SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
18 ta’ Ġunju 2015 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxi fuq id-dħul – Dħul riċevut fit-territorju ta’ Stat Membru – Ħaddiem mhux residenti – Tassazzjoni fl-Istat tal-impjieg – Kundizzjonijiet”
Fil-kawża C-9/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), b’deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2013, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Jannar 2014, fil-proċedura
Staatssecretaris van Financiën
vs
D. G. Kieback,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J.-C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev J. L. da Cruz Vilaça u C. Lycourgos, Imħallfin
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal M. Kieback, minn S. Douma, G. Boulogne, u N. Schipper, belagstingaviseurs,
– għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u B. Koopman, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,
– għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Rebelo u J. Martins da Silva, bħala aġenti,
– għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, U Peersson, L. Swedenborg, E. Karlsson u K. Sparrman, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Cordewener u W. Roels, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Marzu 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 39 KE (li sar l-Artikolu 45 TFUE)
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-iStaatssecretaris van Financiën (Segretarju tal-Istat għall-Finanzi) u M. Kieback dwar ir-rifjut tal-awtorità fiskali Olandiża li timputa mad-dħul riċevut mill-persuna kkonċernata matul il-perijodu li fih kellha impjieg fil-Pajjiżi l-Baxxi, mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu 2005, l-ispejjeż sostnuti matul l-istess perijodu minħabba r-rimbors ta’ self iggarantit permezz ta’ ipoteka u kkuntrattat għall-akkwist ta’ proprjetà f’isem il-persuna kkonċernata u li tinsab fil-Ġermanja.
Il-kuntest ġuridiku
3 Fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-Artikolu 2.3 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-2001 (Wet op de Inkomstenbelastingen 2001, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2001”) jipprovdi:
“It-taxxa tad-dħul relatata mas-segwenti dħul riċevut mill-persuna taxxabbli matul is-sena kalendarja inkwistjoni:
a) id-dħul taxxabbli li joriġina minn xogħol jew minn proprjetà;
b) id-dħul taxxabbli li joriġina minn sehem sinjifikattiv, u
c) id-dħul taxabbli li jiġi mit-tfaddil u minn investimenti.”
4 L-Artikolu 2.4 tal-Liġi tal-2001 jipprovdi:
“1. Id-dħul taxxabbli li joriġina minn xogħol jew minn proprjetà huwa ddeterminat:
a) għall-persuni taxxabbli nazzjonali, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3,
b) għall-persuni taxxabbli barranin, skont id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 7.2 [...]”
5 Skont l-Artikolu 2.5 tal-Liġi tal-2001:
“1. Kull persuna taxxabbli nazzjonali li tirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi biss matul parti mis-sena kalendarja u kull persuna taxxabbli barranija li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew fi Stat terz indikat permezz ta’ digriet ministerjali, li miegħu r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ffirma ftehim dwar il-ħelsien minn taxxa doppja li jipprevedi l-iskambju ta’ informazzjoni, u li tiġi ntaxxata fl-imsemmi Stat Membru jew fit-territorju tal-imsemmi poter, tista’ tagħżel li tkun suġġetta għal sistema fiskali li tipprevedi din il-liġi għall-persuni taxxabbli nazzjonali [...]
[...]”
6 Skont l-Artikolu 3.120(1) tal-Liġi tal-2001, resident tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa intitolat inaqqas id-“dħul negattiv” li joriġina minn proprjetà esklużivament tiegħu, li tinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi.
7 Skont l-Artikolu 7.1(a) tal-Liġi tal-2001, it-taxxa hija imposta fuq id-dħul taxxabbli minħabba impjieg u proprjetà fil-Pajjiżi l-Baxxi, li ġie rċevut matul is-sena kalendarja.
8 Skont l-Artikolu 7.2(2)(b) u (f) tal-Liġi tal-2001, is-salarju taxxabbli relatat ma’ xogħol imwettaq fil-Pajjiżi l-Baxxi u, fejn xieraq, id-dħul taxxabbli li joriġina minn abitazzjoni li hija proprjetà tal-persuna taxxabbli fil-Pajjiżi Baxxi, jagħmel parti mid-dħul taxxabbli minħabba xogħol jew proprjetà.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 M. Kieback huwa ċittadin Ġermaniż. Matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Marzu 2005, id-data li fiha telaq lejn l-Istati Uniti sabiex jeżerċita attività professjonali hemmhekk, M. Kieback ħadem fil-Pajjiżi Baxxi, iżda kien residenti fil-Ġermanja, fejn huwa kien proprjetarju ta’ abitazzjoni.
10 Li kieku huwa kien żamm ix-xogħol tiegħu fil-Pajjiżi il-Baxxi matul is-sena kollha tal-2005, huwa seta’, minkejja li mhux residenti f’dan l-Istat Membru, jimputa mad-dħul taxxabbli tiegħu minn impjieg bi ħlas matul din is-sena, id-“dħul negattiv” relatat mal-abitazzjoni tiegħu u li joriġina mill-ispejjeż tas-self li ġie kkuntrattat għall-akkwist ta’ din l-abitazzjoni, bil-kundizzjoni li huwa jkun irċieva, f’dan l-Istat Membru, il-parti l-kbira tad-dħul tiegħu matul l-imsemmija sena.
11 Peress li l-awtorità fiskali tal-Pajjiżi l-Baxxi kkonstatat li M. Kieback kien irċieva l-parti l-kbira tad-dħul tiegħu għall-2005 fl-Istati Uniti, hija ntaxxat lir-rikorrent fir-rigward tad-dħul tiegħu rċevut fil-Pajjiżi l-Baxxi matul din is-sena, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni d-“dħul negattiv” relatat mal-proprjetà tiegħu.
12 Wara ċ-ċaħda tal-ilment tiegħu mressaq quddiem din l-awtorità, M. Kieback ressaq il-kwistjoni quddiem ir-Rechtbank te Breda (qorti ta’ Breda), li laqgħet it-talba tiegħu. Fl-appell, il-Gerechtshof te ʼs-Hertogenbosch (qorti tal-appell ta’ ʼs-Hertogenbosch) fit-23 ta’ Marzu 2012, ikkonfermat is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza.
13 Is-Staatssecretaris van Financiën appella quddiem il-qorti ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju billi sostna li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikonoxximent ta’ vantaġġi fiskali, lil persuni li ma humiex residenti, marbuta mas-sitwazzjoni personali u familjari fuq l-istess livell mal-persuni residenti, huwa obbligatorju biss jekk mill-inqas 90% mid-dħul totali tal-persuna kkonċernata jkun intaxxat fl-Istat tal-impjieg tiegħu u li dan il-kriterju għandu jiġi evalwat fuq bażi annwali f’dan l-Istat.
14 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-finijiet tad-domanda dwar jekk il-persuna taxxabbli tirċevix it-totalità jew il-kważi-totalità tad-dħul tagħha mill-Istat tal-impjieg, is-sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni ma għandhiex tkun is-sena fiskali kollha kemm hi, iżda biss dik il-parti tas-sena li tikkorrispondi għall-perijodu li fih il-persuna taxxabbli kienet residenti fi Stat Membru, f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u ħadmet fi Stat Membru ieħor, jiġifieri ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Minkejja li dan l-approċċ jidher li huwa l-iktar wieħed loġiku, il-qorti tar-rinviju madankollu tesprimi d-dubji tagħha fid-dawl tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 94/79/KE, tal-21 ta’ Diċembru 1993, dwar it-tassazzjoni ta’ ċertu dħul miksub minn persuni mhux residenti fi Stat Membru ieħor li ma huwiex l-Istat Membru ta’ residenza tagħhom (ĠU 1994, L 39, p. 22), li skont l-Artikolu 2(2) jirreferi għad-dħul totali taxxabbli matul is-sena kalendarja.
15 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (Qorti Suprema tal-Pajjiżi Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:
“1) L-Artikolu 39 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru li fih persuna taxxabbli teżerċita attività bħala persuna impjegata għandu jieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tat-tassazzjoni tad-dħul, is-sitwazzjoni personali u tal-familja tal-persuna kkonċernata f’każ fejn (i) l-imsemmija persuna taxxabbli ħadmet f’dan l-Istat Membru għal parti biss mis-sena finanzjarja li matulha kienet tirresjedi fi Stat Membru ieħor, (ii) kisbet id-dħul kollu jew kważi d-dħul kollu tagħha f’dan l-Istat ta’ impjieg, (iii) telqet tirresjedi u taħdem f’pajjiż ieħor tul is-sena ta’ referenza, u (iv) tqis li ma kisbitx id-dħul kollu jew kważi d-dħul kollu tagħha f’dan l-Istat ta’ impjieg fis-sena finanzjarja kollha?
2) Ir-risposta għall-ewwel domanda tkun differenti jekk l-Istat li fih il-ħaddiem telaq jirresjedi u jaħdem tul is-sena finanzjarja ma jkunx Stat Membru tal-Unjoni Ewropea?”
Fuq id-domandi preliminari
16 Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 39(2) KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil Stat Membru, għall-finijiet tat-tassazzjoni tad-dħul ta’ ħaddiem mhux residenti li jkun eżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu f’dan l-Istat Membru matul parti mis-sena inkwistjoni qabel ma jkun mar jeżerċita dawn l-attivitajiet f’pajjiż ieħor, jirrifjuta li jagħti lil dan il-ħaddiem vantaġġ fiskali billi jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali u familjari tiegħu, għar-raġuni li, jekk huwa jkun akkwista fl-imsemmi Stat Membru, it-totalità jew il-kważi-totalità tad-dħul tiegħu għal dan il-perijodu, dan ma jirrappreżentax il-parti l-kbira tad-dħul taxxabbli tiegħu għall-imsemmija sena sħiħa. Hija tistaqsi wkoll jekk il-fatt li dan il-ħaddiem telaq mill-pajjiż sabiex jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu fi Stat terz u mhux fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, jistax jaffettwa din l-interpretazzjoni.
17 Preliminarjament, huwa importanti, fl-ewwel lok, li jiġi ppreċiżat li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dawn id-domandi sa fejn huwa paċifiku li, b’differenza mis-sitwazzjoni ta’ persuna mhux residenti bħal M. Kieback, persuna taxxabbli residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi għandha l-possibbiltà li tinvoka t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul negattiv marbut ma’ proprjetà tagħha li tinsab fil-Pajjiżi Baxxi, minkejja li, peress li tkun telqet tirrisjedi f’pajjiż ieħor, hija ma tkunx akkwistat, fil-Pajjiżi l-Baxxi, it-totalità jew il-kważi-totalità tad-dħul tagħha ta’ din is-sena.
18 Huwa għalhekk paċifiku, f’dan il-każ, li t-trattament mogħti, taħt il-liġi nazzjonali applikabbli, lil persuna taxxabbli mhux residenti huwa inqas vantaġġjuż minn dak li jibbenefikaw minnu l-persuna taxxabbli residenti.
19 Fit-tieni lok, ma huwiex ikkontestat li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ “dħul negattiv” relatat ma’ proprjetà immobbli li tinsab fl-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna taxxabbli kkonċernata jikkostitwixxi, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tagħha, vantaġġ tat-taxxa marbut mas-sitwazzjoni personali tal-persuna kkonċernata, huwa rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kapaċità kontributorja ġenerali tal-persuna taxxabbli (ara f’dan is-sens, is-sentenzi Renneberg, C-527/06, EU:C:2008: 566, punti 65 sa 67, u Lakebrink u Peters-Lakebrink, C-182/06, EU:C:2007:452, punt 34).
20 F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar, fir-rigward tat-trattament inqas vantaġġjuż lil persuni mhux residenti bid-dritt nazzjonali kkonċernat, li skont l-Artikolu 39(2) KE, il-moviment liberu tal-ħaddiema jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri, fir-rigward tal-impjieg, tar-remunerazzjoni u ta’ kundizzjonijiet oħra tax-xogħol. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tar-remunerazzjoni jsir ineffettiv jekk dan ikun jista’ jiddgħajjef b’dispożizzjonijiet nazzjonali diskriminatorji dwar it-taxxa fuq id-dħul (ara, b’mod partikolari, Schumacker, C-279/93, EU:C:1995:31, punt 23, u Sopora, C-512/13, EU:C:2015:108, punt 22).
21 Madankollu, id-diskriminazzjoni tista’ tirriżulta biss mill-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal sitwazzjonijiet paragunabbli jew mill-applikazzjoni tal-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Schumacker, C-279/93, EU:C:1995:31, punt 30, u Talotta, C-383/05, EU:C:2007:181, punt 18).
22 Fir-rigward tat-taxxi diretti, bħala regola ġenerali, il-persuni residenti u l-persuni mhux residenti ma jinsabux f’sitwazzjonijiet paragunabbli peress li d-dħul riċevut fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna mhux residenti jikkostitwixxi, normalment, parti biss mid-dħul globali tagħha, li jkun ikkonċentrat fil-post ta’ residenza tagħha, u fejn il-kapaċità kontributorja personali tal-persuna mhux residenti, li tirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul kollu tagħha u tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħha, tista’ tiġi evalwata iktar faċilment fil-post fejn hija jkollha ċ-ċentru tal-interessi personali u patrimonjali tagħha, li ġeneralment jikkorrispondi mar-residenza abitwali tagħha (ara, b’mod partikolari, Schumacker, C-279/93, EU:C:1995:31, punti 31 u 32, kif ukoll Grünewald, C-559/13, EU:C:2015:109, punt 25).
23 Għaldaqstant, fil-punt 34 tas-sentenza Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li Stat Membru ma jagħtix lil persuna li ma hijiex residenti l-benefiċċju ta’ ċerti vantaġġi fiskali li huwa jagħti lil persuna residenti, ma huwiex, bħala regola ġenerali, diskriminatorju, fid-dawl tad-differenzi oġġettivi bejn is-sitwazzjoni tal-persuni residenti u ta’ dik tal-persuni mhux residenti, kemm mill-perspettiva tas-sors tad-dħul u kemm mill-perspettiva tal-kapaċità kontributorja personali jew tas-sitwazzjoni personali u familjari (ara, ukoll, is-sentenza Grünewald, C-559/13, EU:C:2015:109, punt 26).
24 Ikun hemm diskriminazzjoni fis-sens tat-Trattat tal-KE bejn persuni residenti u persuni mhux residenti jekk, minkejja r-residenza tagħhom fi Stati Membri differenti, jkun stabbilit li, fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, iż-żewġ kategoriji ta’ persuni taxxabbli jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (ara s-sentenza Gschwind, C-391/97, EU:C:1999:409, punt 26).
25 Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta persuna taxxabbli mhux residenti ma tirċevix dħul sinjifikattiv fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha u tikseb il-parti l-kbira tad-dħul taxxabbli tagħha minn attività eżerċitata fl-Istat Membru tal-impjieg, b’mod li l-Istat Membru ta’ residenza ma jkunx f’pożizzjoni li jagħtiha l-vantaġġi li jirriżultaw mit-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Schumacker, C-279/93, EU:C:1995:31, punt 36; Lakebrink u Peters-Lakebrink, C-182/06, EU:C:2007:452, punt 30, kif ukoll Renneberg, C-527/06, EU:C:2008:566, punt 61).
26 F’tali każ, id-diskriminazzjoni tikkonsisti fil-fatt li s-sitwazzjoni personali u familjari ta’ persuna mhux residenti li tirċievi, fi Stat Membru ieħor li ma huwiex l-Istat tar-residenza tagħha, il-parti l-kbira tad-dħul tagħha u l-kważi-totalità tad-dħul familjari la jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-Istat Membru ta’ residenza u lanqas fl-Istat Membru tal-impjieg (sentenzi Schumacker, C-279/93, EU:C:1995:31, punt 38; Lakebrink u Peters-Lakebrink, C-182/06, EU:C:2007:452, punt 31, kif ukoll Renneberg, C-527/06, EU:C:2008:566, punt 62).
27 Fil-punt 34 tas-sentenza Lakebrink u Peters-Lakebrink (C-182/06, EU:C:2007:452), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-portata tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Schumacker testendi għall-vantaġġi fiskali kollha marbuta mal-kapaċità kontributorja tal persuna li ma hijiex residenti li la jingħataw fl-Istat Membru ta’ residenza u lanqas fl-Istat Membru tal-impjieg (sentenza Renneberg, C-527/06, EU:C:2008:566, punt 63).
28 Għaldaqstant, fir-rigward ta’ tali vantaġġi fiskali marbuta mal-kapaċità kontributorja tal-persuna taxxabbli kkonċernata, is-sempliċi fatt li persuna mhux residenti tkun irċeviet, fl-Istat tal-impjieg, dħul taħt l-istess kundizzjonijiet bħal persuna residenti ta’ dan l-Istat, ma huwiex biżżejjed sabiex irendi s-sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli ma dik ta’ persuna residenti. Huwa wkoll meħtieġ, sabiex tiġi kkonstatata tali paragunabbiltà oġġettiva, li, minħabba li din il-persuna mhux residenti tkun irċeviet il-parti l-kbira tad-dħul tagħha fl-Istat Membru tal-impjieg, l-Istat Membru ta’ residenza ma jkunx f’pożizzjoni li jagħtiha l-vantaġġi li jirriżultaw mit-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul totali tagħha u tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħha.
29 Meta persuna mhux residenti titlaq matul is-sena sabiex teżerċita l-attività professjonali tagħha f’pajjiż ieħor, ma jistax jitqies, minn dan il-fatt innifsu, li l-Istat ta’ residenza ma huwiex ser ikun f’pożizzjoni li jieħu inkunsiderazzjoni id-dħul totali u s-sitwazzjoni personali u familjari tal-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, peress li, wara t-tluq tagħha, il-persuna kkonċernata setgħet tiġi impjegata suċċessivament jew simultanjament f’diversi pajjiżi u kienet kapaċi tistabbilixxi ċ-ċentru tal-interessi personali u patrimonjali tagħha f’pajjiż jew ieħor minn fost dawn, l-Istat fejn eżerċitat l-attività professjonali tagħha qabel dan it-tluq mill-pajjiż ma jistax jiġi preżunt li jista’ jevalwa s-sitwazzjoni iktar faċilment mill-Istat jew, fejn xieraq, mill-Istati fejn tgħix wara t-tluq tagħha.
30 Dan jista’ jkun mod ieħor biss jekk jirriżulta li l-persuna kkonċernata tkun irċeviet fl-Istat tal-impjieg li tkun telqet minnu matul is-sena, il-parti l-kbira mid-dħul tagħha u l-kważi-totalità tad-dħul tal-familja tagħha fl-istess sena, peress li dan l-Istat ikun għalhekk fl-aħjar pożizzjoni li jagħtiha l-vantaġġi li jirriżultaw mit-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul kollu u tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħha.
31 Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan huwiex il-każ, għandu jkun hemm disponibbli l-informazzjoni kollha neċessarja għall-evalwazzjoni tal-kapaċità kontributorja ġenerali tal-persuna taxxabbli, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul u tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħha. Sabiex tali evalwazzjoni tkun rilevanti biżżejjed f’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għandha tirrigwarda t-totalità tas-sena kalendarja fiskali kkonċernata; dan il-perijodu huwa ġeneralment ikkunsidrat li huwa dak li, fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, iservi sabiex tiġi stabbilita t-taxxa fuq id-dħul, li barra minn hekk huwa l-każ fil-Pajjiżi l-Baxxi.
32 Dan għandu japplika, b’mod partikolari, sabiex tiġi ddeterminata, fil-kuntest tad-dħul globali tal-familja rċevut mill-persuna kkonċernata, il-parti tad-dħul li hija tkun irċeviet fl-Istat tal-impjieg qabel telqet mill-pajjiż sabiex teżerċita l-attività professjonali tagħha f’pajjiż ieħor.
33 Barra minn hekk, tali loġika tidher li pprevaliet fl-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni 94/79, li l-Artikolu 2(2) tagħha jipprovdi li l-Istati Membri ma għandhomx jissuġġettaw d-dħul ta’ persuni fiżiċi mhux residenti għal rata ta’ tassazzjoni ogħla minn dik applikata fir-rigward ta’ persuni residenti, meta d-dħul taxxabbli fl-Istat Membru fejn il-persuna fiżika mhux residenti jkun jikkostitwixxi minn tal-inqas 75% tad-dħul kollu taxxabbli tagħha matul is-sena fiskali.
34 Minn dan isegwi li persuna taxxabbli mhux residenti li ma tkunx irċeviet fl-Istat tal-impjieg it-totalità jew il-kważi-totalità tad-dħul tal-familja li hija rċeviet matul is-sena kollha kkonċernata ma hijiex f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ persuni residenti f’dan l-Istat sa fejn tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità kontributorja tagħha għall-finijiet ta’ taxxa, fl-istess Stat, fuq id-dħul tagħha. L-Istat Membru li fih il-persuna taxxabbli tkun irċeviet biss parti mid-dħul taxxabbli tagħha matul is-sena kollha kkonċernata ma huwiex għalhekk obbligat li jagħtiha l-vantaġġi li huwa jagħti lir-residenti tiegħu stess.
35 Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li l-persuna kkonċernata ħalliet l-impjieg tagħha fi Stat Membru sabiex teżerċita l-attività professjonali tagħha mhux fi Stat Membru ieħor, iżda fi Stat terz. Fil-fatt, l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 39(2) KE fir-rigward tal-obbligu li joħloq li ma jiġix trattat b’mod diskriminatorju ħaddiem li jeżerċita l-attività professjonali tiegħu fi Stat Membru differenti minn dak ta’ residenza għandha tapplika għall-Istati Membri kollha. Dan japplika wkoll f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fir-rigward tal-Istat Membru li fih il-ħaddiem, filwaqt li kien residenti fi Stat Membru ieħor, eżerċita l-attività tiegħu qabel ma mar jeżerċita din l-attività fi Stat Membru ieħor, minkejja li dan tal-aħħar ma jkunx Stat Membru, iżda Stat terz.
36 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 39(2) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lil Stat Membru li, għall-finijiet tat-tassazzjoni tad-dħul ta’ ħaddiem mhux residenti li jkun eżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu f’dan l-Istat Membru matul parti mis-sena, jirrifjuta li jagħti lil dan il-ħaddiem vantaġġ fiskali li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali u familjari tiegħu, għar-raġuni li, minkejja li huwa jkun akkwista, f’dan l-istess Stat Membru, it-totalità jew il-kważi-totalità tad-dħul tiegħu għal dan il-perijodu, dan id-dħul ma jirrappreżentax il-parti l-kbira tad-dħul taxxabbli tiegħu matul is-sena kollha inkwistjoni. Il-fatt li l-ħaddiem telaq mill-pajjiż sabiex jeżerċita l-attività professjonali tiegħu fi Stat terz u mhux fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni ma jaffettwax din l-interpretazzjoni.
Fuq l-ispejjeż
37 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 39(2) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lil Stat Membru li, għall-finijiet tat-tassazzjoni tad-dħul ta’ ħaddiem mhux residenti li jkun eżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu f’dan l-Istat Membru matul parti mis-sena, jirrifjuta li jagħti lil dan il-ħaddiem vantaġġ fiskali li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali u familjari tiegħu, għar-raġuni li, minkejja li huwa jkun akkwista, f’dan l-istess Stat Membru, it-totalità jew il-kważi-totalità tad-dħul tiegħu għal dan il-perijodu, dan id-dħul ma jirrappreżentax il-parti l-kbira tad-dħul taxxabbli tiegħu matul is-sena kollha inkwistjoni. Il-fatt li l-ħaddiem telaq mill-pajjiż sabiex jeżerċita l-attività professjonali tiegħu fi Stat terz u mhux fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni ma jaffettwax din l-interpretazzjoni.
Firem
* Lingwa tal-Proċedura: l-Olandiż.