SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
11 ta’ Settembru 2014 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Taxxa fuq id-dħul — Leġiżlazzjoni għall-ħelsien minn taxxa doppja — Impożizzjoni ta’ taxxa fuq id-dħul minn proprjetà immobbli riċevut fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ residenza — Metodu tal-eżenzjoni b’riżerva ta’ progressività fl-Istat Membru ta’ residenza — Differenza fit-trattament bejn proprjetajiet immobbli li jinsabu fl-Istat Membru ta’ residenza u dawk li jinsabu fi Stat Membru ieħor”
Fil-Kawża C-489/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Antwerpen (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Settembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Settembru 2013, fil-proċedura
Ronny Verest,
Gaby Gerards
vs
Belgische Staat,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, J.-C. Bonichot (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux u M. Jacobs, bħala aġenti,
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.-S. Pilczer, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Cordewener u W. Roels, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, R. Verest u G. Gerards, u, min-naħa l-oħra, il-Belgische Staat dwar it-trattament fiskali, fil-Beljġu, ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Franza.
Il-kuntest ġuridiku
3 L-Artikolu 7(1) tal-kodiċi tat-taxxa fuq id-dħul tal-1992 (iktar ’il quddiem “il-KTD 92”) jipprovdi:
“§ 1. Id-dħul minn proprjetajiet immobbli huwa:
1° għall-proprjetajiet immobbli li ma humiex mikrija:
a) għall-proprjetajiet li jinsabu fil-Belġju:
– id-dħul katastali għal dak li jikkonċerna proprjetajiet immobbli mhux żviluppati, il-materjal u t-tgħamir li għandhom il-karatteristika ta’ binja min-natura jew mill-użu jew l-abitazzjoni msemmija fl-Artikolu 12 § 3;
– id-dħul katastali miżjud b’40 % għal dak li jikkonċerna proprjetajiet oħra;
b) għall-proprjetajiet li jinsabu barra mill-pajjiż: il-valur lokatizju;
[...]”
4 L-Artikolu 13 tal-KTD 92 jipprovdi:
“Għal dak li jikkonċerna l-valur lokatizju, il-kera u l-vantaġġi lokatizji tal-proprjetajiet immobbli, id-dħul nett ifisser l-ammont gross tad-dħul imnaqqas, għal spejjeż ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija, b’:
– 40 % għall-proprjetajiet immobbli żviluppati kif ukoll għall-materjal u għat-tgħammir, li għandhom il-karatteristika ta’ binja min-natura jew mill-użu [...]
[...]”
5 L-Artikolu 155 tal-KTD 92 jipprovdi:
“Id-dħul eżentat bis-saħħa ta’ ftehimiet internazzjonali għall-prevenzjoni ta’ taxxa doppja għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tat-taxxa, iżda din għandha titnaqqas proporzjonalment mal-parti tad-dħul eżentat fit-total tad-dħul.
[...]”
6 L-Artikolu 3(1) tal-ftehim bejn Franza u l-Belġju għall-ħelsien minn taxxa doppja u għall-istabbiliment ta’ regoli ta’ assistenza amministrattiva u ġuridika reċiprioka fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul, iffirmat fi Brussell fl-10 ta’ Marzu 1964 (iktar ’il quddiem il-“ftehim għall-prevenzjoni ta’ taxxa doppja”), jipprovdi kif ġej:
“Id-dħul li joriġina minn proprjetajiet immobbli, inkluż l-aċċessorji kif ukoll l-annimali mejtin jew ħajjin tal-impriżi agrikoli u forestali, għandu jiġi ntaxxat biss fl-Istat kontraenti li fih jinsabu dawn il-proprjetajiet.”
7 L-Artikolu 19(A)(2) u (4) tal-ftehim għall-prevenzjoni ta’ taxxa doppja jipprovdi:
“It-taxxa doppja għandha tiġi evitata kif ġej:
A. Fir-rigward tal-Belġju:
[...]
2. Id-dħul minbarra dak imsemmi fil-paragrafu (1) iktar ’il fuq huwa eżentat mit-taxxi Belġjani msemmija fl-Artikolu 2(3)(A) ta’ dan il-ftehim, meta l-impożizzjoni tat-taxxa hija attribwita lil Franza.
[...]
4. Minkejja d-dispożizzjonijiet preċedenti, it-taxxi Belġjani koperti minn dan il-ftehim jistgħu jiġu kkalkolati, fuq id-dħul taxxabbli fil-Belġju skont dan il-ftehim, bir-rata li tikkorrispondi għad-dħul taxxabbli kollu skont il-leġiżlazzjoni Belġjana.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
8 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirrisjedu fil-Belġju, fejn id-dħul tagħhom huwa suġġett għat-taxxa. Wara li xtraw proprjetà immobbli fi Franza fix-xahar ta’ Awwissu 2004, huma ppreżentaw, is-sena sussegwenti, dikjarazzjoni tat-taxxa li kienet is-suġġett ta’ korrezzjonijiet min-naħa tal-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani. Dawn il-korrezzjonijiet ġew ikkontestati mir-rikorrenti, li ressqu kawża quddiem ir-rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (qorti tal-Prim’Istanza ta’ Anvers).
9 Wara li r-rikors tagħhom ġie miċħud, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell quddiem il-hof van beroep te Antwerpen (qorti tal-appell ta’ Anvers).
10 Skont din l-aħħar qorti, it-tilwima li tressqet quddiemha tikkonċerna t-trattament fiskali fil-Belġju ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Franza. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li, skont il-ftehim għall-prevenzjoni ta’ taxxa doppja, id-dħul mill-proprjetajiet immobbli huwa taxxabbli biss fl-Istat li fih tkun tinsab il-proprjetà. Din l-eżenzjoni hija suġġetta favur ir-Renju tal-Belġju għal riżerva ta’ progressività li abbażi tagħha d-dħul minn proprjetajiet immobbli li jinsabu fi Franza jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tar-rata ta’ impożizzjoni ta’ taxxa applikabbli għad-dħul taxxabbli fil-Belġju.
11 Il-hof van beroep te Antwerpen tirrileva wkoll li d-dħul minn proprjetajiet li ma humiex mikrija, li jinsabu fil-Belġju, huwa ddeterminat abbażi tad-dħul katastali u li dħul ipotetiku minn proprjetà immobbli huwa stabbilit b’mod simili fi Franza. Madankollu, skont l-Artikolu 7 tal-KTD 92, id-dħul minn proprjetajiet immobbli li ma humiex mikrija, iżda li jinsabu fi Stat għajr milli fil-Belġju, huwa ddeterminat skont il-valur lokatizju tagħhom biss. Id-dħul katastali Belġjan u d-dħul katastali Franċiż huma paragunabbli, iżda d-dħul katastali huwa, bħal regola ġenerali, inqas mill-valur lokatizju.
12 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-hof van beroep te Antwerpen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Artikolu 56 KE jipprekludi l-impożizzjoni ta’ taxxa fi Stat Membru fuq beni immobbli mhux mikrija li jinsabu fi Stat Membru ieħor fuq bażi oħra li ma hijiex dik tad-dħul katastali lokali tagħhom meta, b’mod partikolari fil-każ preżenti, ikun magħruf li d-dħul katastali lokali huwa ddeterminat b’mod simili għad-dħul katastali Belġjan minn beni [proprjetajiet] immobbli Belġjani?”
Fuq id-domanda preliminari
Fuq il-portata tad-domanda
13 Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, huwa l-obbligu, jekk huwa l-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha (sentenza Brey, C-140/12, EU:C:2013:565, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
14 Għaldaqstant, sabiex tkun tista’ tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, hemm lok li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi evalwata fil-kuntest fattwali u ġuridiku tagħha, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju.
15 Huwa paċifiku li l-kawża prinċipali tikkonċerna t-trattament fiskali tad-dħul minn proprjetà immobbli li ma hijiex mikrija mixtrija fi Franza minn residenti Belġjani, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Skont il-ftehim għall-prevenzjoni ta’ taxxa doppja konkluż bejn dawn iż-żewġ Stati Membri, id-dħul minn proprjetà immobbli relatat ma’ din il-proprjetà huwa intaxxat biss fi Franza. Madankollu, klawżola, imsejħa “ta’ riżerva ta’ progressività”, tippermetti lill-awtoritajiet Belġjani jieħdu inkunsiderazzjoni dan id-dħul sabiex jiddeterminaw ir-rata ta’ impożizzjoni ta’ taxxa applikabbli biss għad-dħul taxxabbli fil-Belġju.
16 Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-modalitajiet li jippermettu li jiġi ddeterminat id-dħul li joriġina minn proprjetajiet immobbli mhux mikrija huma differenti skont jekk il-proprjetà tinsabx fil-Belġju jew fi Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, id-dħul mill-proprjetà immobbli mhux mikrija li tinsab fi Franza huwa ddeterminat abbażi tal-valur lokatizju li l-ammont tiegħu huwa ogħla mid-dħul katastali ta’ proprjetà simili li tinsab fil-Belġju.
17 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm għaldaqstant lok li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 63 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, fil-każ tal-applikazzjoni ta’ klawżola ta’ progressività li tinsab fi ftehim għall-prevenzjoni ta’ taxxa doppja, li, għad-determinazzjoni tar-rata ta’ impożizzjoni ta’ taxxa fuq id-dħul, id-dħul li jirriżulta minn proprjetà immobbli mhux mikrija li tinsab fi Stat Membru ieħor għandu jiġi ffissat abbażi tal-“valur lokatizju” tagħha, filwaqt li dak li jirriżulta minn tali proprjetà iżda li tinsab fl-ewwel Stat Membru għandu jiġi ffissat abbażi tad-“dħul katastali” tiegħu u dan l-aħħar dħul, bħala regola ġenerali, huwa inqas mill-“valur lokatizju”.
Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital
18 Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ miżuri ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni adottati mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jistabbilixxu l-kriterji ta’ impożizzjoni ta’ taxxa fuq id-dħul u fuq il-kapital sabiex tiġi eliminata, jekk ikun il-każ permezz ta’ ftehim, it-tassazzjoni doppja. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri jistgħu, fil-kuntest ta’ ftehimiet bilaterali intiżi għall-ħelsien minn taxxa doppja, jistabbilixxu l-fatturi ta’ konnessjoni għall-finijiet tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni fiskali (sentenza Imfeld u Garcet, C-303/12, EU:C:2013:822, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
19 Madankollu, dan it-tqassim tal-ġurisdizzjoni fiskali ma jippermettix lill-Istati Membri japplikaw miżuri li jmorru kontra l-movimenti liberi ggarantiti mit-Trattat FUE. Fil-fatt, fir-rigward tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ impożizzjoni ta’ taxxa hekk imqassma fil-kuntest tal-ftehimiet bilaterali għall-prevenzjoni ta’ taxxa doppja, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw rwieħhom mar-regoli tal-Unjoni (sentenza Imfeld u Garcet, EU:C:2013:822, punt 42).
20 Minn dan jirriżulta li, bla ħsara għall-osservanza tal-movimenti liberi ggarantiti mit-Trattat, Stat Membru għandu l-libertà li jipprevedi, bil-għan tal-impożizzjoni ta’ taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi, metodi ta’ evalwazzjoni tad-dħul minn proprjetà immobbli mhux mikrija li jvarjaw skont jekk il-proprjetà tkunx tinsab f’dan l-Istat Membru jew fi Stat Membru ieħor.
21 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, bħala restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddiswadu lir-residenti ta’ Stat Membru milli jinvestu fil-proprjetà immobbli fi Stati Membri oħra (sentenza Libert et, C-197/11 u C-203/11, EU:C:2013:288, punt 44).
22 F’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, huwa paċifiku li d-dħul kollu minn proprjetà immobbli tar-residenti Belġjani huwa meħud inkunsiderazzjoni meta tiġi ffissata r-rata ta’ impożizzjoni ta’ taxxa applikabbli għad-dħul taxxabbli tagħhom fil-Belġju. Huwa wkoll paċifiku li d-dħul minn proprjetà immobbli mhux mikrija li tinsab fil-Belġju huwa ddeterminat abbażi tad-dħul katastali, li l-ammont tiegħu huwa iżgħar mill-valur lokatizju meqjus għad-determinazzjoni tad-dħul minn tali proprjetà li tinsab fi Stat Membru ieħor.
23 Hija l-qorti tar-rinvju li għandha tivverifika jekk, minħabba dan, id-dħul taxxabbli tar-residenti Belġjani sidien ta’ proprjetà immobbli mhux mikrija li tinsab fi Stat Membru għajr milli fil-Belġju jistax jiġi suġġett għal rata ta’ impożizzjoni ta’ taxxa ogħla minn dik applikabbli għad-dħul ta’ dawn ir-residenti li għandhom proprjetà simili fil-Belġju.
24 Jekk dan ikun il-każ, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun tikkostitwixxi differenza fit-trattament li tista’ tiddiswadi lir-residenti Belġjani milli jinvestu fil-proprjetà fi Stati Membri għajr milli fil-Belġju, fatt li huwa ta’ natura li jwassal għal restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital, ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE.
Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni fir-rigward tar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital
25 Skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, l-Artikolu 63 TFUE ma jippreġudikax id-dritt li l-Istati Membri għandhom li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn il-persuni li jħallsu t-taxxa li ma humiex fl-istess sitwazzjoni f’dak li jikkonċerna l-post ta’ residenza tagħhom jew il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit.
26 Din id-dispożizzjoni, sa fejn din tikkostitwixxi deroga għall-moviment liberu tal-kapital, għandha tkun interpretata b’mod strett. Għaldaqstant, din ma tistax tiġi interpretata fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tagħmel distinzjoni bejn il-persuni li jħallsu t-taxxa skont il-post fejn ikunu residenti jew skont l-Istat Membru fejn jinvestu l-kapital tagħhom hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat (ara s-sentenza Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, C-190/12, EU:C:2014:249, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 Fil-fatt, id-deroga prevista mill-imsemmija dispożizzjoni hija fiha nnifisha limitata mill-Artikolu 65(3) TFUE, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63” (ara s-sentenza Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, EU:C:2014:249, punt 56).
28 Id-differenzi fit-trattament awtorizzati mill-Artikolu 65(1)(a) TFUE għandhom b’hekk jiġu distinti mid-diskriminazzjonijiet ipprojbiti mill-Artikolu 65(3). Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tkun tista’ titqies li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament li tirriżulta tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament komparabbli jew li d-differenza tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara s-sentenza Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, EU:C:2014:249, punt 57).
29 Minn naħa, fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li, bis-saħħa tal-ftehim għall-prevenzjoni ta’ taxxa doppja kif applikat fil-Belġju, id-dħul minn proprjetajiet immobbli li jinsabu fi Franza ma huwiex intaxxat fil-Belġju, filwaqt li d-dħul minn proprjetajiet immobbli li jinsabu f’dan l-aħħar Stat Membru huwa inkluż fil-bażi taxxabbli. Madankollu, dan il-ftehim jippermetti lill-awtoritajiet Belġjani jieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul minn proprjetajiet immobbli li jinsabu fi Franza sabiex jiddeterminaw, b’applikazzjoni tar-“riżerva ta’ progressività” prevista minn dan il-ftehim, ir-rata ta’ impożizzjoni ta’ taxxa applikabbli għad-dħul taxxabbli fil-Belġju.
30 Hemm lok li jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-metodu tal-eżenzjoni b’“riżerva ta’ progressività” jippermetti li jiġi żgurat li d-dħul ta’ persuna li tħallas it-taxxa li huwa eżentat fl-Istat Membru ta’ residenza jista’ xorta waħda jittieħed inkunsiderazzjoni minn dan tal-aħħar sabiex tiġi applikata r-regola ta’ progressività meta jkun qiegħed jiġi kkalkolat l-ammont tat-taxxa fuq il-kumplament tad-dħul tal-persuna li tħallas it-taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Asscher, C-107/94, EU:C:1996:251, punt 47).
31 L-għan ta’ tali leġiżlazzjoni huwa li jiġi evitat li, fl-Istat Membru ta’ residenza, id-dħul taxxabbli ta’ persuna li tħallas it-taxxa, sid ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru ieħor, jiġi intaxxat b’rata ta’ impożizzjoni ta’ taxxa iktar baxxa minn dik applikabbli għad-dħul tal-persuni li jħallsu t-taxxa, sidien ta’ proprjetajiet simili fl-Istat Membru ta’ residenza.
32 Fid-dawl ta’ dan l-għan, is-sitwazzjoni tal-persuni li jħallsu t-taxxa li xtraw proprjetà immobbli fl-Istat Membru ta’ residenza hija paragunabbli ma’ dik tal-persuni li jħallsu t-taxxa li xtraw tali proprjetà fi Stat Membru ieħor.
33 Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Gvern Belġjan ma invoka ebda għan ta’ interess ġenerali li jista’ jservi ta’ ġustifikazzjoni.
34 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li risposta għad-domanda preliminari magħmula tkun li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din tista’ twassal, meta tiġi applikata klawżola ta’ progressività li tinsab fi ftehim għall-prevenzjoni ta’ taxxa doppja, għal rata ogħla ta’ impożizzjoni ta’ taxxa fuq id-dħul minħabba s-sempliċi fatt li l-metodu ta’ determinazzjoni tad-dħul mill-proprjetajiet immobbli jwassal sabiex dak li joriġina minn proprjetajiet immobbli mhux mikrija li jinsabu fi Stat Membru ieħor jiġi vvalutat b’ammont ikbar minn dak li joriġina minn tali proprjetajiet li jinsabu fl-ewwel Stat Membru. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex tassew l-effett tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
Fuq l-ispejjeż
35 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din tista’ twassal, meta tiġi applikata klawżola ta’ progressività li tinsab fi ftehim għall-prevenzjoni ta’ taxxa doppja, għal rata ogħla ta’ impożizzjoni ta’ taxxa fuq id-dħul minħabba s-sempliċi fatt li l-metodu ta’ determinazzjoni tad-dħul mill-proprjetajiet immobbli jwassal sabiex dak li joriġina minn proprjetajiet immobbli mhux mikrija li jinsabu fi Stat Membru ieħor jiġi vvalutat b’ammont ikbar minn dak li joriġina minn tali proprjetajiet li jinsabu fl-ewwel Stat Membru. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex tassew l-effett tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.