SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
10 ta’ Settembru 2014 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 5(7)(a) — Tranżazzjonijiet taxxabbli — Kunċett ta’ ‘provvista magħmula bi ħlas’ — L-ewwel okkupazzjoni, minn muniċipalità, ta’ post mibni għaliha fuq art proprjetà tagħha — Attivitajiet magħmulin bħala awtorità pubblika u bħala persuna taxxabbli”
Fil-Kawża C-92/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Frar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Frar 2013, fil-proċedura
Gemeente ’s-Hertogenbosch
vs
Staatssecretaris van Financiën,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur), J. Malenovský, A. Prechal u K. Jürimäe, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Jannar 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Gemeente ’s-Hertogenbosch, minn S. Beelen, belastingadviseur,
– għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman, C. Schillemans u M. Noort, bħala aġenti,
– għall-Gvern Elleniku, minn K. Paraskevopoulou u K. Karavasili, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Cordewener u W. Roels, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ April 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Gemeente ’s-Hertogenbosch (Il-Muniċipalità ta’ ’s-Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem il-“Gemeente”) u Staatssecretaris van Financiën (segretarju tal-Istat għall-Finanzi) dwar id-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), tal-input imħallsa mill-Gemeente għall-ispejjeż ta’ kostruzzjoni mill-ġdid ta’ bini ġdid tal-muniċipju.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Is-Sitt Direttiva tħassret u ġiet issostitwita, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1). Madankollu, mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li, hekk kif jirriżulta mid-data tal-fatti inkwistjoni, il-kawża prinċipali tibqa’ rregolata mis-Sitt Direttiva.
4 Skont l-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva:
“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti [għall-VAT]:
1. il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;
2. l-importazzjoni ta’ oġġetti.”
5 L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva kien jipprovdi:
“1. ‘Persuna taxxabbli’ tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.
2. L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu [servizz] […]. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika.
3. L-Istati Membri jistgħu wkoll iqisu bħala persuna taxxabbli lil kull min jagħmel attività kultant li jkollha x’taqsam ma’ l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 u partikolarment waħda minn dawn li ġejjin:
a) il-provvista ta’ immobbli jew parti minn immobbli qabel l-ewwel okkupazzjoni u ta’ l-art li jkunu fuqha; Stati Membri jistgħu jistabbilixxu l-kondizzjonijiet kif dan il-kriterju għandu jkun applikat għal alterazzjonijiet f’immobbli u fl-art li jkunu fuqha.
L-Istati Membri jistgħu japplikaw kriterji oħra barra dak ta’ l-ewwel okkupazzjoni […].
‘Binja’ tfisser kull struttura fissa ma’ jew fl-art;
b) il-provvista ta’ art għall-bini.
‘Art għall-bini’ tfisser kull art mhux żviluppata jew art żviluppata meqjusa hekk mill-Istati Membri.
[…]
5. […] awtoritajiet […] lokali [...] m’għandhomx jitqiesu bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew operazzjonijiet [tranżazzjonijiet] li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet.
Iżda meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet, huma għandhom jitqiesu taxxabbli fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet, billi jekk jitqiesu bħala persuni mhux taxxabbli dan iwassal għal distorzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.
[…]
Stati Membri jistgħu iqisu attivitajiet ta’ dawn il-[muniċipalitajiet] li jkunu eżenti bl-Artikolu 13 jew 28 bħala attivitajiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi.”
6 It-Titolu V tas-Sitt Direttiva intitolat “Operazzjonijiet taxxabbli” jinkludi l-Artikoli 5 sa 7 ta’ din id-direttiva, intitolati, rispettivament, “Provvista ta’ oġġetti”, Provvista ta’ servizzi” u “Importazzjonijiet”.
7 L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:
“1. ‘Provvista ta’ oġġetti’ tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà korporali.
[…]
5. Stati Membri jistgħu iqisu dan li ġej bħala provvisti skond it-tifsira tal-paragrafu 1: [...] il-konsenja ta’ ċerti xogħolijiet ta’ kostruzzjoni”;
[…]
7. Stati Membri jistgħu iqisu bħala provvisti bi ħlas:
a) l-applikazzjoni minn persuna taxxabbli għal skopijiet tan-negozju tagħha ta’ oġġetti magħmula, maħduma, estratti, ipproċessati, mixtrija jew importati matul in-negozju, fejn il-[VAT] fuq dawn l-oġġetti, kieku kienu ġew akkwistati minn persuna oħra taxxabbli, ma tkunx deduċibbli kollha, setgħax jitnaqqas kollu;
[…]”
8 L-Artikolu 6 tal-istess direttiva kien jipprovdi li:
“1. ‘Provvista tas-servizzi’ tfisser kull operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ oġġetti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 5.
[…]
2. Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala provvisti ta’ servizzi bi ħlas:
a) l-użu ta’ oġġetti li jifformaw parti mill-assi ta’ negozju għall-użu privat ta’ persuna taxxabbli jew tal-persunal tiegħu jew b’mod iktar ġenerali għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozzju tiegħu fejn [il-VAT]; fuq dawn l-oġġetti hija deduċibbli kollha jew parti minnha;
[…]
Stati Membri jistgħu jidderogaw mid-disposizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu, iżda li din id-deroga ma twassalx għal distorzjoni tal-kompetizzjoni.
[…]”
9 Skont l-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva:
“1. Id-dritt li tnaqqas għandu jqum fl-istess ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir taxxabbli.
2. Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:
a) [VAT] dovuta jew mħallsa fir-rigard ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu minn persuna taxxabbli oħra;
[…]
ċ) [VAT] taħt l-Artikoli 5(7)(a) u 6 (3).
[…]
5. Fir-rigward ta’ oġġetti u servizzi li għandhom ikunu wżati minn persuna taxxabbli kemm għal transazzjonijiet koperti b’paragrafi 2 u 3, fir-rigward ta’ li [l-VAT] titnaqqas, u għal transazzjonijiet fir-rigward ta’ li [l-VAT] ma titnaqqasx, it-tali proporzjon biss [tal-VAT] għandu jkun imnaqqas kif hu attribwit għat-transazzjonijiet ta’ qabel.
Dan il-proporzjon għandu jkun determinat, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 19, għat-transazzjonijiet kollha mwettqa minn persuna taxxabbli.
Madanakollu, l-Istati Membri jistgħu:
[…]
ċ) jawtorizzaw jew iġiegħlu l-persuna taxxabbli biex tagħmel it-tnaqqis fuq il-bażi ta’ l-użu ta’ kollha jew parti mill-oġġetti u s-servizzi;
[…]”
Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi
10 L-Artikolu 3 tal-liġi tal-1968 dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Wet op de Omzetbelasting 1968), tat-28 ta’ Ġunju 1968 (Staatsblad 1968, Nru 329), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Wet OB”), jipprovdi:
“1. Tammonta għal provvista ta’ oġġetti:
[…]
c) il-provvista ta’ affarijiet ta’ proprjetà immobbli mill-persuna li tkun lestithom, bl-eċċezzjoni ta’ art li ma jkunx tela’ bini fuqha għajr art tal-bini […]
[…]
h) l-użu għal skopijiet tan-negozju ta’ oġġetti magħmula internament f’każijiet fejn, kieku l-oġġetti kienu akkwistati minn kummerċjant, it-taxxa fuq l-oġġetti ma kinitx tkun deduċibbli jew ma kinitx tkun deduċibbli kollha; oġġetti li jinħadmu kif ordnati, bil-materjali, inkluża art, li jkunu pprovduti, għandhom ikunu ttrattati bħala oġġetti magħmula internament; art li ma jkunx tela’ bini fuqha għajr art tal-bini … hija eskluża mill-applikazzjoni ta’ din is-subsezzjoni […]
[…]”
11 Skont it-termini tal-Artikolu 11 tal-Wet OB:
“1.Taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ miżura ġenerali tal-amministrazzjoni, huma eżenti mit-taxxa:
a. il-provvista ta’ proprjetà immobbli u ċ-ċessjoni tad-drittijiet fuq din il-proprjetà, ħlief:
1°. il-provvista ta’ bini jew parti minnu u tal-art li jinsab fuqha, qabel l-ewwel okkupazzjoni, jew sa massimu ta’ sentejn wara l-ewwel okkupazzjoni, kif ukoll il-provvista ta’ art għall-bini;
[…]”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
12 Il-Gemeente twettaq tranżazzjonijiet bħala awtorità pubblika u bħala persuna taxxabbli. Fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li hija twettaq bħala persuna taxxabbli, xi wħud huma suġġetti għall-VAT, filwaqt li oħrajn huma eżentati mill-Artikolu 11 tal-Wet OB.
13 Il-Gemeente ordnat il-kostruzzjoni, fuq art li tappartjeni lilha, ta’ bini ġdid għall-użu ta’ uffiċini liema kostruzzjoni bdiet fis-sena 2000, fejn kien previst li dan il-bini kien ser jintuża mill-Gemeente:
– sa’ 94 % tal-wiċċ ta’ dan il-bini għall-bżonnijiet tagħha bħala awtorità pubblika;
– sa’ 5 % ta’ dan il-wiċċ għall-attivitajiet imwettqa mill-Gemeente fil-kwalità tagħha ta’ persuna taxxabbli, għal servizzi li jagħtu dritt għal tnaqqis tal-VAT;
– sa’ 1 % tal-imsemmi wiċċ għal attivitajiet imwettqa mill-Gemeente fil-kwalità tagħha ta’ persuna taxxabbli, għal servizzi li jagħtu dritt għal tnaqqis tal-VAT.
14 L-imsemmi bini ġie okkupat għall-ewwel darba mill-Gemeente fl-1 ta’ April 2003.
15 Fuq il-fatturi li jirrigwardaw il-kostruzzjoni tal-bini indirizzati lill-Gemeente fix-xahar ta’ Lulju 2002 jidher l-ammont ta’ EUR 287 999 għall-VAT. Id-dikjarazzjoni fiskali li saret mill-Gemeente lil amministrazzjoni fiskali tindika ammont ta’ EUR 32 għal VAT li kellu jinġabar.
16 L-amministrazzjoni fiskali aċċettat din id-dikjarazzjoni, iżda, sussegwentement, il-Gemeente biddlet il-pożizzjoni tagħha u talbet ir-rimbors tat-totalità tal-VAT tal-input imħallsa. Insostenn tat-talba tagħha, hija sostniet li l-bini mibni kien jammonta għal oġġett maħdum matul in-negozju tagħha, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(h) tal-Wet OB, li jikkorrispondi mal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva.
17 Sussegwentement għal din il-kontestazzjoni, l-amministrazzjoni fiskali ddeċidiet li żżid ir-rimbors tal-VAT favur il-Gemeente għal EUR 17 279, jiġifieri 6 % tas-somma mitluba ta’ EUR 287 999 għall-VAT tal-input imħallsa.
18 Il-Gemeente kkontestat din l-aħħar imsemmija deċiżjoni quddiem il-Gerechtshof te ’s-Hertogenbosch (Qorti ta’ Appell ta’ ’s-Hertogenbosch). Din il-qorti kkunsidrat li l-Gemeente kienet użat il-bini inkwistjoni għall-bżonnijiet ta’ din l-impriża, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(h) tal-Wet OB, iżda biss sa fejn huma kienu jaqdu l-bżonnijiet tal-attivitajiet tal-Gemeente bħala persuna taxxabbli, jiġifieri għal 6 % tal-użu totali tal-bini, l-94 % rimanenti jikkorrispondu għal użu għall-attivitajiet tal-Gemeente bħala awtorità pubblika u b’hekk ma humiex koperti la mill-Wet OB u lanqas mis-Sitt Direttiva.
19 Il-Gemeente ressqet appell fil-kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (Qorti Suprema tal-Olanda) kontra s-sentenza tal-Gerechtshof te ’s-Hertogenbosch. Fl-appell tagħha, hija sostniet li l-oġġetti u s-servizzi kkonċernati ġew akkwistati bil-għan futur ta’ eżekuzzjoni ta’ servizz suġġett għall-VAT, jiġifieri l-fatt li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, wara l-provvista tal-bini u għall-bżonnijiet tal-impriża tagħha, ta’ oġġett prodott “internament”. Dan is-servizz kellu jkun ikkunsidrat bħala provvista suġġett għall-VAT skont l-Artikolu 3(1)(h) tal-Wet OB, moqri flimkien mal-Artikolu 11(1)(a)(1) ta’ din il-liġi.
20 Il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenza Gemeente Vlaardingen (C-299/11, EU:C:2012:698), li skont din l-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva, jippermetti li jiġu assimilati ċerti tranżazzjonijiet għal provvista magħmula bi ħlas, japplika wkoll għal oġġetti magħmula, maħduma, estratti, jew ipproċessati minn terzi permezz ta’ materjali pprovduti mill-impriża li ħallset il-VAT tal-input.
21 Madankollu, in-natura speċifika tal-kawża prinċipali tinsab fil-fatt li, fil-każ preżenti, terz suġġett għat-taxxa pproduċa, fuq ordni tal-Gemeente, proprjetà immobbiljari li din użat sa’ 94 % għall-finijiet tal-attivitajiet tagħha bħala awtorità pubblika. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, minkejja l-fatt li l-muniċipalitajiet ma humiex, bħala prinċipju, persuni taxxabbli għall-VAT, l-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva, li jagħti l-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa, madankollu applikabbli, fejn il-Gemeente tuża l-bini parzjalment, għalkemm limitati, għal servizzi fil-kwalità tagħha ta’ persuna taxxabbli.
22 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda preliminari:
“Is-sentenza introduttiva tal-Artikolu 5(7) u l-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-sitwazzjoni, li fiha muniċipalità tokkupa għall-ewwel darba proprjetà immobbli li hija bniet fuq l-art tagħha stess u li minnha ser tuża 94 % għall-attivitajiet tagħha bħala awtorità pubblika u 6 % għall-attivitajiet tagħha bħala persuna taxxabbli, li 1 % minnhom għal provvisti eżenti li ma jagħtux lok għal dritt għal tnaqqis, hija meqjusa bħala provvista bi ħlas?”
Fuq id-domanda preliminari
23 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, il-muniċipalitajiet ma humiex, bħala prinċipju, ikkunsidrati bħala persuni taxxabbli għall-VAT għall-attivitajiet jew tranżazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi.
24 Għandu jingħad li l-Artikoli 5(7)(a) u 6(2)(a) ta’ din id-direttiva jirrigwardaw tranżazzjonijiet li huma jew jistgħu jiġu assimilati, rispettivament, ma’ provvista jew ma’ provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas.
25 Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-Artikolu 6(2)(a) ta’ din id-direttiva, hekk kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punti 17 u 51 tal-konklużjonijiet tagħha, l-għażla, li toħroġ minn din id-dispożizzjoni, li jiġu allokati oġġetti bħala assi privati użati bħala persuna taxxabbli jew assi privati użati bħala persuna mhux taxxabbli ma tapplikax għal sitwazzjoni li fiha persuna taxxabbli teżerċita, bħal fil-kawża prinċipali, kemm attivitajiet ekonomiċi suġġett għas-sistema tal-VAT u attivitajiet mhux ekonomiċi li ma jaqgħux taħtha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vereniging Noordelijke Land- en Tuinbouw Organisatie, (C-515/07), EU:C:2009:88, punti 37 u 38).
26 Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 6(2)(a) tas-Sitt Direttiva ma japplikax f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.
27 Għaldaqstant, b’mod konformi mal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jqisu bħala provvisti bi ħlas suġġetti għall-VAT, l-applikazzjoni minn persuna taxxabbli għal skopijiet tan-negozju tagħha ta’ oġġetti magħmula, maħduma, estratti, ipproċessati, mixtrija jew importati matul in-negozju, fejn il-VAT fuq dawn l-oġġetti, kieku kienu ġew akkwistati minn persuna oħra taxxabbli, ma tkunx deduċibbli kollha seta’ jitnaqqas kollu.
28 F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad li t-termini ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-“oġġetti magħmula, maħduma, estratti, ipproċessati […] matul in-negozju [tal-] impriża [ta’ persuna taxxabbli]”, ma jkoprux biss il-merkanzija magħmula, maħduma, estratta jew ipproċessata kompletament mill-persuna taxxabbli kkonċernata stess iżda fis-sens li jkopru wkoll dik il-merkanzija magħmula, maħduma, estratta jew ipproċessata minn terz permezz ta’ materjal ipprovdut mill-persuna taxxabbli msemmija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gemeente Vlaardingen, EU:C:2012:698, punt 27).
29 B’hekk, l-immobbli mibnija minn terzi fuq art li tappartjeni lil muniċipalità, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija koperta mit-termini previsti fil-punt preċedenti.
30 L-għażla, għal Stat Membru, li tassimila għal provvista magħmula bi ħlas l-użu minn persuna taxxabbli għall-bżonnijiet tal-impriża tagħha ta’ tali oġġett huwa possibbli biss meta l-kisba ta’ dan tal-aħħar minn persuna taxxabbli oħra ma tagħtix lill-ewwel persuna taxxabbli d-dritt għal tnaqqis komplet tal-VAT.
31 Mill-Artikolu 3(1) tal-Wet OB jirriżulta li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għamel użu minn din il-fakultà.
32 Hekk kif sostniet essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kundizzjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva prevista fil-punt 30 tas-sentenza preżenti hija ssodisfatta f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn, minħabba l-fatt li l-immobbli kkonċernata kienet użata wkoll għal finijiet oħra minbarra dawk ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli, il-VAT ta’ dħul ma kinitx tkun deduċibbli kollha kieku kien akkwistat kollu kemm hu mingħand persuna taxxabbli oħra.
33 Konsegwentement, meta muniċipalità tokkupa għall-ewwel darba proprjetà immobbli li hija bniet fuq l-art tagħha stess u li minnha ser tuża 94 % għall-attivitajiet tagħha bħala awtorità pubblika u 6 % għall-attivitajiet tagħha bħala persuna taxxabbli, li 1 % minnhom għal provvisti eżenti li ma jagħtux lok għal dritt għal tnaqqis, din is-sitwazzjoni għandha tkun ikkunsidrata bħala li taqa’ taħt l-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva, sa fejn l-Istat Membru kkonċernat uża l-fakultà prevista minn din id-dispożizzjoni.
34 Hekk kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punti 72 u 73 tal-konklużjonijiet tagħha, it-totalità tal-VAT tal-input imħallsa mill-Gemeente għall-akkwist ta’ oġġetti għall-ħtiġijiet tal-użu tal-output għandha tagħti dritt għat-tnaqqis ta’ din it-taxxa, b’mod konformi mal-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva.
35 Dan l-użu huwa hu stess suġġett għall-VAT u l-ammont tal-VAT li l-Gemeente hija responsabbli li tħallas bħala taxxa għal dan għandu jiġi kkalkolat, b’mod konformi mal-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva, fuq il-bażi tal-valur sħiħ ta’ kull wieħed mill-elementi, l-art u l-bini, fuq il-bażi li l-VAT ma għandhiex tkun tħallset preċedentement fuq l-imsemmija elementi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gemeente Vlaardingen, EU:C:2012:698, punti 28 sa 33).
36 Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 17(2) u (5) tas-Sitt Direttiva, sa fejn l-oġġetti kkonċernati huma użati għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli, kemm sa’ 5 % tal-wiċċ tal-bini fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-persuna taxxabbli hija, bħala prinċipju, awtorizzata li tnaqqas mit-taxxa li għandha titħallas, il-VAT imħallas għall-użu previst fil-punt preċedenti. Fil-proporzjon li fih l-imsemmija oġġetti huma użati għat-tranżazzjonijiet eżentati jew li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT, it-tnaqqis tal-VAT ma jkunx ammess.
37 Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn muniċipalità tokkupa għall-ewwel darba bini li hija bniet fuq art tagħha u li hija sejra tuża sa’ 94 % tal-wiċċ tiegħu għall-attivitajiet tagħha bħala awtorità pubblika u ta’ 6 % tal-wiċċ tiegħu għall-attivitajiet tagħha bħala persuna taxxabbli, li minnhom 1 % għal servizzi eżenti li ma jagħtux dritt għal tnaqqis tal-VAT. Madankollu, l-użu ulterjuri ta’ bini għall-attivitajiet tal-muniċipalità jista’ jagħti dritt għal tnaqqis tat-taxxa imħallsa għall-użu previst minn din id-dispożizzjoni biss fil-proporzjon korrispondenti għall-użu tiegħu għall-ħtiġijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli, skont l-Artikolu 17(5) tas-Sitt Direttiva.
Fuq l-ispejjeż
38 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn muniċipalità tokkupa għall-ewwel darba bini li hija bniet fuq art tagħha u li hija sejra tuża sa’ 94 % tal-wiċċ tiegħu għall-attivitajiet tagħha bħala awtorità pubblika u ta’ 6 % tal-wiċċ tiegħu għall-attivitajiet tagħha bħala persuna taxxabbli, li minnhom 1 % għal servizzi eżenti li ma jagħtux dritt għal tnaqqis tal-VAT. Madankollu, l-użu ulterjuri ta’ bini għall-attivitajiet tal-muniċipalità jista’ jagħti dritt għal tnaqqis tat-taxxa imħallsa għall-użu previst minn din id-dispożizzjoni biss fil-proporzjon korrispondenti għall-użu tiegħu għall-ħtiġijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli, skont l-Artikolu 17(5) ta’ din id-direttiva.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.