Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-4 ta’ Settembru 2014 (1)

Kawża C-87/13

Staatssecretaris van Financiën

vs

X

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (Ir-Renju tal-Pajjizi l-Baxxi)]

“Leġiżlazzjoni fiskali – Libertà ta’ stabbiliment – Taxxa nazzjonali fuq id-dħul – Tnaqqis ogħla għall-infiq ta’ manutenzjoni għal bini storiku li jinsab fit-territorju nazzjonali u li jintuża mill-proprjetarju bħala abitazzjoni personali – Ċittadin tal-Pajjiżi l-Baxxi li joqgħod f’bini protett fil-Belġju, li jeżerċita attività professjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi fejn huwa ntaxxat b’mod sħiħ”





I –    Introduzzjoni

1.        Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jixtieq jippromwovi, permezz ta’ miżuri fiskali, il-konservazzjoni tal-wirt kulturali tiegħu. Għal din ir-raġuni huwa jagħti tnaqqis fiskali ogħla għall-manutenzjoni tal-bini storiku fil-Pajjiżi l-Baxxi.

2.        It-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda ċittadin Olandiż li jgħix u jieħu ħsieb il-manutenzjoni ta’ bini li huwa protett iżda li jinsab fil-Belġju. Minkejja li d-dħul totali tiegħu huwa taxxabbli fil-Pajjiżi l-Baxxi, huwa ma jirċievi l-ebda vantaġġ fiskali għall-manutenzjoni tal-bini storiku Belġjan. Dan għaliex ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jrid jgħin biss il-bini storiku Olandiż. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċċara jekk din il-limitazzjoni tal-vantaġġ fiskali għall-wirt kulturali nazzjonali hijiex kompatibbli mal-libertaijiet fundamentali.

II – Il-kuntest ġuridiku

3.        Skont l-Artikolu 2.5(1) tal-Wet inkomstenbelasting 2001, fil-verżjoni tal-2004 (liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar it-taxxa fuq id-dħul, iktar ’il quddiem, il-“Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul”), ir-resident ta’ Stat Membru ieħor jista’ jiddeċiedi li jiġi ttrattat fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala persuna taxxabbli residenti.

4.        Skont il-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, jiġi ntaxxat id-dħul minn akkomodazzjonijiet fil-proprjetà tal-persuna taxxabbli, kemm jekk huma mikrija lil oħrajn kif ukoll jekk jintużaw bħala residenza mill-persuna taxxabbli nnifisha. Id-dħul ta’ akkomodazzjonijiet li fihom joqgħod il-proprjetarju tagħhom huwa evalwat billi tiġi applikata perċentwali fuq il-valur ta’ dawn l-akkomodazzjonijiet.

5.        L-infiq marbut mal-akkomodazzjoni li fiha joqgħod il-proprjetarju tagħha jista’ jitnaqqas, sa ċertu limitu, mid-dħul magħmul minn din l-akkomodazzjoni. Fil-każ ta’ bini protett, infiq li jaqbeż il-limitu jista’ jiġi ddikjarat bħala “tnaqqis personali”. Din ir-regola tgħodd ukoll għall-bini mikri. L-Artikolu 6.31 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul jissuġġetta t-tnaqqis għall-inklużjoni tal-bini f’reġistru skont l-Artikolu 6 jew l-Artikolu 7 tal-Monumentenwet 1988 (liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar il-protezzjoni tal-bini storiku, iktar ’il quddiem, il-“Liġi dwar il-protezzjoni tal-bini storiku”). Il-qorti tar-rinviju tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet fis-sens li huwa possibbli li jiġi rreġistrat biss bini li jinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi.

III – It-tilwima fil-kawża prinċipali

6.        It-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda talba għal ħlas tat-taxxa fuq id-dħul Olandiża għas-sena 2004 indirizzata lil X.

7.        X għandu n-nazzjonalità tal-Pajjiżi l-Baxxi. Fis-sena 2004, huwa ċaqlaq ir-residenza tiegħu mill-Pajjiżi l-Baxxi għal kastell fil-Belġju. X huwa l-proprjetarju tal-kastell li, flimkien mat-territorju ta’ madwaru, huwa protett bħala bini storiku jew sit rurali taħt id-dritt Belġjan. Fil-Pajjiżi l-Baxxi, X kompla attività bħala amministratur ta’ kumpannija, u huwa l-uniku azzjonist tagħha. Fil-Belġju huwa ma għandu l-ebda dħul minn attività professjonali.

8.        Għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul għas-sena 2004, fuq talba tiegħu, X ġie ttrattat bħala persuna taxxabbli residenti. Fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħu, huwa ddikjara EUR 18 140 bħala nfiq personali għal infiq ta’ manutenzjoni u ta’ deprezzament marbut mal-kastell li jinsab fil-Belġju. X seta’ wkoll idaħħal dan l-infiq fil-kuntest tat-taxxa fuq id-dħul Belġjana billi jagħżel tip ta’ tassazzjoni speċifika. Madankollu huwa baqa’ lura milli jagħmel hekk, għaliex, fl-aħħar mill-aħħar, dan ma kienx ikun vantaġġjuż għalih mil-lat fiskali.

9.        L-awtorità fiskali tal-Pajjiżi l-Baxxi rrifjutat it-tnaqqis personali għaliex il-kastell Belġjan ma ġiex irreġistrat skont l-Artikolu 6 jew l-Artikolu 7 tal-Liġi dwar il-protezzjoni tal-bini storiku. X ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10.      Il-Hoge Raad der Nederlanden, li, sadattant, ġiet adita bit-tilwima, tqis li jista’ jeżisti ksur tad-dritt tal-Unjoni minħabba d-dispożizzjonijiet Olandiżi dwar it-tnaqqis personali għal bini protett. Għaldaqstant, fil-21 ta’ Frar 2013, hija għamlet id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE:

1.      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-movi[…]ment liberu tal-kapital, jipprekludi li persuna residenti fil-Belġju li, fuq talba tagħha, hija ntaxxata bħala persuna taxxabbli residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, u li sostniet spejjeż relatati ma’ kastell li huwa l-abitazzjoni propja tagħha, li jinsab fil-Belġju u li huwa kkunsidrat f’dan l-Istat bħala monument u sit rurali protett, ma tistax tnaqqas dawn l-ispejjeż għat-tassazzjoni tad-dħul fil-Pajjiżi l-Baxxi, minħabba li l-kastell ma kienx irreġistrat fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala monument storiku protett?

2.      F’dan ir-rigward sa fejn huwa rilevanti li l-persuna kkonċernata tista’ tnaqqas, għat-taxxa fuq id-dħul fil-pajjiż ta’ residenza tagħha, il-Belġju, dawn l-ispejjeż mid-dħul attwali jew ġejjieni tagħha li jorigina minn beni mobbli, permezz tal-għażla ta’ tassazzjoni progressiva ta’ dan id-dħul?

11.      Inizjalment, din il-kawża ġiet magħquda mal-Kawża C-133/13 għall-finijiet tal-proċedura u tas-sentenza. Fil-kawżi magħquda, X, Q (parti fil-proċedura fil-Kawża C-133/13), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub f’Lulju 2013. Sussegwentement l-għaqda tal-kawżi ġiet annullata.

V –    Evalwazzjoni legali

12.      Biż-żewġ domandi preliminari, li ser nagħti risposta għalihom flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq essenzjalment tkun taf jekk, skont id-dritt tal-Unjoni, inċentiv fiskali nazzjonali mogħti għal bini li fih joqgħod il-proprjetarju nnifsu u li huwa protett jistax jiġi limitat għal bini li jinsab fit-territorju nazzjonali. Il-qorti tar-rinviju ssostni, b’mod partikolari, li huwa possibbli li r-regola tal-Pajjiżi l-Baxxi ma hijiex kompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 43 KE (ara t-Taqsima A) kif ukoll mal-moviment liberu tal-kapital skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 KE (ara t-Taqsima B).

A –    Il-libertà ta’ stabbiliment

1.      Restrizzjoni

13.      Regola li tagħti inċentiv fiskali, bħal dik Olandiża, tista’ tirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment ta’ persuna taxxabbli bħal X.

14.      X jista’, fil-prinċipju, jinvoka l-libertà ta’ stabbiliment. Bħala amministratur ta’ kumpannija, li huwa l-uniku azzjonist tagħha, X jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 43 KE (2). L-applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment lanqas ma hija prekluża mill-fatt li X, li jeżerċita l-attività tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi, huwa, huwa nnifsu, ċittadin tal-Pajjiżi l-Baxxi. Huwa minnu li skont il-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43 KE, l-istabbiliment “ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor” biss huwa protett, li ma huwiex il-każ tal-istabbiliment taċ-ċittadin Olandiż X fil-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja wessgħet il-portata tal-protezzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment permezz tal-ġurisprudenza tagħha. Konsegwentement kull ċittadin tal-Unjoni, indipendentement min-nazzjonalità tiegħu, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43 KE, sa fejn jeżerċita attività professjonali fi Stat Membru ieħor differenti mill-Istat Membru ta’ residenza (3). Dan kien il-każ ta’ X, għaliex, matul il-perijodu rilevanti, il-post ta’ residenza tiegħu kien fil-Belġju, u kien imexxi l-operat tal-kumpannija tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi.

15.      Il-libertà ta’ stabbiliment tista’ tkun ristretta wkoll permezz ta’ kwalunkwe regola nazzjonali li tqiegħed fi żvantaġġ dawk li ma humiex residenti meta mqabbla ma’ dawk li huma residenti (4). Minħabba r-regola tal-Pajjiżi l-Baxxi, persuna li ma hijiex residenti, bil-kontra ta’ persuna li hija residenti, ma għandhiex il-possibbiltà li tiddikjara nfiq personali għal infiq marbut ma’ bini storiku protett, li tkun qed toqgħod fih hija stess. Il-fatt li – kif jenfasizza r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi – l-inċentiv fiskali Olandiż jgħodd ukoll għal beni immobbli li ma humiex okkupati mill-proprjetarju nnifsu u li, f’dan ir-rigward, jiġu ttrattati bl-istess mod residenti u dawk li ma humiex residenti, ma jibdilx din il-konstatazzjoni.

16.      Bil-kontra tal-fehma tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dan it-trattament żvantaġġuż tal-persuni li ma humiex residenti jirrestrinġi wkoll l-eżerċizzju minn persuna bħal X tal-attivitajiet professjonali tagħha li hija protetta permezz tal-libertà ta’ stabbiliment. Dan peress li r-regola li tagħti inċentiv fiskali twassal għal piż fiskali differenti fuq id-dħul mill-attività professjonali, skont jekk X jirrisjedix f’bini protett li jinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi jew fi Stat Membru ieħor.

17.      Din l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ restrizzjoni hija, fil-fehma tiegħi, neċessarja, għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbiliet, fil-kuntest ta’ kawża oħra, li l-għoti ta’ inċentiv fiskali biss għal akkomodazzjonijiet okkupati mill-proprjetarju li jinsabu fit-territorju nazzjonali jirrestrinġi l-moviment liberu tal-ħaddiema jew il-libertà ta’ stabbiliment tal-persuni li jakkwistaw akkomodazzjonijiet sabiex joqgħodu fihom huma stess fi Stat Membru ieħor (5).

18.      Għaldaqstant f’dan il-każ għandha tiġi kkonstatata restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment.

19.      Skont il-ġurisprudenza, tali restrizzjoni hija permissibbli biss meta tirrigwarda sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament komparabbli (ara l-parti 2 iktar ’il quddiem), jew meta tkun ġustifikata b’raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (6) (ara l-parti 3 iktar ’il quddiem).

2.      Komparabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet

20.      Fis-sentenza Nordea Bank Danmark, il-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx is-suġġeriment tiegħi fis-sens li t-test tal-komparabbiltà oġġettiva ta’ sitwazzjonijiet ma għandux jibqa’ jitwettaq. Bil-kontra, tidher li tagħti importanza ikbar lil dan it-test fil-qasam tal-liġi dwar it-taxxa (7).

21.      F’dan il-każ tqum il-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli li l-bini storiku protett tagħha, li fih hija toqgħod, jinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi u li d-dħul tagħha mill-bini huwa taxxabbli hemmhekk, u s-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli, l-bini storiku protett tagħha, li fih hija toqgħod, jinsab fi Stat Membru ieħor, u li d-dħul tagħha mill-bini huwa madankollu wkoll taxxabbli fil-Pajjiżi l-Baxxi, humiex oġġettivament komparabbli.

22.      Żewġ differenzi bejn dawn is-sitwazzjonijiet jqiegħdu f’dubju l-komparabbiltà oġġettiva tagħhom. L-ewwel nett, f’każ minnhom huwa involut residenti, filwaqt li fl-ieħor hija involuta persuna li ma hijiex residenti. It-tieni nett, f’każ minnhom il-bini huwa protett taħt il-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi bħala bini storiku, fil-każ l-ieħor huwa protett b’dan il-mod taħt il-liġi Belġjana.

a)      Ir-residenza differenti tal-persuni taxxabbli

23.      Fir-rigward tar-residenza differenti tal-persuni taxxabbli li qed jiġu kkomparati, għandu jsir riferiment għall-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li, fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul, persuni fiżiċi residenti u persuni fiżiċi mhux residenti ma humiex, fil-prinċipju, f’sitwazzjoni oġġettivament komparabbli. Dan għaliex bejniethom jeżistu differenzi oġġettivi kemm fir-rigward tas-sors tad-dħul, kemm fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jħallsu t-taxxa, kif ukoll fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali u tal-familja (8). Għaldaqstant, fil-prinċipju, ma tqumx diskriminazzjoni mill-fatt li Stat Membru ma jagħtix lil persuna li ma hijiex residenti ċerti vantaġġi fiskali li huwa jagħti lil persuna residenti (9).

24.      Dan il-prinċipju ġurisprudenzjali jgħodd, madankollu, biss b’mod ristrett, b’mod li jista’ jkun hemm dubji dwar il-kwalità tiegħu ta’ prinċipju. Dan għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja hija wkoll tal-fehma li f’kull każ għandu jitqies li hemm diskriminazzjoni meta, minkejja r-residenza tagħhom fi Stati Membri differenti, persuni residenti u persuni mhux residenti jkunu jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tal-għan u tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali eżaminati (10). Huwa biss tali approċċ għal kull każ konkret li huwa konformi mal-ġurisprudenza stabbilita li minnha jirriżulta li l-komparabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan tar-regola inkwistjoni (11). Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja rrepetiet diversi drabi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ vantaġġi fiskali, li bejn gruppi ta’ residenti u ta’ mhux residenti għandha teżisti differenza oġġettiva sabiex ikun jista’ jiġi miċħud li teżisti komparabbiltà oġġettiva bejn is-sitwazzjonijiet tagħhom (12).

25.      Minn dan isegwi li għandu jiġi eżaminat, każ b’każ, abbażi tar-regola nazzjonali speċifika inkwistjoni, jekk is-sitwazzjonijiet tar-residenti u tal-persuni mhux residenti humiex komparabbli. Il-ġurisprudenza ma tippermettix li wieħed jasal għall-prinċipju li, bħala regola ġenerali, ma humiex komparabbli.

b)      Il-liġijiet differenti dwar il-protezzjoni tal-bini storiku

26.      Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-komparabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet tista’ tfalli biss minħabba t-tieni differenza, jiġifieri l-fatt li f’każ nazzjonali l-akkomodazzjoni hija protetta bħala bini storiku skont il-liġi Olandiża, filwaqt li, fil-każ ta’ X, din l-akkomodazzjoni hija protetta skont il-liġi Belġjana.

27.      Skont il-qorti tar-rinviju, ir-regoli inkwistjoni dwar it-tnaqqis fiskali ta’ nfiq speċifiku, fost l-oħrajn l-infiq għall-manutenzjoni ta’ bini protett, għandhom l-għan li jippreżervaw il-wirt kulturali tal-Pajjiżi l-Baxxi.

28.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-bini storiku fil-Belġju ma jistax jiġi kkomparat oġġettivament ma’ bini storiku fil-Pajjiżi l-Baxxi. Dan għaliex l-għan tar-regoli huwa biss il-promozzjoni tal-wirt kulturali li jinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi.

29.      Madankollu ma jidhirlix li tali approċċ huwa xieraq.

30.      Huwa minnu li r-Repubblika Franċiża indikat ġustament li l-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza Persche, ikkonstatat komparabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet ta’ korp nazzjonali u ta’ korp barrani mil-lat tal-vantaġġi fiskali biss meta t-tnejn ikollhom l-għan tal-promozzjoni ta’ interessi tal-pubbliku inġenerali identiċi (13). Tista’ għalhekk issir differenza meta l-korpi barranin isegwu għanijiet differenti minn dawk tar-regoli nazzjonali dwar it-taxxa (14).

31.      Madankollu l-għan ta’ regola nazzjonali li tagħti inċentiv fiskali ma għandux jiġi ddefinit b’mod purament nazzjonali għall-eżami tal-komparabbiltà oġġettiva. Dan għaliex, inkella, kull Stat Membru jkun liberu, permezz ta’ għan iddefinit b’mod purament nazzjonali, li jeskludi s-sitwazzjonijiet transkonfinali minn regola li tagħti vantaġġi fiskali. Il-fatt li r-regola hija redatta fi kliem purament nazzjonali huwa pjuttost ir-raġuni biex wieħed jippreżumi li hija tirrestrinġi libertà fundamentali. Din ir-redazzjoni fi kliem purament nazzjonali ma tistax, fit-tieni stadju tal-eżami tal-komparabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet, tirrendi direttament ir-restrizzjoni permissibbli. Għaldaqstant, minkejja li l-komparabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan ta’ regola nazzjonali, dan l-għan għandu, madankollu, jiġi ddefinit billi jiġi injorat l-għan purament nazzjonali tar-regola li tagħti l-inċentiv fiskali.

32.      F’dan il-każ, dan ifisser li s-sitwazzjoni tal-persuna mhux residenti X hija oġġettivament komparabbli mas-sitwazzjoni ta’ persuna residenti, jekk il-bini tagħha jista’ wkoll jiġi protett bħala wirt kulturali. Peress li l-kastell ta’ X huwa protett bħala bini storiku skont il-liġi Belġjana, jista’ jitqies li s-sitwazzjonijiet huma oġġettivament komparabbli.

33.      Din il-komparabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet ma hijiex prekluża – bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika Franċiża – bil-fatt li l-beni immobbli Belġjan ma jaqax taħt ir-regoli tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar il-protezzjoni ta’ bini storiku, b’mod partikolari taħt l-obbligi u l-limitazzjonijiet ġeneralment korrispondenti. Dan għaliex, fl-ewwel lok, il-liġi Belġjana tista’ tinkludi obbligi komparabbli imposti fuq il-proprjetarju ta’ beni immobbli Belġjan. Fit-tieni lok, il-komparabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet lanqas ma hija prekluża għaliex persuna taxxabbli bħal X hija libera, fejn xieraq, li tissuġġetta ruħha volontarjament għar-regoli tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar il-protezzjoni ta’ bini storiku.

c)      Konklużjoni dwar il-komparabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet

34.      Għaldaqstant, f’dan il-każ, is-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli, li l-bini tagħha, użat bħala akkomodazzjoni minnha stess, u li huwa protett bħala bini storiku, jinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi, u li d-dħul minnu huwa taxxabbli hemmhekk, u s-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli, li l-bini tagħha, użat bħala akkomodazzjoni minnha stess, u li huwa protett bħala bini storiku, jinsab fi Stat Membru ieħor, u li d-dħul minnu huwa wkoll taxxabbli fil-Pajjiżi l-Baxxi, huma komparabbli oġġettivament.

3.      Raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali

35.      Għadu jrid jiġi eżaminat jekk regola li tagħti inċentiv fiskali għal bini storiku, bħal dik tal-Pajjiżi l-Baxxi, li tieħu inkunsiderazzjoni esklużivament bini storiku li jinsab fit-territorju nazzjonali, hijiex iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

36.      Qabel kollox għandu jiġi ċċarat li, f’dan ir-rigward, il-kwistjoni ma hijiex dwar jekk ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jistax jgħin bini storiku nazzjonali. Dan għaliex dan l-għan huwa, fil-prinċipju, milħuq ukoll kieku r-regola tal-Pajjiżi l-Baxxi li tagħti inċentiv fiskali tgħodd ukoll għal bini storiku barrani. Kontra dan ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jistax isostni li l-estensjoni tal-vantaġġ fiskali għal bini storiku barrani jwassal għal ammont inqas ta’ dħul mit-taxxa. Dan għaliex skont ġurisprudenza stabbilita l-bżonn ta’ prevenzjoni tat-tnaqqis tad-dħul mit-taxxa ma huwiex raġuni ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni ta’ libertà stabbilita mit-Trattat (15).

37.      Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-unika kwistjoni hija jekk teżistix ġustifikazzjoni sabiex Stat Membru jillimita l-inċentiv fiskali tiegħu għal bini storiku nazzjonali.

38.      F’dan il-kuntest, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, invokata minn diversi partijiet fil-proċedura, għandha biss rilevanza limitata għal dan il-każ. Skont din is-sentenza, il-konservazzjoni tal-wirt (nazzjonali) storiku u artistiku tista’ tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, li tiġġustifika restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (16). Is-suġġett tas-sentenza kien però restrizzjonijiet tal-attività ta’ operaturi ekonomiċi barranin fl-Istat Membru inkwistjoni – f’dan il-każ, gwidi turistiċi – abbażi tal-konservazzjoni tal-wirt kulturali nazzjonali. Ma qamitx madankollu l-kwistjoni dwar jekk regola ta’ Stat Membru li tagħti inċentiv fiskali tistax tkun limitata għall-wirt kulturali nazzjonali.

39.      Għal din il-kwistjoni huwa ħafna iktar rilevanti l-fatt li, skont il-ġurisprudenza, l-Istati Membri jistgħu, fil-prinċipju, jiddeċiedu huma nnifishom liema interessi tal-pubbliku inġenerali huma jixtiequ jippromwovu b’miżuri fiskali (17). Huma għaldaqstant l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-għan segwit permezz ta’ regola li tagħti inċentiv fiskali.

40.      Madankollu, f’diversi sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ppermettietx limitazzjoni tal-vantaġġ fiskali għal sitwazzjonijiet nazzjonali, għaliex l-għan segwit permezz tal-vantaġġ fiskali seta’ jintlaħaq ukoll b’għajnuna barranija. Għaldaqstant fis-sentenza Petersen hija ma setgħetx tistabbilixxi għalfejn il-politika ta’ żvilupp Ġermaniża setgħet tiġi promossa biss permezz ta’ impriżi nazzjonali (18). Fis-sentenza dwar is-sussidju Ġermaniż għal akkomodazzjoni li tintuża bħala abitazzjoni personali, hija qieset li l-għan li tiġi sodisfatta d-domanda għal akkomodazzjoni seta’ jintlaħaq daqstant tajjeb jekk jiġi wkoll promoss l-akkwist ta’ akkomodazzjoni barranija li tintuża bħala abitazzjoni personali (19). F’bosta sentenzi dwar tnaqqis ta’ donazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet ukoll li Stat Membru ma jistax jillimita l-promozzjoni permezz ta’ miżuri fiskali għal korpi li jsegwu ċerti għanijiet ta’ interess ġenerali għall-korpi li huma stabbiliti fit-territorju nazzjonali (20).

41.      Dawn is-sentenzi kollha, madankollu, kienu jirrigwardaw finalment il-kwistjoni dwar kif l-għan iddefinit mill-Istat Membru jista’ jintlaħaq ukoll bl-għajnuna ta’ operaturi ekonomiċi li huma residenti fi Stat Membru ieħor. F’dan il-każ, madankollu, X, li huwa residenti barra mill-pajjiż, ma jikkontribwixxix sabiex jintlaħaq l-għan li huwa segwit permezz tar-regola tal-Pajjiżi l-Baxxi li tagħti vantaġġ fiskali. Dan għaliex l-infiq ta’ manutenzjoni, li X jinvoka fil-kuntest tat-tassazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, ma jservix l-għan tal-konservazzjoni ta’ bini storiku li jinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi.

42.      Jekk, madankollu, skont il-ġurisprudenza, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa liberu li jiddefinixxi l-għan tal-inċentiv, id-deċiżjoni li jippromwovi biss il-bini storiku li jinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi tirriżulta, fil-prinċipju, f’ġustifikazzjoni għar-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment f’dan il-każ.

43.      Madankollu, skont id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri ma humiex kompletament liberi fid-definizzjoni tal-għan tal-inċentiv. Dan jgħodd mhux biss fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ għajnuna skont l-Artikolu 87(1) KE [li issa sar l-Artikolu 107(1) TFUE]. Anki għall-ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-libertajiet fundamentali, l-għan tal-inċentiv fiskali, mill-inqas inkwantu tali, ma għandux ikun manifestament protezzjonist, bħal meta regola fiskali jkollha bħala għan biss il-promozzjoni ta’ attività ekonomika ta’ impriżi nazzjonali jew ta’ oġġetti nazzjonali (21).

44.      Madankollu, f’dan il-każ, l-għan segwit mill-Istat Membru permezz tar-regola li tagħti l-inċentiv fiskali huwa, min-naħa tiegħu, sostnut mit-Trattati u jista’ għaldaqstant iservi biex jiġġustifika restrizzjoni ta’ libertà fundamentali. B’dan il-mod, l-Artikolu 30 KE (issa l-Artikolu 36 TFUE) jipprevedi ġustifikazzjoni għal restrizzjonijiet kwantitattivi bejn l-Istati Membri għal raġunijiet ta’ “protezzjoni tal-patrimonju nazzjonali ta’ valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 151(1) KE [issa l-Artikolu 167(1) TFUE], l-Unjoni għandha tikkontribwixxi “għall-fjoritura tal-kulturi ta’ l-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom”. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jinftiehmu fis-sens li t-Trattati fil-fatt iqiegħdu l-konservazzjoni tal-wirt kulturali f’kuntest purament nazzjonali u l-promozzjoni tal-kultura nazzjonali hija għaldaqstant għan ammissibbli fid-dritt tal-Unjoni (22).

45.      Minbarra dan, skont il-ġurisprudenza, anki r-rieda li tiġi ggarantita l-eżistenza ta’ ċerta rabta bejn is-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat u r-riċevitur ta’ benefiċċju tista’ tikkostitwixxi kunsiderazzjoni oġġettiva ta’ interess ġenerali (23). F’dan il-każ, din ir-rabta teżisti bejn is-soċjetà tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-wirt kulturali tal-Pajjiżi l-Baxxi, li l-konservazzjoni tiegħu hija l-għan tar-regola li tagħti vantaġġ fiskali. Peress li din ir-regola ma hijiex intiża sabiex tgħin individwu partikolari bħala tali, ma huwiex importanti liema rabtiet X għandu mas-soċjetà tal-Pajjiżi l-Baxxi.

46.      Ir-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment permezz tar-regola tal-Pajjiżi l-Baxxi li tagħti inċentiv fiskali hija, għaldaqstant, iġġustifikata permezz tal-għan ammissibbli tal-konservazzjoni tal-wirt kulturali nazzjonali. Fid-dawl ta’ dan l-għan, l-esklużjoni tal-promozzjoni tal-wirt kulturali nazzjonali ta’ Stati Membri oħra ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan segwit permezz tal-inċentiv fiskali tal-Pajjiżi l-Baxxi.

4.      Konklużjoni

47.      Il-libertà ta’ stabbiliment ma tipprekludix il-limitazzjoni ta’ inċentiv fiskali nazzjonali ta’ bini storiku protett użat għal abitazzjoni mill-proprjetarju nnifsu għall-bini li jinsab fit-territorju nazzjonali, meta l-għan tal-inċentiv huwa l-konservazzjoni tal-wirt kulturali nazzjonali.

B –    Il-moviment libertu tal-kapital

48.      Irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk hawnhekk ir-regola tal-Pajjiżi l-Baxxi li tagħti inċentiv fiskali tikkostitwixxix ukoll restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital skont l-Artikolu 56(1) KE, tali restrizzjoni hija f’kull każ iġġustifikata permezz tal-għan ammissibbli tal-konservazzjoni tal-wirt kulturali tal-Pajjiżi l-Baxxi. Dak li esponejt hawn fuq ikun jgħodd ukoll f’dak il-każ.

C –    Konklużjoni

49.      Għaldaqstant, il-libertajiet fundamentali msemmija hawn fuq ma jipprekludux regola nazzjonali bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, li tipprovdi li l-inċentiv fiskali għal bini protett użat għal abitazzjoni mill-proprjetarju nnifsu huwa limitat għal bini li jinsab fit-territorju nazzjonali.

VI – Konklużjoni

50.      Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għad-domandi preliminari magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden:

La l-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 43 KE u lanqas il-moviment liberu tal-kapital skont l-Artikolu 56(1) KE ma jipprekludu regola nazzjonali li tipprevedi li persuna residenti fil-Belġju li, fuq talba tagħha, tiġi ntaxxata fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala residenti u li nkorriet infiq għall-kastell li hija tuża bħala abitazzjoni personali, li jinsab fil-Belġju u li ġie ddikjarat f’dan l-Istat bħala bini storiku u sit rurali protett mil-liġi, ma tistax tnaqqas fil-Pajjiżi l-Baxxi dan l-infiq mit-taxxa fuq id-dħul, għaliex il-kastell ma huwiex irreġistrat fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala bini storiku protett.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Ara s-sentenza Asscher (C-107/94, EU:C:1996:251, punt 26).


3 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-152/05, EU:C:2008:17, punt 20); ara wkoll, b’mod analogu, is-sentenza N (C-470/04, EU:C:2006:525, punt 28); ara, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, is-sentenza Renneberg (C-527/06, EU:C:2008:566, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


4 – Ara f’dan is-sens, fost l-oħrajn, is-sentenzi Stanton u L'Étoile 1905 (143/87, EU:C:1988:378, punt 13), Bosman (C-415/93, EU:C:1995:463, punt 94), Renneberg (C-527/06, EU:C:2008:566, punt 43) u Filipiak (C-314/08, EU:C:2009:719, punt  58).


5 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-152/05, EU:C:2008:17, punti 24 u 25).


6 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Nordea Bank Danmark (C-48/13, EU:C:2014:2087, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


7 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Nordea Bank Danmark (C-48/13, EU:C:2014:153, punti 22 sa 28) u s-sentenza Nordea Bank Danmark (C-48/13, EU:C:2014:2087, punti 23 u 24).


8 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31, punti 31 u 32), Wielockx (C-80/94, EU:C:1995:271, punt 18), Gielen (C-440/08, EU:C:2010:148, punt 43) u Il-Kummissjoni vs L-Estonja (C-39/10, EU:C:2012:282, punt 50).


9 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31, punt 34) u Il-Kummissjoni vs L-Estonja (C-39/10, EU:C:2012:282, punt 50).


10 – Ara s-sentenzi Gschwind (C-391/97, EU:C:1999:409, punt 26) u Il-Kummissjoni vs L-Estonja (C-39/10, EU:C:2012:282, punt 51).


11 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi X Holding (C-337/08, EU:C:2010:89, punt 22) u SCA Group Holding et (C-39/13, C-40/13 u C-41/13, EU:C:2014:1758, punt 28).


12 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi Talotta (C-383/05, EU:C:2007:181, punt 19), Renneberg (C-527/06, EU:C:2008:566, punt 60) u Gielen (C-440/08, EU:C:2010:148, punt 44).


13 – Sentenza Persche (C-318/07, EU:C:2009:33, punti 48 sa 50).


14 – Sentenza Persche (C-318/07, EU:C:2009:33, punt 47).


15 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-10/10, EU:C:2011:399, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-180/89, EU:C:1991:78, punti 19 u 20).


17 – Ara s-sentenzi Centro di Musicologia Walter Stauffer (C-386/04, EU:C:2006:568, punt 39), Persche (EU:C:2009:33, punt 48); u Tankreederei I (C-287/10, EU:C:2010:827, punt 30).


18 – Sentenza Petersen (C-544/11, EU:C:2013:124, punt 61).


19 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-152/05, EU:C:2008:17, punt 28).


20 – Ara s-sentenzi Persche (C-318/07, EU:C:2009:33, punt 44) u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-10/10, EU:C:2011:399, punt 33).


21 – Ara, f’dan is-sens, ukoll is-sentenza Tankreederei I (C-287/10, EU:C:2010:827, punt 32).


22 – Ara wkoll, diġà, is-sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer (C-386/04, EU:C:2006:568, punt 45) fil-verżjoni Franċiża.


23 – Ara s-sentenza Gottwald (C-103/08, EU:C:2009:597, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).