SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
12 ta’ Marzu 2015 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – VAT – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 132(1)(g) – Eżenzjoni tal-provvista ta’ servizzi marbuta mill-qrib mal-għajnuna u mas-sigurtà soċjali – Kunċett ta’ ‘korpi rikonoxxuti bħala ddedikati għall-benessere soċjali’ – Aġenzija ta’ xogħol temporanju – Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal kwalifikat fil-kura tas-saħħa – Esklużjoni tal-eżenzjoni”
Fil-Kawża C-594/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Awwissu 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Novembru 2013, fil-proċedura
“go fair” Zeitarbeit OHG
vs
Finanzamt Hamburg-Altona,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn K. Jürimäe (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský u M. Safjan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Ottubru 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal “go fair” Zeitarbeit OHG, minn L. Gause, Rechtsanwalt,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,
– għall-Irlanda, minn E. Creedon u G. Hodge kif ukoll minn M. Heneghan u N. J. Travers, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Cordewener, C. Soulay u B.-R. Killmann, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 132(1)(g) u 134(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, u l-emenda ĠU 2007, L 335, p. 60).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors għal “Reviżjoni” bejn “go fair” Zeitarbeit OHG (iktar ’il quddiem “‘go fair’”) u l-Finanzamt Hamburg-Altona (amministrazzjoni fiskali) fir-rigward tal-intaxxar tal-provvista ta’ servizzi mwettqa mir-rikorrenti abbażi tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ għas-sena fiskali 2010.
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2006/112
3 L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:
“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.”
4 L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“Il-kondizzjoni fl-Artikolu 9(1) li l-attività ekonomika titmexxa ‘b’mod indipendenti’ għandha teskludi mill–VAT persuni impjegati jew persuni oħra sakemm huma jkunu marbutin ma’ min jimpjega b’kuntratt ta’ impjieg jew b’kull irbit legali ieħor li joħloq ir–relazzjoni ta’ bejn min jimpjega u impjegat dwar kondizzjonijiet ta’ xogħol, ħlas u responsabbiltà ta’ min jimpjega.”
5 Il-Kapitolu 2 tat-Titolu IX tad-Direttiva msemmija huwa intitolat “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl–interess pubbliku”. Dan il-kapitolu jinkludi l-Artikoli 132 sa 134.
6 Skont l-Artikolu 132(1)(g) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jeżentaw it-tranżazzjonijiet li ġejjin:
“il-provvista ta’ servizzi u ta’ merkanzija marbuta mill-qrib ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali, inklużi dawk provduti mid-djar ta’ l-anzjani, minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew minn korpi oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat bħala ddedikati għall-benessere soċjali”.
7 L-Artikolu 134 ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“Il-provvista ta’ merkanzija jew servizzi m’għandhiex tingħata eżenzjoni, kif previst fil-punti (b), (g), (h), (i), (l), (m) u (n) ta’ l-Artikolu 132(1), fil-każijiet li ġejjin:
a) fejn il-provvista m’hijiex essenzjali għat-transazzjonijiet eżenti;
b) fejn l-iskop bażiku tal-provvista hu li tikseb dħul addizzjonali għall-korp in kwistjoni permezz ta’ transazzjonijet li huma f’kompetizzjoni diretta ma’ dawk ta’ impriżi kummerċjali soġġetti [għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ‘il quddiem il-‘VAT')].”
Il-liġi Ġermaniża
8 B’mod konformi mal-Artikolu 4(16) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Umsatzsteuergesetz, fil-verżjoni tagħha kif tirriżulta mil-Liġi tad-19 ta’ Diċembru 2008, BGBl. 2008 I, p. 2794, iktar ’il quddiem l-“UStG”), huma eżentati minn din it-taxxa:
“il-provvisti ta’ servizzi marbuta mill-qrib mal-operat ta’ stabbilimenti li jagħtu assistenza jew kura lil persuni li jeħtieġu għajnuna fiżika, mentali jew psikoloġika pprovduti minn
[…]
k) stabbilimenti li l-ispejjeż ta’ assistenza jew ta’ kura tagħhom ikunu, matul is-sena ċivili preċedenti, ġew totalment jew fil-parti l-kbira koperti, f’mill-inqas 40 % tal-każijiet, mill-organiżmi legali ta’ assigurazzjoni jew ta’ għajnuna soċjali.
Il-provvisti ta’ servizzi fis-sens tal-ewwel paragrafu, li jiġu pprovduti minn stabbilimenti abbażi tal-punti (b) sa (k), huma eżentati sa fejn ikunu, min-natura tagħhom stess, provvisti ta’ servizzi li għalihom jirreferu r-rikonoximent, il-kuntratt jew il-ftehim abbażi tad-dritt soċjali jew ir-remunerazzjoni.”
9 L-Artikolu 12(1) tal-Liġi dwar ir-regolamentazzjoni tal-kiri tax-xogħol tal-idejn (Gesetz zur Regelung der Arbeitnehmerüberlassung, BGBl. 1995 I, p. 158, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi tat-23 ta’ Diċembru 2002, BGBl. 2002 I, p. 4607) jipprevedi:
“Il-kuntratt bejn min jipprovdi u l-utent tal-persunal għandu jiġi konkluż bil-miktub. Min jipprovdi x-xogħol tal-idejn għandu jiddikjara fl-att jekk ikollux awtorizzazzjoni abbażi tal-Artikolu 1. L-utent tal-persunal għandu jindika fl-att liema huma l-karatteristiċi partikolari tal-attività prevista mill-ħaddiem temporanju u liema huma l-kwalifiki professjonali neċessarji kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ xogħol essenzjali, b’mod partikolari r-remunerazzjoni, li huma applikabbli fl-impriża tal-utent tal-persunal għal ħaddiem paragunabbli ta’ dan tal-aħħar […]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
10 “go fair” hija soċjetà f’isem kollettiv (offene Handelsgesellschaft – OHG) li għandha bħala skop it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema abbażi tal-Liġi dwar ir-regolamentazzjoni tal-kiri tax-xogħol tal-idejn.
11 Bħala aġenzija ta’ xogħol temporanju, din, matul l-2010, poġġiet lill-persunal li jipprovdi kura li timpjega, jiġifieri lill-infirmiera u lill-assistenti tal-kura ġerjatrika, għad-dispożizzjoni ta’ stabbilimenti ta’ kura stazzjonarji jew ambulatorji fis-sens tal-Artikolu 4(16) tal-UStG. Il-ħaddiema ta’ “go fair” kienu, mill-perspettiva organizzattiva, integrati fl-istabbilimenti ta’ kura inkwistjoni. Dawn kienu jipprovdu s-servizzi ta’ kura fuq ordni ta’ dawn l-istabbilimenti u b’hekk kienu subordinati għalihom. Is-sorveljanza ġerarkika u teknika tal-attivitajiet tal-ħaddiema temporanji kienet ukoll tifforma parti mill-obbligi tal-imsemmija stabbilimenti ta’ kura.
12 B’deċiżjoni tat-18 ta’ Ottubru 2010, dwar il-kalkolu tal-ħlas provviżorju tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ għal Settembru 2010, il-Finanzamt Hamburg-Altona issuġġetta d-dħul provenjenti mill-provvisti ta’ servizzi mwettqa minn “go fair” għar-rata ta’ taxxa normali. Ir-rikors ta’ “go fair” kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud mill-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi ta’ Hamburg).
13 Wara li ġiet adita b’rikors għal “Reviżjoni” minn “go fair”, il-Bundesfinanzhof (qorti federali tal-finanzi) ikkonstatat li din is-soċjetà ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(16)(k) tal-UStG, peress li din ma toperax stabbiliment li joffri kura intiża għal persuni li jeħtieġu għajnuna fiżika, mentali jew psikoloġika, iżda servizz ta’ kiri ta’ xogħol tal-idejn għal żmien determinat. Għalhekk, id-dħul tagħha ma huwiex eżenti mit-taxxa abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.
14 Madankollu, il-qorti msemmija tqis li “go fair” wettqet provvisti ta’ servizzi “marbuta mill-qrib ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali”, skont l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, u li ma jistax jiġi eskluż li hija tista’ tinvoka din id-dispożizzjoni direttament u b’hekk tibbenefika mill-eżenzjoni stabbilita fiha.
15 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud:
a) Stat Membru jista’ jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu sabiex jirrikonoxxi entità bħala organu ta’ natura soċjali fis-sens li, filwaqt li bla dubju jirrikonoxxi persuni li jipprovdu s-servizzi tagħhom lil fondi soċjali u lil fondi ta’ assigurazzjoni għal dipendenza, ma jirrikonoxxix persunal li jipprovdi kura, gradwat tal-Istat, li jipprovdi s-servizzi tiegħu direttament lil persuni li jeħtieġu kura?
b) Jekk il-persunal li jipprovdi kura, gradwat tal-Istat, għandu jiġi rrikonoxxut bħala organu ta’ natura soċjali: ir-rikonoxximent ta’ aġenzija ta’ xogħol temporanju li tikri persunal li jipprovdi kura, gradwat tal-Istat, lil stabbilimenti ta’ kura rrikonoxxuti (stabbilimenti destinatarji) jirriżulta mir-rikonoxximent tal-persunal mikri?
2) Fir-rigward tal-Artikolu 134(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud:
Il-provvista ta’ persunal li jipprovdi kura, gradwat tal-Istat, bħala operazzjoni li hija strettament marbuta mal-assistenza u mas-sigurtà soċjali, hija indispensabbli għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ kura lill-istabbiliment destinatarju (l-utent tal-persunal), jekk l-istabbiliment ma jkunx jista’ jopera mingħajr tali persunal?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
16 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-persunal li jipprovdi kura, gradwat tal-Istat, li jipprovdi s-servizzi tiegħu direttament lil persuni li jeħtieġu kura, u/jew aġenzija ta’ xogħol temporanju, li tpoġġi lil tali persuna għad-dispożizzjoni tal-istabbilimenti rikonoxxuti bħala li għandhom natura soċjali, jidħlu fil-kunċett ta’ “korpi […] rikonoxxuti […] bħala ddedikati għall-benessere soċjali”, fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija.
17 Qabel kollox, għandu jitfakkar li t-termini użati biex jiġu ddefiniti l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati strettament, peress li dawn jikkostitwixxu derogi mill-prinċipju ġenerali li jgħid li l-VAT hija dovuta fuq kull provvista ta’ servizzi magħmula mill-persuna taxxabbli b’titolu oneruż. Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ dawn it-termini għandha tkun konformi mal-għanijiet imfittxija mill-eżenzjonijiet imsemmija u għandha tosserva r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT. B’hekk, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx li t-termini użati biex jiġu ddefiniti l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 132 għandhom jiġu interpretati b’mod li jċaħħadhom mill-effett tagħhom (ara s-sentenzi Horizon College, C-434/05, EU:C:2007:343, punt 16; Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-79/09, EU:C:2010:171, punt 49; Zimmermann, C-174/11, EU:C:2012:716, punt 22, kif ukoll Klinikum Dortmund, C-366/12, EU:C:2014:143, punti 26 u 27).
18 Mill-kliem tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li l-eżenzjoni li hija stabbilita fih tapplika għall-provvisti ta’ servizzi u għall-kunsinni ta’ oġġetti li huma, minn naħa, marbuta mill-qrib mal-assistenza soċjali u mas-sigurtà soċjali u, min-naħa l-oħra, magħmula minn organizzazzjonijiet tad-dritt pubbliku jew minn korpi oħra rikonoxxuti bħala ddedikati għall-benessere soċjali mill-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenzi Kingscrest Associates u Montecello, C-498/03, EU:C:2005:322, punt 34, kif ukoll Zimmermann, C-174/11, EU:C:2012:716, punt 21).
19 B’mod partikolari fir-rigward ta’ din l-aħħar kundizzjoni, li hija s-suġġett tal-ewwel domanda preliminari, huwa, fil-prinċipju, id-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi r-regoli skont liema jista’ jingħata rikonoxximent lill-istabbilimenti li jitolbuh. L-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward (ara s-sentenza Zimmermann, C-174/11, EU:C:2012:716, punt 26).
20 Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li huma l-awtoritajiet nazzjonali, b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni u taħt il-kontroll tal-qrati nazzjonali, li għandhom jikkunsidraw diversi elementi biex jiddeterminaw il-korpi li l-karattru tagħhom bħala “ddedikati għall-benessere soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, għandu jiġi rrikonoxxut għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni. Fost dawn jista’ jkun hemm l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi, kemm jekk nazzjonali jew reġjonali, leġiżlattivi jew ta’ natura amministrattiva, fiskali jew ta’ sigurtà soċjali, in-natura ta’ interess ġenerali tal-attivitajiet tal-persuna suġġetta kkonċernata, il-fatt li persuni suġġetti oħrajn li għandhom l-istess attivitajiet jibbenefikaw diġà minn rikonoxximent simili kif ukoll il-fatt li r-responsabbiltà għall-ispejjeż tal-provvisti inkwistjoni tiġi eventwalment merfugħa fil-parti l-kbira minn fondi għall-mard jew minn organi ta’ sigurtà soċjali oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Kügler, C-141/00, EU:C:2002:473, punti 57 u 58; Kingscrest Associates u Montecello, C-498/03, EU:C:2005:322, punt 53, kif ukoll Zimmermann, C-174/11, EU:C:2012:716, punt 31).
21 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlatur Ġermaniż ma rrikonoxxiex lill-aġenziji ta’ xogħol temporanju, bħal “go fair”, li jpoġġu lil persunal għad-dispożizzjoni tal-istabbilimenti ta’ kura, bħala korpi ddedikati għall-benessere soċjali fis-sens tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112.
22 F’dan il-kuntest, il-qorti msemmija tixtieq, fl-ewwel lok, tkun taf jekk ir-rikonoxximent tal-korpi bħala ddedikati għall-benessere soċjali minn Stat Membru, meħtieġ abbażi tal-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 biex jibbenefika mill-eżenzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni, ikoprix ukoll lill-persunal li jipprovdi kura, gradwat tal-Istat, li jipprovdi s-servizzi tiegħu direttament lil persuni li jeħtieġu kura mingħajr ma l-ispejjeż jiġu sostnuti minn organi ta’ sigurtà soċjali, u jekk ir-restrizzjoni fid-dritt nazzjonali hijiex b’hekk inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.
23 F’dan ir-rigward, biżżejjed jitfakkar li, b’mod konformi mal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, titqies bħala “persuna taxxabbli” kull persuna li teżerċita attività ekonomika b’mod indipendenti. Għalhekk, abbażi tal-Artikolu 10 tad-direttiva msemmija, din il-kundizzjoni teskludi mit-taxxa lill-impjegati u lil persuni oħra sa fejn dawn ikunu marbuta mal-persuna li timpjegahom permezz ta’ kuntratt ta’ kiri ta’ xogħol jew permezz ta’ kull relazzjoni legali oħra li toħloq rabtiet ta’ subordinazzjoni f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ remunerazzjoni u r-responsabbiltà tal-persuna li timpjega.
24 Konsegwentement, l-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 ma tistax tiġi applikata direttament lill-persunal ta’ aġenzija ta’ xogħol temporanju bħal “go fair”.
25 F’kull każ, hekk kif ġustament osservat il-Kummissjoni Ewropea, l-uniċi provvisti rilevanti fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali ma humiex is-servizzi li l-ħaddiema impjegati ta’ “go fair” jipprovdu, fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni ma’ stabbilimenti ta’ kura, lill-persuni li jeħtieġu assistenza jew kura, iżda dawk offruti minn din l-aġenzija ta’ xogħol temporanju, jiġifieri t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dawn il-ħaddiema.
26 Madankollu, għalkemm din l-aħħar aġenzija ma hijiex irrikonoxxuta skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża bħala korp iddedikat għall-benessere soċjali, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fit-tieni lok, jekk tali aġenzija tistax, minħabba l-attività tagħha ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-persunal li jipprovdi kura kkwalifikat, tinvoka l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 biex tikseb id-dritt li tiġi rrikonoxxuta bħala “korp[…] [i]ddedikat għall-benessere soċjali”.
27 F’dak li jikkonċerna, minn naħa, il-kunċett ta’ “korpi” li jissemma fid-dispożizzjoni msemmija, mill-ġurisprudenza jirriżulta li dan huwa wiesa’ biżżejjed biex jinkludi entitajiet privati li għandhom skop ta’ profitt (ara s-sentenza Kingscrest Associates u Montecello, C-498/03, EU:C:2005:322, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, soċjetà f’isem kollettiv, bħal “go fair”, tista’ titqies bħala “korp[…]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
28 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-termini “ddedikati għall-benessere soċjali”, għandu jiġi kkonstatat li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema ma jikkostitwixxix, bħala tali, provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali mwettqa fis-settur soċjali. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li l-persunal ikkonċernat huwa persunal li jipprovdi kura u anki li l-persunal jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ stabbilimenti ta’ kura rikonoxxuti.
29 Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għanda tkun li l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li la l-persunal li jipprovdi kura, gradwat tal-Istat, li jipprovdi s-servizzi tiegħu direttament lil persuni li jeħtieġu kura, u lanqas aġenzija ta’ xogħol temporanju, li tpoġġi lil tali persuna għad-dispożizzjoni tal-istabbilimenti rikonoxxuti bħala li għandhom natura soċjali, ma jidħlu fil-kunċett ta’ “korpi […] rikonoxxuti […] bħala ddedikati għall-benessere soċjali”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni.
Fuq it-tieni domanda
30 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.
Fuq l-ispejjeż
31 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandha tiġi interpretata fis-sens li la l-persunal li jipprovdi kura, gradwat tal-Istat, li jipprovdi s-servizzi tiegħu direttament lil persuni li jeħtieġu kura, u lanqas aġenzija ta’ xogħol temporanju, li tpoġġi lil tali persuna għad-dispożizzjoni tal-istabbilimenti rikonoxxuti bħala li għandhom natura soċjali, ma jidħlu fil-kunċett ta’ “korpi […] rikonoxxuti […] bħala ddedikati għall-benessere soċjali”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.