Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-13 ta’ Mejju 2015 (1)

Kawżi Magħquda C-72/14 u C-197/14

X

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof te ’s-Hertogenbosch (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

u

T.A. van Dijk

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Leġiżlazzjoni applikabbli — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikoli 6 u 7 — Baħħara tax-xmara Rhein — Ċertifikat E 101 — Rikonoxximent reċiproku — It-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE — Duttrina ta’ acte clair”





1.        Il-proċedura għal deċiżjoni preliminari ilha topera għal iktar minn ħamsin sena, iżda tkompli tkun diffiċli li tinftiehem. Kif jidher mill-kawżi inkwistjoni, domandi marbuta ma’ din il-proċedura ta’ spiss iqumu b’mod marġinali għal domanda sostantiva tad-dritt tal-Unjoni.

2.        Il-kwistjoni sostantiva f’dawn il-kawżi magħquda, li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (2), hija essenzjalment l-istess: “il-Ftehimiet tar-Rhein” (3) huma applikabbli fil-kawżi prinċipali minħabba d-dritt tal-Unjoni jew indipendentement minnu? Din il-kwistjoni qamet wara li l-awtoritajiet Olandiżi rrifjutaw li jirrikonoxxu numru ta’ ċertifikati ta’ sigurtà soċjali (ċertifikati E 101) maħruġa mill-awtoritajiet tal-Lussemburgu skont ir-Regolament Nru 1408/71, possibbilment bi żball. Hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-qrati tar-rinviju dwar jekk l-awtoritajiet Olandiżi jistgħux jagħmlu dan.

3.        Il-Gerechtshof te ’s-Hertogenbosch iddeċidiet li titlob deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq din il-kwistjoni. Dik id-deċiżjoni tat lok sabiex il-Hoge Raad tagħmel l-istess. Il-Hoge Raad, madankollu, ipprovat tolqot żewġ għasafar b’ġebla waħda u ressqet domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-obbligi tagħha taħt it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Din tixtieq tkun taf b’mod speċifiku jekk il-fatt li qorti inferjuri fil-ġurisdizzjoni tagħha ma taqbilx magħha jipprekludihiex milli tiddeċiedi li r-risposta għad-domanda magħmula fil-proċeduri quddiemha hija tant ovvja li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk mistiedna biex għal darb’oħra tikkjarifika d-duttrina famuża tagħha ta’ acte clair.

4.        Dwar is-sustanza, għar-raġunijiet li ġejjin, ma naħsibx li ċertifikati E 101 maħruġa bi żball f’sitwazzjoni koperta mill-Ftehimiet tar-Rhein għandhom effett vinkolanti. Dwar il-kwistjoni proċedurali, differenza ta’ opinjoni bejn qorti tal-aħħar istanza u qorti inferjuri fl-istess Stat Membru ma għandhiex, fil-fehma tiegħi, teskludi rikors għad-duttrina ta’ acte clair.

I –    Il-kuntest ġuridiku

5.        L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1408/71 (“Konvenzjoniet dwar is-sigurtà soċjali li l-post tagħhom huwa mibdul b’dan ir-Regolament”) jipprevedi:

“Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 7, 8 u 46(4) dan ir-Regolament għandu, fejn għandhom x’jaqsmu l-persuni u l-materji koperti bih, jieħu l-post tad-disposizzjonijiet ta’ kull konvenzjoni dwar is-sigurtà soċjali li torbot jew:

(a)      lil żewġ Stati Membri jew iktar esklussivament, jew

(b)      lil mill-inqas żewġ Stati Membri u Stat wieħed ieħor jew iktar, fejn it-twettiq bi ftehim tal-każi interessati ma jinvolvix xi istituzzjoni minn xi wieħed mill-Istati ta' l-aħħar.”

6.        Minkejja l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1408/71, madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet tas-27 ta’ Lulju 1950 u tat-30 ta’ Novembru 1979 dwar is-sigurtà soċjali għall-baħħara tax-xmara Rhein għandhom ikomplu japplikaw, skont l-Artikolu 7(2)(a) ta’ dan ir-regolament (“Dispożizzjonijiet internazzjonali mhux affettwati minn dan ir-Regolament”).

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

7.        Fis-sena 2006 u f’parti mis-sena 2007 rispettivament, X u T.A. van Dijk, ċittadini ta’ u residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, ħadmu barra minn pajjiżhom fuq bastimenti li joperaw kummerċjalment fuq ix-xmara Rhein (għalkemm mhux esklużivament fuq dik ix-xmara).

8.        Fil-Każ C-72/14, li jirrigwarda lil X, il-bastiment kien irreġistrat fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala bastiment ta’ navigazzjoni fuq ix-xmara Rhein u sidu kienet kumpannija bbażata fil-Pajjiżi l-Baxxi. Ma kien hemm ħadd imsemmi oriġinarjament bħala “Operatur” f’dik ir-reġistrazzjoni. Fis-sena 2006, l-awtoritajiet tal-Lussemburgu ħarġu ċertifikat ta’ operazzjoni lil AAAA, kumpannija bbażata fil-Lussemburgu li kienet timpjega lil X. Fis-sena 2007, dik il-kumpannija ġiet indikata bħala l-operatur tal-bastiment taħt ir-reġistrazzjoni Olandiża (4).

9.        Fir-rigward ta’ T.A. van Dijk, mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 2007, huwa ħadem għal kumpannija ta’ tbaħħir stabbilita fil-Lussemburgu.

10.      Fiż-żewġ kawżi, l-awtorità kompetenti tal-Lussemburgu ħarġet ċertifikati E 101, fejn jingħad li X u T.A. van Dijk, rispettivament, kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali tal-Lussemburgu. Madankollu, dawk iċ-ċertifikati ma ġewx irrikonoxxuti mill-awtoritajiet Olandiżi, li minflok ikkunsidraw lil X u T.A. van Dijk bħala suġġetti għal-leġiżlazzjoni Olandiżi dwar is-sigurtà soċjali u li kienu responsabbli li jħallsu l-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali Olandiża, fuq il-bażi li dawn iż-żewġt irġiel kienu preżunti baħħara fuq ix-xmara Rhein. L-awtoritajiet Olandiżi ħarġu stimi tat-taxxa għaż-żewġt irġiel, li huma sussegwentement ikkontestaw.

11.      Fil-Kawża C-72/14, X ippreżenta rikors quddiem ir-Rechtbank Breda, u wara ppreżenta appell mid-deċiżjoni tal-ewwel istanza quddiem il-Gerechtshof te ’s-Hertogenbosch. Filwaqt li esprimiet dubji dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, din il-qorti ddeċidiet, fis-7 ta’ Frar 2014, li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      Fis-[sentenza FTS, C-202/97, EU:C:2000:75], il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċertifikat E101 maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru huwa meħtieġ [vinkolanti] fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali ta’ Stati Membri oħra, anki fil-każ fejn dan iċ-ċertifikat ma jkunx materjalment eżatt. Din il-konklużjoni tapplika wkoll f’każijiet bħal dan, fejn ir-regoli ta’ deżinjazzjoni tar-[Regolament Nru 1408/71] ma japplikawx?

(2)      Għall-finijiet tar-risposta għal din id-domanda, għandu impatt il-fatt li l-istituzzjoni kompetenti, li ma kellhiex l-intenzjoni li toħroġ ċertifikat E101, madankollu użat, għal raġunijiet amministrattivi, konxjament u intenzjonalment, dokumenti li kienu jippreżentaw ruħhom, mill-forma u mill-kontenut tagħhom, bħala ċertifikati E101, filwaqt li l-persuna interessata kienet taħseb u setgħet raġonevolment taħseb li kisbet tali ċertifikat?”

12.      Fil-Kawża C-197/14, T.A. van Dijk inizjalment ippreżenta rikors quddiem ir-Rechtbank te ’s-Gravenhage, u wara ppreżenta appell quddiem il-Gerechtshof te ’s-Gravenhage. Sussegwentement ippreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad kontra s-sentenza mogħtija mill-Gerechtshof, li kienet ukoll is-suġġett ta’ appell ta’ kassazzjoni inċidentali ppreżentat mis-Staatssecretaris van Financiën (Segretarju tal-Istat tal-Finanzi). Wara d-deċiżjoni li jiġu rrinvijati domandi għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C-72/14, il-Hoge Raad iddeċidiet fit-28 ta’ Marzu 2014 li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      Fil-kuntest ta’ domanda preliminari mressqa minn qorti nazzjonali inferjuri, il-Hoge Raad, bħala qorti suprema, għandha tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari jew għandha tistenna r-risposta mogħtija għad-domanda preliminari magħmula mill-qorti nazzjonali inferjuri, meta hija tqis li l-applikazzjoni xierqa tad-dritt tal-Unjoni fuq il-punt li dwaru hija ġiet adita tkun ċara b’evidenza li ma tħalli spazju għal ebda dubju raġonevoli fir-rigward tal-mod li bih din id-domanda għandha tintwieġeb?

(2)      Fil-każ li l-ewwel domanda teħtieġ risposta pożittiva, l-awtoritajiet Olandiżi kompetenti fil-qasam tas-sigurtà soċjali huma marbuta b’attestazzjoni E 101 maħruġa mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, anki fil-każ fejn din l-attestazzjoni tikkonċerna baħri tad-dgħajjes tax-xmara Rhein u, għalhekk, skont l-Artikolu 7(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli - punt kopert mill-attestazzjoni - għandhom jiġu injorati?”

13.      Fil-Kawża C-72/14, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn X, mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, mill-Gvern tar-Repubblika Ċeka kif ukoll mill-Kummissjoni. Fil-Kawża C-197/14, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn T.A. van Dijk, mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, mill-Gvern tal-Ġermanja, mill-Gvern tal-Greċja, u mill-Kummissjoni.

14.      Il-Kawżi C-72/14 u C-197/14 ġew magħquda fl-24 ta’ Frar 2014. Fl-istess data, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li ma żżommx seduta.

III – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

15.      Il-kawżi inkunsiderazzjoni jqajmu żewġ kwistjonijiet kompletament distinti. Għalhekk l-evalwazzjoni tiegħi ser tkun maqsuma f’żewġ partijiet. L-ewwel nett, ser nindirizza l-kwistjoni sostantiva dwar ir-rikonoxximent reċiproku u l-effett vinkolanti taċ-ċertifikati E 101. Huwa biss wara dan li ser nindirizza l-ewwel domanda tal-Hoge Raad dwar il-portata tad-duttrina ta’ acte clair.

16.      Nirrikonoxxi li l-Hoge Raad staqsiet it-tieni domanda tagħha, dwar ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati E 101, biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda tagħha fis-sens li l-Hoge Raad kienet taħt obbligu li tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Madankollu, għoti ta’ risposta biss għall-ewwel domanda tal-Hoge Raad ma jgħinx lill-Gerechtshof te ’s-Hertogenbosch sabiex issolvi t-tilwima pendenti quddiemha, u dik il-qorti tibqa’ fil-libertà li tissottometti domanda għal deċiżjoni preliminari, minkejja l-ġurisprudenza ta’ qorti superjuri (5). Għalhekk inqis li huwa meħtieġ li, fi kwalunkwe każ, tingħata risposta għall-kwistjoni sostantiva dwar is-sigurtà soċjali.

B –    L-ewwel kwistjoni: ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati E 101

1.      Kummenti preliminari

17.      Permezz tad-domandi 1 u 2 fil-Kawża C-72/14 u d-domanda 2 fil-Kawża C-197/14 — li ser nikkunsidra flimkien — il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu jekk, fuq il-preżunzjoni li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ħarġu ċertifikat E 101 bi żball lil persuna assigurata, li jgħid li l-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali ta’ dak l-Istat Membru hija applikabbli għal dik il-persuna, l-awtoritajiet ta’ Membru ieħor humiex meħtieġa li jirrikonoxxu dak iċ-ċertifikat, anki jekk il-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali applikabbli fil-konfront ta’ dik il-persuna assigurata tkun kkoordinata bi strument ta’ liġi internazzjonali elenkat fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1408/71, in casu l-Ftehimiet tar-Rhein. Id-domanda 2 fil-Kawża C-72/14 tissuġġerixxi li r-risposta tista’ tiddependi fuq jekk il-ħruġ bi żball taċ-ċertifikat E 101 kienx aċċidentali jew intenzjonali.

18.      X u T.A. van Dijk huma tal-fehma, kif huma l-Gvern tar-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni, li ċertifikat E 101 maħruġ minn Stat Membru f’dawn iċ-ċirkustanzi jorbot lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor. Huwa biss il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi li ma jaqbilx (il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Greċja ma jindirizzawx din l-ewwel kwistjoni).

19.      Kif ingħad fl-introduzzjoni tiegħi, jidher li l-qofol ta’ din l-ewwel kwistjoni prinċipali dwar is-sigurtà soċjali huwa dwar jekk id-deroga permessa skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1408/71 “tikkoordinax” ukoll il-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali applikabbli għal persuni assigurati fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet internazzjonali. B’mod partikolari, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan huwa l-każ. Dan iwassal lill-Kummissjoni għall-konklużjoni li billi, fil-fehma tagħha, il-kwistjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku japplika wkoll.

20.      Min-naħa tiegħi, ma iniex tal-istess fehma.

21.      Ir-rikonoxximent taċ-ċertifikati E 101 jiddependi b’mod ċar fuq jekk kienx legalment possibbli li dawn jinħarġu, li, min-naħa tiegħu, jiddependi fuq jekk ir-Regolament Nru 1408/71 kienx applikabbli. Madankollu, qabel ma nibda b’din l-analiżi, huwa importanti li niċċara dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx mitluba tagħti deċiżjoni dwaru.

22.      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx mitluba tagħti deċiżjoni dwar liema leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali hija effettivament applikabbli fil-konfront ta’ X u T.A. van Dijk — jiġifieri, hija ma ġietx mitluba tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk hijiex il-liġi tal-Lussemburgu jew dik tal-Pajjiżi l-Baxxi li hija applikabbli fil-konfront ta’ dawn il-persuni. Dan jagħmel sens, billi l-Ftehimiet tar-Rhein (jekk japplikaw) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 11(2) tagħhom, ma humiex atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tinterpreta (6).

23.      It-tieni nett, għal din l-istess raġuni, kif ukoll skont il-ġurisprudenza stabbilita fis-sens li huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiġbru u jevalwaw il-fatti kollha rilevanti u li għandhom japplikaw il-liġi fil-konfront tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tindika jekk X u T.A. van Dijk humiex fil-fatt baħħara tax-xmara Rhein. Ir-risposta tagħha, għalhekk, għandha sempliċement tkun ibbażata fuq il-preżunzjoni li huma baħħara — u dan huwa suġġett għal verifika mill-qrati tar-rinviju (7).

24.      Fid-dawl ta’ dan, ir-risposta għad-domanda sostantiva dwar is-sigurtà soċjali, fil-fehma tiegħi, tinsab f’qari korrett tal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 1408/71, flimkien mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2.      Evalwazzjoni

a)      Applikabbiltà tar-Regolament Nru 1408/71

25.      Hija ġurisprudenza stabbilita li, fir-rigward tal-persuni u tal-kwistjonijiet li huwa jkopri, u b’ċerti riżervi, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1408/71 jieħu post id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe konvenzjoni dwar is-sigurtà soċjali li torbot żewġ Stati Membri jew iktar (jew bejn żewġ Stati Membri jew iktar u Stat terz jew iktar fir-rigward tas-sitwazzjoni interna bejn l-Istati Membri). Din is-sostituzzjoni hija mandatorja u ma tippermettix eċċezzjonijiet ħlief għal dawk il-każijiet previsti fir-Regolament (8).

26.      Hawnhekk, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1408/71 jagħti dettalji dwar xi wħud mill-eċċezzjonijiet imsemmija hawn fuq. B’mod speċifiku, l-Artikolu 7(2) jipprevedi li, minkejja l-Artikolu 6, ċerti trattati (fosthom il-Ftehimiet tar-Rhein) “għand[hom] jissokta[w] japplika[w]”. Ta’ min jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li meta dispożizzjoni ta’ trattat internazzjonali tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 7, din “tibqa’ tapplika kollha kemm hi minkejja l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 u [...] tkompli tkun effettiva fir-rigward tas-sitwazzjonijiet kollha li tkopri” (9).

27.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma interpretatx l-Artikolu 7(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 7(2) tar-Regolament u, b’mod speċifiku, l-effett konġunt tal-Artikoli 6 u 7(2)(ċ) (10) dwar il-konvenzjonijiet bilaterali konklużi bejn Stati Membri (11) ma tidhirx li tat importanza għall-fatt li r-Regolament Nru 1408/71 stess jinkludi “klawżoli dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli” — dik il-kwistjoni sempliċement ma tidhirx li kienet waħda kontenzjuża. Madankollu, żewġ sentenzi jidhru li huma ta’ xi interess hawnhekk.

28.      Fil-Kawża Grana-Novoa vs Landesversicherungsanstalt Hessen (12), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li konvenzjonijiet dwar is-sigurtà soċjali konklużi bejn Stat Membru wieħed u Stat terz jew iktar ma humiex koperti bir-Regolament Nru 1408/71. Issa, jkun ħażin li wieħed jaqra dik is-sentenza fis-sens, a contrario, li konvenzjonijiet konklużi bejn mill-inqas żewġ Stati Membri (u, possibbilment, Stat jew iktar mhux membri sa fejn ir-relazzjonijiet bejn Stati Membri huma kkonċernati) dejjem jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tiegħu. Fil-fatt, f’dik id-deċiżjoni l-Qorti tal-Ġustizzja qagħdet attenta li żżid li r-regolament “jinkludi b’mod ċar ċerti riżervi fir-rigward tal-applikazzjoni tiegħu għal konvenzjonijiet konklużi bejn żewġ Stati Membri jew aktar” (13). Meta tapplika din ir-riżerva, għandi problema sabiex nara xi differenza bejn it-tipi ta’ konvenzjoni msemmija hawn fuq.

29.      Barra minn hekk, il-Kawża Callemeyn vs L-Istat Belġjan (14) kienet tirrigwarda sitwazzjoni speċjali li tinvolvi, inter alia, l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li r-Regolament ma jaffettwax l-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehimiet Interim Ewropej dwar is-Sigurtà Soċjali, tal-11 ta’ Diċembru 1953, konklużi bejn l-Istati Membri u l-Kunsill tal-Ewropa. Peress li dak il-ftehim multilaterali stess ippermetta derogi fil-każ li dan kien iktar favorevoli għal dawk intitolati, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 ma tmurx kontra l-Artikolu 7(1)(b) sa fejn kien hekk (15). Għalhekk, kienu l-Ftehimiet Interim Ewropej dwar is-Sigurtà Soċjali li taw lok għall-applikazzjoni tar-Regolament, u mhux bil-maqlub.

30.      Madankollu, insostenn tal-fehma tagħha, il-Kummissjoni tiċċita l-Kawża Caisse regionale de sécurité sociale du Nord vs Torrekens (16). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-predeċessur tar-Regolament Nru 1408/71, jiġifieri r-Regolament Nru 3 (17), “ikompli japplika sa fejn dawn il-konvenzjonijiet ma jostakolawx l-applikazzjoni tiegħu”. Il-Kummissjoni tiddeduċi minn dan li l-Qorti tal-Ġustizzja preżubbilment ikkonfermat prinċipju tal-applikazzjoni magħquda tar-regoli tar-Regolament Nru 1408/71 ma’ dawk tat-trattati internazzjonali applikabbli.

31.      Madankollu, anki jekk jiġi preżunt li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Caisse regionale de sécurité sociale du Nord vs Torrekens — li kienet tirrigwarda dispożizzjoni effettivament simili tar-Regolament Nru 3 — kellu jkun estiż għall-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 1408/71, għandi dubju jekk dan għandu jkollu l-effett issuġġerit mill-Kummissjoni. Jekk ċertifikat E 101 maħruġ skont ir-Regolament Nru 1408/71 jindika leġiżlazzjoni differenti minn dik applikabbli skont il-Ftehimiet tar-Rhein, dawn il-ftehimiet ċertament jostakolaw l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71. Bil-kontra, ma narax kif jista’ jikkomprometti l-effet utile tar-Regolament Nru 1408/71 jekk Stati Membri jkunu intitolati li ma jirrikonoxxux ċertifikati E 101 maħruġa f’ċirkustanzi rregolati b’konvenzjoni partikolari dwar is-sigurtà soċjali mhux affettwata b’dan ir-regolament.

32.      Lanqas ma jien konvint bl-argument tal-Kummissjoni li huwa biss bis-saħħa tal-Artikolu 7(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 li l-Ftehimiet tar-Rhein għadhom applikabbli. Għalkemm ma hemmx dubju li dan huwa korrett minn perspettiva formali, dan jammonta, fi kliem metaforiku, li tidħol mill-bieb sabiex toħroġ minnufih mit-tieqa. Fil-fehma tiegħi, dan għandu iktar x’jaqsam ma’ teknika leġiżlattiva milli ma’ kwalunkwe ħaġa oħra, u ma għandux ikollu piż deċiżiv.

33.      Jeħtieġ li jingħata eżempju sabiex nuri dan l-aħħar punt. Jekk wieħed jimmaġina li, fi proċeduri kummerċjali transnazzjonali, konvenzjoni dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli, bħall-Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (18), għandha tiddetermina l-leġiżlazzjoni applikabbli, dan ma jfissirx li ladarba l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti tkun ġiet indikata, il-prinċipji ġenerali ta’ dritt internazzjonali jkomplu japplikaw għas-soluzzjoni sostantiva tat-tilwima kkonċernata. Sabiex inkompli fuq dak l-eżempju — fejn din id-darba ser jintuża peró r-Regolament Nru 593/2008 (19) — l-istess loġika titlob li, ladarba liġi nazzjonali tkun ġiet indikata minn dak ir-regolament, dan minnu nnifsu ma jagħtix lok għall-applikazzjoni sussegwenti tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni fit-tilwima kkonċernata. Għaldaqstant, il-fatt li l-għażla tal-liġijiet hija rregolata b’regolament huwa, fil-fatt, irrilevanti.

34.      Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni li nipproponi tidher li hija ssostanzjata b’paragun mas-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 883/2004 (20) (għalkemm dak ir-regolament ma japplikax ratione temporis). L-Artikolu 8 ta’ dak ir-regolament (“Relazzjonijiet bejn dan ir-Regolament u strumenti oħra ta’ kordinazzjoni”) amalgama l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 1408/71, iżda b’differenza waħda kbira: il-konvenzjonijiet multilaterali elenkati fl-Artikolu 7(1) u (2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1408/71 ma għadhomx jidhru. Minflok, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 883/2004 (“Eċċezzjonijiet għall-Artikoli 11 sa 15”) jipprovdi li żewġ Stati Membri jew iktar, l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jew il-korpi indikati minn dawn l-awtoritajiet jistgħu, permezz ta’ ftehim komuni, jipprovdu għal eċċezzjonijiet mill-Artikoli 11 sa 15 fl-interess ta’ ċerti persuni jew kategoriji ta’ persuni. Kif il-Kummissjoni tinnota fl-osservazzjonijiet tagħha, l-Istati Membri li huma wkoll Partijiet Kontraenti fil-Ftehimiet tar-Rhein ikkonkludew tali ftehim (21). Din l-evoluzzjoni leġiżlattiva tindika li minn issa ’l quddiem, il-koordinazzjoni li pproduċew il-Ftehimiet tar-Rhein tista’ effettivament taqa’ fl-ambitu tat-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 (“Determinazzjoni ta’ liema leġislazzjoni tapplika”).

35.      Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li r-riżultat skont ir-Regolament Nru 883/2004 kien ikun l-istess bħal ma kien qabel skont ir-Regolament Nru 1408/71. Għalkemm wieħed jista’ jiddubita jekk ir-Regolament Nru 883/2004 iżommx l-istatus quo jew jekk jibdilx is-sistema preċedenti fuq dan il-punt, insib indikattiv il-fatt li l-Istati Membri hawn fuq imsemmija qabel ma setgħux jirrikorru għall-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1408/71, li huwa fformulat b’mod kważi identiku għall-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 833/2004. Minkejja dan, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li s-sistema stabbilita fir-Regolament Nru 883/2004 sempliċement jikkonferma l-istatus quo, il-każijiet ineżami għandhom, fid-dawl tal-argument ippreżentat hawn taħt, jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-każijiet li jaqgħu fl-ambitu tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 (22). Dan jagħti lok għall-applikazzjoni tal-prinċipji li jirriżultaw mill-Kawża FTS (23), u d-domandi rrinvijati (kif ifformulati mill-ġdid) għandhom, f’dawk iċ-ċirkustanzi, jingħataw risposta fl-affermattiv.

36.      Madankollu, il-fehma prinċipali tiegħi għadha dik li, fuq il-preżunzjoni li X u T.A. van Dijk huma baħħara tax-xmara Rhein, dawn ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71.

b)      Konsegwenzi taċ-ċertifikati E 101

37.      Il-fehma tiegħi dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 twassalni sabiex nissuġġerixxi li r-risposta lill-qrati tar-rinviju għandha tkun fis-sens li ċ-ċertifikati E 101 maħruġa mill-awtoritajiet tal-Lussemburgu li jindikaw il-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali tal-Lussemburgu bħala dik applikabbli għal X u T.A. van Dijk, ma għandhom l-ebda effett legali.

38.      Fil-fatt, din l-Unjoni hija bbażata fuq l-istat tad-dritt. Il-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi, li jifforma parti mill-istruttura kostituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, huwa ta’ importanza kbira. Meta istituzzjoni jew aġenzija tal-Unjoni ma jkollhiex il-kompetenza legali, kull “att” li hija tadotta f’dak il-qasam ma jkollu ebda l-effett vinkolanti. L-istess japplika meta jkunu l-awtoritajiet tal-Istati Membri li jkunu responsabbli sabiex tiġi żgurata l-amministrazzjoni tal-politika tal-Unjoni fil-prattika, u meta l-miżuri li huma jieħdu jittieħdu skont ir-regoli tal-Unjoni. Dan huwa l-każ hawnhekk, għaliex iċ-ċertifikati inkwistjoni fil-kawżi preżenti ġew maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Lussemburgu skont ir-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament Nru 574/72 (24), sabiex jindikaw il-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali li hija applikabbli.

39.      Għall-istess raġuni, u b’risposta għad-domanda 2 fil-Kawża C-72/14, il-kwistjoni dwar jekk l-awtorità li ħarġet iċ-ċertifikat E 101 għamlitx hekk għal raġunijiet ta’ konvenjenza jew għal raġunijiet oħra, ma jidhirlix li hija importanti.

40.      Għaldaqstant naqbel mal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi li ċ-ċertifikati E 101 maħruġa fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi ineżami ma għandhom l-ebda effett vinkolanti. Is-sentenza fil-Kawża FTS (25), li wkoll ittrattat ir-rifjut ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li tirrikonoxxi ċertifikat E 101 maħruġ mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor, ma jibdilx dan. Hemmhekk, in-nuqqas ta’ qbil kien limitat għall-kwistjoni dwar liema dispożizzjoni fit-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 tidentifika b’mod xieraq il-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali applikabbli għall-ħaddiema kkonċernati — jiġifieri, fl-ambitu tal-koordinazzjoni prevista fir-Regolament.

41.      Fuq din il-bażi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi 1 u 2 fil-Kawża C-72/14 u għad-domanda 2 fil-Kawża C-197/14 fis-sens li, f’ċirkustanzi fejn l-awtoritajiet ta’ Stat Membru wieħed ikunu ħarġu ċertifikat E 101 lil persuna assigurata li jindika l-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali ta’ dak l-Istat Membru bħala applikabbli għal dik il-persuna, iżda fejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali applikabbli għandha tkun ikkoordinata bil-Ftehimiet tar-Rhein — kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qrati tar-rinviju — l-Artikolu 7(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeżiġix li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor jirrikonoxxu dak iċ-ċertifikat.

c)      c)     Kunsiderazzjonijiet fl-alternattiv

42.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx miegħi dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, għandhom isiru ċerti osservazzjonijiet oħra.

43.      Anki jekk l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fis-sens li n-natura primarja (jew applikabbiltà) tal-Ftehimiet tar-Rhein tirriżulta mir-Regolament innifsu u, konsegwentement, li r-Regolament huwa applikabbli wkoll, huwa dibattibbli x’differenza dan jagħmel attwalment. Tabilħaqq, l-Artikolu 7 jipprevedi li l-Ftehimiet tar-Rhein għandhom ikomplu japplikaw. F’dan ir-rigward, hemm dubju dwar jekk il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati E 101, kif stipulat fil-Kawża FTS (26), jibdel dan.

44.      Ċertament, ma jistax jiġi preżunt li ċertifikat maħruġ bi żball skont it-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jingħata rikonoxximent awtomatiku fejn il-kwistjoni hija rregolata kif xieraq bit-Titolu I ta’ dak ir-regolament (“Dispożizzjonijiet ġenerali”). Il-ġurisprudenza li ngħatat wara l-Kawża FTS ma indirizzatx sitwazzjoni bħal din (27). Dak li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet ċar huwa li t-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 japplika biss fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet oħra (28). Huwa minnu li ċertifikat E 101, sa fejn dan jistabbilixxi preżunzjoni dwar il-verità ta’ dak li jiddikjara, jorbot lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti (29). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li l-preżunzjoni marbuta ma’ dikjarazzjoni ċċertifikata maħruġa minn istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ma testendix neċessarjament għal kwistjonijiet barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu II tar-Regolament (għalkemm, huwa minnu, ċertifikat E 101 normalment ma jintużax għal dawn il-finijiet) (30).

45.      Fil-kawżi preżenti, ġew maħruġa ċertifikati E 101 mill-awtoritajiet kompetenti tal-Lussemburgu li jindikaw is-sigurtà soċjali tal-Lussemburgu bħala dik applikabbli fil-konfront ta’ X u T.A. van Dijk. L-awtoritajiet kompetenti Olandiżi ma jaqblux ma’ dan. Il-Kummissjoni ssostni li, skont l-informazzjoni li għandha, il-Partijiet Kontraenti tal-Ftehimiet tar-Rhein joħorġu, għal raġunijiet prattiċi, ċertifikati E 101 li jindikaw il-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali applikabbli, peress illi ma hemm ebda formola għal dan il-għan (31). Madankollu, billi l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibbaża r-risposta tagħha fuq l-preżunzjoni li ż-żewġt irġiel huma baħħara tax-xmara Rhein — kwistjoni li l-Kummissjoni ma tikkontestax — u li ma għandhiex il-kompetenza li tiddeċiedi fuq tilwim bejn il-Partijiet Kontraenti dwar l-interpretazzjoni korretta tal-Ftehimiet tar-Rhein (ara l-punti 22 u 23 hawn fuq), jista’ jiġi preżunt li għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri t-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 ma japplikax. Għalhekk, iċ-ċertifikati maħruġa mil-Lussemburgu ma għandhomx jingħataw iktar piż minn kwalunkwe dikjarazzjoni ċċertifikata oħra maħruġa mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru dwar kwistjoni li toħroġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu II tar-Regolament. Il-possibbiltà li tali dikjarazzjoni tista’, għal raġunijiet prattiċi, tifforma parti minn ċertifikat E 101 ma għandhiex tnaqqas dan l-aspett.

46.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-kwistjoni tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, jiena nżomm mar-risposta li pproponejt fil-punt 41 hawn fuq.

C –    It-tieni kwistjoni: il-limiti tad-duttrina ta’ acte clair

1.      Osservazzjonijiet preliminari

47.      Id-domanda 1 fil-Kawża C-197/14 tqajjem kwistjonijiet importanti dwar id-duttrina ta’ acte clair. Billi hemm kitba estensiva dwar is-suġġett, din id-duttrina ma teħtieġx iktar introduzzjoni. Dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba tinterpreta hawnhekk, b’mod speċifiku, huwa r-rekwiżit li “l-qorti nazzjonali għandha tkun konvinta li l-kwistjoni hija ugwalment ovvja kemm għall-qrati tal-Istati Membri l-oħra kif ukoll għall-Qorti tal-Ġustizzja” (32). Il-kwistjoni prinċipali mqajma mill-Hoge Raad hija din: huwa impossibbli għal qorti tal-aħħar istanza li tirrikorri għad-duttrina ta’ acte clair meta qorti inferjuri tal-istess Stat Membru tkun irrinvijat domanda identika jew simili ta’ dritt tal-Unjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja?

48.      Il-Hoge Raad tibża’ li risposta fl-affermattiv għad-domanda 1 fil-Kawża C-197/14 tkun tfisser li l-ogħla qorti ta’ Stat Membru li tixtieq tannulla sentenza ta’ qorti inferjuri għaliex hija tinterpreta d-dritt tal-Unjoni b’mod differenti minn dik il-qorti inferjuri tkun f’kull każ ukoll obbligata li titlob deċiżjoni fuq dik il-kwistjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

49.      T.A. van Dijk isostni li r-rekwiżiti tad-duttrina ta’ acte clair ma humiex issodisfatti fil-proċeduri prinċipali. Madankollu, fil-fehma tiegħu, huwa biżżejjed li qorti tal-aħħar istanza tistenna r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal talba għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qorti inferjuri. Il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni huma, essenzjalment, tal-istess fehma.

50.      Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li s-sempliċi fatt li qorti ta’ Stat Membru setgħet talbet gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jfissirx awtomatikament li hemm “dubju raġonevoli” fis-sens tal-ġurisprudenza. Il-Gvern Ġermaniż, li essenzjalment jaqbel, isostni barra minn hekk li l-kwalità tal-fehma interpretattiva sostnuta mill-qorti inferjuri għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, u li għandu jkun inaċċettabbli li pożizzjoni manifestament żbaljata meħuda minn qorti inferjuri tkun tista’ twaqqaf l-effiċjenzi proċedurali miksuba mid-duttrina ta’ acte clair.

51.      Qabel kollox, infakkar li l-għan speċifiku tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE huwa li jiġi evitat li ġurisprudenza nazzjonali li tkun inkonsistenti mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni tiġi stabbilita fi Stat Membru (33). Dan huwa rifless fil-kliem tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE li, skont it-test, ma tantx iħalli marġni ta’ manuvra għall-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza.

52.      Madankollu, is-sentenza fil-Kawża Cilfit et (34) tat lill-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza — bħala l-ogħla qrati responsabbli għall-applikazzjoni deċentralizzata tad-dritt tal-Unjoni (35) — il-possibbiltà, f’ċerti ċirkustanzi, li jassumu r-responsabbiltà li jiddeċiedu punt ta’ dritt tal-Unjoni.

53.      Mal-ewwel daqqa t’għajn, il-kundizzjonijiet marbuta mad-duttrina ta’ acte clair huma ibsin. Ir-rekwiżit prinċipali li ‘l-applikazzjoni korretta tad-dritt [tal-Unjoni] [għandha tkun] tant ovvja li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli dwar il-mod kif għandha tiġi riżolta d-domanda magħmula” ma hijiex ifformulata b’mod laxk. Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit huwa kkwalifikat b’mod doppju. L-ewwel nett, il-qorti nazzjonali tal-aħħar istanza “għandha tkun konvinta li l-kwistjoni hija ugwalment ovvja kemm għall-qrati tal-Istati Membri l-oħra kif ukoll għall-Qorti tal-Ġustizzja”. It-tieni nett, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti karatteristiċi tad-dritt tal-Unjoni (36). Dan wassal lil kummentatur, ftit żmien wara li nħolqot id-duttrina ta’ acte clair, sabiex jiddikjara li din kienet “partikolarment dejqa”, “mossa tattika” u għodda “sabiex ittejjeb u ssaħħah il-kontroll [tal-Qorti tal-Ġustizzja]” (37).

54.      Anki fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja, it-termini li bihom is-sentenza fil-Kawża Cilfit et (38) kienet ifformulata ġew deskritti bħala “mċajpra” (39). Iżda saret iktar kritika wkoll dwar l-obbligu li jsir rinviju inkwantu tali, li huwa l-qafas tad-duttrina ta’ acte clair u li fid-dawl tiegħu għandha tinftiehem din id-duttrina. Pereżempju, l-Avukat Ġenerali Jacobs issuġġerixxa, kif huwa magħruf, f’kawża li qajmet il-kwistjoni dwar jekk ċertu lbies tan-nisa kellux jiġi kklassifikat bħala piġami għall-finijiet tad-dwana, li jiġi rriformat radikalment dak l-obbligu billi l-Qorti tal-Ġustizzja trażżan iktar lilha nnifisha (40). L-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer saħansitra wasal li jqabbel l-obbligu ta’ rinviju mal-leġġenda ta’ Sisyphos (41). Bil-kontra, għalkemm irrikonoxxa li l-kriterji tad-duttrina ta’ acte clair ma kinux infallibbli, l-Avukat Ġenerali Tizzano saħaq li d-duttrina tinżamm kif inhi (42).

55.      Minn perspettiva usa’, bosta tħassib dwar l-obbligu stabbilit li jsir rinviju fortunatament tneħħa maż-żmien. Sabiex wieħed jipproċedi b’ordni kronoloġiku, anki qabel sew is-sentenza Cilfit et (43), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet pronta li tiċċara li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE kellu l-limiti tiegħu. Fis-sentenza Da Costa et, li tirreferi b’mod partikolari għas-sitwazzjonijiet li huma “materjalment identiċi għal domanda li ġa kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni preliminari f’kawża simili”, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-awtorità tad-deċiżjonijiet tagħha “tista’ ċċaħħad l-obbligu [ta’ rinviju] mill-iskop tiegħu u għalhekk tneħħilu s-sustanza tiegħu” (44), u b’dan il-mod irrikonoxxiet il-valur legali tal-preċedent. Madankollu, din ma hijiex l-unika sentenza qabel dik ta’ Cilfit et li tinkorpora qari sensibbli ta’ dan l-obbligu (45).

56.      Barra minn hekk, kif kulħadd jaf, meta l-Avukat Ġenerali Capotorti wissa lill-Qorti tal-Ġustizzja ftit snin wara kontra t-tnaqqis tal-obbligu ta’ rinviju billi rrikonoxxa, bħala kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni, id-duttrina ta’ acte clair, (46) il-Qorti tal-Ġustizzja ma qablitx miegħu.

57.      Kawża tal-aħħar (47) turi wkoll il-fatt li l-obbligu ta’ rinviju ġie mittiefes — xi wħud jgħidu mnaqqas — bil-mod iżda b’ċertezza matul iż-żmien. Fil-Kawża Intermodal Transports, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-fatt li l-awtoritajiet amministrattivi jista’ jkollhom fehma differenti dwar l-approċċ xieraq li għandu jittieħed f’kawża pendenti quddiem qorti tal-aħħar istanza ma jeskludix il-possibbiltà li wieħed jistrieħ fuq id-duttrina ta’ acte clair (48).

58.      Huwa minnu, madankollu, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx daqstant flessibbli meta ġiet sabiex tanalizza l-validità ta’ atti adottati minn istituzzjonijiet tal-Unjoni. Minkejja l-opinjonijiet sodi tal-Avukat Ġenerali tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet fil-Kawża Gaston Schul li r-raġunijiet li jistgħu jeżoneraw qorti nazzjonali tal-aħħar istanza mid-dmir tagħha skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE ma jestendux għal domandi marbuta mal-validità ta’ atti tal-Unjoni (49). Dan kien hekk minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’kawża preċedenti, kienet iddeċidiet li dispożizzjonijiet analogi ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni komparabbli kienu invalidi.

59.      Issa li wettejt it-triq, ser neżamina l-kwistjoni mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Hoge Raad.

2.      Evalwazzjoni

a)      Id-duttrina ta’ acte clair hija eskluża meta qorti inferjuri fl-istess Stat Membru tkun talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq domanda simili?

60.      Billi l-obbligu ta’ rinviju skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE ġie rrikkalibrat matul iż-żmien, kif semmejt hawn fuq, nistaqsi jekk ma jkunx xieraq, f’dan il-waqt, li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti miżura ta’ ċarezza, biex ngħid hekk, lid-duttrina ta’ acte clair.

61.      Personalment, jiena konvint li qorti nazzjonali tal-aħħar istanza ma hijiex prekluża milli tistrieħ fuq id-duttrina ta’ acte clair sempliċement għaliex qorti inferjuri tal-istess Stat Membru tkun irrinvijat domanda dwar kwistjoni identika jew simili lill-Qorti tal-Ġustizzja. Tliet premessi sottostanti jispjegaw ir-raġuni għalfejn dan huwa hekk.

62.      L-ewwel nett, fuq livell strutturali, iż-żminijiet inbidlu radikalment minn meta ġiet deċiża l-Kawża Cilfit et. Fis-sena 1982, il-Komunità Ekonomika Ewropea kienet tikkonsisti f’għaxar Stati Membri b’seba’ lingwi ta’ ħidma uffiċjali. Fis-sena 2015, madankollu, l-Unjoni hija unjoni iktar sofistikata, b’iktar minn 28 sistema legali, 24 lingwa ta’ ħidma uffiċjali, oqsma ta’ kompetenzi usa’ u, bħala innovazzjoni ċara li t-Trattat ta’ Lisbona ġab miegħu, enfasi ikbar fuq ir-rwol tal-qrati (supremi) nazzjonali skont l-Artikolu 19(2) TUE. Jekk wieħed kellu jaderixxi ma’ qari riġidu tal-ġurisprudenza, li wieħed jiltaqa’ ma’ sitwazzjoni “vera” ta’ acte clair tkun, fl-aħjar ipoteżi, qisek qed tiltaqa’ ma’ unikorn.

63.      It-tieni nett, is-sistema ta’ ekwilibriju ta’ poteri relatata mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE evolviet ukoll. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi dmir ta’ kontroll tal-mod kif il-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza jagħmlu użu mid-duttrina ta’ acte clair (50). Barra minn hekk, il-Kawża Cilfit et ġiet deċiża kważi għaxar snin qabel is-sentenza Francovich et (51). Il-Kawża Köbler (52) kienet 20 sena ’l bogħod. Illum, il-Qorti tal-Ġustizzja (53) — u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (il-“QEDB”) (54) — huma aditi regolarment bi proċeduri dwar allegat nuqqas ta’ rinviju skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.

64.      It-tielet nett, is-sempliċi verità hija li l-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza ma jeskludux, fil-prattika, li jirrikorru għad-duttrina ta’ acte clair (b’mod espliċitu jew impliċitu), anki fejn id-deċiżjonijiet li jkunu ġew appellati — jew minoranza tal-kulleġġ ġudikanti — jesprimu differenzi ta’ opinjoni (55). Fid-dawl ta’ dan, naħseb li ma jkunx għaqli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tikkontrolla l-iktar interpretazzjoni stretta tal-portata tal-kundizzjonijiet marbuta ma’ dik id-duttrina. Li jsir dan jista’ jidher li huwa f’kontradizzjoni kemm mar-realtà kif ukoll mal-ispirtu ta’ kooperazzjoni li tikkaratterizza r-relazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati (supremi) nazzjonali.

65.      Sabiex nerġa’ ndur lura għall-kwistjoni inkunsiderazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx mitluba tikkjarifika l-kunċetti ta’ “dubju” (inqas u inqas ta’ “dubju raġonevoli”) jew “in-natura ovvja”. Huwa ċar mill-kontenut tad-digriet tar-rinviju fil-Kawża C-197/14 li l-Hoge Raad ma għandha l-ebda dubju dwar l-approċċ li għandha tieħu fil-proċeduri pendenti quddiemha (56). Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet sempliċement mitluba tikkjarifika jekk il-fatt li qorti inferjuri tesprimi dubju jfissirx effettivament li qorti tal-aħħar istanza għandha, bħala konsegwenza, anki hi tkun f’dubju. Mill-inqas, l-effett tal-eżitazzjoni tal-qorti inferjuri jkun li l-qorti tal-aħħar istanza ma setgħetx tkompli tassumi r-responsabbiltà sabiex tiddeċiedi hija stess punt ta’ dritt tal-Unjoni.

66.      Madankollu, hekk kif ġa sostna l-Avukat Ġenerali Stix-Hackl, in-natura ovvja ta’ interpretazzjoni korretta ma hijiex ġeneralment kontradetta bil-fatt li dispożizzjoni tista’ tinqara b’żewġ modi (57).

67.      L-espressjoni “il-qorti nazzjonali għandha tkun konvinta li l-kwistjoni hija ugwalment ovvja kemm għall-qrati tal-Istati Membri l-oħra kif ukoll għall-Qorti tal-Ġustizzja”, kif nifhimha jien, għandha titqies fl-istess dawl bħall-fatturi kwalifikanti l-oħra elenkati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Cilfit et (ara l-punt 53 hawn fuq). Għalhekk, dak ir-rekwiżit ma jistax jinftiehem f’termini assoluti. Pjuttost, huwa għandu jinftiehem fis-sens li l-imħallfin tal-aħħar appell li għandhom jiddeċiedu fuq il-kwistjoni għandhom ikunu konvinti, fil-fehma tagħhom, li mħallfin oħra jaqblu magħhom. Kif naraha jien, iċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti 16 sa 20 tas-sentenza Cilfit et jikkostitwixxu “kaxxa ta’ għodod” sabiex jiġi stabbilit jekk jistax ikun hemm jew le xi dubju raġonevoli. Huma għandhom jitqiesu li huma sinjali ta’ twissija pjuttost milli kriterji stretti u, moqrija sew, ma humiex ħlief sens komuni (58). Għalhekk, b’mod differenti minn ċerti kummentaturi (59), ma nistax nifhem il-Kawża Cilfit et fis-sens li tgħid li dubju raġonevoli jista’ jkun imkejjel b’mod oġġettiv sempliċement billi jiġu indikati differenzi ta’ opinjoni interpretattiva fost il-membri tal-ġudikatura. Fil-fatt, il-Kawża Cilfit et kienet tirrigwarda sitwazzjoni fejn il-qorti nazzjonali tal-aħħar istanza staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk kienx għal kollox konċepibbli li ma jkunx hemm obbligu li tiġi rrinvijata lill-Qorti tal-Ġustizzja kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni li għad ma hijiex riżolta. Wara li ddeċidiet dik id-domanda fl-affermattiv fuq punt ta’ prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad ipprovat tabbozza l-kundizzjonijiet marbuta ma’ dan b’tali mod li tevita li jkun hemm nuqqas ta’ qbil ġudizzjarju. Min-naħa l-oħra, il-Kawża Cilfit et ma tgħid xejn dwar x’jista’ jiġi dedott jekk fil-fatt ikun hemm nuqqas ta’ qbil ġudizzjarju, kif ġara fil-kawżi inkunsiderazzjoni.

68.      F’dan is-sens, jidhirli inqas importanti jekk nuqqas ta’ qbil potenzjali jistax jiġi minn imħallef ta’ Stat Membru ieħor jew minn imħallef mill-istess Stat Membru. Wara kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat “ir-riskju ta’ diverġenza f’deċiżjonijiet ġudizzjarji ġewwa l-Komunità” (60), li — minħabba l-iskop speċifiku tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE li jiġi evitat li jiġi stabbilit korp ta’ ġurisprudenza nazzjonali li ma jkunx konformi mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni f’xi Stat Membru — ikun, a priori, jinkludi x-xenarju intra-Statali. Fehma differenti, fil-fatt, ma tantx tagħmel sens fir-rigward ta’ Stati Membri b’sistemi legali differenti applikabbli fil-partijiet differenti tagħhom, bħar-Renju Unit. Barra minn hekk, għalkemm dawn tassew ma humiex ittrattati bl-istess fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, jidher li huwa mixtieq li jiġi adottat approċċ koerenti fir-relazzjoni bejn qrati nazzjonali inferjuri u qrati tal-aħħar istanza: jekk qorti inferjuri ma hijiex marbuta bis-sentenza ta’ qorti nazzjonali tal-aħħar istanza li tal-ewwel tqis li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (61), għalfejn għandha din tal-aħħar allura tkun marbuta b’differenza ta’ opinjoni espressa minn qorti inferjuri?

69.      Għalhekk, essenzjalment, il-fehma tiegħi hija din: jekk qorti nazzjonali tal-aħħar istanza hija żgura biżżejjed mill-interpretazzjoni tagħha sabiex tassumi r-responsabbiltà (u possibbilment it-tort) li tiddeċiedi fuq punt ta’ dritt tal-Unjoni mingħajr l-għajnuna tal-Qorti tal-Ġustizzja, din għandha tkun legalment intitolata li tagħmel hekk. Iżda, f’sitwazzjoni bħal din, hemm problema: il-prospett li azzjoni legali tista’ tittieħed kontra l-Istat Membru tal-qorti tal-aħħar istanza għal nuqqas li jsir rinviju u/jew għal applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni. Dak huwa riskju li dik il-qorti għandha tassumi waħedha (62).

b)      Hemm obbligu li wieħed jistenna l-eżitu tat-talba għal deċiżjoni preliminari tal-qorti inferjuri?

70.      Issa, għalkemm ma naħsibx li d-dubju espress minn qorti inferjuri fl-istess Stat Membru jeskludi l-prospettiva ta’ acte clair, id-domanda 1 tal-Hoge Raad, hekk kif ifformulata, issemmi l-possibbiltà li hija stess tista’ tkun meħtieġa li tirrinvija domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja, jew li jkollha tistenna l-eżitu ta’ proċeduri indipendenti dwar deċiżjoni preliminari ġa mibdija minħabba talba magħmula minn qorti inferjuri dwar — nassumi — essenzjalment l-istess punt ta’ dritt tal-Unjoni.

71.      Din is-sitwazzjoni tippreżenta ċerti karatteristiċi partikolari. Ovvjament, il-qorti tal-aħħar istanza xorta tista’ tiddeċiedi, minkejja t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qorti inferjuri, li ma hemmx dubju raġonevoli dwar l-approċċ korrett, u li ma hemmx bżonn li tistenna bil-paċenzja d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kwistjoni, liema deċiżjoni tista’ tieħu żmien kunsiderevoli sakemm tingħata. Nista’ nifhem din il-pożizzjoni.

72.      Madankollu, hemm dubji dwar jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dmir tal-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza li jaġixxu f’kooperazzjoni sinċiera mal-Qorti tal-Ġustizzja, kif stabbilita fl-Artikolu 4(3) TFUE, tista’ xorta waħda teżiġi li qorti tal-aħħar istanza tistenna d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan għaliex, anki jekk ikun avveniment rari għal applikazzjoni sensibbli tad-duttrina ta’ acte clair li tiġi meqjusa b’mod differenti mil-Lussemburgu, dak ir-riskju ma jistax jiġi eskluż kompletament.

73.      Madankollu d-dmir ta’ kooperazzjoni sinċiera ma jipprovdix bażi legali ċara minn fejn nista’ niddeduċi tali obbligu ta’ stennija għall-eżitu tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Wara kollox, id-domanda magħmula mill-qorti inferjuri tista’, pereżempju, taqa’ manifestament barra mill-ambitu tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew tiġi ddikjarata li hija manifestament inammissibbli, pereżempju, talli ma ssodisfatx ir-rekwiżiti minimi stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura. It-tilwima tista’ wkoll tiġi tranżatta bi ftehim waqt il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, ir-rekwiżit li qorti tal-aħħar istanza tissospendi l-proċeduri għandu mnejn, b’mod ċar, jikkomprometti l-effiċjenza proċedurali kif ukoll l-amministrazzjoni tal-ġustizzja mingħajr dewmien. Madankollu, ma neskludix, fid-dawl tas-sentenza fil-Kawża Köbler, il-possibbiltà li jista’, xi kultant, ikun għaqli li wieħed jistenna s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

IV – Konklużjoni

74.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi rrinvijati mill-Gerechtshof te ’s-Hertogenbosch u mill-Hoge Raad (il-Pajjiżi l-Baxxi):

–        F’ċirkustanzi fejn l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jkunu ħarġu ċertifikat E 101 lil persuna assigurata li jindika l-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali ta’ dak l-Istat Membru bħala applikabbli għal dik il-persuna, iżda fejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali applikabbli għandha tiġi kkoordinata bil-Ftehim dwar is-sigurtà soċjali għall-baħħara tax-xmara Rhein, tas-27 ta’ Lulju 1950, rivedut fit-13 ta’ Frar 1961, u sussegwentement rivedut fit-30 ta’ Novembru 1979 (kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qrati tar-rinviju), l-Artikolu 7(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeżiġix li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor jirrikonoxxu dak iċ-ċertifikat.

–        Qorti nazzjonali tal-aħħar istanza li tieħu l-pożizzjoni li l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni għal kwistjoni li fuqha ġiet mitluba tiddeċiedi hija tant ovvja li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli ma hijiex meħtieġa, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, li tirrinvija domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari sempliċement għar-raġuni li qorti inferjuri tal-istess Stat Membru tkun talbet li tingħata deċiżjoni preliminari fuq l-istess punt ta’ dritt tal-Unjoni.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Regolament tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35).


3 – Ftehim dwar is-sigurtà soċjali għall-baħħara tax-xmara Rhein, bid-data tas-27 ta’ Lulju 1950, rivedut fit-13 ta’ Frar 1961, u sussegwentement rivedut fit-30 ta’ Novembru 1979.


4 – Id-digriet tar-rinviju fil-Każ C-72/14 jirreferi kemm għal entità “AAA” kif ukoll “AAAA”; dan jidher li huwa sempliċi żball.


5 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Elchinov vs Natsionalna zdravnoosiguritelna kasa, C-173/09, EU:C:2010:581, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata.


6 – Ara, inter alia, is-sentenza Caisse régionale de sécurité sociale du nord de la France vs Achille Torrekens, 28/68, EU:C:1969:17, punt 6; ara s-sentenza Raad van Arbeid vs P.B. Brusse, 101/83, EU:C:1984:187, punt 11. Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li X u T.A. van Dijk huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Lussemburgu, irrispettivament minn jekk din l-evalwazzjoni hijiex ibbażata fuq il-Ftehimiet tar-Rhein jew fuq ir-Regolament Nru 1408/71.


7 – Il-Gerechtshof te ’s-Hertogenbosch hija tal-fehma li X huwa baħħar tax-xmara Rhein. Il-Hoge Raad ma tagħtix indikazzjoni tal-fehma tagħha fir-rigward ta’ T.A. van Dijk.


8 – Ara s-sentenza Vasiliki Balazs vs Casa Judeţeană de Pensii Cluj u Casa Judeţeană de Pensii Cluj vs Attila Balazs, C-401/13 u C-432/13, EU:C:2015:26, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata.


9 – Ara s-sentenza fil-Kawża Albert Hoorn vs Landesversicherungsanstalt Westfalen (C-305/92, EU:C:1994:175, punt 10).


10 – L-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprevedi li, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6, “ċerti dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet dwar is-sigurtà soċjali konklużi mill-Istati Membri qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kemm-il darba jkunu iktar favorevoli għall-benefiċjarji jew jekk jinħolqu minn ċirkostanzi storiċi speċifiċi u l-effett tagħhom hu limitat fiż-żmien jekk dawn id-dispożizzjonijiet huma elenkati fl-Anness III”, għandhom ikomplu japplikaw.


11 – Ara, inter alia, is-sentenzi Walder vs Sociale Verzekeringsbank, 82/72, EU:C:1973:62; Rönfeldt vs Bundesversicherungsanstalt für Angestellte, C-227/89, EU:C:1991:52; Hoorn vs Landesversicherungsanstalt Westfalen, C-305/92, EU:C:1994:175; Thévenon u Stadt Speyer - Sozialamt vs Landesversicherungsanstalt Rheinland-Pfalz, C-475/93, EU:C:1995:371; Naranjo Arjona et vs Instituto Nacional de la Seguridad Social et, C-31/96 sa C-33/96, EU:C:1997:475; Gómez Rodríguez vs Landesversicherungsanstalt Rheinprovinz, C-113/96, EU:C:1998:203; Thelen, C-75/99, EU:C:2000:608; Kaske, C-277/99, EU:C:2002:74; Martínez Domínguez et, C-471/99, EU:C:2002:523; Habelt et, C-396/05, C-419/05 u C-450/05, EU:C:2007:810; Landtová, C-399/09, EU:C:2011:415; Wencel, C-589/10, EU:C:2013:303; u Balazs u Casa Judeţeană de Pensii Cluj, C-401/13 u C-432/13, EU:C:2015:26.


12 – C-23/92, EU:C:1993:339, punti 23 sa 25.


13 – Ibid (punt 25) (enfasi miżjuda minni). Ara wkoll Walder vs Soziale Verzekeringsbank, 82/72, EU:C:1973:62, punti 6 u 9.


14 – 187/73, EU:C:1974:57.


15 – Ibid, punti 18 sa 21, ikkonfermat fis-sentenza Frascogna vs Caisse des dépôts u consignations, 157/84, EU:C:1985:243, punt 13.


16 – 28/68, EU:C:1969:17.


17 – Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3, tal-25 ta’ Settembru 1958, dwar is-sigurtà soċjali ta’ ħaddiema migranti (ĠU 1964, p. 561).


18 – Miftuħa għall-firma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU L 266, p. 1).


19 – Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6).


20 – Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72; rettifika ĠU L 200, p. 1). Dan ir-regolament irrevoka u ssostitwixxa r-Regolament Nru 1408/71 b’effett mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 (l-1 ta’ Mejju 2010).


21 – Ftehim ta’ Deroga, tat-23 ta’ Diċembru 2010, dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-baħħara tax-xmara Rhein, adottat skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 883/2004.


22 – Fis-sentenza Brusse, 101/83, EU:C:1984:187, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ħaddiem kellu drittijiet skont ir-Regolament Nru 1408/71 fir-rigward ta’ ftehim bilaterali konkluż skont l-Artikolu 17 tiegħu.


23 – C-202/97, EU:C:2000:75.


24 – Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83).


25 – C-202/97, EU:C:2000:75.


26 – C-202/97, EU:C:2000:75.


27 – Ara s-sentenzi Banks et, C-178/97, EU:C:2000:169; Herbosch Kiere, C-2/05, EU:C:2006:69; u Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe, C-115/11, EU:C:2012:606.


28 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Bouman, C-114/13, EU:C:2015:81, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata.


29 – Ara, inter alia, FTS, C-202/97, EU:C:2000:75, punt 53.


30 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bouman, C-114/13, EU:C:2015:81, punti 25 sa 27. F’dak il-każ, il-Kummissjoni sostniet ukoll mingħajr suċċess li d-dokument inkwistjoni kellu effett vinkolanti; ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar f’Bouman, C-114/13, EU:C:2014:123, punt 28. Ara wkoll is-sentenza Adanez-Vega, C-372/02, EU:C:2004:705, punt 48, ara l-punt 36.


31 – Ovvjament, din id-dikjarazzjoni ma tistax tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, ninnota li ċ-Ċentru Amministrattiv għas-Sigurtà Soċjali tal-Baħħara tax-xmara Rhein ħareġ ċerti formoli standard taħt ir-reġim stabbilit skont il-Ftehimiet tar-Rhein. Dawn il-formoli huma annessi, inter alia, mar-Riżoluzzjoni Nru 2 tat-2 ta’ Marzu 1989; Riżoluzzjoni Nru 3 tat-13 ta’ Ottubru 1989; u Nru 5 tas-27 ta’ Marzu 1990 (issostitwita bir-Riżoluzzjoni Nru 7 tas-26 ta’ Ġunju 2007). Dawn il-formoli u riżoluzzjonijiet jistgħu jitniżżlu mis-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni tax-xmara Rhein (http://www.ccr-zkr.org).


32 – Sentenza Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punt 16.


33 – Ara, inter alia, is-sentenzi Hoffmann-La Roche vs Centrafarm, 107/76, EU:C:1977:89, punt 5, u Pedro IV Servicios, C-260/07, EU:C:2009:215, punt 32.


34 – Kawża 283/81, EU:C:1982:335.


35 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Parfums Christian Dior vs Evora, C-337/95, EU:C:1997:517, punt 25, u l-Konklużjonijiet 1/09, EU:C:2011:123, punti 84 u 85.


36 – Li huma, skont il-Qorti tal-Ġustizzja: diversità lingwistika fit-testi legali; l-użu ta’ terminoloġija speċjali; u metodi partikolari ta’ interpretazzjoni; ara Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punti 16 sa 20.


37 – Ara Rasmussen, H., “The European Court’s Acte Clair Strategy in C.I.L.F.I.T. Or: Acte Clair, of Course! But What does it Mean?”, 9 EL Rev. (1984), p. 242 u 243.


38 – 283/81, EU:C:1982:335.


39 – Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-Kawża Intermodal Transports, C-495/03, EU:C:2005:215, punt 84. L-ex Imħallef Edward uża l-espressjoni “mhux ideali”; ara Edward, D., “CILFIT and Foto-Frost in their Historical and Procedural Context”, f’Maduro, M., u Azoulai, L. (eds.): The Past and Future of EU Law. The Classics of EU Law Revisited on the 50th Anniversary of the Rome Treaty 2010, Hart, 2010, p. 179.


40 – Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża Wiener SI, C-338/95, EU:C:1997:352 u, b’mod partikolari, il-punti 18 sa 21.


41 – Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-Kawża Gaston Schul Douane-expediteur, C-461/03, EU:C:2005:415, punti 2 sa 4.


42 – Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-Kawża Lyckeskog, C-99/00, EU:C:2002:108, punti 60 sa 76 u, b’mod partikolari, il-punt 65.


43 – 283/81, EU:C:1982:335.


44 – 28/62 sa 30/62, EU:C:1963:6, p. 38.


45 – Fil-Kawża Hoffmann-Laroche, 107/76, EU:C:1977:89, punti 5 u 6, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-obbligu li jsir rinviju ta’ domanda għal deċiżjoni preliminari ma japplikax għal qorti tal-aħħar istanza fi proċeduri interlokutorji, sakemm il-partijiet ikunu jistgħu jittranżiġu l-kawża fuq il-mertu u sakemm ikun jista’ jsir rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-mori tal-kawża. Ara wkoll is-sentenza Morson u Jhanjan, 35/82 u 36/82, EU:C:1982:368, punti 9 u 10.


46 – Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Capotorti fil-Kawża Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:267, u, b’mod partikolari, il-punt 4.


47 – Madankollu, għandha tissemma wkoll is-sentenza fil-Kawża Parfums Christian Dior, C-337/95, EU:C:1997:517, punt 30. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li qorti nazzjonali tal-aħħar istanza li hija meħtieġa, skont il-liġi internazzjonali, li tirrinvija domanda ta’ interpretazzjoni legali lil qorti mwaqqfa għal dak l-iskop (in casu l-Qorti tal-Benelux), hija meħlusa mid-dmir tagħha li tirrinvija domanda għal deċiżjoni preliminari skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, sakemm il-qorti internazzjonali nnifisha tkun obbligata li tirrinvija domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja skont din id-dispożizzjoni u fil-fatt tagħmel dan.


48 – C-495/03, EU:C:2005:552, punt 35.


49 – Ara s-sentenza fil-Kawża Gaston Schul Douane-expediteur, C-461/03, EU:C:2005:742, punt 19.


50 – Ara Lenaerts, K., Maselis, I., u Gutman, K. (Nowak, J., ed.): EU Procedural Law, l-ewwel edizzjoni, Oxford, 2014, p. 102, fejn ġiet iċċitata risposta mogħtija mill-President tal-Kummissjoni Thorn fil-25 ta’ Lulju 1983 għal domanda parlamentari (ĠU C 268, p. 25), u l-kawża dwar ksur magħrufa sew imressqa mill-Kummissjoni kontra r-Renju tal-Isvezja dwar in-nuqqas tal-Högsta Domstolen (Qorti Suprema, l-Isvezja) li tikkonforma mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE [l-opinjoni motivata 2003/2161, C(2004) 3899, 13 ta’ Ottubru 2004]. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-Kawża Lyckeskog, C-99/00, EU:C:2002:108, punt 65.


51 – C-6/90 u C-9/90, EU:C:1991:428.


52 – C-224/01, EU:C:2003:513. Din is-sentenza tirreferi b’mod espliċitu għall-obbligu li jsir rinviju skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, ara l-punt 55.


53 – Ara, impliċitament, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C-154/08, EU:C:2009:695, punti 64 sa 66 (ara wkoll il-punt 126) u, f’dan is-sens, il-Konklużjonijiet 1/09, EU:C:2011:123, punti 84 sa 87. Għal eżempju kurrenti, ara Ferreira da Silva e Brito et, C-160/14, pendenti.


54 – Il-QEDB iddikjarat, f’numru ta’ okkażjonijiet, li “fejn ma hemmx rimedju skont il-liġi nazzjonali kontra deċiżjonijiet ta’ qrati nazzjonali, li jirrifjutaw li jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tqajmet quddiemhom, huma obbligati li jagħtu r-raġunijiet għar-rifjut tagħhom fid-dawl tal-eċċezzjonijiet previsti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huma għalhekk meħtieġa jindikaw ir-raġunijiet għalfejn sabu li d-domanda hija irrilevanti, li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni diġà ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jew li l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni hija tant ovvja li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli”, ara, inter alia, Vergauwen et vs Il-Belġju (diċ.), Nru 4832/04, § 90, 10 ta’ April 2012, u l-ġurisprudenza ċċitata (traduzzjoni mhux uffiċjali).


55 – Ara, inter alia, id-deċiżjonijiet tal-House of Lords (ir-Renju Unit) fil-Kawża Regina vs London Boroughs Transport Committee [1992] 1 CMLR 5, partikolarment fi [45]; il-Qorti tal-Appell (l-Ingilterra and Wales) (ir-Renju Unit) f’Mighell vs Reading & Another [1998] EWCA Civ 1465, fi [35]; il-House of Lords fi Three Rivers DV vs Bank of England (Nru 3) [2000] 3 CMLR 205; il-Högsta Domstolen (Qorti Suprema) (l-Isvezja) fi NJA [2004] 735; il-Vestre Landsret (Qorti Għolja tal-Punent) (id-Danimarka), bħala qorti tal-aħħar istanza fi UfR [2007] 54 (revokata straordinarjament mill-Højesteret (Qorti Suprema) (id-Danimarka) fi UfR [2011] 539 wara s-sentenza fi Mickelsson and Roos, C-142/05, EU:C:2009:336); il-Qorti Suprema (ir-Renju Unit) fi The Office of Fair Trading v National plc & Others [2009] UKSC 6, b’mod partikolari fi [49]; u d-deċiżjonijiet Portugiżi fil-qalb tal-Kawża C-160/14 Ferreira da Silva e Brito et, pendenti.


56 – Il-Hoge Raad tirreferi għall-ġurisprudenza tagħha, b’mod speċifiku sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2013, Nru 12/04012, ECLI:NL:HR:2013:CA0827, fejn iddeċidiet li ma jista’ jiġi attribwit l-ebda sinjifikat lil ċertifikat E 101 maħruġ fir-rigward ta’ baħħar tax-xmara Rhein. T.A. van Dijk isemmi wkoll sentenza tal-Hoge Raad tad-9 ta’ Diċembru 2011, Nru 10/03927, ECLI:NL:HR:2011:BQ2938, b’eżitu preżubbilment simili fir-rigward ta’ ċertifikat E 101.


57 – Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-Kawża Intermodal Transports, C-495/03, EU:C:2005:215, punt 110.


58 – Konkordanti, ara Edward, D., op.cit., p. 178.


59 – Ara, b’mod partikolari, Broberg, M., u Fenger, N., Preliminary References to the European Court of Justice, tieni edizzjoni, 2014, Oxford, p. 240 sa 246.


60 – Ara s-sentenza Intermodal Transports, C-495/03, EU:C:2005:552, punt 33. Enfasi miżjuda minni.


61 – Sentenza fil-Kawża Elchinov, C-173/09, EU:C:2010:581, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata.


62 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Intermodal Transports, C-495/03, EU:C:2005:552, punt 37. Eżempji reċenti ta’ deċiżjonijiet nazzjonali wara r-rifjut ta’ qorti tal-aħħar istanza li tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja huma s-sentenza tat-3 ta’ Jannar 2014 tas-Sofiysky gradski sad (Qorti muniċipali ta’ Sofia) (il-Bulgarija) fi Pretsiz 2 EOOD vs l-Istat Bulgaru, Kawża Nru 1782/2013; is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013 tal-Ustavno sodišče Republike Slovenije (Qorti Kostituzzjonali) (is-Slovenja), ECLI:SI:USRS:2013:Up.1056.11; is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2014 tal-Alkotmánybíróság (Qorti Kostituzzjonali) (l-Ungerija), Kawża Nru 3165/2014; u d-digriet tat-28 ta’ Awwissu 2014 tal-Bundesverfassungsgericht (Qorti Kostituzzjonali) (il-Ġermanja), Kawża Nru 2 BvR 2639/09.