli għad-destinatarju tas-servizzi.
53 Minn dan jirriżulta li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex adatta sabiex tiggarantixxi l-irkupru effettiv tat-taxxa fuq id-dħul.
54 L-Odvolací finanční ředitelství jżid li din il-leġiżlazzjoni tista’ madankollu tiġi ġġustifikata min-neċessità tal-prevenzjoni tal-frodi u tal-evażjoni fiskali. Barra minn hekk, skont il-Gvern Ċek, il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam fiskali ma humiex effiċjenti biżżejjed għall-prevenzjoni ta’ evażjonijiet fiskali potenzjali. Fil-fatt, il-prattika tal-awtoritajiet fiskali turi l-eżistenza ta’ għadd kbir ta’ frodi u ta’ evażjonijiet fiskali fl-okkażjoni tal-kiri ta’ ħaddiema.
55 Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi ddeċidiet li l-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u l-effikaċja tal-kontrolli fiskali jistgħu jiġu invokati sabiex jiġu ġġustifikati restrizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (ara s-sentenzi Baxter et, C-254/97, EU:C:1999:368, punt 18, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, EU:C:2006:702, punt 35.
56 Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ppreċiżat ukoll li preżunzjoni ġenerali ta’ evażjoni jew ta’ frodi fiskali bbażata fuq il-fatt li fornitur ta’ servizzi huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika miżura fiskali li tikkomprometti l-għanijiet tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Centro di Musicologia Walter Stauffer, C-386/04, EU:C:2006:568, punt 61, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, EU:C:2006:702, punt 35, u Il-Kummissjoni vs Spanja et, C-153/08, EU:C:2009:618, punt 39).
57 Issa, minn naħa, l-allegazzjonjiet tar-Repubblika Ċeka dwar l-eżistenza ta’ għadd kbir ta’ frodi u ta’ evażjonijiet fiskali fl-okkażjoni tal-kiri ta’ ħaddiema baqgħu vagi ħafna, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna s-sitwazzjoni speċifika tal-aġenziji tax-xogħol temporanju residenti fi Stat Membri oħra li għandhom fergħa rreġistrata fir-Repubblika Ċeka.
58 Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-fergħa kkonċernata fil-Kawża C-80/13 hija responsabbli għall-operazzjonijiet amministrattivi li jippermettu li tinżamm u li titħallas it-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippermetti li tiġi ddubitata l-fondatezza ta’ tali preżunzjoni ġenerali.
59 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjoni taż-żamma tat-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi ġġustifikata bħala li hija neċessarja għall-prevenzjoni tal-frodi u tal-evażjonijiet fiskali.
60 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li r-risposta għad-domanda fil-Kawża C-53/13 u għall-ewwel u għat-tielet domanda fil-Kawża C-80/13 tkun li l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha l-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru wieħed li jirrikorru għal ħaddiema impjegati u kkollokati minn aġenziji tax-xogħol temporanju stabbiliti fi Stat Membru ieħor, iżda li joperaw fl-ewwel Stat Membru permezz ta’ fergħa, huma obbligati li jżommu t-taxxa f’ras il-għajn u li jħallsu lill-ewwel Stat Membru ħlas bil-quddiem fuq it-taxxa fuq id-dħul dovuta minn dawn il-ħaddiema, filwaqt li l-istess obbligu ma huwiex previst fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti fl-ewwel Stat li jużaw is-servizzi ta’ aġenziji tax-xogħol temporanju stabbiliti f’dan l-istess Stat.
Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C-80/13
61 Permezz tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C-80/13 il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 56 TFUE jipprekludix leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha, meta l-ammont iffatturat mill-aġenzija tax-xogħol temporanju residenti fi Stat Membru ieħor jinkludi kemm is-salarju tal-ħaddiema kkollokati kif ukoll ir-remunerazzjoni għas-servizz ta’ intermedjarju, il-bażi għall-kalkolu ta’ dan il-ħlas bil-quddiem hija ffissata għal mill-inqas 60 % ta’ dan l-ammont, mingħajr ma l-persuna suġġetta għall-ħlas tat-taxxa ma jkollha l-possibbiltà turi li s-salarju effettivament riċevut mill-ħaddiema huwa inqas minn 60 % ta’ dan l-ammont.
62 Għandu jiġi kkkonstatat li, sa fejn il-modalitajiet ta’ kalkolu taż-żamma tat-taxxa inkwistjoni huma strettament marbuta mal-obbligu li tinżamm din it-taxxa u, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C-80/13, japplikaw biss meta d-destinatarju tas-servizzi inkwistjoni huwa meħtieġ iżomm din it-taxxa, fid-dawl tar-risposta mogħtija għad-domanda fil-Kawża C-53/13 u għall-ewwel u għat-tielet domandi fil-Kawżi C-80/13, ma hemmx iktar lok li tingħata risposta għal din id-domanda.
Fuq l-ispejjeż
63 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 56 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha l-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru wieħed li jirrikorru għal ħaddiema impjegati u kkollokati minn aġenziji tax-xogħol temporanju stabbiliti fi Stat Membru ieħor, iżda li joperaw fl-ewwel Stat Membru permezz ta’ fergħa, huma obbligati li jżommu t-taxxa f’ras il-għajn u li jħallsu lill-ewwel Stat Membru ħlas bil-quddiem fuq it-taxxa fuq id-dħul dovuta minn dawn il-ħaddiema, filwaqt li l-istess obbligu ma huwiex previst fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti fl-ewwel Stat li jużaw is-servizzi ta’ aġenziji tax-xogħol temporanju stabbiliti f’dan l-istess Stat.
Firem
* Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.