Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

27 ta’ Marzu 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tassazzjoni — VAT — Kamp ta’ applikazzjoni — Determinazzjoni tal-valur taxxabbli— Kunċett ta’ ‘sussidju direttament marbut mal-prezz’ — Ħlas ta’ allowance imħallsa mill-fond nazzjonali ta’ assigurazzjoni għall-mard lill-istabbilimenti ta’ residenza għal persuni anzjani dipendenti”

Fil-Kawża C-151/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour administrative d’appel de Versailles (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Marzu 2013, fil-proċedura

Le Rayon d’Or SARL

vs

Ministre de l’Économie et des Finances,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Borg Barthet, President tal-Awla, M. Berger u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Jannar 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Le Rayon d’Or SARL, minn A. Grousset, E. Ashworth u F. Bertacchi, avukati,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u J.-S. Pilczer, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Soulay u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar 'il quddiem is-“Sitt Direttiva”), u tal-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat 28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, iktar 'il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Le Rayon d’Or SARL (iktar 'il quddiem “Rayon d’Or”), kumpannija stabbilita fi Franza, u l-amministrazzjoni fiskali, irrappreżentata mill-Ministru tal-Ekonomija u tal-Finanzi, dwar is-suġġett tal-kalkolu tal-proporzjon ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar 'il quddiem il-“VAT”) applikabbli għal stabbiliment ta’ residenza għal persuni anzjani dipendenti (iktar 'il quddiem l-“SRPAD”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti [għall-VAT]:

1.      il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.”

4        L-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li:

“Fit-territorju tal-pajjiż

1.      L-ammont [valur] taxxabbli għandu jkun:

(a)      fir-rigward ta’ provvisti ta’ oġġetti u servizzi [...], dak kollox li jikkostitwixxi l-konsiderazzjoni li kien jew irid jinkiseb mill-fornitur mix-xerrej, il-klijenti jew it-tielet parti għal dawn il-provvisti inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tat-tali provvisti.”

5        L-Artikolu 13A(1) tas-Sitt Direttiva jelenka serje ta’ eżenzjonijiet għal ċertu attivitajiet fl-interess ġenerali. L-Istati Membri għandhom għaldaqstant jeżentaw, taħt il-kundizzjonijiet li huma għandhom jistabbilixxu biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi tal-eżenzjonijiet previsti u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż, possibbli b’mod partikolari:

“b)      sptar u kura medika u attivitajiet relatati mill-viċin mmexxija minn entitajiet regolati mid-dritt pubbliku jew, taħt kondizzjonijet soċjali komparabbli għal dawk applikati lill-entitajiet regolati mid-dritt pubbliku, mill-isptarijiet, ċentri għat-trattament mediku jew dijanjosi u stabblimenti oħrajn ta’ natura simili rikonoxxuti regolarment;

(ċ)      id-disposizzjonijiet tal-kura medika fl-eżerċizzju tal-professjonijet mediċi u paramediċi kif definiti mill-Istat Membru konċernat”.

6        Id-Direttiva tal-VAT, skont l-Artikoli 411 u 413 tagħha, ħassret u ssostitwixxiet, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT, b’mod partikolari s-Sitt Direttiva. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT huma, essenzjalment, identiċi għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tas-Sitt Direttiva.

7        Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-VAT:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

a)      il-provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[...]

(ċ)      il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[...]”

8        L-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-VAT li jissostitwixxi l-Artikolu 11 A(1)(a) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77, l-ammont [valur] taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista”.

9        L-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

b)      sptar u kura medika u attivitajiet relatati mill-viċin immexxija minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew, skond kondizzjonijet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi regolati mid-dritt pubbliku, minn sptarijiet, ċentri għat-trattament mediku jew djanjosi u stabblimenti oħrajn ta’ natura simili debitament rikonoxxuti;

(ċ)      il-provvediment tal-kura medika fl-eżerċizzju tal-professjonijet mediċi u paramediċi kif definiti mill-Istat Membru konċernat.”

10      L-Artikolu 174(1) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi:

“Il-proporzjon li jista’ jitnaqqas għandu jkun magħmul minn frazzjoni li jinkludi l-ammonti li ġejjin:

(a)      bħala numeratur, l-ammont totali, mingħajr VAT, tal-bejgħ kull sena attribwibbli għal transazzjonijet li fuqhom il-VAT tista’ titnaqqas skond l-Artikoli 168 u 169;

(b)      bħala denominatur, l-ammont totali, esklużiv mill-VAT, tal-bejgħ kull sena attribwibbli għat-transazzjonijiet inklużi fin-numeratur u għal transazzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-VAT ma tistax titnaqqas.

L-Istati Membri jistgħu jinkludu fid-denominatur l-ammont ta’ sussidji, għajr dawk marbuta direttament mal-prezz tal-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi msemmija fl-Artikolu 73.”

 Id-dritt Franċiż

11      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Artikolu 256 tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa (iktar 'il quddiem il-“KĠT”) jipprovdi:

“Huma suġġetti għall-[VAT] il-provvisti ta’ oġġetti u ta’ servizzi bi ħlas minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

12      Skont l-Artikolu 261(4)(1b) tal-KĠT, “hija eżentata mill-[VAT] il-kura, pprovduta mill-istabbilimenti ta’ residenza privati għall-persuni anzjani msemmija fl-Artikolu L. 312-1(I)(6) tal-code de l’action sociale et des familles (Kodiċi għall-azzjoni soċjali u għall-familji), li hija koperta minn allowance globali annwali għall-kura skont l-Artikolu L. 174-7 tal-code de la sécurité sociale (Kodiċi tas-sigurtà soċjali)”.

13      L-Artikolu 266(1)(a) tal-KĠT jispeċifika:

“1.      Il-valur taxxabbli għandu jkun magħmul:

a)      Fir-rigward ta’ provvisti ta’ oġġetti u servizzi […] mill-ammonti, valuri, oġġetti jew servizzi miksuba jew li għandhom jinkisbu mill-fornitur jew il-prestatarju bħala korrispettiv għal dawn it-tranżazzjonijiet, min-naħa tax-xerrej, tal-klijent jew ta’ terza persuna, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tat-tali tranżazzjonijiet.”

14      Skont l-Artikolu L. 174-7 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali:

“L-ispejjeż marbuta mal-kura medika mogħtija lill-persuna assigurata u lil dawk li jibbenefikaw minn għajnuna soċjali fl-istabbilimenti u faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu L. 162-24-1 huma mħallsa mill-iskemi tal-assigurazzjoni kontra l-mard jew huma koperti mill-għajnuna soċjali, skont il-metodi ffissati mil-leġiżlazzjoni, eventwalment skont allowances ikkalkolati bħala somma waħda.”

15      F’konformità mal-Artikolu L. 313-12 tal-code de l’action sociale et des familles, l-iSRPAD li kienu ffirmaw ftehim pluriennali mal-President tal-Kunsill Ġenerali u mal-awtorità kompetenti tal-Istat jirċievu allowance globali għall-provvisti ta’ kura li huma jipprovdu.

16      L-Artikolu R. 314-158 tal-code de l’action sociale et des familles jipprovdi dan li ġej:

“Il-provvisti pprovduti mill-istabbilimenti jew minn taqsimiet tal-istabbilimenti msemmija fl-Artikolu L. 313-12 [...] jinkludu:

1.       Rata ta’ kuljum marbuta mar-residenza,

2.       Rata ta’ kuljum marbuta mad-dipendenza,

3.       Rata ta’ kuljum marbuta mal-kura.”

17      L-Artikolu R. 314-161 tal-code de l’action sociale et des familles jipprovdi:

“Ir-rata marbuta mal-kura tkopri l-provvisti mediċi u paramediċi neċessarji sabiex tingħata kura għal problemi somatiċi u psikiċi tal-persuni residenti fl-istabbiliment kif ukoll il-provvisti paramediċi li jirrigwardaw kura marbuta mal-livell ta’ dipendenza tar-residenti.”

18      Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-metodi ta’ kalkolu tal-“allowance għal kura” jieħdu inkunsiderazzjoni n-numru ta’ residenti milqugħa f’kull stabbiliment u l-livell ta’ dipendenza tagħhom, evalwati skont il-kundizzjonijiet definiti fl-Artikoli R. 314-170 u R. 31-171 tal-code de l’action sociale et des familles u l-koeffiċjenti storiċi stabbiliti fuq livell nazzjonali u aġġornati kull sena abbażi tal-ispejjeż medji tal-iSRPAD kollha.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19      Le Rayon d’Or, li tamministra SRPAD, ikkunsidrat li l-ammonti li tagħtiha l-fond ta’ assigurazzjoni għall-mard bħala “allowance għal kura” ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT u li, konsegwentement, dawn l-ammonti ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-istabbiliment tal-proporzjon ta’ tnaqqis tal-VAT li japplika għaliha għas-snin 2006 sa 2008. Hija għaldaqstant għaddiet, għas-snin inkwistjoni, għal rettifika tal-ammont deduċibbli u talbet, mingħand l-amministrazzjoni fiskali, ir-rimbors ta’ EUR 60 064.

20      Peres li l-amministrazzjoni fiskali ċaħdet din it-talba, Le Rayon d’Or ressqet il-kawża quddiem it-tribunal administratif de Montreuil. Billi din il-qorti ma laqgħetx ir-rikors ta’ Le Rayon d’Or, din tal-aħħar appellat quddiem il-cour administrative d’appel de Versailles.

21      Quddiem din il-qorti, Le Rayon d’Or saħqet l-opinjoni tagħha fis-sens li d-dispożizzjonijiet nazzjonali, peress li jeżentaw mill-VAT l-ammonti li jikkorrispondu għall-“allowance għal kura” u li, skont din il-kumpannija, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din it-taxxa, imorru kontra s-Sitt Direttiva u d-Direttiva tal-VAT. Insostenn tal-argument tagħha, Le Rayon d’Or issostni li l-metodi ta’ kalkolu tal-“allowance għal kura” ma jippermettux li din tiġi kkwalifikata bħala “sussidju direttament marbut mal-prezz” tal-provvista ta’ kura mogħtija mill-iSRPAD lir-residenti.

22      Fil-fatt, qabel kollox, is-servizzi mogħtija lir-residenti la huma ddefiniti minn qabel u lanqas ippersonnalizzati u r-residenti ma jkunux jafu l-prezz tagħhom. Sussegwentement, peress li l-leġiżlatur nazzjonali stabbilixxa l-prinċipju ta’ kura medika bla ħlas mogħtija fi ħdan l-iSRPAD, ir-residenti għandhom il-garanzija li ser jibbenefikaw minn din il-kura bla ħlas ikun xi jkun l-ammont tas-sussidju mogħti lill-istabbiliment u indipendentement minn kemm ikun irnexxielu jew le li jlaħħaq mal-ispejjeż li huwa obbligat li jkopri. Fl-aħħar nett, l-ammont tas-sussidju mogħti lill-istabbiliment ma jikkorrispondix mal-ispejjeż attwali għall-kura.

23      L-amministrazzjoni fiskali ssostni, prinċipalment, li l-“allowance għal kura” ma għandhiex tiġi analizzata bħala sussidju, iżda bħala skema ta’ tariffikazzjoni u li ċ-ċirkustanza li t-tariffikazzjoni hija stabbilita abbażi tal-bżonnijiet għal kura ma tfixkilhix milli tiġi kklassifikata bħala “provvista bi ħlas”. Sussidjarjament, din l-amministrazzjoni sostniet, b’mod partikolari, li teżisti rabta diretta u immedjata bejn il-ħlas tal-“allowance għal kura” u s-servizzi għal kura mogħtija lill-benefiċjarji. Ċertament, is-servizzi ma humiex neċessarjament ippersonalizzati, iżda huma għandhom il-potenzjal li jkunu tali. Barra minn hekk, Le Rayon d’Or għandha obbligu legali li tipprovdi l-kura inkwistjoni, fejn il-prezz ma għandux għalfejn jitħallas mill-benefiċjarji tal-kura u wisq inqas ma għandu jkun proporzjonali għall-valur ta’ dawn is-servizzi.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour administrative d’appel de Versailles iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 11, [...] A(1)(a) tas-[Sitt] Direttiva, imsemmi fl-Artikolu 73 tad-Direttiva [VAT], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“allowance għal kura” imħallsa mill-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard lill-[iSRPAD], skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 174-7 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, u eżentata mill-[VAT] skont id-dispożizzjonijiet [...] tal-Artikolu 261 [(1b) u (4)] tal-[KĠT], tikkostitwixxi sussidju direttament marbut mal-prezz tal-provvista ta’ kura mogħtija lir-residenti u li f’dan is-sens tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-[VAT]?”

 Fuq id-domanda preliminari

25      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha. Minn din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-każ, li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li huma mressqa quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Haug, C-286/05, EU:C:2006:296, punt 17; Campina, C-45/06, EU:C:2007:154, punt 30, u Hewlett-Packard Europe, C-361/11, EU:C:2013:18, punt 35).

26      Għal dawn l-iskopijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet, mill-elementi kollha li tkun ipprovditilha l-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, ir-regoli u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni b’kunsiderazzjoni għas-suġġett tal-kawża (ara s-sentenza Byankov, C-249/11, EU:C:2012:608, punt 58).

27      Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda essenzjalment il-kwistjoni dwar jekk ħlas ta’ allowance bħal “allowance għal kura” jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT u għandux jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-kalkolu tal-proporzjon tat-tnaqqis.

28      Huwa għalhekk meħtieġ li wieħed jifhem id-domanda bħala li tirreferi għal, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11A(a) tas-Sitt Direttiva kif ukoll l-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ħlas ta’ allowance bħal “allowance għal kura” inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi l-korrispettiv tal-provvisti ta’ kura bi ħlas mill-iSRPAD li minnha jibbenefikaw ir-residenti tiegħu u jaqa’, f’dan ir-rigward, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT.

29      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar, minn naħa, li, f’konformità mal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, li jagħti definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT, huma suġġetti għall-VAT “il-provvisti ta’ servizzi magħmula bi ħlas” u li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, provvista ta’ servizzi ma ssirx “bi ħlas”, skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, u ma tkunx għalhekk taxxabbli, ħlief meta, bejn il-fornitur ta’ din il-provvista u l-benefiċjarju, tkun teżisti relazzjoni legali li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati prestazzjonijiet reċiproċi, fejn il-kumpens riċevut mill-fornitur ta’ din il-provvista jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tas-servizz ipprovdut lill-benefiċjarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Tolsma, C-16/93, EU:C:1994:80, punt 14; Kennemer Golf, C-174/00, EU:C:2002:200, punt 39, u RCI Europe, C-37/08, EU:C:2009:507, punt 24).

30      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-sussidji direttament marbuta mal-prezz ta’ tranżazzjoni taxxabbli jikkostitwixxu biss sitwazzjoni fost oħrajn imsemmija fl-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva u li, indipendentement mis-sitwazzjoni partikolari inkwistjoni, il-valur taxxabbli ta’ provvista ta’ servizzi huwa, fi kwalunkwe każ, ikkostitwit minn dak kollu rċevut bħala korrispettiv għas-servizz ipprovdut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Keeping Newcastle Warm, C-353/00, EU:C:2002:369, punti 23 u 25).

31      Peress li l-Artikolu 73 tad-Direttiva VAT, li ssostitwixxa l-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva, huwa, essenzjalment, identiku għal din l-aħħar dispożizzjoni, il-ġurisprudenza ċċitata fiż-żewġ punti preċedenti u l-iżviluppi li jsegwu japplikaw mutatis mutandis għall-imsemmi Artikolu 73.

32      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-“allowance għal kura” inkwistjoni fil-kawża prinċipali mħallsa mill-fond nazzjonali ta’ assigurazzjoni għall-mard lill-iSRPAD hija rċevuta minn dawn tal-aħħar bħala korrispettiv għas-servizzi ta’ kura li jipprovdu, skont formuli differenti, lir-residenti tagħhom.

33      Fil-fatt, qabel kollox, Le Rayon d’Or, waqt is-seduta, irrikonoxxiet il-fatt li l-iSRPAD huma effettivament obbligati li jipprovdu, bħala korrispettiv għall-ħlas tal-allowance, servizzi lir-residenti tagħhom.

34      Sussegwentement, sabiex provvista ta’ servizzi tkun tista’ tiġi kkunsidrata li saret “bi ħlas”, fis-sens ta’ din id-direttiva, ma huwiex meħtieġ li l-korrispettiv għal din il-provvista jinkiseb direttament mingħand id-destinatarju tagħha, iżda l-korrispettiv jista’ jinkiseb mingħand terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Loyalty Management UK u Baxi Group, C-53/09 u C-55/09, EU:C:2010:590, punt 56).

35      Il-fatt li, fil-kawża prinċipali, il-benefiċjarju dirett tal-provvisti ta’ servizzi inkwistjoni ma huwiex il-fond nazzjonali ta’ assigurazzjoni għall-mard li jħallas l-allowance, iżda l-persuna assigurata, ma huwiex, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Le Rayon d’Or, ta’ natura li jkisser ir-rabta diretta eżistenti bejn il-provvista tas-servizzi effettwati u l-korrispettiv irċevut.

36      Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-provvista ta’ servizzi inkwistjoni tkun ikkaratterizzata, b’mod partikolari, mid-disponibbiltà permanenti ta’ min jipprovdi, fil-mument meħtieġ, is-servizzi ta’ kura li huma mitluba mir-residenti, ma huwiex neċessarju, sabiex tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn l-imsemmija provvista u l-korrispettiv miksub, li ħlas jirrelata ma’ provvista ta’ kura ppersonalizzata u fil-ħin fuq talba ta’ residenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kennemer Golf, EU:C:2002:200, punt 40).

37      Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza li l-provvisti ta’ kura mogħtija, fil-kawża prinċipali, lir-residenti la huma ddefiniti minn qabel u lanqas ippersonalizzati u li l-ħlas isir fil-forma ta’ allowance ma hijiex ta’ natura li taffettwa r-rabta diretta eżistenti bejn il-provvista tas-servizzi effettwati u l-korrispettiv irċevut, fejn l-ammont huwa stabbilit minn qabel u skont kriterji stabbiliti fis-sod.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva kif ukoll l-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li ħlas ta’ allowance bħal “allowance għal kura” inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi l-korrispettiv tal-provvisti ta’ kura bi ħlas mill-iSRPAD li minnha jibbenefikaw ir-residenti tiegħu u jaqa’, f’dan ir-rigward, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, u tal-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ħlas ta’ allowance bħal “allowance għal kura” inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi l-korrispettiv tal-provvisti ta’ kura bi ħlas minn stabbiliment ta’ residenza għal persuni anzjani dipendenti li minnha jibbenefikaw ir-residenti tiegħu u jaqa’, f’dan ir-rigward, fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.