SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
16 ta’ April 2015 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Leġiżlazzjoni fiskali — Posponiment tat-tassazzjoni tal-qligħ kapitali ġġenerat mit-trasferiment bi ħlas ta’ ċerti investimenti — Irkupru tat-taxxa — Libertà ta’ stabbiliment — Artikolu 49 TFUE — Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE — Differenza fit-trattament bejn stabbilimenti permanenti li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru u stabbilimenti permanenti li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea — Proporzjonalità”
Fil-Kawża C-591/13,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fl-20 ta’ Novembru 2013,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn W. Mölls u W. Roels, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Novembru 2014,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi adottat u żammet fis-seħħ dispożizzjonijiet li permezz tagħhom it-tassazzjoni tal-qligħ kapitali ġġenerat mit-trasferiment bi ħlas ta’ ċerti investimenti (iktar ’il quddiem l-“investimenti ssostitwiti”) tiġi posposta, permezz tat-“trasferiment” ta’ dan il-qligħ kapitali lejn investimenti ġodda akkwistati jew prodotti (iktar ’il quddiem l-“investimenti ta’ sostituzzjoni”), sal-mument tat-trasferiment ta’ dawn tal-aħħar, bil-kundizzjoni madankollu li dawn l-investimenti jagħmlu parti mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti tal-persuna taxxabbli li jinsab fit-territorju nazzjonali, filwaqt li tali posponiment ma huwiex possibbli jekk dawn l-investimenti jkunu jagħmlu parti mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti tal-persuna taxxabbli li jinsab fi Stat Membru ieħor jew fi Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 49 TFUE u 31 ta’ dan il-ftehim.
Il-kuntest ġuridiku
2 L-Artikolu 6b tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz, iktar ’il quddiem l-“EStG”) jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu li:
“(1) Il-persuni taxxabbli li jittrasferixxu
artijiet,
pjanti li jikbru fuq l-art flimkien mal-art sottostanti, meta l-imsemmija pjanti jagħmlu parti minn attività agrikola jew forestali,
bini jew bastimenti li jbaħħru f’kanali
jistgħu, matul is-sena finanzjarja li fiha jseħħ it-trasferiment, inaqqsu ammont, ekwivalenti għall-qligħ kapitali massimu ġġenerat mit-trasferiment, mill-ispejjeż ta’ akkwist jew ta’ produzzjoni ta’ beni ekonomiċi msemmija fit-tieni sentenza, li jkunu ġew akkwistati jew prodotti matul is-sena finanzjarja tat-trasferiment jew matul is-sena finanzjarja preċedenti. It-tnaqqis għandu jiġi awtorizzat għall-ispejjeż ta’ akkwist jew ta’ produzzjoni
1. ta’ artijiet jekk il-qligħ kapitali jkun ġie ġġenerat mit-trasferiment ta’ artijiet,
2. ta’ pjanti li jikbru fuq l-art flimkien mal-art sottostanti, meta l-imsemmija pjanti jagħmlu parti minn attività agrikola jew forestali,
jekk il-qligħ kapitali jkun ġie ġġenerat mit-trasferiment ta’ artijiet jew mit-trasferiment ta’ pjanti li jikbru fuq l-art flimkien mal-art sottostanti,
3. ta’ bini,
jekk il-qligħ kapitali jkun ġie ġġenerat mit-trasferiment ta’ artijiet, ta’ pjanti li jikbru fuq l-art flimkien mal-art sottostanti jew ta’ bini, jew
4. ta’ bastimenti li jbaħħru f’kanali,
jekk il-qligħ kapitali jkun ġie ġġenerat mit-trasferiment ta’ bastimenti intiżi għat-tbaħħir f’kanali.
Akkwist jew produzzjoni ta’ bini għandu jfisser ukoll l-estensjoni tiegħu, it-tkabbir tiegħu jew ir-renovazzjoni tiegħu. F’dan il-każ, il-qligħ kapitali jista’ jitnaqqas biss għall-ispejjeż sostnuti għall-estensjoni, it-tkabbir jew ir-renovazzjoni ta’ bini.
(2) Id-differenza, wara t-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ trasferiment, bejn il-prezz tal-bejgħ u l-valur kontabbli li jkun ġie attribwit lill-beni ekonomiċi mibjugħa fil-mument tat-trasferiment għandha titqies li hija qligħ kapitali fis-sens tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 1. Il-valur kontabbli huwa l-valur li għandu jiġi attribwit lil beni ekonomiċi skont l-Artikolu 6.
(3) Jekk il-persuna taxxabbli ma tkunx wettqet it-tnaqqis imsemmi fil-paragrafu 1, hija tista’, matul is-sena finanzjarja li fiha jseħħ it-trasferiment, jistabbilixxi riżerva li tnaqqas il-profitt taxabbli. Il-persuna taxxabbli tista’, billi tieħu inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet imsemmija fit-tieni sar-raba’ sentenza tal-paragrafu 1, tnaqqas ammont li ma jeċċedix dak ta’ din ir-riżerva mill-ispejjeż ta’ akkwist jew ta’ produzzjoni ta’ beni ekonomiċi deskritti fit-tieni sentenza tal-paragrafu 1, li jkunu ġew akkwistati jew prodotti fl-erba’ snin finanzjarji sussegwenti, matul is-sena finanzjarja tal-akkwist tagħhom jew tal-produzzjoni tagħhom. It-terminu ta’ erba’ snin għandu jiġi pospost għal sitt snin għal bini ġdid, meta l-produzzjoni tiegħu jkun beda qabel l-aħħar tar-raba’ sena finanzjarja wara l-istabbiliment tar-riżerva. Ir-riżerva għandha tinqaleb fi profitti sal-ammont imnaqqas. Jekk riżerva tkun għada teżisti fl-aħħar tar-raba’ sena finanzjarja wara l-istabbiliment tagħha, hija għandha tinqaleb fi profitti f’din id-data, sakemm ma jkunx previst tnaqqis tal-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ bini li l-produzzjoni tiegħu jkun beda f’dak il-mument; jekk ir-riżerva tkun għada teżisti fl-aħħar tas-sitt sena finanzjarja wara l-istabbiliment tagħha, hija għandha tinqaleb fi profitti f’din id-data.
(4) L-applikazzjoni tal-paragrafi 1 sa 3 għandha tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet segwenti:
1. il-persuna taxxabbli għandha tiddetermina l-profitt skont l-Artikolu 4(1) jew l-Artikolu 5,
2. il-beni ekonomiċi ttrasferiti għandhom jagħmlu parti integrali mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fit-territorju nazzjonali għal mill-inqas sitt snin mingħajr interruzzjoni fil-mument tat-trasferiment,
3. il-beni ekonomiċi akkwistati jew prodotti għandhom jagħmlu parti integrali mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fit-territorju nazzjonali,
4. il-qligħ kapitali ġġenerat mill-bejgħ ma għandux jiġi omess fil-kalkolu tal-profitt taxxabbli fit-territorju nazzjonali, u
5. it-tnaqqis bis-saħħa tal-paragrafu 1 kif ukoll l-istabbiliment tar-riżerva u l-fatt li tkun inqalbet fi profitti bis-saħħa tal-paragrafu 3 għandhom ikunu mniżżla fil-kontabbiltà.
It-tnaqqis bis-saħħa tal-paragrafi 1 u 3 ma għandux ikun awtorizzat għall-beni ekonomiċi li jagħmlu parti minn attività agrikola jew forestali jew li jintużaw fil-kuntest ta’ attività indipendenti meta l-qligħ kapitali jirriżulta mit-trasferiment ta’ beni ekonomiċi ta’ impriża industrijali jew kummerċjali.”
Il-proċedura prekontenzjuża
3 Fil-15 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Permezz ta’ din l-ittra, hija ġibdet l-attenzjoni ta’ dan l-Istat Membru fuq ir-riskju ta’ inkompatibbiltà tal-Artikolu 6b tal-EStG mal-moviment liberu tal-kapital.
4 Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Lulju 2009, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni, billi sostniet li l-leġiżlazzjoni kontenzjuża ma taqax taħt il-moviment liberu tal-kapital, iżda biss taħt il-libertà ta’ stabbiliment, li magħha din il-leġiżlazzjoni hija kompatibbli.
5 Fis-7 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ittra ta’ intimazzjoni komplementari, li fiha hija ammettiet li din il-leġiżlazzjoni taqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment, iżda qieset, wara li eżaminat l-argumenti ta’ dan l-Istat Membru, li l-imsemmija leġiżlazzjoni tikser l-Artikoli 49 TFUE u 31 tal-Ftehim ŻEE.
6 Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Lulju 2010, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkontestat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, billi ssostni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija kompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment.
7 Fit-30 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja opinjoni motivata li fiha hija kkonfermat il-pożizzjoni tagħha esposta fl-ittra ta’ intimazzjoni komplementari, u stiednet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika tagħha.
8 Billi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja reġgħet sostniet, fir-risposta tagħha tat-28 ta’ Novembru 2011, li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni kienet żbaljata, din tal-aħħar ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
Fuq l-ammissibbiltà
9 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors għal żewġ motivi bbażati, essenzjalment, minn naħa, fuq id-dewmien fil-preżentata tar-rikors u, min-naħa l-oħra, fuq il-bidla tas-suġġett ta’ dan tal-aħħar.
Fuq id-dewmien fil-preżentata tar-rikors
– L-argumenti tal-partijiet
10 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx iktar tippreżenta rikors għar-raġuni li, fi tmiem il-proċedura bil-miktub, din l-istituzzjoni damet wisq sabiex tippreżenta r-rikors tagħha. Hija għalhekk wettqet abbuż ta’ dritt peress li ebda raġuni oġġettiva ma tiġġustifika d-dewmien ikkonstatat. Matul dan il-perijodu ta’ stennija, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma pprovat issib soluzzjoni bonarja għat-tilwima bejnha u dan l-Istat Membru.
11 Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali u ta’ kooperazzjoni leali. L-istess kif l-Istati Membri huma obbligati jikkooperaw mal-Kummissjoni sabiex jintemm ksur tat-Trattat FUE kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni għandha, matul il-perijodu ta’ qabel il-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, tikkoopera mal-Istat Membru kkonċernat, tfittex alternattivi għar-rikors u tinformah dwar l-istat ta’ progress tal-azzjonijiet tagħha. Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali japplika mhux biss għall-Istat Membri, iżda wkoll għall-Kummissjoni.
12 Il-Kummissjoni ssostni li r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 258 TFUE huma applikabbli mingħajr ma hija obbligata tosserva terminu determinat. Barra minn hekk, skont din l-istituzzjoni, il-kunsiderazzjonijiet li jiddeterminaw l-għażla tal-mument li fih l-azzjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi ppreżentata ma jistgħux jaffettwaw l-ammissibbiltà ta’ din tal-aħħar.
13 Tista’ tiġi kkritikata biss is-sitwazzjoni li fiha l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ juri diffikultajiet sabiex jikkonfuta l-argumenti tal-Kummissjoni minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura prekontenzjuża, b’tali mod li d-drittijiet tad-difiża ma jiġux irrispettati. Issa, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja qatt ma invokat l-eżistenza ta’ tali sitwazzjoni u ma jista’ jiġi identifikat ebda element f’dan is-sens.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
14 Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi dwar il-mument li fih tiġi ppreżentata l-azzjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Il-kunsiderazzjonijiet li jiddeterminaw din l-għażla ma jistgħux jaffettwaw l-ammissibbiltà ta’ din l-azzjoni. Ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 258 TFUE għandhom ikunu applikabbli mingħajr ma l-Kummissjoni tkun obbligata tosserva terminu determinat, bla ħsara għall-każijiet li fihom tul eċċessiv tal-proċedura prekontenzjuża jista’ jagħmilha iktar diffiċli, għall-Istat Membru kkonċernat, li jikkonfuta l-argumenti tal-Kummissjoni u għalhekk jikser id-drittijiet tad-difiża. Huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jipproduċi l-prova tal-effett ta’ tali tul eċċessiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Litwanja, C-350/08, EU:C:2010:642, punti 33 u 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
15 Hekk kif sostniet il-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma invokatx l-eżistenza ta’ tali sitwazzjoni. Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata minn dan l-Istat Membru.
Fuq il-bidla tas-suġġett tar-rikors
– L-argumenti tal-partijiet
16 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-argument dwar it-tassazzjoni tal-qligħ kapitali relatat mal-investiment issostitwit, meta l-investiment ta’ sostituzzjoni huwa deprezzabbli, invokat mill-Kummissjoni fir-replika tagħha ma ġie invokat la fil-proċedura prekontenzjuża u lanqas fir-rikors. Skont dan l-Istat Membru, din iċ-ċirkustanza għandha titqies li hija bidla tas-suġġett tat-tilwima, li twassal għall-inammissibbiltà tar-rikors fl-intier tiegħu.
17 Il-Kummissjoni wieġbet, waqt is-seduta, li r-rikors huwa ammissibbli. Mir-rikors jirriżulta b’mod ċar li l-Artikolu 6b tal-EStG għandu jiġi applikat ukoll għal sitwazzjonijiet transkonfinali. Ċertament, għad-differenza ta’ dak li huwa permess fir-rigward ta’ investiment ta’ sostituzzjoni mhux deprezzabbli, fil-każ ta’ investiment ta’ sostituzzjoni deprezzabbli, it-tassazzjoni tal-qligħ kapitali ġġenerat mit-trasferiment tal-investiment issostitwit tista’ tiġi posposta kompletament sat-trasferiment bi ħlas tal-investiment ta’ sostituzzjoni biss sa ammont li jikkorrispondi għad-deprezzament ta’ ammont iżgħar relatat ma’ dan l-aħħar investiment. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li t-tassazzjoni tal-qligħ kapitali ġġenerat mit-trasferiment tal-investiment issostitwit tiġi posposta f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet. Dawn tal-aħħar huma distinti minn xulxin biss għal dak li jirrigwarda l-portata tal-posponiment. Għal dak li jirrigwarda l-investimenti ta’ sostituzzjoni mhux deprezzabbli, dan il-posponiment għandu jiġi estiż sat-trasferiment ta’ dan l-investiment, filwaqt li, għal dak li jirrigwarda l-investimenti ta’ sostituzzjoni deprezzabbli, it-tul tiegħu jista’ jkun iqsar. Għal dak li jikkonċerna dan l-aħħar tip ta’ investiment, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’, skont ir-regoli previsti, fil-qasam tad-deprezzament, mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, teżiġi ħlas bin-nifs tat-taxxa.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
18 Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ma huma qed jiġu kkontestati la r-regolarità tal-opinjoni motivata u lanqas dik tal-proċedura ta’ qabel in-notifika tagħha.
19 Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, skont l-Artikolu 258 TFUE, is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jiġi stabbilit mill-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, b’tali mod li r-rikors għandu jkun ibbażat fuq l-istess raġunijiet u motivi bħal din l-opinjoni. Madankollu, dan ir-rekwiżit ma jistax iwassal sabiex tkun meħtieġa, f’kull każ, koinċidenza perfetta bejn id-dikjarazzjoni tal-ilmenti li tinsab fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors, sakemm is-suġġett tat-tilwima, kif iddefinit fl-opinjoni motivata, ma jkunx ġie estiż jew mibdul. Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, tispeċifika l-ilmenti inizjali tagħha, bil-kundizzjoni madankollu li ma tibdilx is-suġġett tat-tilwima (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-281/11, EU:C:2013:855, punti 87 u 88 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
20 F’dan il-każ, kemm fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar li hija kienet qed tilmenta li, billi adottat u żammet fis-seħħ is-sistema prevista fl-Artikolu 6b tal-EStG, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 49 TFUE u 31 tal-Ftehim ŻEE.
21 L-applikazzjoni ta’ din is-sistema għandha, essenzjalment, bħala konsegwenza l-posponiment tal-irkupru tat-taxxa dovuta, relatata mal-qligħ kapitali ġġenerat mit-trasferiment ta’ investimenti ssostitwiti li jagħmlu parti mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti tal-persuna taxxabbli li jinsab fit-territorju Ġermaniż, bil-kundizzjoni li dan il-qligħ kapitali jiġi investit mill-ġdid fl-akkwist jew fil-produzzjoni ta’ investimenti ta’ sostituzzjoni. Madankollu, sabiex il-persuna taxxabbli tkun tista’ tibbenefika minn dan il-vantaġġ fiskali, l-investimenti ta’ sostituzzjoni jridu jagħmlu parti mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fit-territorju Ġermaniż, filwaqt li, min-naħa l-oħra, l-imsemmi vantaġġ ma jingħatax meta dawn l-investimenti jkun jagħmlu parti mill-assi kapitali ta’ stabbiliment li jinsab fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew fi Stat ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea. Skont il-Kummissjoni, hija din id-differenza fit-trattament li tikkostitwixxi l-ksur allegat tal-libertà ta’ stabbiliment.
22 Meta analizzat, fir-replika tagħha, il-posponiment tat-tassazzjoni tal-qligħ kapitali ġġenerat skont ir-regoli previsti, fil-qasam ta’ deprezzament, mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, għal dak li jirrigwarda investimenti ta’ sostituzzjoni deprezzabbli, il-Kummissjoni ppreċiżat biss, billi tispeċifika — bi tweġiba għall-ilment tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jgħid li din l-istituzzjoni kienet wettqet żball meta indikat li t-tassazzjoni tal-qligħ kapitali ġġenerat mit-trasferiment ta’ investimenti ssostitwiti hija, f’kull każ, posposta sat-trasferiment tal-investimenti ta’ sostituzzjoni — l-argumenti invokati insostenn tat-talbiet tagħha dwar in-nuqqas allegat, liema minn dawn kienu diġà tressqu b’mod iktar ġenerali fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża kif ukoll fir-rikors.
23 F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li ċ-ċirkustanza li l-mument li fih il-qligħ kapitali li jirriżulta mit-trasferiment tal-investiment issostitwit huwa intaxxat jiddependi, skont l-imsemmija leġiżlazzjoni, min-natura deprezzabbli jew le tal-investiment ta’ sostituzzjoni ma tbiddilx is-suġġett tat-tilwima. Fil-fatt, minkejja n-natura deprezzabbli jew le tal-investiment ta’ sostituzzjoni, l-irkupru tat-taxxa dovuta, relatata mal-qligħ kapitali ġġenerat mit-trasferiment tal-investiment issostitwit, huwa pospost fiż-żewġ każijiet, billi ż-żewġ sitwazzjonijiet inkwistjoni huma distinti minn xulxin biss għal dak li jirrigwarda l-portata ta’ dan il-posponiment tat-tassazzjoni. Għal dak li jirrigwarda l-investimenti ta’ sostituzzjoni mhux deprezzabbli, dan il-posponiment jista’ jiġi estiż sat-trasferiment ta’ dawn l-investimenti, filwaqt li, għal dak li jirrigwarda l-investimenti ta’ sostituzzjoni deprezzabbli, l-imsemmi posponiment jista’ jkun ta’ tul iqsar. Madankollu, fiż-żewġ każijiet, dan il-vantaġġ huwa offrut biss fil-konfront tal-investimenti mill-ġdid magħmula għall-akkwist ta’ investimenti ta’ sostituzzjoni li jagħmlu parti mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti tal-persuna taxxabbli li jinsab fit-territorju Ġermaniż.
24 Is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni, fil-fażi prekontenzjuża kif ukoll fir-rikors, tirreferi biss, għal dak li jirrigwarda l-mument li fih il-qligħ kapitali li jirriżulta mit-trasferiment tal-investiment issostitwit huwa intaxxat, għat-trasferiment ta’ investimenti ta’ sostituzzjoni, ma jistax, għalhekk, jitqies li jiżvela l-eżistenza ta’ motiv ġdid, li minnu tirriżulta limitazzjoni tal-portata tar-rikors għall-investimenti ta’ sostituzzjoni mhux deprezzabbli biss.
25 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment invokat mill-Kummissjoni baqa’ l-istess matul il-proċedura prekontenzjuża u dik kontenzjuża.
26 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jitqies li r-rikors tal-Kummissjoni huwa ammissibbli.
Fuq il-mertu
L-argumenti tal-partijiet
27 Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 6b tal-EStG jikser id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Ftehim ŻEE dwar il-libertà ta’ stabbiliment.
28 Skont dan l-artikolu, il-persuna taxxabbli għandha, skont il-Kummissjoni, id-dritt li tittrasferixxi lejn ċerti investimenti ta’ sostituzzjoni, mingħajr ma dan jiġi intaxxat, il-qligħ kapitali ġġenerat mit-trasferiment ta’ ċerti investimenti li jagħmlu parti mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti tal-persuna taxxabbli li jinsab fit-territorju Ġermaniż, bil-kundizzjoni li dan il-qligħ kapitali jiġi investit mill-ġdid fl-akkwist jew fil-produzzjoni ta’ dawn l-investimenti ta’ sostituzzjoni. Tali posponiment tat-tassazzjoni ta’ dan il-qligħ kapitali huwa madankollu possibbli, skont l-Artikolu 6b(4)(3) tal-EStG, biss jekk l-imsemmija investimenti ta’ sostituzzjoni jagħmlu parti mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti tal-persuna taxxabbli li jinsab f’dan it-territorju. Jekk l-istess investimenti ta’ sostituzzjoni jkunu jagħmlu parti mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti li jinsab barra mill-imsemmi territorju, il-qligħ kapitali li jirriżulta mit-trasferiment tal-investiment issostitwit huwa, skont il-Kummissjoni, intaxxat immedjatament.
29 Għaldaqstant, operatur ekonomiku jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li investiment mill-ġdid magħmul barra mit-territorju Ġermaniż huwa inqas vantaġġuż mil-lat fiskali minn investiment mill-ġdid magħmul fuq dan it-territorju. Din id-differenza fi trattament tista’ tiskoraġġixxi kumpannija li tinsab fit-territorju Ġermaniż milli teżerċita l-attivitajiet tagħha permezz ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru tal-Unjoni jew taż-ŻEE li ma huwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
30 Tali differenza fit-trattament ma tistax tiġi ġġustifikata minn differenza ta’ sitwazzjoni oġġettiva. Il-Kummissjoni ssostni li jekk l-istabbiliment permanenti li fiha jsir l-investiment mill-ġdid jinsab fi Stat Membru tal-Unjoni jew taż-ŻEE li ma huwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jista’ jiġi dedott biss minn din iċ-ċirkustanza li l-operatur ekonomiku kkonċernat ikun uża l-libertà ta’ stabbiliment.
31 Il-ġustifikazzjonijiet ibbażati fuq it-territorjalità tat-taxxa ma humiex fondati. F’dan il-każ, il-kwistjoni tirrigwarda l-qligħ kapitali ġġenerat fit-territorju Ġermaniż mit-trasferiment tal-investimenti ssostitwit. Issa, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha deċiżament id-dritt li tintaxxa dan il-qligħ kapitali. Barra minn hekk, dan id-dritt huwa effettivament eżerċitat bit-tassazzjoni immedjata ta’ dan il-qligħ kapitali fil-każ ta’ investiment mill-ġdid barra mit-territorju Ġermaniż. F’dan il-kuntest, it-trattament fiskali li għalih huma suġġetti l-istabbilimenti permanenti bis-saħħa ta’ ftehimiet dwar ħelsien minn taxxa doppja huwa irrilevanti.
32 Il-fatt li minn dan jista’ jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jkollha tipposponi wkoll id-data li fiha tkun dovuta t-taxxa relatata ma’ tali qligħ kapitali meta l-investimenti mill-ġdid jsiru barra mit-territorju Ġermaniż, kif ukoll il-fatt li hija tagħmel dan għal dak li jirrigwarda l-investimenti mill-ġdid magħmula ġewwa dan it-territorju, ma jbiddel xejn fit-tqassim tas-setgħat ta’ tassazzjoni relatati ma dan il-qligħ kapitali.
33 Għal dak li jirrigwarda l-ġustifikazzjoni bbażata fuq in-neċessità li tinżamm il-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali, din tista’ tintlaqa’ biss jekk ikun hemm rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u t-tpaċija ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ impożizzjoni fiskali speċifika. Issa, it-tassazzjoni tal-qligħ kapitali ġġenerat mit-trasferiment tal-investiment ta’ sostituzzjoni ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, il-korrispettiv tal-posponiment tat-tassazzjoni tal-qligħ kapitali li jirriżulta mit-trasferiment tal-investiment issostitwit. Dan il-vantaġġ fiskali, jiġifieri l-posponiment tat-tassazzjoni ta’ dan il-qligħ kapitali, għandu bħala korrispettiv it-tassazzjoni ulterjuri tal-qligħ kapitali li jirriżulta mit-trasferiment tal-istess investiment u mhux it-tassazzjoni ta’ qligħ kapitali distint iġġenerat mit-trasferiment tal-investiment ta’ sostituzzjoni.
34 Ir-rieda li jiġu promossi r-ristrutturazzjonijiet u l-investimenti mill-ġdid lanqas ma tikkostitwixxi għan leġittimu. Barra minn hekk, huwa irrilevanti jekk tali għan ġenerali u ta’ natura ekonomika jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali f’każ partikolari. F’kull każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja la ma allegat u lanqas ma pprovat li dan l-għan ikun jista’ jintlaħaq biss jekk l-investimenti mill-ġdid transkonfinali jkunu s-suġġett ta’ trattament diskriminatorju.
35 L-istruttura legali magħżula lanqas ma tikkostitwixxi, fiha nnifisha, ġustifikazzjoni. Dan japplika wkoll għall-għanijiet ta’ żvilupp ekonomiku nazzjonali. Il-fatt biss li vantaġġ fiskali ma jkunx jista’ jingħata skont l-istess metodi f’sitwazzjoni transkonfinali u f’sitwazzjoni purament interna bl-ebda mod ma tista’ tilleġittima trattament differenti f’dawn is-sitwazzjonijiet.
36 Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni, il-Kummissjoni tqis li, fl-assenza ta’ kwalsiasi ġustifikazzjoni rilevanti, din il-kwistjoni ma tqumx.
37 F’kull każ, għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż amministrattivi li l-persuna taxxabbli tinkorri, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fis-sentenza National Grid Indus (C-371/10, EU:C:2011:785), li din il-persuna għandha d-dritt tagħżel jew tassazzjoni immedjata jew inkella tassazzjoni ddifferita. Għalhekk, tassazzjoni immedjata tal-qligħ kapitali inkwistjoni ma hijiex proporzjonata.
38 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, prinċipalment, li r-rikors ma huwiex fondat. Hija tqis li s-sitwazzjoni ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor ma hijiex oġġettivament paragunabbli ma’ dik ta’ stabbiliment li jinsab fit-territorju Ġermaniż. Sussidjarjament, dan l-Istat Membru jsostni li, jekk kellha tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ restrizzjoni, din f’kull każ tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, ibbażati fuq il-prinċipju ta’ territorjalità tat-taxxa u fuq in-neċessità li tinżamm il-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali.
39 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li s-sistema fiskali prevista mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija nieqsa minn effetti dissważivi ta’ natura li jwaqqfu lill-persuna taxxabbli milli toħloq stabbilimenti permanenti fi Stati Membri oħra u milli teżerċita l-attivitajiet tagħha permezz ta’ tali stabbilimenti. Il-fatt li ma jkunux jistgħu jiġu ttrasferiti investimenti li jagħmlu parti mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fit-territorju Ġermaniż, mingħajr ma jiġi intaxxat il-qligħ kapitali ġġenerat f’tali okkażjoni, ma għandux, fih innifsu, effett dirett fuq l-attivitajiet ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor.
40 L-għan imsemmi fl-Artikolu 6b tal-EStG huwa li titjib il-likwidità ta’ impriżi u li jiġu ffaċilitati r-ristrutturazzjonijiet billi jiġu ffavoriti l-investimenti mill-ġdid fl-impriża stess. Tali investimenti mill-ġdid huma neċessarji sabiex il-produzzjoni tkun tista’ tilħaq il-livell preċedenti tagħha, b’tali mod li jiġu ffaċċjati d-deterjorazzjoni ta’ beni kapitali jew il-progress tekniku. Il-fatt li ma tintgħażilx it-tassazzjoni immedjata ta’ qligħ ġenerali ġġenerat mit-trasferiment tal-investiment issostitwit jippermetti lill-impriża kkonċernata tadatta ruħha, mil-lat ekonomiku, għall-bidliet strutturali marbuta mal-metodi ta’ produzzjoni u mad-distribuzzjoni, jew għall-bidliet ta’ natura reġjonali. L-investiment mill-ġdid ta’ dan il-qligħ kapitali jiffaċilita r-ristrutturazzjonijiet ta’ impriżi kbar u jevita wkoll it-tassazzjoni tal-qligħ kapitali ġġenerat mit-trasferiment tal-investiment ikkonċernat, li huwa partikolarment għoli.
41 Is-sistema fiskali prevista fl-Artikolu 6b tal-EStG twassal sabiex l-investiment issostitwit u l-investiment ta’ sostituzzjoni jitqiesu li jifformaw investiment wieħed, peress li, fuq livell ekonomiku, dawn iż-żewġ beni kapitali ser jiġġeneraw dħul fit-territorju Ġermaniż. Dan ir-riżultat jinkiseb billi, għall-finijiet tat-taxxa, l-investiment issostitwit huwa assimilat mal-investiment ta’ sostituzzjoni. Il-qligħ kapitali ġġenerat mit-trasferiment tal-investiment issostitwit huwa, fil-karta tal-bilanċ tal-impriża kkonċernata, ittrasferit lejn l-investiment ta’ sostituzzjoni. L-investiment issostitwit jitqies, fl-imsemmija karta tal-bilanċ, li qatt ma ħareġ mill-kapital operattiv tal-impriża. Din il-finzjoni, skont liema l-investiment issostitwit huwa preżenti f’dan il-kapital mingħajr interruzzjoni tista’, mil-lat tekniku, tiġi permessa biss fil-każ fejn l-investiment ta’ sostituzzjoni jagħmel parti mill-assi kapitali tal-istess persuna taxxabbli u jaqa’, huwa stess, taħt is-setgħa ta’ tassazzjoni tal-awtoritajiet Ġermaniżi.
42 Issa, skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet dwar ħelsien minn taxxa doppja konklużi mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, stabbiliment permanenti jikkostitwixxi entità fiskali awtonoma. Għalhekk, l-investiment issostitwit u l-investiment ta’ sostituzzjoni ma jinsabux f’idejn l-istess persuna taxxabbli, iżda f’dawk ta’ persuni taxxabbli differenti. Minn dan jirriżulta li l-vantaġġ fiskali previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li jikkonsisti fil-possibbiltà li jiġi ssostitwit investiment li jappartjeni lill-istess persuna taxxabbli b’mod newtrali fuq il-livell fiskali, ma jistax, min-natura tiegħu stess, jingħata f’dawn iċ-ċirkustanzi. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għandha l-ebda metodu ieħor li jippermettilha, fuq livell ġuridiku jew dak prattiku, tagħti dan it-tip speċifiku ta’ vantaġġ fiskali f’sitwazzjoni transkonfinali, billi l-beni ekonomiċi ta’ stabbiliment permanenti li jinsab barra mit-territorju tagħha ma jaqgħux taħt is-setgħa ta’ tassazzjoni tagħha.
43 Il-metodu speċifiku magħżul ma ntgħażilx b’mod arbitrarju, sabiex jiġu esklużi minn qabel is-sitwazzjonijiet transkonfinali. Pjuttost, dan jikkostitwixxi l-uniku metodu li jippermetti li jingħata, b’mod sostenibbli fuq il-livell professjonali u dak politiku, vantaġġ fiskali favur investimenti mill-ġdid magħmula mill-impriżi.
44 Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni tixtieq tistabbilixxi sistema speċjali ta’ inċentivi għall-investiment u għar-ristrutturazzjonijiet applikabbli għas-sitwazzjonijiet transkonfinali li ma tkunx applikabbli fil-konfront ta’ kumpanniji purament domestiċi. Billi tali sistema ma ġietx prevista b’mod ġenerali mid-dritt Ġermaniż għas-sitwazzjonijiet purament interni, id-dritt tal-Unjoni, fl-istat attwali tiegħu, ma jistax jirrikjedi l-istabbiliment ta’ forma partikolari ta’ posponiment tat-tassazzjoni tal-qligħ kapitali. Fl-istat attwali tal-armonizzazzjoni tad-dritt fiskali fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri jibbenefikaw minn ċerta awtonomija fil-qasam fiskali. Huma bl-ebda mod ma huma obbligati jadattaw is-sistema fiskali tagħhom għas-sistemi differenti ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri l-oħra sabiex jiggarantixxu li kumpannija li tkun għażlet li tistabbilixxi ruħha fi Stat Membru speċifiku tiġi intaxxata, f’dan l-Istat Membru, bl-istess mod bħal kumpannija li tkun għażlet li tistabbilixxi ruħha fi Stat Membru ieħor. Din l-awtonomija fil-qasam fiskali timplika wkoll li Stat Membru huwa liberu li jiddetermina l-kundizzjonijiet u l-livell ta’ tassazzjoni applikabbli għall-forom differenti ta’ stabbilimenti ta’ kumpanniji nazzjonali li joperaw barra mit-territorju tiegħu, bil-kundizzjoni li dawn l-istabbilimenti jingħataw trattament li ma jkunx diskriminatorju meta mqabbel ma’ dak irriżervat għall-istabbilimenti paragunabbli stabbiliti fit-territorju nazzjonali.
45 Is-sistema fiskali prevista fl-Artikolu 6b tal-EStG hija ġġustifikata, f’kull każ, minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali bbażata fuq in-neċessità li jinżamm it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri. Skont il-ftehimiet dwar ħelsien minn taxxa doppja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għandha, fil-qasam fiskali, l-ebda setgħa fir-rigward tal-investiment ta’ sostituzzjoni, u għalhekk la tista’ tiddetermina l-ammont tad-deprezzament għal dak li jirrigwarda dan l-investiment u lanqas ma tista’ tiġbor it-taxxa li tirriżulta mit-trasferiment tiegħu. Għalhekk, ma huwiex possibbli, fuq livell tekniku, li tiġi applikata s-sistema prevista fl-Artikolu 6b tal-EStG għall-investimenti ta’ sostituzzjoni li jappartjenu lil stabbiliment permanenti li jinsab barra mit-territorju Ġermaniż. Lanqas ma jeżisti metodu ieħor li jippermetti li jingħata, fuq livell ġuridiku jew dak prattiku, dan it-tip speċifiku ta’ vantaġġ fiskali f’sitwazzjoni transkonfinali.
46 Din is-sistema fiskali hija ġġustifikata wkoll mir-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali bbażata fuq in-neċessità li tinżamm il-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali. Teżisti rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali inkwistjoni u t-tpaċija ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ impożizzjoni fiskali speċifika. It-trasferiment tal-qligħ kapitali li jirriżulta mit-trasferiment tal-investiment issostitwit lejn l-investiment ta’ sostituzzjoni jikkostitwixxi, fil-prattika, finzjoni skont liema l-investiment issostitwit ma jiqafx jagħmel parti mill-kapital operattiv tal-impriża kkonċernata. Mil-lat ekonomiku, il-qligħ kapitali ġġenerat mit-trasferiment tal-investiment issostitwit u dak iġġenerat mit-trasferiment tal-investiment ta’ sostituzzjoni jirrappreżentaw l-istess benefiċċju, b’tali mod li t-tassazzjoni tal-qligħ kapitali relatat ma’ dan l-investiment tal-aħħar hija indissoċjabbli mit-tassazzjoni ta’ dak relatat mal-investiment issostitwit. Il-modalitajiet ta’ tassazzjoni jagħmlu għalhekk parti integrali mill-vantaġġ fiskali inkwistjoni. It-trattament fiskali favorevoli li huwa suġġett għalih il-qligħ kapitali ġġenerat mit-trasferiment tal-investiment issostitwit huwa wkoll marbut strettament mat-tassazzjoni tad-dħul magħmul bl-għajnuna tal-investiment ta’ sostituzzjoni fit-territorju Ġermaniż.
47 Fl-aħħar nett, l-imsemmija sistema hija ġġustifikata mir-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali bbażata fuq ir-rieda politika li jingħataw inċentivi għall-investimenti mill-ġdid magħmula fl-impriża bl-għan li jinżammu jew li jiġu mmodernizzati l-beni kapitali u sabiex tiġi ggarantita l-kontinwità ta’ din tal-aħħar kif ukoll iż-żamma tal-impjiegi. Dan l-għan, li jikkonsisti f’li jiġi inkoraġġit l-investiment mill-ġdid fl-istess impriża, għall-finijiet tal-akkwist ta’ investiment ġdid li jikkorrispondi għal dak ittrasferit jista’ jintlaħaq biss fil-każ fejn it-taxxi relatati ma’ dan l-investimenti l-ġdid joriġinaw ukoll mill-awtoritajiet tat-taxxa Ġermaniżi.
48 Għal dak li jirrigwarda l-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, prinċipalment, li, fil-każ li ma tkun teżisti ebda diskriminazzjoni fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni jew jekk tali diskriminazzjoni tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, ma jkunx hemm lok li jiġu eżaminati eventwali miżuri inqas vinkolanti.
49 Sussidjarjament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-miżura prevista fl-Artikolu 6b tal-EStG, li l-applikazzjoni tiegħu hija limitata għall-investimenti ta’ sostituzzjoni li jagħmlu parti mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fit-territorju Ġermaniż, hija proporzjonata.
50 Skont dan l-Istat Membru, ikun diffiċli għalih li jsib miżuri oħra daqstant adatti li jkunu applikabbli għas-sitwazzjonijiet transkonfinali kollha. Dawn l-eventwali miżuri ma jkunux inqas vinkolanti, peress li huma kieku jinvolvu spejjeż amministrattivi mhux raġonevoli kemm għall-awtorità tat-taxxa kif ukoll għal-persuna taxxabbli.
51 Il-posponiment tat-tassazzjoni tal-qligħ kapitali inkwistjoni, applikat għal sitwazzjonijiet transkonfinali, għandu konsegwenzi mhux mixtieqa. L-estensjoni ta’ dan il-vantaġġ fiskali lil dawn is-sitwazzjonijiet tista’ twassal direttament għal trasferiment ta’ investimenti u ta’ stabbilimenti ta’ produzzjoni barra mit-territorju Ġermaniż. Issa, inċentiv għad-delokalizzazzjoni tal-produzzjoni permezz tal-istimulazzjoni ta’ investimenti mill-ġdid ma jistax, skont l-Istat Membru kkonċernat, jiġi impost.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
52 Il-Kummissjoni tilmenta, essenzjalment, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja rriżervat għall-qligħ kapitali ġġenerat mit-trasferiment bi ħlas ta’ ċerti investimenti li jagħmlu parti mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti tal-persuna taxxabbli li jinsab fit-territorju Ġermaniż, fil-każ ta’ investiment mill-ġdid ta’ dan il-qligħ kapitali f’ċerti investimenti ġodda ta’ sostituzzjoni, akkwistati jew prodotti, li jagħmlu parti mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti tal-persuna taxxabbli li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew taż-ŻEE, trattament żvantaġġuż meta mqabbel ma’ investiment mill-ġdid simili magħmul ġewwa t-territorju Ġermaniż.
53 Il-Kummissjoni ssostni li din id-differenza fit-trattament tista’ toħloq ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment u li din tikser l-Artikoli 49 TFUE u 31 tal-Ftehim ŻEE.
– Fuq il-ksur tal-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikoli 49 TFUE
54 L-Artikolu 49 TFUE jimponi t-tneħħija ta’ restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment. Din il-libertà timplika, fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat, l-amministrazzjoni prinċipali jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom ġewwa l-Unjoni, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi Stati Membri oħra permezz ta’ sussidjarja, ta’ fergħa jew ta’ aġenzija (sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-261/11, EU:C:2013:480, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
55 L-imsemmija libertà tapplika wkoll għat-trasferimenti ta’ attivitajiet ta’ persuna taxxabbli minn territorju ta’ Stat Membru lejn Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-261/11, EU:C:2013:480, punt 28).
56 Minkejja li, skont il-formulazzjoni tagħhom, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi li jiżguraw l-istess trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, dawn jipprekludu wkoll li l-Istat Membru ta’ oriġini jostakola l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija kkostitwita skont il-leġiżlazzjoni tiegħu. Għandhom jitqiesu li huma restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-261/11, EU:C:2013:480, punti 26 u 27, u l-ġurisprudenza ċċitata).
57 F’dan il-każ, is-sistema fiskali prevista fl-Artikolu 6b tal-EStG għandha bħala konsegwenza li tissuġġetta l-benefiċċju tal-posponiment tal-irkupru tat-taxxa dovuta, relatata mal-qligħ kapitali ġġenerat mit-trasferiment bi ħlas ta’ investiment li jagħmel parti mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti tal-persuna taxxabbli li jinsab fit-territorju Ġermaniż, għall-kundizzjoni li dan il-qligħ kapitali jiġi investit mill-ġdid fl-akkwist ta’ investimenti ta’ sostituzzjoni li jagħmlu parti mill-assi kapitali ta’ tali stabbiliment li jinsab f’dan l-istess territorju. Investiment mill-ġdid simili magħmul sabiex jiġu akkwistati investimenti ta’ sostituzzjoni li jagħmlu parti mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti tal-persuna taxxabbli li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor iwassal, min-naħa l-oħra, għat-tassazzjoni immedjata ta’ dan il-qligħ kapitali.
58 Għandu jiġi kkonstatat li din id-differenza fit-trattament għal dak li jirrigwarda l-posponiment tal-irkupru tat-taxxa dovuta relatata mal-qligħ kapitali inkwistjoni tista’ twassal għal żvantaġġ fil-qasam tal-likwidità għall-persuna taxxabbli li tkun tixtieq tinvesti mill-ġdid dan il-qligħ kapitali, sabiex jiġu akkwistati investimenti ta’ sostituzzjoni intiżi għal stabbiliment permanenti li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, meta mqabbla mal-persuna taxxabbli li tagħmel investiment mill-ġdid simili fi stabbiliment permanenti li jinsab fit-territorju Ġermaniż.
59 Din id-differenza fit-trattament hija mill-inqas ta’ natura li tirrendi inqas attraenti investiment mill-ġdid magħmul barra mit-territorju Ġermaniż meta mqabbel ma’ investiment mill-ġdid magħmul ġewwa dan it-territorju. Għaldaqstant, hija tista’, hekk kif issostni l-Kummissjoni, tiskoraġġixxi persuna taxxabbli stabbilita fit-territorju Ġermaniż milli teżerċita l-attivitajiet tagħha permezz ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
60 Tali differenza fit-trattament ma tistax tiġi spjegata b’differenza ta’ sitwazzjoni oġġettiva. Fil-fatt, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru intiża li tintaxxa l-qligħ kapitali ġġenerat fit-territorju ta’ dan tal-aħħar, is-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli li tinvesti mill-ġdid dan il-qligħ kapitali għall-finijiet tal-akkwist ta’ investiment ta’ sostituzzjoni intiż għal stabbiliment permanenti li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor hija, għal dak li jirrigwarda t-tassazzjoni ta’ qligħ kapitali li jkun ġie ġġenerat fl-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri qabel dan l-investiment mill-ġdid, simili għal dik ta’ persuna taxxabbli li tinvestih mill-ġdid sabiex takkwista investiment ta’ sostituzzjoni intiż għal stabbiliment permanenti li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.
61 Minn dan jirriżulta li, billi rriżervat il-benefiċċju tal-posponiment tat-tassazzjoni tal-qligħ kapitali ġġenerat mit-trasferiment bi ħlas ta’ investiment, li jagħmel parti mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti tal-persuna taxxabbli li jinsab fit-territorju Ġermaniż, għall-kundizzjoni li dan il-qligħ kapitali jiġi investit mill-ġdid għall-finijiet tal-akkwist ta’ investimenti ta’ sostituzzjoni li jagħmlu parti mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti tal-persuna taxxabbli li jinsab fl-istess territorju, is-sistema fiskali prevista fl-Artikolu 6b tal-EStG tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment.
62 Madankollu, għandu jiġi ddeterminat jekk din ir-restrizzjoni tistax tiġi oġġettivament iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni.
63 Skont ġurisprudenza stabbilita, il-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi llimitata minn leġiżlazzjoni nazzjonali biss jekk ir-restrizzjoni inkwistjoni tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Huwa wkoll neċessarju, f’dan il-każ, li din ir-restrizzjoni tkun adatta sabiex tiggarantixxi li l-għan inkwistjoni jintlaħaq u li din ma teċċedix dak li huwa meħtieġ sabiex dan il-għan jintlaħaq (ara s-sentenza DI. VI. Finanziaria di Diego della Valle & C., C-380/11, EU:C:2012:552, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
64 Għal dak li jirrigwarda, qabel xejn, il-ġustifikazzjoni bbażata fuq in-neċessità li jinżamm it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, għandu jitfakkar, minn naħa, li din il-ġustifikazzjoni tikkostitwixxi għan leġittimu rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja u li, min-naħa l-oħra, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni adottati mill-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddeterminaw, permezz ta’ ftehim jew unilateralment, il-kriterji għat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni tagħhom, sabiex tiġi eliminata t-taxxa doppja (sentenza DMC, C-164/12, EU:C:2014:20, punti 46 u 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
65 Fis-sentenza tagħha National Grid Indus (C-371/10, EU:C:2011:785), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, dwar leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha t-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva ta’ kumpannija rregolata mid-dritt nazzjonali lejn Stat Membru ieħor iwassal għall-intaxxar immedjat tal-qligħ kapitali moħbi relatat mal-attiv ittrasferit, filwaqt li dan il-qligħ kapitali huwa intaxxat f’kuntest nazzjonali biss meta dan il-qligħ effettivament iseħħ, li tali trasferiment ma jistax ifisser li l-Istat Membru ta’ oriġini għandu jirrinunzja għad-dritt tiegħu li jintaxxa l-qligħ kapitali ġġenerat fil-kuntest tal-kompetenza fiskali tiegħu qabel l-imsemmi trasferiment. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru għandu, skont il-prinċipju ta’ territorjalità fiskali, id-dritt li jintaxxa, fil-mument tal-imsemmi trasferiment, il-qligħ kapitali moħbi ġġenerat fit-territorju tiegħu. Fil-fatt, miżura bħal din hija intiża li tipprevjeni sitwazzjonijiet ta’ natura li tikkomprometti d-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fuq it-territorju tiegħu u għalhekk tista’ tiġi ġġustifikata minn motivi marbuta maż-żamma tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istat Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza National Grid Indus, C-371/10, EU:C:2011:785, punti 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
66 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li huwa proporzjonat, għal Stat Membru, sabiex jiġi ssalvagwardat l-eżerċizzju tal-kompetenza fiskali tiegħu, li jiddetermina t-taxxa dovuta fuq il-qligħ kapitali moħbi ġġenerat fit-territorju tiegħu fil-mument li s-setgħa ta’ tassazzjoni tiegħu fir-rigward tal-kumpannija kkonċernata tieqaf teżisti, f’dak il-każ fil-mument tat-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza National Grid Indus, C-371/10, EU:C:2011:785, punti 52).
67 Min-naħa l-oħra, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi l-irkupru immedjat tat-taxxa relatata mal-qligħ kapitali moħbi ġġenerat fil-kuntest tal-kompetenza fiskali tiegħu, fil-każ tat-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva ta’ kumpannija barra mit-territorju tiegħu, tqieset sproporzjonata, minħabba l-eżistenza ta’ miżuri inqas restrittivi għal-libertà ta’ stabbiliment mill-irkupru immedjat ta’ din it-taxxa. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-persuna taxxabbli kellha tingħata l-għażla bejn, minn naħa, il-ħlas immedjat ta’ din it-taxxa, u, min-naħa l-oħra, il-ħlas iddifferit tal-ammont tal-imsemmija taxxa, flimkien, skont il-każ, mal-interessi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi National Grid Indus, C-371/10, EU:C:2011:785, punti 73 u 85, kif ukoll DMC, C-164/12, EU:C:2014:20, punti 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).
68 F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li l-kwistjoni tirrigwarda t-tassazzjoni tal-qligħ kapitali li jirriżulta mit-trasferiment tal-investiment issostitwit, li jkun ġie ġġenerat fil-kuntest tal-kompetenza fiskali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma tikkontestax id-dritt ta’ dan l-Istat Membru li jintaxxa dan il-qligħ kapitali.
69 Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, investiment mill-ġdid ta’ qligħ kapitali li jaqa’ taħt is-setgħa ta’ tassazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għall-finijiet tal-akkwist ta’ investimenti ta’ sostituzzjoni intiżi għal stabbiliment permanenti tal-persuna taxxabbli li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ma jistax jimplika li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tirrinunzja għad-dritt tagħha li tintaxxa l-qligħ kapitali ġġenerat fil-kuntest tal-kompetenza fiskali tagħha qabel it-trasferiment tiegħu barra mit-territorju tagħha, għar-raġuni li dan ikun ġie investit mill-ġdid għall-finijiet tal-akkwist ta’ tali investimenti ta’ sostituzzjoni.
70 Anki jekk jiġi preżunt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minħabba l-investiment mill-ġdid tal-qligħ kapitali li jirriżulta mit-trasferiment ta’ investimenti ssostitwiti għall-finijiet tal-akkwist ta’ investimenti ta’ sostituzzjoni li jagħmlu parti mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti tal-persuna taxxabbli li jinsab barra mit-territorju Ġermaniż, ma għandhiex id-dritt li tintaxxa d-dħul iġġenerat minn dawn l-investimenti ta’ sostituzzjoni, dan l-Istat Membru ma huwiex, madankollu, miċħud mid-dritt li jintaxxa l-qligħ kapitali ġġenerat mit-trasferiment ta’ investimenti ssostitwiti li jkun irriżulta fil-kuntest tal-kompetenza fiskali tiegħu ġewwa t-territorju tiegħu qabel dan l-investiment mill-ġdid. Barra minn hekk, dan id-dritt huwa eżerċitat permezz tat-tassazzjoni immedjata tal-imsemmi qligħ kapitali fil-każ ta’ tali investiment mill-ġdid.
71 F’dan il-każ, iċ-ċirkustanza dwar jekk il-kwistjoni tkunx tirrigwarda qligħ kapitali moħbi jew inkella qligħ kapitali ġġenerat hija irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, huwa rilevanti li, għal dak li jirrigwarda wieħed jew l-ieħor minn dan il-qligħ kapitali, tranżazzjonijiet simili, imwettqa fil-kuntest purament intern ta’ Stat Membru, għad-differenza ta’ tranżazzjoni transkonfinali, ma jkunux wasslu għat-tassazzjoni immedjata ta’ dan il-qligħ kapitali.
72 Għalkemm it-tassazzjoni tal-qligħ kapitali inkwistjoni fil-każ tal-investiment mill-ġdid tiegħu għall-finijiet tal-akkwist ta’ investimenti ta’ sostituzzjoni barra mit-territorju nazzjonali tista’ tkun iġġustifikata minn raġunijiet marbuta man-neċessità li jinżamm it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni, li għandha bħala effett li tipprevedi, f’kull każ, l-irkupru immedjat tat-taxxa fuq dan il-qligħ kapitali fil-każ tal-investiment mill-ġdid tiegħu barra mit-territorju nazzjonali, tmur, hekk kif jirriżulta mill-punt 67 ta’ din is-sentenza, fi kwalunkwe każ, minħabba l-eżistenza ta’ miżuri inqas restrittivi għal-libertà ta’ stabbiliment minn tassazzjoni immedjata, lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan marbut man-neċessità li jinżamm it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.
73 Biżżejjed jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-persuna taxxabbli għandha jkollha l-għażla bejn, minn naħa, il-fatt li tħallas l-ispejjeż amministrattivi relatati mal-posponiment tat-tassazzjoni inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, l-irkupru immedjat tagħha. Fil-każ li l-persuna taxxabbli tqis li dawn l-ispejjeż ma humiex eċċessivi u tagħżel li tħallashom, l-ispejjeż li għandhom jitħallsu mill-awtorità tat-taxxa ma jistgħux ukoll jiġu kklassifikati bħala eċċessivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza National Grid Indus, C-371/10, EU:C:2011:785, punt 77).
74 Ir-restrizzjoni inkwistjoni ma tistax, sussegwentement, tiġi ġġustifikata min-neċessità li tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali, li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Sabiex argument ibbażat fuq tali ġustifikazzjoni jkun jista’ jirnexxi, għandha tiġi pprovata l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u t-tpaċija ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ impożizzjoni fiskali speċifika (sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-345/05, EU:C:2006:685, punt 29, u Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, C-104/06, EU:C:2007:40, punt 26).
75 Issa, f’dan il-każ, tali rabta diretta hija nieqsa. Hekk kif tosserva l-Kummissjoni, il-vantaġġ fiskali inkwistjoni, jiġifieri l-posponiment tat-tassazzjoni tal-qligħ kapitali li jirriżulta mit-trasferiment tal-investiment issostitwit għandu bħala korrispettiv, minkejja l-metodu magħżul sabiex jingħata dan il-vantaġġ fiskali, it-tassazzjoni sussegwenti tal-qligħ kapitali li jirriżulta mit-trasferiment tal-istess investiment u mhux it-tassazzjoni ta’ qligħ kapitali differenti ġġenerat mit-trasferiment tal-investiment ta’ sostituzzjoni.
76 Għal dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, l-għan li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tipprova tilħaq, jiġifieri r-rieda li jiġi promoss l-investiment fl-impriża nnifisha u r-ristrutturazzjoni tagħha, sabiex tiġi ggarantita l-kontinwità tagħha u ż-żamma tal-impjiegi fit-territorju Ġermaniż, u jekk jiġi preżunt li tali kunsiderazzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu, f’ċerti ċirkustanzi u f’ċerti kundizzjonijiet, ġustifikazzjonijiet aċċettabbli ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi vantaġġ fiskali favur persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Geurts u Vogten, C-464/05, EU:C:2007:631, punt 26), ma jidhirx li dan l-għan ikun jista’ jintlaħaq biss jekk l-investiment ta’ sostituzzjoni jkun jaqa’ wkoll taħt is-setgħa ta’ tassazzjoni tal-awtoritajiet Ġermaniżi.
77 L-imsemmi għan jista’ jintlaħaq mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi previst obbligu ta’ investiment mill-ġdid fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, dan jintlaħaq bl-istess mod fil-każ fejn il-persuna taxxabbli tagħżel li tinvesti mill-ġdid il-qligħ kapitali li jirriżulta mit-trasferiment tal-investiment issostitwit għall-finijiet tal-akkwist ta’ investiment ta’ sostituzzjoni li jagħmel parti mill-assi kapitali tal-istabbiliment permanenti tagħha li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor minflok fit-territorju Ġermaniż. Minkejja l-klassifikazzjoni, fuq il-livell fiskali, ta’ stabbiliment permanenti li jinsab barra mit-territorju nazzjonali, skont id-dritt fiskali konvenzjonali, u t-trattament fiskali rriżervat għall-investiment ta’ sostituzzjoni skont dan id-dritt, l-investiment ta’ sostituzzjoni huwa, f’kull każ, konness mal-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli u, għaldaqstant, jikkontribwixxi sabiex tiġi ffavorita l-promozzjoni tal-investiment fl-impriża kif ukoll ir-ristrutturazzjoni tagħha u jista’, għalhekk, jiggarantixxi l-kontinwità ta’ din l-attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-345/05, EU:C:2006:685, punti 31 sa 33 u 35).
78 F’dan il-kuntest, iċ-ċirkustanza waħedha li, fil-każ ta’ investiment mill-ġdid barra mit-territorju nazzjonali, is-setgħa li jiġi intaxxat il-qligħ kapitali ġġenerat mill-investiment ta’ sostituzzjoni tista’ tappartjeni lil Stat Membru ieħor hija irrilevanti. F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi osservat li skont ġurisprudenza stabbilita, għan ta’ natura purament ekonomika, bħax-xewqa li jiżdied id-dħul fiskali nazzjonali jew dik li jitnaqqas dan id-dħul, ma jistax jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ta’ natura li tiġġustifika restrizzjoni għal-libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (ara s-sentenzi Verkooijen, C-35/98, EU:C:2000:294, punti 48 u 59, kif ukoll DI. VI. Finanziaria di Diego della Valle & C., C-380/11, EU:C:2012:552, punt 50).
79 Minn dak kollu li ntqal għandu jitqies li l-ilment invokat mill-Kummissjoni, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 49 TFUE huwa fondat.
– Fuq il-ksur tal-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE
80 Ir-regoli li jipprojbixxu restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment previsti fl-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE huma identiċi għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 49 TFUE. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fil-qasam inkwistjoni, ir-regoli stabbiliti mill-Ftehim ŻEE u dawk stabbiliti mit-Trattat FUE għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi (sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-261/11, EU:C:2013:480, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
81 Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Unjoni li tirrigwarda r-restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment fi ħdan l-Unjoni ma tistax tiġi kompletament trasposta għal-libertajiet iggarantiti mill-Ftehim ŻEE, peress li l-eżerċizzju ta’ dawn tal-aħħar jaqgħu f’kuntest legali differenti (sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-261/11, EU:C:2013:480, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
82 F’dan il-każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma indikatx ir-raġunijiet għalfejn il-kunsiderazzjonijiet dwar l-ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment ipprojbit mill-Artikolu 49 TFUE u dwar l-assenza ta’ ġustifikazzjoni ma humiex applikabbli, mutatis mutandis, għall-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-ilment invokat mill-Kummissjoni, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE, huwa fondat ukoll.
83 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li għandu jiġi kkonstatat li, billi adottat u żammet fis-seħħ is-sistema fiskali prevista fl-Artikolu 6b tal-EStG, li tissuġġetta l-benefiċċju tal-posponiment tat-tassazzjoni tal-qligħ kapitali ġġenerat mit-trasferiment bi ħlas ta’ investiment li jagħmel parti mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti tal-persuna taxxabbli li jinsab fit-territorju Ġermaniż għall-kundizzjoni li dan il-qligħ kapitali jiġi investit mill-ġdid fl-akkwist ta’ investimenti ta’ sostituzzjoni li jagħmlu parti mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti tal-persuna taxxabbli li jinsab f’dan it-territorju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 49 TFUE u 31 tal-Ftehim ŻEE.
Fuq l-ispejjeż
84 Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet il-kawża, hemm lok li hija tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Billi adottat u żammet fis-seħħ is-sistema fiskali prevista fl-Artikolu 6b tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz), li tissuġġetta l-benefiċċju tal-posponiment tat-tassazzjoni tal-qligħ kapitali ġġenerat mit-trasferiment bi ħlas ta’ investiment li jagħmel parti mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti tal-persuna taxxabbli li jinsab fit-territorju Ġermaniż għall-kundizzjoni li dan il-qligħ kapitali jiġi investit mill-ġdid fl-akkwist ta’ investimenti ta’ sostituzzjoni li jagħmlu parti mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti tal-persuna taxxabbli li jinsab f’dan it-territorju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 49 TFUE u 31 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992.
2) Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.