SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
9 ta’ Ottubru 2014 (*)
“Talba għal deċiżjoni preliminari — Kompetizzjoni — Għajnuna mill-Istat — Artikolu 107(1) TFUE — Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ — Taxxa fuq il-proprjetà fuq il-proprjetajiet immobbli — Eżenzjoni fiskali”
Fil-Kawża C-522/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado Contencioso-Administrativo n°1 de Ferrol (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ April 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Ottubru 2013, fil-proċedura
Ministerio de Defensa,
Navantia SA
vs
Concello de Ferrol,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn, J.-C. Bonichot President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur), u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Concello de Ferrol, minn M. Villalba López, avoué, u D. Vidal Lorenzo, abogado,
– għall-Gvern Spanjol, minn L. Banciella Rodríguez-Miñón, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier u B. Stromsky, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Ministerio de Defensa (Ministeru tad-Difiża Spanjol) u Navantia SA (iktar 'il-quddiem “Navantia”) u ċ-Concello de Ferrol (Komun ta’ Ferrol), dwar eżenzjoni mit-taxxa ta’ proprjetà marbuta ma’ art disponibbli għal din il-kumpannija.
Il-kuntest ġuridiku
3 Id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 2/2004 li approva verżjoni kkonsolidata tal-liġi li tirregola l-finanzi lokali (Real Decreto Legislativo 2/2004 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley Reguladora de las Haciendas Locales), tal-5 ta’ Marzu 2004 (BOE Nru 59, tad-9 ta’ Marzu 2004, p. 10284), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar 'il quddiem il-“Liġi tal-2004”), jiddefinixxi t-taxxa fuq il-proprjetà bħala “taxxa diretta, reali, fuq il-valur tal-proprjetajiet immobbli skont il-modalitajiet iddefiniti f’din il-liġi”.
4 L-Artikolu 61(1) tal-Liġi tal-2004 jipprovdi:
“Il-fatt li jagħti lok għat-taxxa huwa kkostitwit miż-żamma tad-drittijiet li ġejjin fuq il-proprjetajiet immobbli rurali jew urbani u fuq il-proprjetajiet immobbli li għandhom karatteristiċi speċjali:
a) konċessjoni amministrattiva fuq il-proprjetajiet immobbli stess jew fuq is-servizzi pubbliċi li għalihom huma marbuta;
b) dritt reali ta’ superfiċje;
c) dritt reali ta’ użufrutt;
d) id-dritt għall-proprjetà.”
5 L-Artikolu 62 tal-imsemmija liġi, intitolat “Eżenzjonijiet”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1(a) tiegħu:
“Huma eżenti l-proprjetajiet immobbli li ġejjin:
a) Dawk li jappartjenu lill-Istat, lill-komunitajiet awtonomi jew lill-awtoritajiet lokali u li huma direttament użati għas-sigurtà taċ-ċittadini kif ukoll għas-servizzi edukattivi u ta’ ħabsijiet, kif ukoll il-proprjetajiet immobbli tal-Istat użati għad-difiża nazzjonali.”
6 L-Artikolu 63(1) u (2) tal-Liġi tal-2004 jipprovdi:
“1. Huma persuni taxxabbli, bħala persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi [...] li għandhom id-dritt li jikkostitwixxi, f’kull każ, il-fatt li jagħti lok għal din it-taxxa.
[…]
2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuna taxxabbli li tgħaddi l-piż fiskali mħallas lil persuni oħrajn, skont ir-regoli tad-dritt komuni.
L-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-entitajiet jew organi msemmija fil-paragrafu preċedenti jittrasferixxu l-parti tal-ammont tat-taxxa dovuta li tapplika lill-persuni li, peress li ma għandhomx il-kwalità ta’ persuni taxxabbli, jużaw il-proprjetajiet immobbli jew patrimonjali tagħhom għal remunerazzjoni. Dawn tal-aħħar huma marbuta li jkunu responsabbli għal dan it-trasferiment. Għal dan il-għan, l-ammont ittrasferit huwa ddeterminat skont il-parti tal-valur katastali korrispondenti għas-superfiċje użat u għall-bini relatat direttament ma’ kull inkwilin jew ċessjonarju tad-dritt ta’ użu.”
Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
7 Navantia hija impriża kompletament proprjetà tal-Istat Spanjol. L-attività tagħha tikkonsisti fil-bini u l-manutenzjoni ta’ bastimenti tal-gwerra għall-Istat Spanjol u għal Stati oħra, Membri jew le tal-Unjoni Ewropea jew le, kif ukoll il-manifattura, it-tiswija u l-manutenzjoni ta’ prodotti varji għas-settur privat, prinċipalment fil-qasam navali u tal-enerġija.
8 Navantia għandha tarzna li tinsab fit-territorju tal-Concello de Ferrol, li s-superfiċje tagħha tammonta għal 932 348 m2. Skont ftehim iffirmat fis-6 ta’ Settembru 2001, l-Istat Spanjol poġġa l-qatgħa art, li hija proprjetà tagħha, u li tikkorrispondi għal din it-tarzna disponibbli lil Navantia, fil-forma ta’ ċessjoni tad-dritt ta’ użu, għall-ammont ta’ euro kull sena (iktar 'il quddiem il-“Ftehim tal-2001”).
9 It-taxxa fuq il-proprjetà fuq din il-qatgħa art, li l-ammont tagħha huwa ta’ EUR 590 308.77 għall-2010, ġiet imposta mill-Concello de Ferrol għas-snin finanzjarji qabel l-2008.
10 Bħala proprjetarja tal-imsemmija qatgħa art, u minħabba ċ-ċessjoni tad-dritt biss għall-użu lil Navantia, huwa l-Istat Spanjol li huwa suġġett għat-taxxa fuq il-proprjetà, skont l-Artikolu 61(1)(d) tal-Liġi tal-2004. Skont il-Ftehim tal-2001, l-Istat Spanjol jittrasferixxi l-ammont ta’ din it-taxxa fuq Navantia, hekk li, finalment, hija din tal-aħħar li għandha ssostni l-piż.
11 Għas-sena finanzjarja 2008 u s-snin finanzjarji sussegwenti, l-Istat Spanjol u Navantia talbu lill-Concello de Ferrol, abbażi tal-Artikolu 62(1)(a) tal-Liġi tal-2004, il-benefiċċju ta’ eżenzjoni fiskali tat-taxxa fuq il-proprjetà dovuta għall-qatgħa art li fuqha t-tarzna hija stabbilita, liema talba ġiet miċħuda. Din iċ-ċaħda ġiet ikkontestata quddiem il-qrati kompetenti u hija din il-kwistjoni li hija s-suġġett tal-proċeduri fil-kawża prinċipali.
12 Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2012, it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (Qorti Superjuri ta’ Galicia) annulla sentenza preċedenti tal-Juzgado Contencioso Administrativo n 1 de Ferrol, tal-25 ta’ Novembru, 2011, li biha din tal-aħħar kienet ċaħdet ir-rikors li hija kienet adita bih, peress li l-imsemmi Tribunal kien indika li kellha tingħata l-eżenzjoni fiskali mitluba. Għaldaqstant il-kawża ġiet irrinvjata quddiem il-qorti tar-rinviju.
13 Il-Juzgado Contencioso-Administrativo n 1 de Ferrol qieset li l-benefiċċju tal-eżenzjoni fiskali mitluba tista’ timplika l-għoti, lil Navantia, ta’ għajnuna mill-Istat kuntrarja għall-Artikolu 107(1) TFUE, peress li din l-eżenzjoni ser tingħata permezz ta’ fondi pubbliċi lil impriża li tappartjeni lill-Istat u li hija tali li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.
14 Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tqis li, bħala benefiċjarja aħħarija tal-eżenzjoni mitluba, Navantia tikseb vantaġġ selettiv, sa fejn il-piż fiskali normalment sostnut — u sostnut mill-kompetituri privati tagħha fil-qasam tal-bini tal-bastimenti — jitnaqqas, permezz ta’ telf ta’ dħul għall-Concello de Ferrol. Fid-dawl ta’ dan it-tisħiħ tal-pożizzjoni kompetittiva ta’ Navantia fis-swieq ikkonċernati mill-attivitajiet militari u ċivili tagħha, minn naħa, il-kompetizzjoni tiġi potenzjalment distorta u min-naħa l-oħra, il-kummerċ bejn Stati Membri ser jiġi affettwat.
15 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Juzgado Contencioso-Administrativo n°1 de Ferrol iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-proprjetà li tibbenefika minnha [Navantia] hija kompatibbli mal-Artikolu [107 TFUE]? L-eżenzjoni fiskali li Stat Membru [ir-Renju ta’ Spanja] jista’ jipprevedi fir-rigward ta’ art [...] li hija proprjetà tiegħu, imqegħda għad-dispożizzjoni ta’ impriża privata li l-kapital tagħha huwa totalment proprjetà pubblika [...] u li minnha hija tipprovdi beni u servizzi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kummerċ bejn Stati Membri, hija kompatabbili mal-Artikolu 107 TFUE?”
Fuq id-domanda preliminari
16 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, ipprojbita taħt din id-dispożizzjoni, l-eżenzjoni minn taxxa fuq il-proprjetà ta’ qatgħa art proprjetà tal-Istat u disponibbli lil impriża li din tal-aħħar hija proprjetarja tal-kapital kollu tal-istess impriża u li tipproduċi, minn din il-qatgħa art, oġġetti u servizzi li jistgħu jkunu kummerċjati bejn l-Istati Membri fis-swieq miftuħa għall-kompetizzjoni.
17 Għandu jiġi osservat preliminarjament li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex adita bil-kwistjoni tal-kompatibbiltà mal-Artikolu 107 TFUE tad-disponibbiltà għal impriża privata, minn Stat Membru, ta’ art għal prezz simboliku.
18 Rigward id-domanda magħmula, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, tkun inkompatibbli mas-suq intern, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat ta’ kwalunkwe forma li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi.
19 Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teżiġi li l-kundizzjonijiet kollha msemmijin f’din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti (sentenza Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, C-399/08 P, EU:C:2010:481, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 Għalhekk, sabiex miżura nazzjonali tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, l-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, it-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura tali li jista’ jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, it-tielet nett, l-intervent għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu u, ir-raba’ nett, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, EU:C:2010:481, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, it-tielet minn dawn il-kundizzjonijiet, li skontha l-miżura inkwistjoni għandha tagħti tiġi analizzata bħala l-għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi, jew li għandhom jitqiesu bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenza Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, EU:C:2010:481, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
22 B’hekk, huma meqjusa b’mod partikolari bħala għajnuna, l-interventi li, taħt forom differenti, inaqqsu l-piż li normalment jaqa’ fuq il-finanzi ta’ impriża u li, bl-istess mod, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni et u Il-Kummissjoni vs Franza et, C-399/10 P u C-401/10 P, EU:C:2013:175, punt 101).
23 Minn dan jirriżulta li miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi trattament fiskali vantaġġuż li, għalkemm ma tinkludix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli mill-kontribwenti l-oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għall-kuntrarju, vantaġġi li jirriżultaw minn miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE (sentenza P, C-6/12, EU:C:2013:525, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).
24 F’dan il-każ, mill-proċess li huwa disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, Navantia hija marbuta, skont il-Ftehim tal-2001 li tirrimborsa lill-Istat Spanjol it-taxxa fuq il-proprjetà dovuta lill-Concello de Ferrol, skont l-Artikoli 60 u 61 tal-Liġi tal-2004, għall-qatgħa art li hija disponibbli għaliha u li fuqha stabbiliet it-tarzna tagħha u, min-naħa l-oħra, l-eżenzjoni fiskali kontenzjuża, prevista fl-Artikolu 62 tal-istess liġi, għandha l-effett li l-ebda ħlas ta’ din it-taxxa ma jsir, la lill-Concello de Ferrol mill-Istat Spanjol u lanqas, konsegwentement, li dan tal-aħħar minn Navantia.
25 Barra minn hekk, huwa paċifiku li, skont l-Artikolu 61(1) tal-Liġi tal-2004, kull impriża li topera fuq art privata jew pubblika u li tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni hija suġġetta għal taxxa fuq il-proprjetà. F’dan ir-rigward, il-Concello de Ferrol sostna li kważi l-impriża kollha jissodisfaw waħda minn dawn il-kundizzjonijiet u li huwa biss il-mekkaniżmu partikolari taċ-ċessjoni tad-dritt ta’ użu, implementat mill-Ftehim tal-2001, li jippermetti lil-Navantia li tevita li tiġi kklassifikata bħala persuna taxxabbli.
26 Barra minn hekk, kif ġie ppreċiżat mill-Concello de Ferriol, mill-Artikolu 63(2) tal-imsemmija liġi jirriżulta li, fil-każijiet atipiċi, bħal dak tal-kawża prinċipali, fejn l-użu ta’ art ma jkunx akkumpanjat minn wieħed mid-drittijiet li jikkostitwixxu l-fatt li jagħti lok għat-taxxa fuq il-proprjetà, hemm obbligu legali għall-Istat Spanjol li jittrasferixxi din it-taxxa fuq l-utent tal-art. Il-Ftehim tal-2001 jissodisfa dan l-obbligu legali.
27 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li t-taxxa fuq il-proprjetà tikkostitwixxi taxxa normalment dovuta minn Navantia u li l-eżenzjoni li hija tibbenefika minnha għandha l-effett li tnaqqas direttament, mingħajr ebda ħtieġa ta’ intervent ulterjuri, il-piż li normalment jaqa’ fuq il-baġit ta’ impriża li tinsab f’sitwazzjoni identika għal dik tagħha. Konsegwentement, jidher li tali eżenzjoni fiskali tagħti vantaġġ ekonomiku lil Navantia.
28 Sa fejn il-Gvern Spanjol jirrileva li, skont l-Artikolu 62(1)(a) tal-Liġi tal-2004, l-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni ma kinitx stabbilita għall-benefiċċju ta’ impriżi bħalma hija Navantia, iżda biss għall-benefiċċju tal-Istat Spanjol bħala persuna taxxabbli għat-taxxa fuq il-proprjetà u li l-għanijiet segwiti jirigwardaw kunsiderazzjonijiet ta’ difiża nazzjonali, għandu jitfakkar li l-motivi li jsostnu miżura ta’ għajnuna ma humiex biżżejjed sabiex jeskludu ipso facto tali miżura mill-kwalifika bħala “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 107(1)TFUE, peress li din id-dispożizzjoni ma tagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda tiddefinihom skont l-effetti tagħhom (sentenzi Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni, C-71/09 P, C-73/09 P u C-76/09 P, EU:C:2011:368, punt 94, kif ukoll Il-Kummissjoni vs EDF, C-124/10 P, EU:C:2012:318, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).
29 Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 24 sa 26 ta’ din is-sentenza, jidher li, skont l-Artikoli 62(1)(a) u 63(2) tal-Liġi tal-2004 kif ukoll skont il-Ftehim tal-2001, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-proprjetà twassal li jkun hemm tnaqqis direttament, mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda intervent ulterjuri, fil-piżijiet li, fl-assenza ta’ tali eżenzjoni, jaqgħu fil-baġit ta’ Navantia.
30 Sa fejn il-Gvern Spanjol isostni li tali eżenzjoni għandha titqies bħala kumpens li jirrappreżenta l-korrispettiv għas-servizzi pprovduti minn Navantia sabiex twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku, b’tali mod li din il-miżura ma ġġib ebda vantaġġ għal din l-impriża, għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza ta’ rabta bejn, minn naħa, din l-eżenzjoni u, min-naħa l-oħra, servizzi eventwali ta’ interess pubbliku mogħtija minn Navantia bl-ebda mod ma tirriżulta mill-proċess disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja.
31 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-eżenzjoni tat-taxxa fuq il-proprjetà mitluba tagħti vantaġġ ekonomiku lil Navantia.
32 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 107 TFUE jipprojbixxi l-għajnuna li “tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, jiġifieri l-għajnuna selettiva (sentenza P, EU:C:2013:525, punt 17).
33 B’hekk, għalkemm miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi trattament fiskali vantaġġuż li, għalkemm ma tinkludix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli mill-kontribwenti l-oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dan ma japplikax għal vantaġġi li jirriżultaw minn miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha, li ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-istess dispożizzjoni (sentenza P, EU:C:2013:525, punt 18).
34 F’dan ir-rigward minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 107(1) TFUE jirrikjedi li jkun iddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema ġuridika partikolari, miżura nazzjonali hijiex ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li jkunu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli (sentenza Il-Portugal vs Il-Kummissjoni, C-88/03, EU:C:2006:511, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
35 Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali nazzjonali bħala “selettiva” teħtieġ, qabel kollox, l-identifikazzjoni u l-eżami minn qabel tas-sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat. Huwa fil-konfront ta’ din is-sistema fiskali komuni jew “normali” li mbagħad għandha tiġi evalwata u stabbilita n-natura eventwalment selettiva tal-vantaġġ mogħti mill-miżura fiskali inkwistjoni, u dan filwaqt li jintwera li din il-miżura tidderoga mis-sistema komuni msemmija sa fejn tiddistingwi bejn l-operaturi li, fid-dawl tal-għan marbut mas-sistema fiskali ta’ dan l-Istat Membru, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (sentenza Paint Graphos et, C-78/08 sa C-80/08, EU:C:2011:550, punt 49).
36 F’dan ir-rigward, mill-provi disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li, skont l-Artikoli 60 sa 63 tal-Liġi tal-2004, kull pussess jew użu ta’ art iwassal, fil-prinċipju, għall-issuġġettar għat-taxxa fuq il-proprjetà. Għaldaqstant, għandu jitqies li l-iskema ta’ din it-taxxa tikkostitwixxi s-sistema legali ta’ referenza għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eventwali natura selettiva tal-miżura inkwistjoni.
37 Min-naħa l-oħra, diġà ġie nnutat li, b’deroga għar-regola ġenerali msemmija fil-punt preċedenti, l-użu tal-qatgħa art li fuqha tinstab it-tarzna ta’ Navantia huwa, skont l-eżenzjoni l-eżenzjoni kontenzjuża u skont il-Ftehim tal-2001, sa fejn dan tal-aħħar jipprovdi għaċ-ċessjoni ta’ din l-impriża tad-dritt biss tal-użu ta’ din il-qatgħa art, eżenti mit-taxxa fuq il-proprjetà.
38 Għaldaqstant għandu jiġi ddeterminat jekk eżenzjoni fiskali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex tali li tiffavorixxi lil Navantia meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli fid-dawl tal-għan imfittex miss-sistema tat-taxxa Spanjola fuq il-proprjetà, jiġifieri t-tassazzjoni tal-pussess jew tal-użu ta’ art.
39 F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li l-eżenzjoni għall-proprjetajiet immobbli tal-Istat “użati għad-difiża nazzjonali”, prevista fl-Artikolu 62(1)(a) tal-Liġi tal-2004, tista’ tapplika għall-attivitajiet kollha ta’ impriża bħalma hija Navantia, mingħajr il-ħtieġa li ssir distinzjoni jekk humiex ta’ natura militari jew ċivili, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.
40 Għaldaqstant, għandu jitqies li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli għal dik ta’ Navantia, fid-dawl tal-għan tat-taxxa tal-pussess jew tal-użu tal-art, mhux biss l-impriżi li jippossjedu jew jużaw artijiet għal finijiet li parzjalment huwa tad-difiża nazzjonali, iżda wkoll dawk li jippossjedu jew jużaw artijiet għal finijiet purament ċivili.
41 Għaldaqstant, huwa evidenti li, meta mqabbla ma’ dan l-aħħar grupp ta’ impriżi, Navantia tibbenefika, sa fejn jirrigwarda l-attivitajiet ċivili tagħha, minn benefiċċju fiskali li ma jistgħux jippretenduh kumpanniji oħra li huma f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli. Għaldaqstant, għandu jitqies li l-vantaġġ fiskali meqjus għandu a priori natura selettiva.
42 Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ma jirreferix għall-miżuri tal-Istat li jintroduċu differenzazzjoni bejn l-impriżi u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta din id-differenzazzjoni tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema ta’ spejjeż li huma jagħmlu parti minnha, li huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu juri dan (sentenza Il-Portugal vs Il-Kummissjoni, EU:C:2006:511, punti 52 u 80 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
43 Miżura li tidderoga mill-applikazzjoni tas-sistema fiskali ġenerali tista’ tkun iġġustifikata min-natura u mill-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali jekk l-Istat Membru kkonċernat jista’ juri li din il-miżura tirriżulta direttament mill-prinċipji fundamentali jew prinċipali tas-sistema fiskali tiegħu. F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-għanijiet assenjati lil sistema fiskali partikolari u li huma esterni għaliha u, min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmi inerenti għas-sistema fiskali fiha nnifisha li huma meħtieġa sabiex jintlaħqu tali għanijiet (sentenza Il-Portugal vs Il-Kummissjoni, EU:C:2006:511, punt 81).
44 F’dan il-każ, mill-evidenza mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-gvern Spanjol invoka xi argument sabiex juri li l-eżenzjoni fiskali mitluba tirriżulta direttament mill-prinċipji fundamentali jew prinċipali tas-sistema fiskali ta’ dan l-Istat Membru lanqas li hija meħtieġa għat-tħaddim u għall-effiċjenza ta’ din is-sistema fiskali. Barra minn hekk, kif innutat mill-Kummissjoni Ewropea, eżenzjoni għall-proprjetajiet immobbli fl-Istat użati għad-difiża nazzjonali ma tidhirx li hija relatata direttament mal-għanijiet tat-taxxa fuq il-proprjetà stess. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk hemmx xi ġustifikazzjoni fid-dawl tal-aspetti rilevanti kollha tal-kawża li hija adita biha.
45 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jitqies li, f’dan il-każ, it-tielet kundizzjoni, dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku għall-benefiċjarju tal-miżura ta’ eżenzjoni mitluba, tista’ tiġi ssodisfatta.
46 Fit-tieni lok, rigward l-ewwel kundizzjoni, dwar intervent tal-Istat jew permess ta’ riżorsi tal-Istat, għandu jitfakkar li, huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat jew li jammontaw għal piż supplimentari għall-Istat li għandhom jitqiesu bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fatt, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni u tar-regoli tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 108 TFUE jirriżulta li l-vantaġġi mogħtija permezz ta’ mezzi oħra barra r-riżorsi tal-Istat ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni (sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni et u Il-Kummissjoni vs Franza et, EU:C:2013:175 punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).
47 Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk hemmx rabta suffiċjentement diretta bejn, minn naħa, il-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju u, min-naħa l-oħra, tnaqqis tal-baġit tal-Istat, jew riskju ekonomiku suffiċjentement konkret ta’ piżijiet li jaqgħu fuqha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni et u Il-Kummissjoni vs Franza et, EU:C:2013:175, punt 109).
48 F’dan ir-rigward, minn naħa, ma huwiex ikkontestat li l-eżenzjoni fiskali mitluba kienet introdotta mill-Istat Spanjol u li hija għaldaqstant tikkostitwixxi intervent minn dan tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li t-tnaqqis ta’ piż li normalment jaqa’ fuq il-baġit ta’ Navantia, li tirriżulta minn din l-eżenzjoni, għandu bħala korollarju tnaqqis tal-baġit tal-Concello de Ferrol.
49 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kundizzjoni dwar intervent mill-Istat permezz tar-riżorsi tiegħu tista’ titqies li ġiet issodisfatta, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan.
50 Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tal-gvern Spanjol li bihom hija tirreferi għas-sentenzi Streekgewest (C-174/02, EU:C:2005:10) kif ukoll Distribution Casino France et (C-266/04 sa C-270/04, C-276/04 u C-321/04 sa C-325/04, EU:C:2005:657). Fil-fatt, din il-ġurisprudenza ma għandha l-ebda rilevanza għall-kawża preżenti, peress li hija tirrigwarda fattispeċje, distinta minn dik inkwistjoni f’din tal-aħħar, fejn it-taxxa tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna u tikkostitwixxi, għaldaqstant, hija stess għajnuna. Madankollu, fil-kawża prinċipali, bl-ebda mod ma huwa allegat li t-taxxa fuq il-proprjetà nnifisha tikkostitwixxi miżura ta’ għajnuna, iżda biss li l-eżenzjoni tagħha twassal, f’dan il-każ, li tagħti għajnuna għall-benefiċċju ta’ Navantia.
51 Fit-tielet lok, dwar it-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u fuq il-kompetizzjoni ta’ eżenzjoni fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, hemm lok mhux li jiġi stabbilit effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna tistax taffettwa lil dan il-kummerċ u twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza Libert et, C-197/11 u C-203/11, EU:C:2013:288, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).
52 B’mod partikolari, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla mal-pożizzjoni ta’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ intrakomunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li huma affettwati mill-għajnuna (sentenza Libert et, EU:C:2013:288, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).
53 F’dan il-każ, huwa paċifiku li s-settur tal-bini tal-bastimenti huwa suq miftuħ għall-kompetizzjoni u għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, li fih Navantia hija għaldaqstant f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ impriżi oħra fis-suq. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, dan huwa l-każ mhux biss fir-rigward tal-attivitajiet ċivili ta’ din l-impriża, iżda wkoll fir-rigward tal-attivitajiet tagħha fis-settur militari.
54 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżenzjoni fiskali mitluba tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina dan.
55 Minn dan isegwi li l-erba’ kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 19 ta’ din is-sentenza jistgħu jiġu ssodisfatti f’dan il-każ. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha tal-kawża li biha hija adita, evalwati fid-dawl tal-gwida interpretattiva pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija eżenzjoni fiskali għandha tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.
56 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li hija li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, ipprojbita taħt din id-dispożizzjoni, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-proprjetà ta’ qatgħa art proprjetà tal-Istat u disponibbli lil impriża li din tal-aħħar hija proprjetarja tal-kapital kollu tagħha u li tipproduċi, minn din il-qatgħa art, oġġetti u servizzi li jistgħu jkunu kkummerċjati bejn l-Istati Membri fis-swieq miftuħa għall-kompetizzjoni. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha tal-kawża li biha hija adita, evalwati fid-dawl tal-gwida interpretattiva pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja, tali eżenzjoni tat-taxxa għandhiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni.
Fuq l-ispejjeż
57 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, ipprojbita taħt din id-dispożizzjoni, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-proprjetà ta’ qatgħa art proprjetà tal-Istat u disponibbli lil impriża li din tal-aħħar hija proprjetarja tal-kapital kollu tagħha u li tipproduċi, minn din il-qatgħa art, oġġetti u servizzi li jistgħu jkunu kkummerċjati bejn l-Istati Membri fis-swieq miftuħa għall-kompetizzjoni. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha tal-kawża li biha hija adita, evalwati fid-dawl tal-gwida interpretattiva pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tali eżenzjoni tat-taxxa għandhiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.