Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

28.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/10


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-16 ta’ Jannar 2014 – Société générale SA vs Staatssecretaris van Financiën

(Kawża C-17/14)

2014/C 129/13

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Société générale SA

Konvenut: Staatssecretaris van Financiën

Domandi preliminari

1)

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE, il-paragun bejn persuna mhux residenti u persuna residenti f’sitwazzjoni li fiha taxxa fuq id-dividendi tinġabar mill-Istat ta’ oriġini fuq it-tqassim ta’ dividendi għandha tiġi estiża għat-taxxa fuq il-kumpanniji li magħha tiġi paċuta t-taxxa fuq id-dividendi għall-persuni residenti?

2)

a.

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-paragun, l-ispejjeż kollha li huma marbuta ekonomikament mal-azzjonijiet li minnhom jirriżultaw id-dividendi?

b.

Jekk id-domanda preċedenti tingħata risposta negattiva, għandhom minflok jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tnaqqis eventwali tad-dividend inkluż fil-prezz tal-akkwist tal-azzjonijiet u l-ispiża eventwali tal-finanzjament li tirriżulta miż-żamma tal-azzjonijiet ikkonċernati?

3)

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva, għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk ġbir f’ras il-għajn eventwalment diskriminatorju huwiex validament innewtralizzat bis-saħħa ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluż mill-Istat ta’ oriġini, huwa suffiċjenti li i) tali dispożizzjoni tkun prevista għal dan l-iskop fil-ftehim ikkonċernat u, minkejja li din il-possibbiltà ma tkunx inkondizzjonata, ii) fil-każ inkwistjoni timplika li l-piż fiskali Olandiż ma jkunx itqal għal persuna mhux residenti milli għal persuna residenti? Fil-każ ta’ tpaċija insuffiċjenti għas-sena li matulha jitqassmu d-dividendi, hija rilevanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-newtralizzazzjoni, il-possibbiltà li defiċit jiġi ttrasferit għas-snin ta’ wara u li tiġi invokata t-tpaċija f’dawk is-snin?