Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

3 ta’ Settembru 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Għajnuna mill-Istat — Determinazzjoni tal-kalkolu tal-interessi marbuta mal-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni — Interessi sempliċi jew interessi komposti — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirreferi, għall-kalkolu tal-interessi, għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 794/2004 — Deċiżjoni ta’ rkupru nnotifikata qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament”

Fil-Kawża C-89/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Novembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Frar 2014, fil-proċedura

A2A SpA

vs

Agenzia delle Entrate,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, C. Vajda, A. Rosas, E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A2A SpA, minn A. Santa Maria, G. Russo Corvace, G. Pizzonia, G. Zoppini u E. Gambaro, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. De Bellis, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Grespan u B. Stromsky, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-26 ta’ Marzu 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) u tal-Artikoli 9, 11 u 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3 u Rettifika ĠU 2004, L 286, p. 3).

2        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn A2A SpA (iktar ’il quddiem “A2A”) u l-Agenzia delle Entrate (amministrazzjoni fiskali) dwar l-irkupru, bl-interessi komposti, ta’ għajnuna mill-Istat iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni permezz tad-Deċiżjoni 2003/193/KE tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ Ġunju 2002, dwar għajnuna mill-Istat li tikkonċerna eżenzjonijiet fiskali u self b’kundizzjonijiet preferenzjali mogħtija mill-Italja lil impriżi ta’ servizzi pubbliċi li l-azzjonisti tagħhom huma, fil-parti l-kbira, pubbliċi (ĠU L 77, p. 21).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 659/1999

3        Il-premessa 13 tar-Regolament Nru 659/1999 hija redatta kif ġej:

“billi f’każijiet ta’ għajnuna llegali li m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni, għandha terġa titqajjem kompetizzjoni effettiva; billi għal dan il-għan huwa meħtieġ li l-għajnuna, li tinkludi l-imgħax, għandha tinġieb lura mingħajr dewmien; billi huwa xieraq li r-radd lura jsir f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali; billi l-applikazzjoni ta’ dawk il-proċeduri m’għandhomx, billi jipprevjenu l-esekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, timpedixxi l-qawmien mill-ġdid tal-kompetizzjoni effettiva; billi sabiex jinkiseb dan ir-riżultat, Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw l-effettività tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.”

4        L-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rkupru ta’ għajnuna”, jipprovdi:

“1.      Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (minn hawn ’l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni ta’ rkupru’). Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.

2.      L-għajnuna li ser tkun rikuperata skont deċiżjoni ta’ rkupru għandha tinkludi l-imgħax f’rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jkun pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna llegali kienet fid-disposizzjoni tal-benefiċjarju sad-data li fiha kienet irkuprata.

3.      Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej skont l-Artikolu 185 tat-Trattat [KE], ir-rkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall-esekuzzjoni mmedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-effett u fl-eventwalità ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri proviżjonali, mingħajr preġudizzju għall-liġi tal-Komunità.”

 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rati ta’ interessi applikabbli f’każ ta’ rkurpu ta’ għajnuna illegali

5        Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rati ta’ interessi applikabbli f’każ ta’ rkurpu ta’ għajnuna illegali ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-8 ta’ Mejju 2003 (ĠU 2003, C 110, p. 21) tistipula:

“[...]

Fl-ambitu tal-proċess ta’ kollaborazzjoni leali stabbilit bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri matul l-eżekuzzjoni ta’ ċerti deċiżjonijiet ta’ rkupru, qamet madankollu l-kwistjoni ta’ jekk dawn l-interessi kellhomx ikunu sempliċi jew komposti [...]. Fid-dawl tal-għan ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali u tal-importanza tiegħu fis-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat prevista mit-Trattat KE, il-Kummissjoni tqis li huwa urġenti li tiċċara l-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward.

[...]

Skont il-prattiki tas-suq, interessi sempliċi normalment jiġu kkalkolati meta l-benefiċjarju tal-fondi ma jużax l-ammont ta’ dawn l-interessi qabel it-tmiem tal-perijodu kkunsidrat, pereżempju meta l-ammont inkwistjoni jkun tħallas biss wara t-tmiem ta’ dan il-perijodu; min-naħa l-oħra, interessi komposti huma normalment ikkalkolati jekk wieħed jista’ jikkunsidra li, kull sena (jew perijodu), l-ammont tal-interessi jitħallas lill-benefiċjarju, b’mod li dan jiżdied mal-kapital li huwa inizjalment ipperċepixxa. F’dan il-każ, fil-fatt, il-benefiċjarju jikseb interessi fuq l-interessi mħallsa għal kull perijodu.

[…] Jidher konsegwentement, minkejja l-varjetà ta’ sitwazzjonijiet possibbli, li għajnuna illegali għandha bħala effett li jiġu pprovduti fondi lil benefiċjarju bl-istess kundizzjonijiet bħal self għal żmien medju mingħajr interessi. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tal-interessi komposti tidher meħtieġa sabiex taċċerta n-newtralizzazzjoni totali tal-vantaġġi finanzjarji li jirriżultaw minn din is-sitwazzjoni.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tixtieq tinforma lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati li, f’kull deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna illegali li hija tista’ tadotta fil-futur, hija ser tapplika r-rata ta’ referenza użata għall-kalkolu tal-ekwivalenti tal-għoti nett ta’ għajnuniet reġjonali fuq bażi komposta. Skont il-prattiki normali tas-suq, din il-kompożizzjoni għandha ssir fuq bażi annwali. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ser tistenna li l-Istati Membri japplikaw interessi komposti fl-eżekuzzjoni ta’ kull deċiżjoni ta’ rkupru pendenti, sakemm dan ma jkunx kuntrarju għal xi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Ir-Regolament Nru 794/2004

6        L-Artikoli 9 u 11 tar-Regolament Nru 794/2004, li jinsabu fil-Kapitolu V tiegħu, jirrigwardaw ir-rata tal-interessi applikabbli għall-irkupru ta’ għajnuna illegali.

7        Taħt it-titolu “Metodu għall-iffissar tar-rata ta’ mgħax”, l-Artikolu 9 jipprovdi:

“1.      Sakemm ma jkunx provdut mod ieħor f’deċiżjoni speċifika, ir-rata ta’ l-imgħax li għandha tintuża sabiex tiġi rkuprata l-għajnuna mill-Istat mogħtija bi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat għandha tkun rata perċentwali annwali ffissata għal kull sena kalendarja.

Din għandha tiġi kalkolata fuq il-bażi tal-medja tar-rati għal ħames snin ta’ skambju bejn banek għal Settembru, Ottubru u Novembru tas-sena li tiġi qabel, miżjuda b’75 punt bażiku. F’każijiet debitament ġustifikati, l-Kummissjoni tista’ żżid ir-rata b’aktar minn 75 punt bażiku fir-rigward ta’ Stat Membru wieħed jew aktar.

2.      Jekk il-medja tat-tlett xhur l-aktar reċenti tar-rati disponibbli għal ħames snin ta’ skambju bejn banek, miżjuda b’75 punt bażiku, tvarja b’aktar minn 15 % mir-rata fis-seħħ ta’ mgħax ta’ rkupru ta’ għajnuna ta’ l-Istat, il-Kummissjoni għandha tikkalkola mill-ġdid din imsemmija l-aħħar.

Ir-rata l-ġdida għandha tapplika mill-ewwel jum tax-xahar li jiġi wara l-kalkolu mill-ġdid mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati membri permezz ta’ ittra bil-kalkolu mill-ġdid u d-data li minnha għandu japplika.

3.      Ir-rata ta’ mgħax għandha tiġi ffissata għal kull Stat Membru individwalment, jew għal żewġ Stati Membri jew aktar flimkien.

4.      Fin-nuqqas ta’ data ta’ min jorbot fuqha jew ekwivalenti jew f’ċirkostanzi eċċezzjonali l-Kummissjoni tista’, b’ko-operazzjoni mill-qrib ma’ l-Istat/i Membri/i konċernat/i, tiffissa rata ta’ mgħax għall-irkupru ta’ għajnuna ta’ l-Istat, għal Stat Membru wieħed jew aktar, fuq il-bażi ta’ metodu differenti u fuq il-bażi ta’ informazzjoni disponibbli lilha.”

8        Taħt it-titolu “Metodu għall-applikazzjoni tal-imgħax”, l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 794/2004 jistipula fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Ir-rata ta’ mgħax għandha tiġi applikata fuq bażi kompost sad-data ta’ rkupru ta’ l-għajnuna. L-imgħax li jkiġġamma fis-sena li tiġi qabel għandu jkun suġġett għall-mgħax f’kull sena li tiġi wara.”

9        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 794/2004 jipprovdi li dan jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Peress li dan ir-regolament ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ April 2004, huwa daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Mejju 2004. Barra minn hekk, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, l-Artikolu 11 tiegħu huwa applikabbli għal kull deċiżjoni ta’ rkupru nnotifikata wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-istess regolament.

 Id-Deċiżjoni 2003/193

10      Fil-5 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/193, li ġiet innotifikata lir-Repubblika Taljana fis-7 ta’ Ġunju 2002. Fl-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji mogħtija mir-Repubblika Taljana lill-kumpanniji b’kapital azzjonarju fil-parti l-kbira pubbliku, prevista minn dan l-artikolu, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE, inkompatibbli mas-suq komuni.

11      Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni:

“L-Italja għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex titlob lill-benefiċjarji jagħtu lura l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 2 li ngħatatilhom b’mod illegali.

L-irkupru tal-għajnuna għandu jsir immedjatament, skont il-proċeduri nazzjonali, sa fejn dawn jippermettu l-eżekuzzjoni effettiva u immedjata tad-deċiżjoni.

L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata tinkludi l-interessi mid-data li fiha l-benefiċjarju rċieva l-għajnuna illegali sad-data tar-rimbors effettiv tagħha. Dawn l-interessi għandhom jiġu kkalkolati abbażi tar-rati ta’ referenza applikabbli għall-kalkolu tas-sussidju ekwivalenti tal-għajnuna reġjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt Taljan

12      L-Artikolu 1283 ta’ Kodiċi Ċivili jipprovdi:

“Fl-assenza ta’ prassi kuntrarja, l-interessi li jkunu għalqu ma jistgħux jipproduċu interessi, ħlief mill-jum li fih issir it-talba ġudizzjarja jew abbażi ta’ ftehim sussegwenti għall-għeluq tagħhom, u kemm-il darba l-interessi jkunu ilhom dovuti għall-inqas għal sitt xhur.”

13      L-Artikolu 24 tad-Digriet-Liġi Nru 185 tad-29 ta’ Novembru 2008 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet urġenti ta’ għajnuna għall-familji, għax-xogħol, għall-impjieg u għall-impriżi, u li huwa intiż sabiex jorjenta mill-ġdid il-qafas strateġiku nazzjonali għal funzjoni kontra l-kriżi (decreto-legge n. 185 – Misure urgenti per il sostegno a famiglie, lavoro, occupazione e impresa e per ridisegnare in funzione anti-crisi il quadro strategico nazionale), tad-29 ta’ Novembru 2008, li sar liġi, wara li ġie emendat, permezz tal-Liġi Nru 2, tat-28 ta’ Jannar 2009 (iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 185/2008”), bit-titolu “Implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet Ewropej dwar l-irkupru ta’ għajnuna illegali”, jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu, li:

“L-interessi previsti fil-paragrafu 2 huma ddeterminati fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tar-Regolament [...] Nru 794/2004 [...]”

14      L-Artikolu 36 ta’ dan id-Digriet-Liġi jistabbilixxi d-dħul fis-seħħ tiegħu fil-jum tal-pubblikazzjoni fil-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana. Din il-pubblikazzjoni saret fid-29 ta’ Novembru 2008.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15      A2A hija kumpannija li toriġina mill-amalgamazzjoni tal-kumpanniji ASM Brescia SpA u AEM SpA. Dawn il-kumpanniji tal-aħħar ibbenefikaw minn eżenzjoni ta’ tliet snin mit-taxxa tal-kumpanniji mogħtija mir-Repubblika Taljana favur kumpanniji b’kapital azzjonarju fil-parti l-kbira pubbliku. Fid-deċiżjoni 2003/193 tagħha, innotifikata lir-Repubblika Taljana fis-7 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni qieset li tali eżenzjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni.

16      Fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs L-Italja, (C-207/05, EU:C:2006:366, punt 54), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li peress li r-Repubblika Taljana ma ħaditx, fit-termini stabbiliti, il-miżuri neċessarji sabiex tirkupra mingħand il-benefiċjarji, l-għajnuna li ġiet iddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq komuni permezz tad-Deċiżjoni 2003/193, hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont din id-deċiżjoni.

17      Wara din is-sentenza, ir-Repubblika Taljana, sabiex tirregola l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, adottat sussegwentement l-Artikolu 1 tad-Digriet-Liġi Nru 10, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-obbligi Komunitarji u internazzjonali (decreto-legge n. 10 – Disposizioni volte a dare attuazione ad obblighi comunitari ed internazionali), tal-15 ta’ Frar 2007, li sar liġi, wara li ġie emendat, permezz tal-Liġi Nru 46 tas-6 ta’ April 2007 (iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 10/2007”), bit-titolu “Eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, fl-1 ta’ Ġunju 2006, fil-Kawża C-207/05. Implementazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/193/KE, tal-5 ta’ Ġunju 2002. Proċeduri ta’ ksur skont l-Artikolu 228 tat-Trattat KE Nru 2006/2456”, l-Artikolu 24 tad-Digriet-Liġi Nru 185/2008 u l-Artikolu 19 tad-Digriet-Liġi Nru 135, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet urġenti għall-implementazzjoni ta’ obbligi Komunitarji u għall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (decreto-legge n. 135 – Disposizioni urgenti per l’attuazione di obblighi comunitari e per l’esecuzione di sentenze della Corte di giustizia delle Comunità europee), tal-25 ta’ Settembru 2009, li sar liġi, wara li ġie emendat, permezz tal-Liġi Nru 166 tal-20 ta’ Novembru 2009.

18      L’Agenzia delle entrate bagħtet lil A2A, matul is-sena 2009, avviżi ta’ impożizzjoni ta’ taxxa sabiex tirkupra l-ammonti dovuti bħala taxxa tal-kumpanniji li ASM Brescia SpA u AEM SpA ma kinux ħallsu minħabba l-eżenzjoni mogħtija mir-Repubblika Taljana. Dawn l-avviżi ta’ impożizzjoni ta’ taxxa eżiġew il-ħlas, b’żieda mas-somma ta’ EUR 170 miljun bħala kapital, is-somma ta’ EUR 120 miljun bħala interessi kkalkolati fuq bażi komposta.

19      A2A kkontestat dawn l-avviżi ta’ impożizzjoni ta’ taxxa. Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Corte suprema di cassazione (Qorti ta’ Kassazzjoni), hija ssostni li l-Artikolu 24(4) tad-Digriet Liġi Nru 185/2008 imur kontra d-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, għall-kalkolu tal-interessi, din id-dispożizzjoni tirreferi għall-Artikoli 9 u 11 tar-Regolament Nru 794/2004, filwaqt li, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 13 tiegħu, dan ir-regolament ma huwiex applikabbli ratione temporis għad-Deċiżjoni 2003/193, peress li din ġiet innotifikata lir-Repubblika Taljana qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.

20      Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tirrileva f’dan ir-rigward, filwaqt li tirreferi għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Département du Loiret (C-295/07 P, EU:C:2008:707, punt 46), li la d-dritt tal-Unjoni u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma speċifikaw, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2003/193, li l-interessi li għandhom jiġu applikati fl-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat previsti minn din id-deċiżjoni kellhom jiġu kkalkolati fuq bażi komposta. Il-qorti tar-rinviju żżid li l-prassi tal-Kummissjoni kienet dak iż-żmien li tirreferi għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali. Madankollu, id-dritt Taljan japplika, skont l-Artikolu 1282 tal-Kodiċi Ċivili, interessi sempliċi u jaċċetta l-applikazzjoni ta’ interessi komposti fuq obbligi pekunjarji biss taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1283 tal-Kodiċi Ċivili, kundizzjonijiet li ma humiex issodisfatti fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione tistaqsi dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 24(4) tad-Digriet-Liġi Nru 185/2008, jew jekk dan jippermettix li tkun prevista l-applikazzjoni ta’ interessi komposti għall-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat, meta d-deċiżjoni tal-irkupru inkwistjoni ġiet innotifikata qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 794/20004.

22      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

“L-Artikolu 14 tar-[Regolament Nru 659/1999], u l-Artikoli 9, 11 u 13 tar-[Regolament Nru 794/2004] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi, fir-rigward tal-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat sussegwentement għal deċiżjoni tal-Kummissjoni nnotifikata fis-7 ta’ Ġunju 2002, li l-interessi għandhom jiġu ddeterminati abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tar-Regolament Nru 794/2004 (u b’mod partikolari tal-Artikoli 9 u 11 tiegħu), billi għalhekk tiġi applikata rata ta’ interessi bbażata fuq is-sistema tal-interessi komposti?”

 Fuq id-domanda preliminari

23      Permezz tad-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament Nru 794/2004, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 24(4) tad-Digriet Liġi Nru 185/2008, li tipprevedi, permezz ta’ riferiment għar-Regolament Nru 794/2004, l-applikazzjoni ta’ interessi komposti għall-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, meta d-deċiżjoni li ddikjarat lil din l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u ordnat l-irkupru ġiet adottata u nnotifikata lill-Istat Membru kkonċernat qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.

24      B’mod preliminari, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirreferi mhux biss għall-Artikolu 24(4) tad-Digriet-Liġi Nru 185/2008, iżda wkoll għall-Artikolu 1 tad-Digriet-Liġi Nru 10/2007 kif ukoll għall-Artikolu 19 tad-Digriet Liġi Nru 135, tal-25 ta’ Settembru 2009, imsemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għal dak li jirrigwarda l-każ inkwistjoni tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 1(3) tad-Digriet-Liġi Nru 10/2007 tal-15 ta’ Frar 2007 u l-Artikolu 24(4) tad-Digriet-Liġi Nru 185/2008 huma redatti f’termini identiċi.

25      It-talba għal deċiżjoni preliminari ma tindikax b’mod ċar liema minn dawn id-dispożizzjonijiet hija applikabbli għall-każ inkwistjoni tal-kawża prinċipali. Hija sempliċement tosserva li d-deċiżjoni li hija s-suġġett tat-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li “l-kalkolu tal-interessi fuq bażi komposta huwa korrett, sa fejn dan isir skont l-Artikolu 24(4) tad-Digriet-Liġi Nru 185/2008”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa xieraq li wieħed jitlaq mill-ipoteżi li din id-dispożizzjoni tal-aħħar hija applikabbli għall-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u dan huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevverifka.

26      Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva dwar għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju. L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata skont deċiżjoni ta’ rkupru għandha tinkludi, konformement mal-Artikolu 14(2) ta’ dan ir-regolament, l-interessi. Madankollu, din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma tippreċiżax jekk dawn l-interessi għandhomx jiġu applikati fuq bażi sempliċi jew fuq bażi komposta.

27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, għalkemm l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 794/2004 jipprovdi li r-rata tal-interessi hija applikata fuq bażi komposta sad-data tal-irkupru tal-għajnuna u li l-interessi akkumulati għal sena jipproduċu interessi f’kull sena sussegwenti, hemm madankollu lok li jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni hija, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, applikabbli biss għad-deċiżjonijiet ta’ rkupru nnotifikati wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, jiġifieri wara l-20 ta’ Mejju 2004.

28      Għalhekk, ladarba d-Deċiżjoni 2003/193, li ddikjarat inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna suġġetta għal irkupru fil-kawża prinċipali, ġiet innotifikata lir-Repubblika Taljana fis-7 ta’ Ġunju 2002, jiġifieri qabel il-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 794/2004, l-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament ma huwiex, bħala tali, applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali.

29      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni ta’ liema leġiżlazzjoni kienet applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 794/2004 sabiex jiġi ddeterminat jekk l-interessi kellhomx ikunu sempliċi jew komposti, għandu jitfakkar li, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Département du Loiret (C-295/07 P, EU:C:2008:707, punt 46), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, jiġifieri fit-12 ta’ Lulju 2000, la d-dritt Komunitarju u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali ma kienu jispeċifikaw jekk l-interessi li għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandha tinkludi kellhomx ikunu kkalkolati fuq bażi sempliċi jew fuq bażi komposta. Fl-assenza ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-prassi tal-Kummissjoni, deskritta fid-dettall b’mod partikolari fl-ittra tagħha lill-Istati Membri SG (91) D/4577, tal-4 ta’ Marzu 1991, torbot il-kwistjoni tal-impożizzjoni tal-interessi mar-regoli proċedurali tal-irkupru u tirreferi, f’dan ir-rigward, għad-dritt nazzjonali (sentenza Il-Kummissjoni vs Département du Loiret, C-295/07, EU:C:2008:707, punti 82 sa 84).

30      Huwa biss fil-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-rati tal-interessi applikabbli fil-każ tal-irkupru ta’ għajnuna illegali ppubblikata fit-8 ta’ Mejju 2003 li l-Kummissjoni stipulat espressament li hija kienet ser tapplika rata tal-interessi komposta f’kull deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna illegali li hija setgħet tadotta fil-futur (sentenza Il-Kummissjoni vs Département du Loiret, C-295/07, EU:C:2008:707, punt 46) u li hija kienet tistenna li l-Istati Membri japplikaw interessi komposti fl-eżekuzzjoni ta’ kull deċiżjoni ta’ rkupru.

31      Fir-rigward tad-Deċiżjoni 2003/193, din teżiġi, fl-Artikolu 3(2) tagħha, li l-irkupru tal-għajnuna għandu jsir immedjatament, konformement mal-proċeduri nazzjonali, mingħajr madankollu ma’ tipprovdi indikazzjoni supplimentari fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk dawn l-interessi għandhomx jiġu applikati fuq bażi sempliċi jew fuq bażi komposta.

32      Peress li din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lir-Repubblika Taljana fis-7 ta’ Ġunju 2002, jiġifieri qabel il-bdil tal-prassi tal-Kummissjoni indikat fil-komunikazzjoni tagħha dwar ir-rati tal-interessi applikabbli fil-każ tal-irkupru ta’ għajnuna illegali, għandu jiġi konkluż, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Département du Loiret (C-295/07, EU:C:2008:707), li huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina jekk, fil-każ partikolari, ir-rata tal-interessi kellhiex tiġi applikata fuq bażi sempliċi jew fuq bażi komposta.

33      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, li l-kliem tal-Artikolu 24(4) tad-Digriet-Liġi Nru 185/2008 jirreferi biss għall-Kapitolu V tar-Regolament Nru 794/2004, u mhux għall-Kapitolu VI tiegħu, li jinkludi d-dispożizzjoni tranżitorja tal-Artikolu 13, b’mod li dan ir-riferiment ma huwiex suġġett, mid-dritt nazzjonali, għal-limitazzjoni ratione temporis stipulata f’dan l-artikolu.

34      L-Artikolu 24(4) tad-Digriet-Liġi Nru 185/2008, kif interpretat mill-qorti tar-rinviju, ma jistax jitqies li huwa kuntrarju għall-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 794/2004. Fil-fatt, minkejja li dan l-artikolu tal-aħħar jiddetermina, fl-ewwel paragrafu tiegħu, id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament u jispeċifika, fil-ħames paragrafu tiegħu, li l-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda l-kalkolu tal-interessi fuq bażi komposta, huwa applikabbli biss għad-deċiżjonijiet ta’ rkupru nnotifikati wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-istess regolament, xorta waħda ma jistax jiġi dedott minn tali limitazzjoni tal-applikabbiltà ratione temporis tar-Regolament Nru 794/2004 prinċipju li jipprojbixxi lill-Istati Membri, unikament kompetenti, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2003/193, sabiex jiddeterminaw il-bażi tal-kalkolu tal-interessi, milli jilleġiżlaw f’sens pjuttost milli ieħor. Għalhekk, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 794/2004 ma jintroduċix regola ta’ nuqqas ta’ retroattività applikabbli għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 794/2004.

35      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li d-Digriet-Liġi Nru 185/2008, sa fejn jirregola l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-interessi li għandhom jiġu previsti sabiex tiġi rkuprata għajnuna mill-Istat iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, huwa intiż b’mod partikolari sabiex jimplementa l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2003/193. B’hekk, dan jimplementa l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999. Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li meta l-Istati Membri jadottaw miżuri li permezz tagħhom huma jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, huma marbuta li josservaw il-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt (sentenza Ålands Vindkraft, C-573/12, EU:C:2014:2037, punt 125).

36      Fost dawn il-prinċipji ġenerali hemm, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

37      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, minkejja li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li regolament jiġi applikat retroattivament, jiġifieri għal sitwazzjoni li tkun seħħet qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, u dan indipendentement mill-effetti favorevoli jew sfavorevoli li tali applikazzjoni jista’ jkollha għall-parti kkonċernata, l-istess prinċipju jeżiġi li kull sitwazzjoni ta’ fatt tiġi normalment, u mingħajr indikazzjoni espressa kuntrarja, evalwata fid-dawl tar-regoli ta’ dritt li huma kontemporanji għaliha. Madankollu, jekk il-liġi ġdida hija b’hekk applikabbli biss għall-futur, din għandha tapplika wkoll, ħlief fil-każ ta’ deroga, għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nħolqu taħt il-liġi antika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bavaria, C-120/08, EU:C:2010:798, punti 40, 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Bl-istess mod, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi estiż b’mod li jimpedixxi, b’mod ġenerali, leġiżlazzjoni ġdida milli tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li oriġinaw taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti (sentenza Stadt Papenburg, C-226/08, EU:C:2010:10, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-applikazzjoni ta’ interessi komposti ġiet introdotta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali prevista fil-punti 24 u 25 ta’ din is-sentenza. Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, id-dritt Taljan kien japplika, konformement mal-Artikolu 1282 tal-Kodiċi Ċivili, interessi sempliċi.

40      Billi jipprevedi l-applikazzjoni ta’ interessi komposti għall-irkupru ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni permezz tad-Deċiżjoni 2003/193, id-Digriet-Liġi Nru 185/2008 ma joħloq ebda effett retroattiv, iżda sempliċement japplika leġiżlazzjoni ġdida għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li oriġinaw taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti.

41      Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 36 ta’ dan id-digriet-liġi jistabbilixxi d-dħul fis-seħħ tiegħu għall-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana, jiġifieri fid-29 ta’ Novembru 2008, b’tali mod li d-digriet-liġi ma daħalx fis-seħħ qabel id-data tal-pubblikazzjoni tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-avviżi ta’ impożizzjoni ta’ taxxa, li jipprevedu l-applikazzjoni ta’ interessi fuq bażi komposta ġew innotifikati lil A2A wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet-liġi. Peress li l-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma ġietx irkuprata u lanqas ma ġiet suġġetta għal avviż ta’ impożizzjoni ta’ taxxa fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet-liġi, dan tal-aħħar ma jistax jitqies li jaffettwa sitwazzjoni li seħħet qabel.

42      Barra minn hekk, fid-dawl tat-terminu twil li għadda bejn l-adozzjoni, fil-5 ta’ Ġunju 2002, tad-Deċiżjoni 2003/193, li permezz tagħha l-Kummissjoni talbet l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat fil-kawża prinċipali, u l-ħruġ, matul is-sena 2009, tal-avviż ta’ impożizzjoni ta’ taxxa intiż sabiex jiżgura l-irkupru effettiv ta’ din l-għajnuna mill-Istat, hemm lok li jitqies li l-applikazzjoni ta’ interessi komposti tikkostitwixxi mezz partikolarment xieraq sabiex wieħed jasal biex jinnewtralizza l-vantaġġ kompetittiv mogħti illegalment lill-impriżi benefiċjarji ta’ din l-għajnuna mill-Istat.

43      Konsegwentement, il-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħad-Digriet-Liġi Nru 185/2008 inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

44      Fir-rigward, fl-aħħar lok, tal-kwistjoni, imqajma minn A2A fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, dwar jekk id-Digriet-Liġi Nru 185/2008 jmurx kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma hemmx lok li jiġu eżaminati kwistjonijiet oħra sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-partijiet tal-kawża prinċipali li ma humiex dawk li huma s-suġġett tad-deċiżjoni tar-rinviju tal-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kersbergen-Lap u Dams-Schipper, C-154/05, EU:C:2006:449, punti 21 u 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45      Issa, huwa paċifiku li, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ma qajmitx din il-kwistjoni.

46      Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma għandha informazzjoni li tippermettilha li tivverifika jekk A2A tridx tinvoka l-benefiċċju ta’ prassi deċiżjonali nazzjonali li tista’ tkun ta’ ostakolu fir-rigward tal-legalità. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi rrikonċiljat mal-osservanza tal-legalità, li skontu ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu stess, illegalità mwettqa favur persuna oħra (sentenza The Rank Group, C-259/10 u C-260/10, EU:C:2011:719, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li teżamina l-argument imressaq minn A2A dwar il-possibbiltà ta’ differenza fit-trattament li hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, hemm lok li għad-domanda li saret tingħata r-risposta li l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 u l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament Nru 794/2004 ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 24(4) tad-Digriet-Liġi Nru 185/2008, li tipprevedi, permezz ta’ riferiment għar-Regolament Nru 794/2004, l-applikazzjoni ta’ interessi komposti għall-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat, anki jekk id-deċiżjoni li ddikjarat din l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li ordnat l-irkupru ġiet adottata u nnotifikata lill-Istat Membru kkonċernat qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE, kif ukoll l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 24(4) tad-Digriet-Liġi Nru 185 tad-29 ta’ Novembru 2008 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet urġenti ta’ għajnuna għall-familji, għax-xogħol, għall-impjieg u għall-impriżi, u li huwa intiż sabiex jorjenta mill-ġdid il-qafas strateġiku nazzjonali għal funzjoni kontra l-kriżi, li sar liġi, wara li ġie emendat, permezz tal-Liġi Nru 2 tat-28 ta’ Jannar 2009, li tipprevedi, permezz ta’ riferiment għar-Regolament Nru 794/2004, l-applikazzjoni ta’ interessi komposti għall-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat, anki jekk id-deċiżjoni li ddikjarat din l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li ordnat l-irkupru ġiet adottata u nnotifikata lill-Istat Membru kkonċernat qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.