SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
17 ta’ Lulju 2014 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Taxxa fuq il-valur miżjud — Sitt Direttiva 77/388/KEE — Direttiva 2006/112/KE — Eżenzjoni tal-importazzjonijiet ta’ oġġetti ddestinati li jitqiegħdu taħt arranġamenti ta’ ħażna differenti minn ħażna doganali — Obbligu li l-merkanzija titqiegħed fiżikament fil-maħżen — Nuqqas ta’ konformità — Obbligu li titħallas il-VAT minkejja l-fatt li din tkun tħallset diġà permezz tal-mekkaniżmu ta’ reverse charge”
Fil-Kawża C-272/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Commissione tributaria regionale per la Toscana (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Mejju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Mejju 2013, fil-proċedura
Equoland Soc. coop. arl
vs
Agenzia delle Dogane – Ufficio delle Dogane di Livorno,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn A. Borg Barthet, President tal-Awla, E. Levits u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ April 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Equoland Soc. coop. arl, minn M. Turci, R. Vianello u D. D’Alauro, avukati,
– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,
– għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García-Valdecasas Dorrego u L. Banciella Rodríguez-Miñón, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Recchia u C. Soulay, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ –- Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/18/KE, tal-14 ta’ Frar 2006 (ĠU L 270 M, p. 243, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttivaˮ), kif ukoll bl-Artikoli 154 u 157 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VATˮ).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Equoland Soc. coop. arl (iktar ’il quddiem “Equolandˮ) u l-Agenzia delle Dogane – Ufficio delle Dogane di Livorno (Aġenzija tad-dwana – Uffiċċju tad-dwana ta’ Livorno, iktar ’il quddiem l-“Ufficioˮ) dwar deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tobbliga lil Equoland tħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VATˮ) fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija li ma tqegħditx fiżikament f’maħżen tat-taxxa, minkejja li din kienet ħallset diġà din it-taxxa permezz tal-mekkaniżmu ta’ reverse charge.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 10(3) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li:
“L-event li għandu jsir ħlas tiegħu isir u t-taxxa ssir dovuta malli l-merkanzija tkun impurtata. Meta l-merkanzija titqiegħed taħt wieħed mill-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 7(3) malli tidħol fil-Komunità, iseħħ l-event li għandu jsir ħlas fuqu u t-taxxa ssir dovuta biss meta l-merkanzija ma tibqax taħt dawk l-arranġamenti.
Madankollu, meta l-merkanzija impurtata tkun suġġetta għal dazju mid-dwana, jew levi agrikulturali jew għal xi spejjeż li jkollhom effett simili li jkunu stabbiliti b’politika komuni, l-event li għandu jsir ħlas fuqu iseħħ u t-taxxa ssir dovuta malli jseħħ l-event li għandu jsir ħlas fuqu għal dawk id-dazji Komunitarji u dawk id-dazji isiru dovuti.
Meta merkanzija impurtata mhux suġġetta għall-ebda minn dawn id-dazji Komunitarji, Stati Membri japplikaw id-dispożizzjonijiet li jkun hemm fis-seħħ li jirregolaw id-dazji tad-dwana dwar is-saħħ ta’ event li jrid isir ħlas fuqu u l-mument meta t-taxxa ssir dovuta.ˮ
4 L-Artikolu 16(1) tas-Sitt Direttiva, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28ċ tagħha, jipprovdi li:
“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijet oħra tat-taxxa Komunitarja, l-Istati Membri jistgħu, soġġetti għall-konsultazzjonijiet li hemm ipprovduti fl-Artikolu 29, jieħdu miżuri speċjali mfassla biex jeżentaw it-transazzjonijiet kollha jew ftit milli ġejjin, sakemm m’humiex immirati għall-użu finali w/jew konsumazzjoni u illi l-ammont ta[l-VAT] dovut fuq waqfien dawn l-arranġamenti fuq sitwazzjonijiet msemmija f’A sa E jikkorispondi għall-ammont ta’ taxxa li kellha tkun imħallsa kieku kull operazzjoni kienet intaxxata fi ħdan it-territorju tal-pajjiz:
A. importazzjoni ta’ oġġetti li huma maħsuba biex jitpoġġew taħt arranġamenti ta’ depożitu milli fid-dwana;
B. provvista ta’ oġġetti li huwa maħsuba li jridu jiġu:
(a) ipprovduti lid-dwana u, fejn applikabbli, poġġut f’maħżen temporanju;
(b) poġġut f’żona ħielsa jew f’maħżen hieles;
(ċ) poġġut taħt arranġamenti depożitarji fid-dwana jew ġewwa arranġamenti proċessati;
[…]
(e) impoġġija, ġewwa it-territorju tal-pajjiz, taħt arrangamenti ta’ magazzinaġġ barra minn magazzinaġġ tad-dwana.
Ghall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu, magazzini imma mhux magazzinaġġ tad-dwana għandhom ifissru:
– għall-prodotti soġġetti għad-dazju, il-postijiet defininit bħala taxxa tal-magazzini għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 4(b) tad-Direttiva [tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179)],
– għall-oġġetti barra minn dawk soġġetti għad-dazju, il-postijiet definiti hekk mill-Istati Membri. Madankollu, l-Istati Membri jista’ ma jipprovdux għal arranġamenti tal-magazzini għajr mill arranġamenti tad-dwana fejn l-oġġetti msemmija huma maħsuba li għandhom jingħataw fl-istadju tal-bejgħ bl-imnut.
[...]ˮ
5 L-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28f tagħha jipprovdi:
“1. Id-dritt li tnaqqas għandu jqum fl-istess ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir taxxabbli.
2. Sakemm il-merkanzija u s-servizi jintużaw għall-iskop tat-transazzjonijiet taxxabbli tagħha, il-persuna taxxabbli tkun intitolata li tnaqqas mit-taxxa li għandu jħallas:
[...]
(b) [VAT] dovut jew imħallas għal merkanzija importata fit-territorju tal-pajjiż;
[...]”
6 Skont l-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 92/12, jitqies li huwa maħżen tat-taxxa “lok fejn oġġetti suġġetti għad-dazju tas-sisa huma prodotti, proċessati, miżmuma, riċevuti jew mibgħuta taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju minn magazzinier awtorizzat fil-kors tan-negozju tiegħu, bla ħsara għal ċerti kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn icon [ikun] jinsab il-maħżen tat-taxxa”.
Id-dritt Taljan
7 Id-Digriet Liġi Nru 331, tat-30 ta’ Awwissu 1993, li jirrigwarda l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tat-taxxa fuq iż-żjut minerali, l-alkoħol, ix-xorb alkoħoliku u t-tabakk immanifatturat, kif ukoll fil-qasam tal-VAT, mad-dispożizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva KEE, u emendi li jirriżultaw minn din l-armonizzazzjoni, kif ukoll dispożizzjonijiet li jikkonċernaw is-sistema ta’ ċentri ta’ assistenza fiskali awtorizzati, il-proċeduri ta’ rimbors tat-taxxa, l-esklużjoni tal-ILOR mid-dħul tal-impriżi sal-ammont li jikkorrispondi għall-ispejjeż professjonali diretti, l-istabbiliment għall-1993 ta’ taxxa ta’ konsum straordinarju fuq ċerti oġġetti u dispożizzjonijiet fiskali oħra (GURI Nru 203, tat-30 ta’ Awwissu 1993), jipprovdi fl-Artikolu 50a(4) tiegħu:
“It-tranżazzjonijiet li ġejjin jistgħu jsiru mingħar ħlas tal-[VAT]:
[…]
b) iċ-ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija mhux Komunitarja li għandha titqiegħed f’maħżen tal-VAT wara li tingħata garanzija xierqa li tkun proporzjonata mat-taxxa. Din il-garanzija ma hijiex meħtieġa mill-operaturi awtorizzati fis-sens tal-Artikolu 14a tar-Regolament (KEE) Nru 2454/1993 […] u lanqas mill-persuni li huma eżenti fis-sens tal-Artikolu 90 tat-Test ikkonsolidat dwar dispożizzjonijiet leġiżlattvi fil-qasam doganali, msemmi mid-Digriet Nru 43 tal-President tar-Repubblika tat-23 ta’ Jannar 1973.”
8 Id-Digriet Liġi Nru 471, tat-18 ta’ Diċembru 1997, dwar ir-riforma ta’ sanzjonijiet fiskali mhux kriminali fil-qasam tat-taxxa diretta, tat-taxxa fuq il-valur miżjud u l-ġbir tat-taxxa, skont l-Artikolu 3(133)(q) tal-Liġi Nru 662, tat-23 ta’ Diċembru 1996 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 5, tat-8 ta’ Jannar 1998, iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 471/97”), jipprovdi fl-Artikolu 13 tiegħu li:
“1. Kull persuna li tonqos milli tħallas, totalment jew parzjalment, fit-termini stabbiliti, ħlas akkont, pagamenti perijodiċi, pagament ta’ aġġustament jew tal-bilanċ tat-taxxa li jirriżulta mid-dikjarazzjoni, wara li jitnaqqas, f’dawn il-każijiet, l-ammont tal-pagamenti perijodiċi u tal-ħlas akkont, anki jekk dawn ma tħallsux, hija suġġetta għal sanzjoni amministrattiva li tammonta għal 30 % ta’ kull ammont mhux imħallas, anki meta, wara li jiġu korretti l-iżballji materjali jew il-kalkolu ikkonstatati matul il-kontroll tad-dikjarazzjoni annwali, jidher li t-taxxa hija ogħla jew li l-eċċess li jista’ jitnaqqas huwa inqas. Għall-pagamenti fuq krediti ggarantiti integralment permezz ta’ forom ta’ garanziji reali jew personali previsti mil-liġi jew irrikonoxxuti mill-awtorità tat-taxxa, li jsiru tard iżda mhux iktar tard minn ħmistax-il jum, is-sanzjoni msemmija fl-ewwel sentenza, minbarra d-dispożizzjonijiet tal-punt a) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 13 tad-Digriet Liġi Nru 472, tat-18 ta’ Diċembru 1997, għandha terġa’ titnaqqas b’ammont ugwali għal wieħed minn ħmistax (1/15) għall-kull jum ta’ dewmien. L-istess sanzjoni għandha tapplika fil-każ ta’ kalkolu tat-taxxa miżjuda skont l-Artikoli 36a u 36b tad-Digriet Nru 600 tal-President tar-Repubblika, tad-29 ta’ Settembru 1973, u l-Artikolu 54 tad-Digriet Nru 633 tal-President tar-Repubblika, tas-26 ta’ Ottubru 1972.
2. Bl-eċċezzjoni tal-każijiet ta’ dikjarazzjonijiet irreġistrati, is-sanzjoni għandha tapplika wkoll fil-każijiet kollha ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxa jew ta’ parti minn din it-taxxa fit-terminu previst.
3. Is-sanzjonijet previsti f’dan l-artikolu ma japplikawx meta l-ħlas ikun sar fi żmien xieraq f’uffiċċju jew għand detentur ta’ konċessjoni li ma huwiex dak kompetenti.”
Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 Abbażi tad-deċiżjoni tar-rinviju u tal-osservazzjonijiet ippreżentati minn Equoland, mill-Gvern Taljan, mill-Gvern Spanjol kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea, il-fatti tal-kawża prinċipali jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.
10 Matul ix-xahar ta’ Ġunju 2006, Equoland importat, mill-Ufficio, kunsinna ta’ merkanzija minn pajjiż terz. Fuq id-dikjarazzjoni doganali, kien indikat li din il-merkanzija kienet iddestinata għall-maħżen tat-taxxa għall-finijiet tal-VAT. Konsegwentement, ebda ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni ma ntalab fid-data ta’ din it-tranżazzjoni.
11 L-għada tal-importazzjoni, l-amministratur tal-maħżen għal fejn din il-merkanzija kienet iddestinata rreġistraha fir-reġistru tal-maħżen. Madankollu, il-merkanzija ma kienet tqiegħdet qatt fiżikament fil-maħżen, iżda ddaħħlet hemm biss b’mod virtwali, speċifikament billi ġiet irreġistrata fir-reġistru. Għaldaqstant, il-merkanzija ġiet immedjatament irtirati mill-arranġamenti ta’ ħażna tat-taxxa u l-VAT tħallset minn Equoland permezz tal-mekkaniżmu ta’ reverse charge.
12 Billi kkunsidra li minħabba li l-merkanzija ma kinitx tqiegħdet fiżikament fil-maħżen tat-taxxa, il-kundizzjonijiet neċessarji għall-posponiment tal-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni ma kinux ġew osservati, l-Ufficio qies li Equoland ma kinitx ħallset it-taxxa dovuta u eżiġa, taħt l-Artikolu 13 tad-Digriet Liġi Nru 471/97, il-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni flimkien ma’ sanzjoni ta’ 30 % tal-ammont tagħha.
13 Equoland ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Commissione provinciale di Livorno filwaqt li sostniet li hija kienet irregolat is-sitwazzjoni tagħha fir-rigward tal-VAT fuq l-importazzjoni permezz tal-mekkaniżmu ta’ reverse charge, billi ħallset l-imsemmija VAT lill-Agenzia delle Entrate (Awtorità tat-taxxa) minflok ma ħallsitha lill-Ufficio. Konsegwentement, l-Artikolu 13 tad-Digriet Liġi Nru 471/97 ma kienx japplika għal tali każ bħal dak tal-kawża prinċipali.
14 Billi r-rikors tagħha ġie miċħud, Equoland appellat mid-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-Commissione tributaria regionale per la Toscana, filwaqt li tenniet il-pożizzjoni tagħha li l-att ta’ rettifika tat-taxxa kien ibbażat biss fuq il-fatt li l-merkanzija importata ma kinitx tqiegħdet “fiżikament” fil-maħżen tat-taxxa, mingħajr ma tnaqqset il-VAT peress li, waqt ir-rilaxx għall-konsum, Equoland iffatturat lilha nnifisha għall-akkwist permezz ta’ importazzjoni u pproċediet għall-ħlas tal-VAT kif aġġustata. Barra minn hekk, Equoland issostni li f’diversi Stati Membri, it-tqegħid “virtwali” tal-merkanzija f’maħżen tat-taxxa huwa legali.
15 L-ewwel nett, l-Ufficio jsostni li l-kundizzjoni neċessarja għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-imħażen tal-VAT, li tissospendi l-obbligu li titħallas it-taxxa fil-mument tal-importazzjoni u tippermetti li titħallas biss fil-mument tad-dikjarazzjoni perijodika, hija t-tqegħid “fiżiku” tal-oġġetti importati f’tali maħżen. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet nazzjonali huma ċari u jeżiġu t-tqegħid “fiżiku” tal-imsemmija oġġetti fil-maħżen peress li l-posponiment tal-ġbir tal-VAT huwa ggarantit biss permezz tal-preżenza tagħhom f’maħżen tat-taxxa debitament awtorizzat.
16 Sussegwentement, il-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT, li jikkonċerna biss l-effetti ekonomiċi ta’ din it-taxxa fuq il-konsumaturi, ma jistax jiġi invokat sabiex jiġi evitat l-obbligu li l-VAT titħallas fil-mument meta jseħħ il-fatt taxxabbli. Issa, f’dan il-każ, dan seħħ mal-importazzjoni tal-oġġetti.
17 Fl-aħħar net, peress li l-VAT fuq l-importazzjoni hija konnessa mal-qsim tal-fruntiera, hija għandha tiġi kkalkolata u miġbura mill-awtorità doganali, f’dak il-każ l-Ufficio, li barra minn hekk, jippermetti ħlas mill-iktar fis possibbli tal-parti dovuta lill-Unjoni Ewropea.
18 Meta l-qorti tar-rinviju semgħet il-kawża quddiemha, hija rrilevat li l-interpretazzjoni rrakkomandata mill-Ufficio jkollha l-konsegwenza ta’ ħlas doppju tal-VAT minħabba n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li għandu jitqies biss li għandu natura purament formali. Issa, il-ksur ta’ tali obbligu jista’ jiġi ssanzjonat b’mod awtonomu, fl-ipoteżi li t-tqegħid fiżiku tal-merkanzija fil-maħżen tat-taxxa jitqies li huwa obbligatorju, iżda dan ma għandux, fl-assenza ta’ tranżazzjoni taxxabbli, jagħti lok għall-applikazzjoni tal-VAT għal dik il-merkanzija.
19 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Commissione tributaria regionale per la Toscana ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) Skont l-Artikolu 16 tas-[Sitt Direttiva] u l-Artikoli 154 u 157 tad-[Direttiva tal-VAT], it-tqegħid tal-oġġetti importati skont arranġamenti tal-ħażna differenti minn ħażna doganali, jiġifieri skont arranġamenti tal-ħażna tal-VAT, huwa suffiċjenti biex jippermetti eżenzjoni mill-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni, anki fil-każ fejn l-oġġetti ma jitqegħdux fiżikament, iżda biss fuq il-karta?
2) Is-[Sitt Direttiva] u d-[Direttiva tal-VAT] jipprekludu prassi li biha Stat Membru jiġbor il-VAT fuq l-importazzjoni, minkejja l-fatt li din tkun tħallset — b’riżultat ta’ żball jew ta’ irregolarità — bil-mekkaniżmu ta’ reverse charge permezz ta’ awtofatturazzjoni u dħul simultanju fir-reġistru tal-bejgħ u tax-xiri?
3) Il-fatt li l-Istat Membru jeżiġi l-ġbir tal-VAT diġà mħallsa bil-mekkaniżmu ta’ reverse charge permezz ta’ awtofatturazzjoni u dħul simultanju fir-reġistru tal-bejgħ u tax-xiri jikser il-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT?”
Fuq id-domandi preliminari
20 Kif jirriżulta mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-importazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħet matul ix-xahar ta’ Ġunju 2006, b’tali mod li d-Direttiva 2006/112, li daħlet fis-seħħ biss fl-1 ta’ Jannar 2007, ma tapplikax, ratione temporis, għall-kawża prinċipali.
21 Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinftiehem bħala intiża biss għall-interpretazzjoni tas-Sitt Direttiva.
Fuq l-ewwel domanda
22 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 16(1) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ eżenzjoni mill-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni prevista minn din il-leġiżlazzjoni għall-kundizzjoni li l-merkanzija importata u li hija ddestinata għal maħżen tat-taxxa għall-finijiet tal-VAT tkun tqiegħdet fiżikament fih.
23 F’dan ir-rigward għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-Artikolu 16(1) tas-Sitt Direttiva, sa fejn jikkostitwixxi dispożizzjoni li tidderoga mill-prinċipju, imsemmi fl-Artikolu 10(3) tal-istess direttiva, li jipprovdi li l-fatt taxxabbli jseħħ u l-VAT fuq l-importazzjoni tkun dovuta fil-mument meta ssir l-importazzjoni tal-oġġetti, għandu jiġi interpretat b’mod strett.
24 Sussegwentement, il-leġiżlatur tal-Unjoni ssuġġetta l-eżerċizzju tal-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri permezz tal-Artikolu 16(1) għal żewġ kundizzjonijiet sostantivi, jiġifieri, minn naħa, li l-merkanzija li l-importazzjoni tagħha għandha tiġi eżentata ma tkunx intiża għall-użu jew għall-konsum finali u, min-naħa l-oħra, li l-ammont tal-VAT dovut mal-waqfien tal-arranġamenti li għalihom kienet suġġetta din il-merkanzija jikkorrispondi għall-ammont tal-VAT li kien ikun dovut kieku kull tranżazzjoni kienet ġiet intaxxata fit-territorju tal-pajjiż.
25 Fl-aħħar nett, bl-eżerċizzju tal-possibbiltà hekk mogħtija lill-Istati Membri, dawn tal-aħħar jistgħu jieħdu l-miżuri speċifiċi sabiex jagħtu l-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 16(1) tas-Sitt Direttiva.
26 F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fl-assenza ta’ indikazzjonijiet oħra f’dan ir-rigward fis-Sitt Direttiva, huwa l-kompitu, fil-prinċipju, tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-formalitajiet li għandha tissodisfa l-persuna taxxabbli sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni mill-ħlas tal-VAT taħt l-imsemmija dispożizzjoni.
27 Madankollu, għandu jingħad ukoll li, meta huma jeżerċitaw il-kompetenzi kif irrikonoxxuti, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-prinċipji ġenerali tiegħu u, konsegwentement, il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara s-sentenza Rēdlihs, C-263/11, EU:C:2012:497, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
28 F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-leġiżlatur Taljan ippreveda li, sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni mill-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni, il-persuna taxxabbli għandha l-obbligu li tqiegħed fiżikament il-merkanzija importata fil-maħżen tat-taxxa, peress li dik il-preżenza fiżika suppost tiggarantixxi l-ġbir sussegwenti tat-taxxa.
29 Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li tali obbligu, minkejja n-natura formali tiegħu, huwa tali li jippermetti li jintlaħqu b’mod effettiv l-għanijiet imfittxija, jiġifieri li jiġi żgurat ġbir korrett tal-VAT kif ukoll li tiġi evitata l-evażjoni ta’ din it-taxxa u ma jmurx lil hinn, bħala tali, minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.
30 Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 16(1) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ eżenzjoni mill-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni prevista minn din il-leġiżlazzjoni għall-kundizzjoni li l-merkanzija importata u li hija ddestinata għal maħżen tat-taxxa għall-finijiet tal-VAT tkun tqiegħdet fiżikament fih.
Fuq it-tieni u t-tielet domandi
31 Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk is-Sitt Direttiva għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, skont il-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT, hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li taħtha l-Istat Membru jeżiġi l-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni minkejja li din tkun diġà tħallset fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ reverse charge, permezz ta’ awtofatturazzjoni u ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru tal-bejgħ u tax-xiri tal-persuna taxxabbli.
32 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li meta, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilhom mill-Artikolu 16(1) tas-Sitt Direttiva, l-Istati Membru jadottaw miżuri, bħall-obbligu li l-merkanzija importata titqiegħed fiżikament fil-maħżen tat-taxxa, dawn l-Istati Membri għandhom ukoll is-setgħa, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ sanzjonijiet, li jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom li huma xierqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rēdlihs, EU:C:2012:497, punt 44).
33 Huwa għalhekk leġittimu għall-Istati Membri, sabiex jiżguraw il-ġbir korrett tal-VAT fuq l-importazzjoni u biex jevitaw l-evażjoni, li jipprovdu fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali rispettivi tagħhom sanzjonijiet xierqa intiżi li jippenalizzaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li l-merkanzija importata titqiegħed fiżikament f’maħżen tat-taxxa.
34 Madankollu, tali sanzjonijiet ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ecotrade, C-95/07 u C-96/07, EU:C:2008:267, punti 65 sa 67; EMS-Bulgaria Transport, C-284/11, EU:C:2012:458, punt 67, u Rēdlihs, EU:C:2012:497, punt 47).
35 Sabiex jiġi evalwat jekk tali sanzjoni hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura u l-gravità tal-ksur li din is-sanzjoni hija intiża li tippenalizza, kif ukoll il-metodi ta’ determinazzjoni tal-ammont tagħha.
36 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tan-natura u tal-gravità tal-ksur, minn naħa, għandu jitfakkar li l-obbligu li l-merkanzija importata titqiegħed fiżikament fil-maħżen tat-taxxa jikkostitwixxi, kif ġie deċiż fil-punt 29 tas-sentenza preżenti, rekwiżit formali.
37 Min-naħa l-oħra, huwa importanti li jiġi rrilevat li, kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu ma kellux, għall-inqas fil-kawżi prinċipali, il-konsegwenza ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni peress li din tħallset fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ reverse charge mill-persuna taxxabbli.
38 Huwa minnu li jista’ jiġi argumentat li peress li l-merkanzija importata ma tqegħditx fiżikament fil-maħżen tat-taxxa, il-VAT kienet dovuta fil-mument tal-importazzjoni u li, għaldaqstant, il-ħlas permezz tal-mekkaniżmu ta’ reverse charge jikkostitwixxi ħlas tardiv ta’ din il-VAT.
39 Issa, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħlas tardiv tal-VAT, fl-assenza ta’ tentattiv ta’ evażjoni jew preġudizzjoni għall-baġit tal-Istat, ma jikkostitwixxix ħlief ksur formali li ma jistax jimmina d-dritt tal-persuna taxxabbli għal tnaqqis. Fi kwalunkwe każ, tali ħlas tardiv ma jistax, fih innifsu, ikun assimilat ma’ evażjoni, li tissupponi, minn naħa, li t-tranżazzjoni inkwistjoni, minkejja l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tas-Sitt Direttiva u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva, għandha bħala riżultat il-kisba ta’ vantaġġ fiskali fejn l-għoti tiegħu jmur kontra l-għan imfittex minn dawn id-dispożizzjonijiet, u, min-naħa l-oħra, fejn jirriżulta minn ġabra ta’ elementi oġġettivi li l-għan essenzjali tat-tranżazzjoni inkwistjoni huwa l-kisba ta’ vantaġġ fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Halifax et, EU:C:2006:121, punti 74 u 75, kif ukoll EMS-Bulgaria Transport, C-284/11, EU:C:2012:458, punt 74).
40 Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-modalitajiet tad-determinazzjoni tal-ammont tas-sanzjoni, għandu jiġi kkonstatat qabelxejn li r-rekwiżit li jipprovdi li l-persuna taxxabbli għandha tħallas mill-ġdid il-VAT fuq l-importazzjoni, flimkien ma’ 30 % żieda, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-ħlas li diġà sar, essenzjalment iwassal sabiex iċaħħad lill-persuna taxxabbli mid-dritt tagħha għal tnaqqis. Fil-fatt, jekk l-istess tranżazzjoni unika tiġi ssuġġettata għal intaxxar doppju tal-VAT, filwaqt li jkun permess biss li dik it-taxxa titnaqqas darba biss, iħalli lill-persuna taxxabbli responsabbli għall-kumplament tal-VAT.
41 F’dan ir-rigward, u mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-kumpatibbiltà ta’ din il-parti tas-sanzjoni mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa biżżejjed li jitfakkar, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li, fid-dawl tal-pożizzjoni ċentrali li jokkupa d-dritt għal tnaqqis fis-sistema komuni tal-VAT, li huwa intiż sabiex jiżgura n-newtralità fiskali perfetta ta’ din it-taxxa fir-rigward tal-attivitajiet kollha ekonomiċi, li tippresupponi l-possibbiltà għall-persuna taxxabbli li tnaqqas il-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi kollha tagħha, sanzjoni li tikkonsisti f’rifjut tad-dritt għal tnaqqis ma hijiex konformi mas-Sitt Direttiva fil-każ fejn ebda evażjoni u ebda preġudizzju għal-baġit tal-Istat ma jkunu stabbiliti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Sosnowska, C-25/07, EU:C:2008:395, punti 23 u 24, u EMS-Bulgaria Transport, EU:C:2012:458, punti 68 u 70).
42 Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li sostna l-Gvern Taljan matul is-seduta, il-mekkaniżmu ta’ reverse charge previst mis-Sitt Direttiva jippermetti, b’mod partikolari, il-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa kkonstatati f’ċerti tipi ta’ tranżazzjonijiet (ara s-sentenza Véleclair, C-414/10, EU:C:2012:183, punt 34).
43 Skont il-qorti tar-rinviju, sakemm la teżisti evażjoni u lanqas tentattiv ta’ evażjoni fil-kawża prinċipali, il-parti tas-sanzjoni li tikkonsisti fil-ħtieġa ta’ ħlas mill-ġdid tal-VAT diġà mħallsa, mingħajr ma dan it-tieni ħlas jagħti lok għal dritt għal tnaqqis, ma tistax titqies li hija konformi mal-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT.
44 Imbagħad, għal dak li jirrigwarda l-parti tas-sanzjoni li tikkonsisti f’żieda tat-taxxa skont perċentwali fissa, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali modalità kif jiġi ddeterminat l-ammont tas-sanzjoni — mingħajr il-possibbiltà ta’ gradazzjoni — tista’ tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat il-ġbir korrett tal-VAT u tiġi evitata l-evażjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rēdlihs, EU:C:2012:497, punti 45 u 50 sa 52).
45 F’dan il-każ, fir-rigward tal-perċentwali użata għaż-żieda prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u fid-dawl tal-fatt li huwa impossibbli li tiġi adattata għaċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ ineżami, ma huwiex eskluż li din il-modalità għad-determinazzjoni tal-ammont tas-sanzjoni u, għaldaqstant, il-parti korrispondenti għaliha, tista’ tkun sproporzjonata (ara s-sentenza Rēdlihs, EU:C:2012:497, punt 52).
46 Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħlas ta’ interessi moratorji jista’ jammonta għal sanzjoni xierqa fil-każ ta’ ksur ta’ obbligu formali, sakemm dan ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija, li jikkonsistu f’li jiġi żgurat il-ġbir korrett tal-VAT u fl-evitar tal-evażjoni (ara s-sentenza EMS-Bulgaria Transport, EU:C:2012:458, punt 75).
47 Madankollu, jekk is-somma globali tal-interessi imposta fuq il-persuna taxxabbli tikkorrispondi għall-ammont tat-taxxa li tista’ titnaqqas, li għaldaqstant iċaħħad lill-persuna taxxabbli mid-dritt tagħha għal tnaqqis, tali sanzjoni għandha titqies li hija sproporzjonata.
48 Fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni finali tan-natura sproporzjonata tas-sanzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija l-kompitu tal-qorti tar-rinviju biss.
49 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni u t-tielet domandi għandha tkun li s-Sitt Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li, skont il-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT, hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li taħtha l-Istat Membru jeżiġi l-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni minkejja li din tkun diġà tħallset fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ reverse charge, permezz ta’ awtofatturazzjoni u ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru tal-bejgħ u tax-xiri tal-persuna taxxabbli.
Fuq l-ispejjeż
50 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 16(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/18/KE, tal-14 ta’ Frar 2006, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28ċ tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni prevista minn din il-leġiżlazzjoni għall-kundizzjoni li l-merkanzija importata u li hija ddestinata għal maħżen tat-taxxa għall-finijiet ta’ din it-taxxa, tkun tqiegħdet fiżikament fih.
2) Is-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata bid-Direttiva 2006/18, għandha tiġi interpretata fis-sens li, skont il-prinċipju ta’ newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud, hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li taħtha l-Istat Membru jeżiġi l-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni minkejja li din tkun diġà tħallset fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ reverse charge, permezz ta’ awtofatturazzjoni u ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru tal-bejgħ u tax-xiri tal-persuna taxxabbli.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.