Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

5 ta’ Marzu 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxi indiretti – Dazji tas-sisa – Direttiva 2008/118/KE – Artikolu 1(2) – Karburant likwidu suġġett għad-dazju tas-sisa – Taxxa fuq il-bejgħ bl-imnut – Kunċett ta’ ‘għan speċifiku’ – Assenjazzjoni predeterminata – Organizzazzjoni tat-trasport pubbliku fit-territorju ta’ belt”

Fil-Kawża C-553/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tallinna ringkonnakohus (L-Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Ottubru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Ottubru 2013, fil-proċedura

Tallinna Ettevõtlusamet

vs

Statoil Fuel & Retail Eesti AS,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader, E. Jarašiūnas (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għat-Tallinna Ettevõtlusamet, minn T. Pikamäe, avukat,

–        għal Statoil Fuel & Retail Eesti AS, minn C. Ginter u V. Puolakainen, avukati,

–        għall-Gvern Grieg, minn I. Bakopoulos, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Grønfeldt u L. Naaber-Kivisoo, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li [t]ħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU L 9, p. 12).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn it-Tallinna Ettevõtlusamet (Aġenzija għall-impriżi ta’ Tallinn, iktar ’il quddiem l-“Ettevõtlusamet”) u Statoil Fuel & Retail Eesti AS (iktar ’il quddiem “Statoil”) dwar ir-rimbors ta’ taxxa fuq il-bejgħ li tħallset minn din il-kumpannija matul is-snin 2010 u 2011.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/118 jipprovdi li:

“1. Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti ġenerali fir-rigward tad-dazju tas-sisa li jaffettwa direttament jew indirettament il-konsum tal-prodotti li ġejjin (minn hawn ‘il quddiem ‘prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa’):

(a)      prodotti tal-enerġija u l-elettriku koperti mid-Direttiva 2003/96/KE [tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405];

[...]

2.      L-Istati Membri jistgħu jimponu taxxi indiretti oħrajn fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għal finijiet speċifiċi, bil-kondizzjoni li dawk it-taxxi jikkonformaw mar-regoli tat-taxxa Komunitarja applikabbli għad-dazju tas-sisa jew għat-taxxa fuq il-valur miżjud [iktar ’il quddiem il-‘VAT’] f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu tat-taxxa, l-impożizzjoni tal-ħlas u l-monitoraġġ tat-taxxa, iżda ma jinkludux id-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet.

[...]”

4        L-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2008/118 jispeċifika fl-ewwel subparagrafu tiegħu li “[d]-Direttiva 92/12/KEE [tal-Kunsill, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179)] hija mħassra b’effett mill-1 ta’ April 2010”.

5        L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12/KE kien jipprovdi li:

“Il-prodotti [suġġetti għad-dazju tas-sisa] jistgħu jkunu soġġetti għal taxxi oħra indiretti għal għanijiet speċifiċi, iżda dawk it-taxxi jkunu jikkonformaw mar-regoli ta’ taxxa applikabbli għad-dazju tas-sisa u għall-għanijiet tal-VAT għal dak li għandu x’jaqsam ma’ d-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu tat-taxxa, il-ħlas tat-taxxa u l-immonitorjar tat-taxxa.”

 Id-dritt Estonjan

6        Fil-verżjoni applikabbli tagħha fil-kawża prinċipali, il-Liġi dwar it-taxxi lokali (kohalike maksude seadus), tal-21 ta’ Settembru 1994, kienet tippermetti b’mod partikolari lill-kollettivitajiet lokali li jistabbilixxu taxxa bil-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 8 tagħha. Dan l-artikolu, intitolat “Taxxa fuq il-bejgħ”, kien jipprovdi li:

“(1)      It-taxxa fuq il-bejgħ titħallas mill-imprendituri individwali u l-persuni ġuridiċi li għandhom awtorizzazzjoni li jwettqu n-negozju jew li jipprovdu s-servizzi fit-territorju tal-komun jew tal-belt. It-taxxa fuq il-bejgħ hija, abbażi tal-istabbiliment, imħallsa mill-kummerċjanti fis-sens tal-Liġi dwar l-attività kummerċjali [(kaubandustegevuse seadus), tal-11 ta’ Frar 2004], li huma rreġistrati fir-reġistru tal-attivitajiet ekonomiċi u li jeżerċitaw l-attività tagħhom fis-settur tal-kummerċ bl-imnut, tar-ristoranti jew tas-servizzi.

(2)      It-taxxa fuq il-bejgħ tinġabar fuq il-valur, fuq il-prezz tal-bejgħ, tal-oġġetti jew tas-servizzi mibjugħa mill-persuni taxxabbli fit-territorju tal-komun jew tal-belt. Il-prezz tal-bejgħ tal-oġġetti u tas-servizzi fis-sens ta’ din il-liġi għandu jinftiehem bħala l-valur taxxabbli tad-dħul mill-bejgħ taxxabbli, previst mil-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, minbarra t-taxxa fuq il-bejgħ.

(3)      Ir-rata tat-taxxa fuq il-bejgħ hija stabbilita mill-kunsill tal-komun jew tal-muniċipju, iżda ma għandhiex taqbeż il-1 % tal-valur, fil-prezz tal-bejgħ, tal-oġġetti u tas-servizzi msemmija fil-paragrafu 2.

[...]

(6)      L-amministrazzjoni tal-komun jew tal-muniċipju għandha d-dritt li tagħti l-benefiċċji u l-eżenzjonijiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-bejgħ skont il-kundizzjonijiet u l-proċedura previsti mill-kunsill tal-komun jew tal-muniċipju.”

7        L-imsemmi Artikolu 8 tħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012 u, minn din id-data, ebda taxxa fuq il-bejgħ ma hija prevista fil-liġi.

8        Fis-17 ta’ Diċembru 2009, it-Tallinna Linnavolikogu (kunsill tal-muniċipju ta’ Tallinn) adotta r-Regolament Nru 45 dwar it-taxxa ta’ Tallinn fuq il-bejgħ (müügimaks Tallinnas). Dan ir-regolament ġie emendat permezz tar-Regolament Nru 22 tat-Tallinna Linnavolikogu, tat-8 ta’ April 2010 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 45”).

9        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 45, intitolat “Denominazzjoni u suġġett tat-taxxa”, jipprovdi li:

“(1)      Taxxa fuq il-bejgħ hija introdotta fil-belt ta’ Tallinn permezz ta’ dan ir-regolament.

(2)      It-taxxa fuq il-bejgħ tinġabar fuq l-oġġetti u s-servizzi pprovduti minn persuna taxxabbli li tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tar-regolament, fi stabbiliment li jinsab fit-territorju tal-belt ta’ Tallinn jew derivanti minnha, lil persuna fiżika (ħlief fir-rigward ta’ provvisti lil imprenditur individwali għall-bżonnijiet tal-impriża tiegħu) fis-setturi tal-kummerċ tal-imnut, tar-ristoranti jew tas-servizzi.”

10      L-Artikolu 2 tal-istess regolament, intitolat “Il-persuna taxxabbli”, jipprovdi:

“Il-kummerċjanti fis-sens tal-Liġi [tal-11 ta’ Frar 2004] dwar l-attività kummerċjali li jissodisfaw kull waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin huma persuni taxxabbli:

1)      il-kummerċjant huwa rreġistrat fir-reġistru tal-attivitajiet ekonomiċi;

2)      il-post tal-istabbiliment tal-kummerċjant jinsab fit-territorju tal-belt ta’ Tallinn skont id-data tar-reġistru tal-attivitajiet ekonomiċi;

3)      il-kummerċjant jeżerċita l-attività tiegħu fis-settur tal-kummerċ bl-imnut, tar-ristoranti jew tas-servizzi.”

11      L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 45 jistabbilixxi r-rata tat-taxxa fuq il-bejgħ għal 1 % tal-valur taxxabbli tal-oġġetti u tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament.

12      L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Eżenzjonijiet fiskali”, jipprovdi li:

“L-oġġetti u s-servizzi tan-natura li ġejja ma humiex suġġetti għall-ħlas tat-taxxa fuq il-bejgħ:

1)      l-oġġetti u s-servizzi mibjugħa permezz tal-kummerċ elettroniku;

2)      l-enerġija elettrika u termali mibjugħa min-netwerk tad-distribuzzjoni, il-gass naturali kif ukoll l-ilma;

3)      l-oġġetti u s-servizzi mibjugħa matul il-vjaġġ bil-bastiment, bl-ajruplan, bil-ferrovija jew bix-xarabank, meta l-vjaġġ jibda jew jispiċċa barra mit-territorju tal-belt ta’ Tallinn jew meta l-bastiment, l-ajruplan, il-ferrovija jew ix-xarabank jibqa’ matul il-vjaġġ barra mit-territorju ta’ Tallinn;

4)      kull mediċina, mezz ta’ kontraċezzjoni, prodott sanitarju jew ta’ iġjene, apparat mediku kif ukoll kull aċċessorju mediku li jidher fil-lista stabbilita mir-Regolament Nru 63 tal-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali tal-4 ta’ Diċembru 2006 [...];

5)      ħobż mingħajr iż-żieda ta’ għasel, ta’ bajd, ta’ ġobon jew ta’ frott [...];

6)      ħalib, krema tal-ħalib, xorrox tal-butir, ħalib u krema mbaqqta, jogurt, kefir u ħalib u kremi oħra iffermentati jew aċidifikati [...], ħlief fi trab, f’granuli jew taħt forom solidi oħra [...];

7)      preparazzjonijiet mgħaffġin (omoġenizzati), intiżi li jiġu użati kemm bħala ikel għat-tfal ta’ età baxxa [...], ħalib speċjali għat-trabi [...], preparazzjonijiet għall-ikel tat-tfal żgħar, ippakkjati għall-bejgħ bl-imnut, taħt forma ta’ trab jew ta’ likwidu [...] kif ukoll ikel għat-tfal żgħar li fih ħalib u prodotti tal-ħalib [...];

8)      ħrieqi tat-trabi [...];

9)      bastimenti, jottijiet u dgħajjes outboard ta’ tul minn 4 sa 12 metri suġġetti għal kontroll tekniku.”

13      Il-muniċipju ta’ Tallinn, barra minn hekk, ħabbar b’ittra li l-bejgħ ta’ sigarretti kien ukoll eżentat mit-taxxa fuq il-bejgħ.

14      L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 45 jipprovdi li dan tal-aħħar kien applikabbli b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2010.

15      Fit-22 ta’ Ġunju 2010, it-Tallinna Linnavolikogu adotta r-Regolament Nru 39 li jemenda l-baġit tal-belt ta’ Tallinn għas-sena 2010 u l-ewwel baġit addizzjonali (Tallinna linna 2010. aasta eelarve muutmine ja esimene lisaeelarve). Dan ir-regolament, li daħal fis-seħħ fil-25 ta’ Ġunju 2010, emenda r-Regolament Nru 45 billi inserixxa fih l-Artikolu 91 li ġej:

“It-taxxa fuq il-bejgħ tinġabar bil-għan tal-organizzazzjoni, fit-territorju tal-belt ta’ Tallinn, tat-trasport pubbliku msemmi fl-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-kollettivitajiet lokali [(kohaliku omavalitsuse korralduse seadus), tat-2 ta’ Ġunju 1993 (iktar ’il quddiem il-‘Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-kollettivitajiet lokali’)]. Il-prodott tat-taxxa fuq il-bejgħ huwa intiż, b’mod speċifiku, għat-twettiq ta’ dan l-għan.”

16      Fid-9 ta’ Settembru 2010, it-Tallinna Linnavolikogu adotta r-Regolament Nru 46 dwar il-baġit tal-belt ta’ Tallinn għas-sena 2011 (Tallinna Linna 2011. aasta eelarve). L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament uża l-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 91.

17      Fil-15 ta’ Diċembru 2011, it-Tallinna Linnavolikogu adotta r-Regolament Nru 43 li jemenda r-Regolament Nru 45, billi speċifika li l-aħħar perijodu ta’ taxxa kien ir-raba’ trimestru tas-sena 2011. Mill-31 ta’ Diċembru 2011, ma hemmx iktar taxxa fuq il-bejgħ fil-belt ta’ Tallinn, konformement mal-emenda magħmula għal-Liġi tal-21 ta’ Settembru 1994 dwar it-taxxi lokali.

18      L-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-kollettivitajiet lokali jipprovdi li:

“Il-kollettivitajiet lokali għandhom bħala missjoni li jorganizzaw, fit-territorju tal-komun jew tal-belt, [...] it-trasport pubbliku ġewwa l-komun jew ġewwa l-belt, [...] jekk it-twettiq ta’ dawn il-missjonijiet ma ngħatax lil xi ħadd ieħor.”

19      L-Artikolu 3(2)(2) tal-Liġi dwar it-trasport pubbliku (ühistranspordi seadus), tas-26 ta’ Jannar 2000, jipprovdi li:

“(2)  L-għan tal-kunċett u tal-organizzazzjoni tat-trasport pubbliku huwa li:

[...]

2)      jiffavorixxi l-użu preferenzjali tal-mezzi tat-trasport pubbliku b’paragun mal-karozzi u mal-vetturi individwali l-oħra, u b’hekk inaqqas l-effett negattiv tat-trasport fuq l-ambjent u l-effetti l-ħżiena għas-saħħa li jirriżultaw minnu, filwaqt li jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-inċidenti tat-traffiku u tal-konġestjoni.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, fost l-attivitajiet ta’ Statoil jidher il-bejgħ bl-imnut tal-karburant likwidu, prodott suġġett għad-dazju tas-sisa. Fl-20 ta’ Lulju 2010, fl-20 ta’ Ottubru 2010 u fil-25 ta’ Jannar 2011, hija ddikjarat id-dħul mill-bejgħ li kienet wettqet permezz tal-bejgħ ta’ oġġetti u ta’ servizzi suġġetti għat-taxxa fuq il-bejgħ għax-xahar ta’ Ġunju tas-sena 2010 kif ukoll għat-tielet u r-raba’ trimestri tal-istess sena rispettivament.

21      Fit-22 ta’ Settembru 2010, fis-26 ta’ Ottubru 2010 u fis-7 ta’ Frar 2011 rispettivament, Statoil ippreżentat dikjarazzjonijiet rettifikattivi, li bihom naqqset mid-dħul mill-bejgħ iddikjarat tagħha preċedentement id-dħul mill-bejgħ ta’ prodotti suġġetti għad-dazju fuq is-sisa. Fit-22 ta’ Settembru 2010, fit-28 ta’ Ottubru 2010 u fid-9 ta’ Frar 2011 rispettivament, Statoil ressqet it-talbiet għar-rimbors mingħand l-Ettevõtlusamet.

22      Permezz ta’ deċiżjonijiet tad-19 ta’ Ottubru 2010, tad-9 ta’ Novembru 2010 u tal-4 ta’ Marzu 2011, l-Ettevõtlusamet ċaħdet dawn it-talbiet. Barra minn hekk, permezz ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar, l-Ettevõtlusamet stabbilit li, għar-raba’ trimestru tas-sena 2010, kienet dovuta somma supplimentari minn Statoil.

23      Fid-19 ta’ Novembru 2010, Statoil ippreżentat quddiem il-Tallinna halduskohus (Qorti amministrattiv ta’ Tallinn) rikors intiż, essenzjalment, għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Ettevõtlusamet tad-19 ta’ Ottubru u tad-9 ta’ Novembru 2010 u sabiex jiġi ordnat eżami mill-ġdid tat-talbiet ta’ rimbors tat-22 ta’ Settembru u tat-28 ta’ Ottubru 2010 jew ir-rimbors immedjat tad-dħul eċċessiv indikat f’dawn it-talbiet għar-rimbors. Fir-rikors tagħha, Statoil invokat b’mod partikolari l-fatt li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 45 kien jikser id-dritt tal-Unjoni, għaliex kien jimponi l-ħlas ta’ taxxa fuq il-bejgħ tal-oġġetti u tas-servizzi fis-settur tal-kummerċ bl-imnut mingħajr ma kien jipprovdi eċċezzjoni għall-bejgħ ta’ prodotti suġġetti għad-dazju fuq is-sisa. Fil-5 ta’ April 2011, Statoil ippreżentat quddiem din l-istess qorti rikors simili li jirrigwarda d-deċiżjoni tal-Ettevõtlusamet tal-4 ta’ Marzu 2011. It-Tallinna halduskohus għaqqdet dawn ir-rikorsi.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Ottubru 2011, it-Tallinna halduskohus annullat t-tliet deċiżjonijiet tal-Ettevõtlusamet iċċitati iktar ’il fuq u ordnat lil din tal-aħħar sabiex tipproċedi bl-eżami mill-ġdid tat-talbiet ta’ rimbors inkwistjoni. Insostenn tad-deċiżjoni tagħha, it-Tallinna halduskohus invokat, essenzjalment, il-fatt li t-taxxa fuq il-bejgħ ma tistax tiġi kkunsidrata li ssegwi fini speċifiku fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118.

25      L-Ettevõtlusamet ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, peress li allegat b’mod partikolari li t-taxxa fuq il-bejgħ tinġabar bi skop konkret, jiġifieri l-promozzjoni tat-trasport pubbliku u t-tnaqqis, konsegwentement, tad-densità tat-traffiku fit-triq u tal-effett negattiv tiegħu fuq l-ambjent; li l-belt ta’ Tallinn tuża’ l-prodott ta’ din it-taxxa sabiex iżżid l-kwalità tat-trasport pubbliku, u li l-imsemmija taxxa intiża kemm li tippenalizza l-konsum ta’ ċerti oġġetti u servizzi li jistgħu joħolqu spejjeż soċjali jew effetti esterni negattivi kif ukoll li jiffinanzjaw servizzi ta’ interess ġenerali.

26      Statoil titlob iċ-ċaħda tal-appell, billi ssostni b’mod partikolari li l-iskop previst fil-leġiżlazzjoni applikabbli hija l-organizzazzjoni tat-trasport pubbliku, u mhux il-promozzjoni tiegħu kif l-Ettevõtlusamet sostniet.

27      It-Tallinna ringkonnakohus (Qorti tal-appell ta’ Tallinn) tqis li, bil-għan li tipproduċi l-prova li t-taxxa miġbura fuq il-prodotti suġġetti għad-dazju fuq is-sisa ntużat skont il-fini speċifiku indikat, l-Ettevõtlusamet ma għandhiex tipproduċi iktar provi minn dawk li jirriżultaw mill-baġit tal-belt. Hija tindika li, f’dan il-każ, ma hemm l-ebda raġuni li wieħed jippreżupponi li l-ammonti li jirriżultaw mit-taxxa fuq il-bejgħ ma ġewx użati skont dan l-iskop speċifiku.

28      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li t-tassazzjonijiet li jsegwu fini speċifiku huma normalment użati sabiex jippenalizzaw il-konsum ta’ ċerti oġġetti u servizzi li jistgħu joħolqu spejjeż soċjali jew li jwasslu għall-effetti esterni negattivi, bħal effetti dannużi għall-ambjent, jew sabiex jiffinanzjaw ċerti servizzi ta’ interess ġenerali bħall-promozzjoni tat-turiżmu, tal-isport jew tal-kultura. Dan it-tip ta’ taxxi huwa għaldaqstant mekkaniżmu użat mill-awtoritajiet bil-għan li jkollhom influwenza fuq l-aġir tal-konsumaturi billi jinkoraġġixxuhom jevitaw, b’applikazzjoni ta’ dawn it-taxxi għal spejjeż gravi, l-użu ta’ ċerti oġġetti.

29      Madankollu, skont it-Tallinna ringkonnakohus, fid-data tad-deċiżjoni tagħha tar-rinviju, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx tipproduċi risposta ċara dwar jekk taxxa indiretta għal skop speċifiku, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, meta tinġabar bil-għan tal-finanzjament ta’ missjoni konkreta li hija l-obbligu tal-awtorità lokali bis-saħħa tal-liġi u li l-finanzjament ta’ din il-missjoni hija żgurata wkoll jekk din it-taxxa ma tinġabarx. F’dan ir-rigward, din il-qorti tirrileva li d-dħul kollu miksub mit-taxxa fuq il-bejgħ kien assenjat lil-organizzazzjoni tat-trasport pubbliku, u dan jista’ jnaqqas it-tniġġis u jżid il-benesseri ġenerali.

30      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-legalità tal-ġbir tal-imsemmija taxxa matul il-perijodu li matulu l-iskop speċifiku tal-istess taxxa ma huwiex espressament previst f’att legali, li jirreleva f’dan ir-rigward li huwa biss matul il-perijodu ta’ tassazzjoni li huwa s-suġġett tat-tilwima, jiġifieri b’effett mill-25 ta’ Ġunju 2010, li l-Artikolu 91 ġie integrat fir-Regolament Nru 45.

31      Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li t-Tallinna ringkonnakohus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Jista’ jitqies li l-finanzjament tal-organizzazzjoni tat-trasport pubbliku fit-territorju ta’ awtorità lokali huwa fini speċifik[u] fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva [2008/118], jekk l-awtorità lokali għandha l-obbligu li teżegwixxi u li tiffinanzja din il-missjoni?

2)      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, l-Artkolu 1(2) tad-Direttiva [2008/118] għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jippermetti li d-dritt nazzjonali jipprevedi taxxa indiretta fuq il-bejgħ ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa lill-konsumatur finali, użata biss għall-organizzazzjoni tat-trasport pubbliku, jekk l-awtorità lokali li tirċievi t-taxxa hija obbligata torganizza t-trasport pubbliku, obbligu li hija għandha tissodisfa irrispettivament mill-eżistenza ta’ tali taxxa indiretta, u li, fl-aħħar mill-aħħar, l-ammont tal-finanzjament tal-organizzazzjoni tat-trasport pubbliku ma jiddipendix awtomatikament fuq l-ammont tat-taxxa miġbura, peress li l-ammont li għandu jiġi previst għall-organizzazzjoni tat-trasport pubbliku kien ġie ddeterminat b’mod preċiż, b’mod li, jekk it-taxxa indiretta tipproduċi iktar dħul, il-mezzi finanzjarji l-oħra previsti mill-awtoritajiet pubbliċi għall-organizzazzjoni tat-trasport pubbliku huma konsegwentement imnaqqsa u li, għall-kuntrarju, jekk it-taxxa fuq il-bejgħ tipproduċi inqas dħul, l-awtorità lokali għandha, bil-għan li torganizza t-trasport pubbliku, konsegwentement iżżid il-mezzi finanzjarji l-oħra, filwaqt li huwa madankollu possibbli, f’każ ta’ diverġenza bejn il-previżjonijiet u t-taxxi effettivament miġbura, li jiġi emendat l-ammont tal-ispejjeż għall-organizzazzjoni tat-trasport pubbliku permezz ta’ emenda tal-baġit tal-awtorità lokali?

3)      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva [2008/118] għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jippermetti li l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jkunu wkoll suġġetti għal taxxa indiretta li l-użu tagħha huwa [ddeterminat] wara l-istabbiliment tal-obbligu ta’ ħlas ta’ din it-taxxa?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

32      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li jiġi kkunsidrat li taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn tiġi imposta fuq il-bejgħ bl-imnut ta’ karburant likwidu suġġett għad-dazju tas-sisa, issegwi fini speċifiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta hija intiża li tiffinanzja l-organizzazzjoni tat-trasport pubbliku fit-territorju tal-awtorità li timponi din it-taxxa, li din l-awtorità, irrispettivament mill-eżistenza tal-imsemmija taxxa, għandha l-obbligu li teżegwixxi u tiffinanzja din l-attività u li d-dħul minn din it-taxxa jintuża esklużivament għat-twettiq ta’ din l-attività.

33      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali, li ma tirrigwardax it-taxxa fuq il-bejgħ ħlief sa fejn din ġiet imposta fuq il-bejgħ bl-imnut ta’ karburant likwidu, tibbaża fuq il-premessa mhux ikkontestata li dan il-prodott jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “prodott suġġett għad-dazju tas-sisa” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/118. Jekk ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika dan il-punt. Fi kwalunkwe każ, peress li huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li huma esposti fid-deċiżjoni tar-rinviju (ara s-sentenzi B., C-306/09, EU:C:2010:626, punt 47, u Kastrati, C-620/10, EU:C:2012:265, punt 38), hija ser taċċetta, f’dan il-każ, l-istess premessa għall-fini tal-analiżi tagħha.

34      Barra minn hekk, għalkemm id-Direttiva 2008/118, applikabbli biss ratione temporis fil-kawża prinċipali, ħassret u ssostitwit id-Direttiva 92/12 b’effett mill-1 ta’ April 2010, mill-kliem tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 u tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 jirriżulta li l-kontenut ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma huwiex, essenzjalment, differenti. Għandu jiġi dedott minn dan li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din id-dispożizzjoni tal-aħħar tibqa’ applikabbli fir-rigward l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118.

35      Skont qari flimkien tal-Artikolu 1(1) u 1(2) ta’ din id-direttiva tal-aħħar, il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa skont l-imsemmija direttiva jistgħu jkunu s-suġġett ta’ taxxa indiretta minbarra d-dazju tas-sisa stabbilita minn din id-direttiva jekk, minn naħa, din it-taxxa tinġabar għall-fini wieħed jew għal diversi fini speċifiċi u jekk, min-naħa l-oħra, hija tosserva r-regoli ta’ tassazzjoni tal-Unjoni applikabbli għad-dazju tas-sisa jew għall-VAT għal dak li għandu x’jaqsam mad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu tat-taxxa, il-ħlas tat-taxxa u l-immonitorjar tat-taxxa, dawn ir-regoli ma jinkludux id-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet.

36      Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, li huma intiżi sabiex jipprevjenu t-taxxi indiretti addizzjonali milli indebitament jostakolaw il-kummerċ, hekk kif jirriżulta mill-istess kliem tal-Artikolu 1(2) tal-istess direttiva, għandhom natura kumulattiva. (ara, b’analoġija, is-sentenza Transportes Jordi Besora, C-82/12, EU:C:2014:108, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Fir-rigward tal-ewwel minn dawn il-kundizzjonijiet, l-unika waħda msemmija mid-domandi magħmula, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li fini speċifiku fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 huwa skop differenti minn dak purament baġitarju (ara, b’analoġija, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, C-434/97, EU:C:2000:98, punt 19, kif ukoll Transportes Jordi Besora, EU:C:2014:108, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Madankollu, peress li kull taxxa għandha neċessarjament skop baġitarju, is-sempliċi fatt li taxxa għandha għan baġitarju ma jistax, bħala tali, ħlief sabiex iċaħħad lill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 minn kull sustanza, ikun suffiċjenti biex teskludi li din it-taxxa tista’ tkun ikkunsidrata li għandha wkoll fini speċifiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Transportes Jordi Besora, EU:C:2014:108, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      B’hekk, jekk l-assenjazzjoni predeterminata tar-rikavat minn taxxa għall-finanzjament mill-awtoritajiet reġjonali ta’ kompetenzi lilhom ittrasferiti mill-Istat jista’ jkun fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi identifikata l-eżistenza ta’ fini speċifiku, tali assenjazzjoni, li tirriżulta minn sempliċi metodu ta’ organizzazzjoni interna tal-baġit ta’ Stat Membru, ma tistax, bħala tali, tikkostitwixxi kundizzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward, peress li kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jimponi, irrispettivament mill-għan imfittex, l-assenjazzjoni tar-rikavat minn taxxa għall-finanzjament ta’ infiq speċifiċi. F’każ kuntrarju, kull skop jista’ jiġi kkunsidrat bħala speċifiku fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, li jċaħħad id-dazju tas-sisa armonizzat stabbilit minn din id-direttiva minn kull effettività u jmur kontra l-prinċipju li jgħid li dispożizzjoni derogatorja bħal dan l-Artikolu 1(2) għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenza Transportes Jordi Besora, EU:C:2014:108, punti 28 u 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40      Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ fini speċifiku fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tiġi stabbilita bl-assenjazzjoni biss tad-dħul tat-taxxa meqjusa għall-finanzjament ta’ spejjeż ġenerali li huwa l-obbligu tal-awtorità pubblika f’qasam partikolari. Fil-fatt, fil-każ kuntrarju, l-imsemmi allegat fini speċifiku ma jistax jiġi sseparat minn skop purament baġitarju.

41      Sabiex l-assenjazzjoni predeterminata tar-rikavat minn taxxa li tolqot prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jippermetti li jiġi kkunsidrat li din it-taxxa ssegwi fini speċifiku fis-sens tal-istess dispożizzjoni, huwa rilevanti li t-taxxa inkwistjoni tfittex, hija stess, li tiżgura t-twettiq tal-fini speċifiku invokat, u għaldaqstant li teżisti rabta diretta bejn l-użu tad-dħul tat-taxxa u l-imsemmi fini speċifiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Transportes Jordi Besora, EU:C:2014:108, punt 30).

42      Fl-assenza ta’ tali assenjazzjoni predeterminata tad-dħul, taxxa li tolqot prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa għandha biss titqies li ssegwi fini speċifiku fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 jekk din it-taxxa kienet maħsuba, f’dak li jirrigwarda l-istruttura tagħha, b’mod partikolari l-bażi taxxabbli jew ir-rata ta’ taxxa, b’tali mod li taffettwa l-aġir ta’ persuni taxxabbli f’sens li tippermetti t-twettiq tal-fini speċifiku invokat, pereżempju billi tintaxxa b’mod sinjifikattiv il-prodotti kkunsidrati sabiex tiskoraġġixxi l-konsum tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Transportes Jordi Besora, EU:C:2014:108, punt 32).

43      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dħul tat-taxxa fuq il-bejgħ, barra minn hekk, li huwa miġbur fuq il-parti l-kbira tal-oġġetti u tas-servizzi mibjugħa lill-konsumaturi finali fit-territorju tal-belt ta’ Tallinn, ġew assenjati mill-belt ta’ Tallinn għall-finanzjament tal-eżerċizzju minn din tal-aħħar tal-kompetenza tagħha fil-qasam tal-organizzazzjoni tat-trasport pubbliku fit-territorju tagħha, kompetenza li hija ddelegata lilha permezz tal-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-kollettivitajiet lokali, u ġew użati esklużivament għal dan il-fini.

44      Għalkemm dan il-fatt jista’ effettivament ikun fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi identifikata l-eżistenza ta’ fini speċifiku fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, skont l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, għandu madankollu jiġi kkonstatat li din l-assenjazzjoni hija marbuta ma’ spejjeż ġenerali li huma l-obbligu tal-belt ta’ Tallinn, irrispettivament mill-eżistenza tat-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Issa, dawn l-ispejjeż ġenerali jistgħu jiġu ffinanzjati mir-rikavat tat-taxxi ta’ kull natura. Għaldaqstant, l-fini speċifiku invokat, jiġifieri l-finanzjament tal-organizzazzjoni tat-trasport pubbliku fit-territorju tal-belt ta’ Tallinn, ma jistax jiġi sseparat minn skop purament baġitarju.

45      Barra minn hekk, anki billi tiġi kkunsidrata bħala stabbilita, minn naħa, l-allegazzjoni tal-Ettevõtlusamet u tal-Gvern Grieg li tipprovdi, essenzjalment, li t-taxxa fuq il-bejgħ, sa fejn tiġi imposta fuq il-karburanti likwidi suġġetti għad-dazju tas-sisa, għandha l-għan, permezz ta’ organizzazzjoni effiċjenti tat-trasport pubbliku, li tipprovdi protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa pubblika kif ukoll, min-naħa l-oħra, li ma hijiex fir-rigward hemm ukoll ta’ sempliċi infiq ġenerali li jista’ jiġi ffinanzjat minn dħul minn taxxi ta’ kwalunkwe tip (ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ infiq fis-saħħa inġenerali, is-sentenza Transportes Jordi Besora, EU:C:2014:108, punt 31), għandu jiġi rrilevat li l-liġi nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tipprovdi ebda mekkaniżmu ta’ assenjazzjoni predeterminata tad-dħul ta’ din it-taxxa, sa fejn tiġi imposta fuq il-karburanti likwidi suġġetti għad-dazju tas-sisa, għal dawn l-għanijiet ambjentali jew tas-saħħa pubblika. F’dan ir-rigward, is-sempliċi assenjazzjoni tad-dħul inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-organizzazzjoni tat-trasport pubbliku ma tistax tiġi kkunsidrata li tippermetti li tiġi stabbilita rabta diretta, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, bejn l-użu tad-dħul tal-imsemmija taxxa u dawn l-għanijiet ambjentali u ta’ saħħa pubblika.

46      Barra minn hekk, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax u, barra minn dan, ma ġiex sostnut fl-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiemha, li t-taxxa fuq il-bejgħ, sa fejn tiġi imposta fuq il-karburanti likwidi suġġetti għad-dazju tas-sisa, tissodisfa l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, jiġifieri li hija maħsuba, fir-rigward tal-istruttura tagħha, b’mod li tiddiswadi l-persuni taxxabbli li jużaw dawn il-karburanti jew li tinkoraġġihom li jadottaw aġir li l-effetti tiegħu jkunu inqas dannużi għall-ambjent jew għas-saħħa pubblika minn dak li dawn il-persuni taxxabbli jadottaw fl-assenza tal-imsemmija taxxa.

47      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-ewwel u t-tieni domandi għandha tkun li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn tiġi imposta fuq il-bejgħ bl-imnut ta’ karburant likwidu suġġett għad-dazju tas-sisa, issegwi fini speċifiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta hija intiża li tiffinanzja l-organizzazzjoni tat-trasport pubbliku fit-territorju tal-awtorità li timponi din it-taxxa u li din l-awtorità, irrispettivament mill-eżistenza tal-imsemmija taxxa, għandha l-obbligu li teżegwixxi u tiffinanzja din l-attività anki jekk id-dħul minn din it-taxxa jintuża esklużivament għat-twettiq ta’ din l-attività. L-imsemmija dispożizzjoni għandha, konsegwentement, tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi din it-taxxa fuq il-bejgħ bl-imnut ta’ karburant likwidu suġġett għad-dazju tas-sisa.

 Fuq it-tielet domanda

48      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domandi, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn tiġi imposta fuq il-bejgħ bl-imnut ta’ karburant likwidu suġġett għad-dazju tas-sisa, issegwi fini speċifiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta hija intiża li tiffinanzja l-organizzazzjoni tat-trasport pubbliku fit-territorju tal-awtorità li timponi din it-taxxa u li din l-awtorità, irrispettivament mill-eżistenza tal-imsemmija taxxa, għandha l-obbligu li teżegwixxi u tiffinanzja din l-attività anki jekk id-dħul minn din it-taxxa jintuża esklużivament għat-twettiq ta’ din l-attività. L-imsemmija dispożizzjoni għandha, konsegwentement, tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi din it-taxxa fuq il-bejgħ bl-imnut ta’ karburant likwidu suġġett għad-dazju tas-sisa.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.