Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

16.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 336/29


Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2013 — Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-515/13)

2013/C 336/62

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: N. Díaz Abad, Abogado del Estado)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni kkontestata u

tikkundanna lill-istituzzjoni konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa ppreżentat kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 4426 finali, tas-17 ta’ Lulju 2013, dwar is-sistema fiskali applikabbli għal ċerti ftehim ta’ leasing finanzjarju magħrufa wkoll bħala sistema Spanjola ta’ leasing fiskali (SSLF) [Għajnuna mill-Istat SA.21233 C/2011 (ex NN/2011, ex CP 137/2006)]. Din id-deċiżjoni tikkunsidra li l-miżuri li jirriżultaw mill-Artikolu 115(11) tat-test ikkonsolidat tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (deprezzament antiċipat ta’ assi mikrija), mill-applikazzjoni tas-sistema ta’ taxxa bbażata fuq it-tunnellaġġ għal impriżi, bastimenti jew attivitajiet mhux eliġibbli, u milll-Artikolu 50(3) tar-Regolament dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat lill-gruppi ta’ interess ekonomiku li hija inkompatibbli mas-suq intern.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

(1)

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE, peress li l-miżuri eżaminati fid-deċiżjoni kkontestata ma jissodisfaw ebda wieħed mir-rekwiżiti sabiex jiġu kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat, peress li ma hemm ebda element ta’ selettività f’vantaġġ mogħti lill-investituri potenzjali kollha tas-setturi kollha tal-ekonomija, mingħajr impożizzjoni ta’ ebda prerekwiżit; lanqas ma hemm ebda distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, peress li jistax jiġi kkunsidrat li vantaġġ mogħti lil kulħadd mingħajr l-ebda diskriminazzjoni (lanqas minħabba n-nazzjonalità) jiffavorixxi jew jista’ jiffavorixxi l-pożizzjoni kompetittiva ta’ ċerti setturi jew impriżi għad-detriment tal-kompetituri tagħhom, peress li kull investitur jista’ jipparteċipa fl-istrutturi tal-hekk imsejħa SSLF u jikseb il-benefiċċji li din is-sistema toffri. Konsegwentement, lanqas ma huwa affettwat il-kummerċ bejn l-Istati Membri, peress li l-membri (jew l-azzjonisti) ta’ entità ma jeżerċitaw ebda attività fis-suq.

(2)

It-tieni motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, peress li skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE, ma hemmx lok li l-għajnuna tiġi rkuprata.