SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
28 ta’ April 2016 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – VAT – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Użu għall-iskopijiet tan-negozju ta’ oġġetti akkwistati ‘matul in-negozju’– Assimilazzjoni ma’ provvista mwettqa bi ħlas – Valur taxxabbli”
Fil-Kawża C-128/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Marzu 2014, fil-proċedura
Staatssecretaris van Financiën
vs
Het Oudeland Beheer BV,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, F. Biltgen, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Lulju 2015,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Het Oudeland Beheer BV, minn A. J. de Ruiter, belastingadviseur,
– għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman, C. S. Schillemans u M. Noort, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u C. Soulay, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Ottubru 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3)(b) u (7)(a) u l-Artikolu 11(A)(1)(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE, tal-10 ta’ April 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 274) (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Staatssecretaris van Financiën (segretarju tal-Istat għall-finanzi, il-Pajjiżi l-Baxxi) u Het Oudeland Beheer BV (iktar ’il quddiem “Oudeland”) dwar id-determinazzjoni tal-valur taxxabbli ta’ provvista, fis-sens tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva, imwettqa minn din il-kumpannija.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Għalkemm is-Sitt Direttiva tħassret u ġiet issostitwita, mill-1 ta’ Jannar 2007, bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1), fid-dawl tad-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din tal-aħħar tibqa’ rregolata mis-Sitt Direttiva.
4 Skont l-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva:
“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud:
1. il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali [...]”
5 L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Provvista ta’ oġġetti”, jipprovdi:
“1. ‘Provvista ta’ oġġetti’ tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà korporali.
[...]
3. Stati Membri jistgħu iqisu dawn l-affarijiet li ġejjin bħala proprjetà korporali:
[...]
(b) drittijiet in rem li jagħtu lit-titulari dritt li juża l-proprjetà immobbli;
[...]
5. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jagħtu ċertu xogħolijiet ta’ kostruzzjoni biex ikunu provvisti fis-sens ta’ paragrafu 1.
[…]
7. Stati Membri jistgħu iqisu bħala provvisti bi ħlas:
(a) l-applikazzjoni minn persuna taxxabbli għal skopijiet tan-negozju tagħha ta’ oġġetti magħmula, maħduma, estratti, ipproċessati, mixtrija jew importati matul in-negozju, fejn il-valur miżjud fuq dawn l-oġġetti, kieku kienu ġew akkwistati minn persuna oħra taxxabbli, ma tkunx deduċibbli kollha, setgħax jitnaqqas kollu;
[…]”
6 L-Artikolu 11 tas-Sitt Direttiva jipprovdi:
“A. Fit-territorju tal-pajjiż
1. L-ammont taxxabbli għandu jkun:
(a) fir-rigward ta’ provvista ta’ oġġetti u servizzi barra dawk msemmija f’(b), (ċ) u (d) isfel, dak kollox li jikkostitwixxi l-konsiderazzjoni li kien jew irid jinkiseb mill-fornitur mix-xerrej, il-klijenti jew it-tielet parti għal dawn il-provvisti inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tat-tali provvisti;
(b) fir-rigward ta’ provvisti msemmija fl-Artikolu 5(6) u (7), il-prezz tax-xiri ta’ l-oġġetti jew ta’ oġġetti simili jew, fl-assenza tal-prezz tax-xiri, il-prezz ta’ kemm jiġi [il-prezz tal-kost], determinat fiż-żmien tal-provvista;
[...]”
7 L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Eżenzjonijet fit-territorju tal-pajjiż” jipprovdi:
“B. Eżenzjonijiet oħrajn
Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kondizzjonijet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni possibbli, evitar u abbuż:
[...]
(g) il-provvista ta’ bini jew partijiet minnhom, u ta’ l-art li fuqha huma qiegħdin, kif deskritti fl-Artikolu 4(3)(a);
[...]
C. Għażliet
L-Istati Membri jistgħu iħallu lil min iħallas t-taxxa dritt għal għażla għal tassazzjoni f’każijiet ta’:
(a) kiri u aljenazzjoni ta’ proprjeta immobbli.
[...]
L-Istati Membri jistgħu jirristrinġu l-iskop ta’ dan id-dritt u għandhom jiffissaw id-dettalji ta’ l-użu tiegħu.”
8 L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Oriġini u skop tad-dritt li tnaqqas”, jipprovdi:
“1. Id-dritt li tnaqqas għandu jqum fl-istess ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir taxxabbli.
2. Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:
(a) taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew mħallsa fir-rigard ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu minn persuna taxxabbli oħra;
[...]
(ċ) taxxa fuq il-valur miżjud taħt l-Artikoli 5(7)(a) u 6 (3).
[...]
5. Fir-rigward ta’ oġġetti u servizzi li għandhom ikunu wżati minn persuna taxxabbli kemm għal transazzjonijiet koperti b’paragrafi 2 u 3, fir-rigward ta’ li t-taxxa fuq il-valur miżjud titnaqqas, u għal transazzjonijiet fir-rigward ta’ li t-taxxa fuq il-valur miżjud ma titnaqqasx, it-tali proporzjon biss tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandu jkun imnaqqas kif hu attribwit għat-transazzjonijiet ta’ qabel.
[...]”
Id-dritt Olandiż
9 L-Artikolu 3 tal-Wet op de Omzetbelasting 1968 (liġi tal-1968 dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Wet OB”), jipprovdi:
“1. Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu li huma provvisti ta’ oġġetti:
[...]
c) il-provvista ta’ proprjetajiet immobbli mill-persuna li tkun ipproduċiethom bl-eċċezzjoni tal-artijiet mhux mibnija minbarra l-artijiet għall-bini […]
[...]
h) it-tqegħid għad-dispożizzjoni, għall-iskopijiet tan-negozju tiegħu, ta’ oġġetti prodotti fl-impriża tiegħu stess, fil-każijiet fejn, kieku l-oġġetti nxtraw mingħand imprenditur, it-taxxa fuq dawn l-oġġetti ma setgħetx, jew ma setgħetx kompletament, tagħti lok għal tnaqqis; huma assimilati ma’ oġġetti prodotti mill-impriża tiegħu stess oġġetti li jiġu prodotti fuq ordni flimkien mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-materjal, inkluża l-art; huma eżenti mill-applikazzjoni ta’ din it-taqsima l-artijiet mhux mibnija minbarra l-artijiet għall-bini [...]
[...]
2. Huma kklassifikati wkoll bħala provvista ta’ oġġetti, il-kostituzzjoni, it-trasferiment, il-modifika, ir-rinunzja jew ir-rexissjoni ta’ drittijiet li għalihom huma suġġetti l-proprjetajiet immobbli, bl-eċċezzjoni tal-ipoteki u tal-kirjiet ta’ artijiet, ħlief jekk il-korrispettiv, flimkien mat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, ikun inqas mill-valur ekonomiku ta’ dawn id-drittijiet. Il-valur ekonomiku għandu jkun tal-inqas il-prezz tal-kost, inkluża l-VAT, tal-proprjetà immobbli li għaliha jirreferi d-dritt, kif kien ikun fil-mument tal-kostituzzjoni ta’ dan id-dritt minn terz indipendenti”.
10 L-Artikolu 8(3) u (5) tal-Wet OB jipprovdi:
“3. Fir-rigward tal-provvisti bħal dawk previsti fl-Artikolu 3(1)(g) u (h) u fl-Artikolu 3a(1), il-korrispettiv għandu jkun l-ammont, bl-esklużjoni tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, li kien ikollu jitħallas għal dawn l-oġġetti, li kieku, fil-mument tal-provvista, dawn l-oġġetti ġew akkwistati jew prodotti fil-kundizzjoni li jkunu fiha f’dak il-mument.
[...]
5. Digriet ta’ portata ġenerali jista’ jiddetermina sa fejn:
[...]
b) spejjeż relatati mal-proprjetà suġġetta għal kirjiet ta’ artijiet, għal dritt ta’ enfitewsi, għal dritt ta’ superfiċi, għal servitù, għal appartamenti, għal drittijiet ta’ affiljazzjoni f’kumpannija tal-proprjetà immobbli (lidmaatschapsrechten) u għal drittijiet oħra simili, jifformaw parti mill-korrispettiv.
[...]”
11 L-Artikolu 5 tal-Uitvoeringsbesluit omzetbelasting 1968 (digriet ta’ implementazzjoni tal-liġi tal-1968 dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, iktar ’il quddiem id-“digriet ta’ implementazzjoni”) jipprovdi:
“1. Għall-kostituzzjoni, trasferiment, modifika, rinunzja jew rexissjoni ta’ dritt ta’ enfitewsi, ta’ dritt ta’ superfiċi jew ta’ servitù, il-valur taċ-ċens, tar-remunerazzjoni jew tal-kera jifforma parti mill-korrispettiv, bil-kundizzjoni li ma jistax ikun ogħla mill-valur ekonomiku tal-proprjetà li għaliha jirreferi d-dritt. Il-valur ekonomiku għandu jinkludi tal-inqas il-prezz tal-kost, inkluża t-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, tal-proprjetà immobbli li għaliha jirreferi d-dritt, kif jirriżulta mill-produzzjoni minn terz indipendenti fil-mument tat-tranżazzjoni.
[...]
5. Il-valur ta’ ċens, ta’ remunerazzjoni ta’ kera jew ta’ kumpens għandu jiġi ddeterminat skont l-Anness A ta’ dan id-digriet.
[...]”
12 L-Anness A tad-digriet ta’ implementazzjoni jistabbilixxi:
[...]
“b) Il-valur ta’ ċens, ta’ remunerazzjoni, ta’ kera jew ta’ kumpens li jiskadu wara ċertu perijodu għandu jkun l-ammont annwali mmultiplikat bin-numru ta’ snin li matulhom għandhom isiru l-ħlasijiet [...]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
13 Fit-8 ta’ Marzu 2004, Oudeland ikkonkludiet, bħala ċenswalista, konċessjoni enfitewtika li tirrigwarda porzjon art u bini ta’ uffiċċji fi stat ta’ kostruzzjoni li jinsab fuq din il-porzjon art (iktar ’il quddiem il-“bini ta’ uffiċċji kkonċernat”), inkambju għall-ħlas ta’ korrispettiv dovut kull sena bil-quddiem (iktar ’il quddiem iċ-“ċens annwu”). It-tul ta’ din il-konċessjoni enfitewtika ġie stabbilit għal 20 sena u l-ammont ta’ ċens annwu kien ta’ EUR 330 000.
14 Skont l-Artikolu 3(2) tal-Wet OB, li huwa dispożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 5(3)(b) tas-Sitt Direttiva, il-kostituzzjoni ta’ dritt ta’ enfitewsi ġiet assimilata mal-provvista ta’ proprjetà immobbli għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u għalhekk ġiet suġġetta għal din it-taxxa. Skont l-Artikolu 8(5)(b) ta’ din il-liġi, moqri flimkien mal-Artikolu 5(5) tad-digriet ta’ implementazzjoni, il-valur taxxabbli ta’ provvista bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludi l-valur tad-dritt ta’ enfitewsi, ikkalkolat skont l-Anness A(b) tad-digriet ta’ implementazzjoni, jiġifieri l-valur ikkapitalizzat tat-totalità taċ-ċnus. F’dan il-każ, dan il-valur ġie stabbilit fl-ammont ta’ EUR 3 844 500.
15 Għalhekk, il-kostituzzjoni tad-dritt ta’ enfitewsi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet suġġetta għall-VAT. Oudeland ħallset din it-taxxa fl-ammont ta’ EUR 730 455 lill-imprenditur li miegħu hija kkonkludiet il-konċessjoni enfitewtika kkonċernata u naqqset dan l-ammont fid-dikjarazzjoni tal-VAT relattiva għax-xahar ta’ Marzu 2004.
16 Wara l-kostituzzjoni tad-dritt ta’ enfitewsi, Oudeland lestiet il-kostruzzjoni tal-bini ta’ uffiċċji kkonċernat u dan ġie kkunsinnat lilha bħala bini lest għall-użu. L-ispejjeż ta’ tlestija ta’ dan il-bini ammontaw għal EUR 1 571 749. Fuq dan l-ammont, Oudeland ħallset u immedjatament naqqset ammont ta’ EUR 298 632 bħala VAT. Waqt li kien qiegħed jitlesta l-imsemmi bini, sar dovut l-ewwel ċens u tħallas minn Oudeland.
17 Oudeland kriet il-bini ta’ uffiċċji kkonċernat mill-1 ta’ Ġunju 2004. Konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, li hija bbażata fuq l-Artikolu 13C(a) tas-Sitt Direttiva, Oudeland għażlet li tirrinunzja, fir-rigward ta’ parti minn dan il-bini u bi ftehim mal-kerrejja tiegħu, għall-eżenzjoni mill-VAT prevista għall-kiri ta’ proprjetà immobbli. Il-kiri tal-parti l-oħra mill-bini kienet eżenti mill-VAT.
18 Oudeland ikkunsidrat li l-kiri tal-bini ta’ uffiċċji kkonċernat kellu jiġi kklassifikat bħala provvista għall-iskopijiet tan-negozju tagħha ta’ oġġett prodott matul in-negozju, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(h) tal-Wet OB u tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva. Hija ħallset il-VAT għall-parti minn dan il-bini li kienet tibbenefika mill-eżenzjoni minn din it-taxxa u li għalhekk ma kinitx tagħti dritt għal tnaqqis minnha. Fid-dikjarazzjoni tagħha, Oudeland kienet stabbilixxiet il-valur taxxabbli tal-provvista inkwistjoni fil-kawża prinċipali għat-totalità tal-ispejjeż, bl-esklużjoni tal-VAT, tat-tlestija tal-kostruzzjoni, flimkien mal-ammont taċ-ċens annwu li kien diġà skada fil-mument ta’ din il-provvista.
19 L-amministrazzjoni fiskali qieset li l-valur taxxabbli li kellu jiġi aċċettat għall-kiri tal-bini ta’ uffiċċji kkonċernat kellu jkun ikkostitwit mill-ispejjeż relatati mat-tlestija tal-kostruzzjoni, flimkien mal-valur ikkapitalizzat tat-totalità taċ-ċnus. Ġie nnotifikat lil Oudeland avviż ta’ stima addizzjonali, fir-rigward tal-perijodu mill-1 sat-30 ta’ Ġunju 2004, għal ammont ekwivalenti għad-differenza bejn il-valur taxxabbli kkalkolat minn Oudeland u dak stabbilit minn din l-amministrazzjoni. Minkejja l-ilment ippreżentat minn Oudeland, dan l-avviż ta’ stima addizzjonali nżamm.
20 Peress li r-rikors ippreżentat minn Oudeland kontra d-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment tagħha ġie ddikjarat infondat permezz ta’ deċiżjoni tar-Rechtbank te ‘s-Gravenhage (qorti ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), Oudeland appellat minn din id-deċiżjoni tal-aħħar quddiem il-Gerechtshof te ‘s-Gravenhage (qorti tal-appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi).
21 Dik il-qorti tal-appell iddeċidiet li, skont l-Artikolu 8(3) tal-Wet OB, il-valur taxxabbli tal-provvisti, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(h) ta’ din il-liġi, kien jinkludi l-prezz tal-kost tal-art miżmuma minn Oudeland permezz tal-konċessjoni enfitewtika konkluża u li, f’dan ir-rigward, il-bażi kellha tkun il-valur li kellha l-art għal Oudeland fil-mument tal-provvista prevista fl-Artikolu 3(1)(h) tal-Wet OB. Barra minn hekk, skont l-imsemmija qorti, dan il-valur ma setax jiġi assimilat ma’ dak li kellha l-imsemmija art f’dak il-mument għal proprjetarju, iżda kellu jkun limitat għall-ammont taċ-ċens annwu mħallas qabel it-tlestija tal-bini ta’ uffiċċji kkonċernat.
22 Konsegwentement, il-Gerechtshof te ‘s-Gravenhage (qorti tal-appell ta’ Den Haag) annullat id-deċiżjoni tar-Rechtbank te ‘s-Gravenhage (qorti ta’ Den Haag), id-deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali li ċaħdet l-ilment ta’ Oudeland kif ukoll l-avviż ta’ stima addizzjonali nnotifikat lil din il-kumpannija.
23 Is-segretarju tal-Istat għall-finanzi ppreżenta appell ta’ kassazzjoni, quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Pajjiżi l-Baxxi) mid-deċiżjoni mogħtija fl-appell.
24 It-tilwima bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-mod kif għandu jiġi ddeterminat il-valur taxxabbli ta’ provvista, fis-sens tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva. Fil-waqt li Oudeland tqis li huma biss l-ammonti inkorsi sad-data tal-kunsinna, jiġifieri l-ammonti taċ-ċnus annwali skaduti sa dik id-data, kif ukoll l-ispejjeż ta’ tlestija tal-bini ta’ uffiċċji kkonċernat li jifformaw parti minn dan il-valur taxxabbli, is-segretarju tal-Istat għall-finanzi jibbaża ruħu, sabiex jiġi stabbilit il-valur tad-dritt ta’ enfitewsi, fuq il-valur ikkapitalizzat tat-totalità taċ-ċnus.
25 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt jekk, skont is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Gemeente Vlaardingen (C-299/11, EU:C:2012:698), għandhomx jiġu esklużi mill-valur taxxabbli elementi tal-prezz tal-kost li fuqhom tkun tħallset il-VAT, jiġifieri l-valur tad-dritt ta’ enfitewsi u l-ispejjeż ta’ tlestija tal-bini ta’ uffiċċji kkonċernat, u jekk l-istess għandux japplika meta persuna taxxabbli tkun naqqset il-VAT hekk imħallsa immedjatament u kompletament, abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali.
26 Jekk l-elementi tal-prezz tal-kost imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza għandhom jiġu inklużi fil-valur taxxabbli previst fl-Artikolu 8(3) tal-Wet OB, moqri flimkien mal-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-mod kif għandu jiġi ddeterminat dan il-valur f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ enfitewsi u, b’mod partikolari, dwar il-mod kif il-valur taċ-ċnus dovuti suċċessivament abbażi ta’ dan id-dritt jidħol fil-valur taxxabbli ta’ provvista, fis-sens tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva.
27 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) L-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prezz tax-xiri [tal-kost] tal-art jew ta’ oġġetti jew ta’ materjali oħra li fuqhom il-persuna taxxabbli ħallset il-VAT fuq ix-xiri [l-akkwist], li f’dan il-każ seħħ permezz tal-istabbiliment ta’ dritt in rem li jagħti setgħa ta’ użu fuq proprjetà immobbli, ma jaqax taħt il-valur taxxabbli ta’ provvista fis-sens tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva? Il-pożizzjoni tkun differenti jekk il-persuna taxxabbli naqqset din il-VAT fuq ix-xiri [l-akkwist] skont id-dispożizzjonijiet legali nazzjonali – sew jekk dawn huma kuntrarji, jew le, għas-Sitt Direttiva dwar dan il-punt?
2) F’każ bħal dak ineżami, fejn l-art inxtrat [ġiet akkwistata] b’bini li qiegħed jinbena permezz tal-istabbiliment ta’ dritt in rem imsemmi fl-Artikolu 5(3)(b) tas-Sitt Direttiva, l-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-valur taċ-ċens, jiġifieri l-valur tal-ammonti dovuti minn sena għal sena matul it-tul kollu, jew matul iż-żmien li jifdal, tad-dritt in rem, jaqa’ taħt il-valur taxxabbli ta’ provvista fis-sens tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
28 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-valur ta’ dritt in rem li jagħti li d-detentur tiegħu setgħa ta’ użu fuq proprjetà immobbli u l-ispejjeż ta’ tlestija tal-bini ta’ uffiċċji mibni fuq l-art ikkonċernata jistgħu jiġu inklużi fil-valur taxxabbli ta’ provvista, fis-sens tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva, meta l-persuna taxxabbli tkun diġà ħallset il-VAT relatata ma’ dan il-valur u ma’ dawn l-ispejjeż, iżda tkun ukoll naqqset din it-taxxa immedjatament u kompletament.
29 Skont l-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jqisu bħala provvisti bi ħlas l-użu minn persuna taxxabbli għall-iskopijiet tan-negozju tagħha ta’ oġġetti magħmula, maħduma, estratti, ipproċessati, mixtrija jew importati matul in-negozju, fejn il-valur miżjud fuq dawn l-oġġetti, kieku kienu ġew akkwistati minn persuna taxxabbli oħra, ma setax jitnaqqas kollu.
30 Din il-possibbiltà tippermetti lill-Istati Membri jorganizzaw il-leġiżlazzjoni fiskali tagħhom b’mod li l-impriżi li, minħabba l-fatt li jeżerċitaw attività eżenti mill-VAT, ma jkunux jistgħu jnaqqsu l-VAT li jkunu ħallsu mal-akkwist tal-oġġetti tan-negozju tagħhom, ma jiġux żvantaġġati meta mqabbla mal-kompetituri li jeżerċitaw l-istess attività permezz ta’ oġġetti li jkunu akkwistaw mingħajr ma jkunu ħallsu l-VAT billi jipproduċu dawn l-oġġetti huma stess jew, b’mod iktar ġenerali, billi jakkwistawhom matul in-negozju tagħhom (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Gemeente Vlaardingen, C-299/11, EU:C:2012:698, punt 26).
31 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-applikabbiltà tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva hija suġġetta għal tliet kundizzjonijiet kumulattivi.
32 Fl-ewwel lok, l-oġġetti kkonċernati għandhom ikunu “oġġetti magħmula, maħduma, estratti, ipproċessati [...] matul in-negozju [ta’ persuna taxxabbli]”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex il-possibbiltà ta’ assimilazzjoni ma’ provvista mwettqa bi ħlas tkun tista’ tiġi applikata b’mod li effettivament jelimina kull inugwaljanza fil-qasam tal-VAT bejn il-persuni taxxabbli li jkunu akkwistaw l-oġġetti tagħhom mingħand persuna taxxabbli oħra u dawk li jkunu akkwistawhom matul in-negozju tagħhom, l-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva jkopri mhux biss l-oġġetti magħmula, maħduma, estratti jew ipproċessati kompletament mill-impriża kkonċernata stess, iżda jkopri wkoll dawk magħmula, maħduma, estratti jew ipproċessati minn terz permezz ta’ materjal mqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu mill-imsemmija impriża, liema assimilazzjoni għandha tkun tista’ tiġi estiża għall-oġġetti kollha li jkunu tlestew jew ittejbu mit-terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Gemeente Vlaardingen, C-299/11, EU:C:2012:698, punti 27 u 28, u tal-10 ta’ Settembru 2014, Gemeente ‘s-Hertogenbosch, C-92/13, EU:C:2014:2188, punt 28).
33 Fit-tieni lok, il-persuna taxxabbli trid tkun użat dan l-oġġett għall-iskopijiet tan-negozju tagħha.
34 Fit-tielet lok, l-akkwist tal-imsemmi oġġett mingħand persuna taxxabbli oħra ma għandux jagħti lill-ewwel persuna taxxabbli dritt għal tnaqqis sħiħ tal-VAT.
35 Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, f’dan il-każ, wara li, minn naħa, akkwistat, permezz tal-konklużjoni ta’ konċessjoni enfitewtika, dritt fuq il-porzjon art ikkonċernata u fuq il-bini ta’ uffiċċji fi stat ta’ kostruzzjoni li jinsab fuq din l-art, ħallset il-VAT relatata ma’ dan l-akkwist u naqqset din it-taxxa fid-dikjarazzjoni tal-VAT tax-xahar ta’ Marzu 2004, u, min-naħa l-oħra, lestiet il-kostruzzjoni ta’ dan il-bini, ħallset il-VAT relatata mal-ispejjeż ta’ tlestija tiegħu u naqqset l-imsemmija taxxa, Oudeland kriet l-imsemmi bini ta’ uffiċċji, filwaqt li rrinunzjat biss għal parti mill-eżenzjoni mill-VAT prevista għall-kiri ta’ proprjetà immobbli.
36 Peress li l-kiri, minn Oudeland, tal-bini lest tqies li kien użu għall-iskopijiet tan-negozju ta’ oġġett akkwistat matul dan in-negozju, u peress li dan il-bini ntuża parzjalment għal finijiet li ma kinux tranżazzjonijiet taxxabbli, dan il-kiri għalhekk ġie assimilat ma’ provvista, fis-sens tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva u ġie suġġett għall-VAT.
37 Skont l-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva, il-valur taxxabbli, f’dak li jirrigwarda t-tranżazzjonijiet previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 5(7)(a) tal-imsemmija direttiva, għandu jkun “il-prezz tax-xiri ta’ l-oġġetti jew ta’ oġġetti simili jew, fl-assenza tal-prezz tax-xiri, il-prezz ta’ kemm jiġi [il-prezz tal-kost], determinat fiż-żmien tal-provvista”.
38 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li mill-imsemmi Artikolu 11A(1)(b) jirriżulta mingħajr ambigwità li huwa biss fin-nuqqas ta’ prezz tax-xiri tal-oġġetti jew ta’ oġġetti simili li l-valur taxxabbli għandu jkun il-“prezz ta’ kemm jiġi [prezz tal-kost]” (sentenza tat-23 ta’ April 2015, Property Development Company, C-16/14, EU:C:2015:265, punt 37).
39 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispjega li huwa paċifiku, f’dan il-każ, li ma hemmx prezz tax-xiri ta’ oġġett simili għall-bini ta’ uffiċċji kkonċernat. Konsegwentement, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq il-prezz tal-kost.
40 Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk elementi tal-prezz tal-kost li fuqhom tħallset il-VAT, jiġifieri l-valur tal-enfitewsi u l-ispejjeż ta’ tlestija tal-bini ta’ uffiċċji kkonċernat, għandhomx jiġu esklużi mill-valur taxxabbli, minkejja li l-persuna taxxabbli naqqset immedjatament u kompletament, abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli, il-VAT hekk imħallsa fuq il-kostituzzjoni ta’ dritt ta’ enfitewsi u fuq it-tlestija ta’ dan il-bini.
41 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-possibbiltà ta’ assimilazzjoni ma’ provvista mwettqa bi ħlas ma tistax tintuża sabiex jinġabar ammont ta’ VAT fuq il-valur tal-oġġetti li fuqu din il-persuna taxxabbli kienet diġà ħallset il-VAT fil-kuntest ta’ perijodu ta’ taxxa preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Gemeente Vlaardingen, C-299/11, EU:C:2012:698, punt 32).
42 Fil-fatt, tali tassazzjoni ripetuta tkun inkompatibbli kemm mal-karatteristika essenzjali tal-VAT, li skontha din it-taxxa tiġi applikata fuq il-valur miżjud tal-oġġetti jew tas-servizzi kkonċernati, fejn it-taxxa dovuta fil-kuntest ta’ tranżazzjoni tiġi kkalkolata wara li titnaqqas it-taxxa mħallsa fil-kuntest tat-tranżazzjoni preċedenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1992, Beaulande, C-208/91, EU:C:1992:524, punt 14; tas-17 ta’ Settembru 1997, UCAL, C-347/95, EU:C:1997:411, punt 34, u tad-29 ta’ April 2004, GIL Insurance et, C-308/01, EU:C:2004:252, punt 33), kif ukoll mal-għan tal-imsemmija possibbiltà ta’ assimilazzjoni, li għalkemm ifittex li jippermetti lill-Istati Membri jissuġġettaw għall-VAT l-użu ta’ oġġetti għall-iskopijiet ta’ attivitajiet eżenti mill-VAT, b’ebda mod ma jawtorizza lill-imsemmija Stati Membri jissuġġettaw diversi drabi l-istess parti tal-valur ta’ dawn l-oġġetti għall-VAT (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Gemeente Vlaardingen, C-299/11, EU:C:2012:698, punt 32).
43 Kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta l-VAT imħallsa fuq l-elementi tal-prezz tal-kost sussegwentement tkun tnaqqset, it-tassazzjoni li tirriżulta mill-assimilazzjoni ma’ provvista mwettqa bi ħlas ma twassalx għal tassazzjoni ripetuta tal-istess valur. Fil-fatt, huwa biss meta l-VAT relatata ma’ dawn l-elementi tibqa’ dovuta mill-persuna taxxabbli għaliex hija ma tkunx naqqsitha li l-imsemmija elementi ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-valur taxxabbli, abbażi tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva.
44 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-ebda każ, il-valur taxxabbli previst fl-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva ma jista’ jinkludi valur li fuqu l-persuna taxxabbli tkun diġà ħallset il-VAT mingħajr ma setgħet tnaqqasha sussegwentement (ara s-sentenza tat-23 ta’ April 2015, Property Development Company, C-16/14, EU:C:2015:265, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 Minn dan isegwi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-valuri li fuqhom il-persuna taxxabbli tkun diġà ħallset il-VAT, iżda tkun naqqsithom, jistgħu jiġu inklużi fil-valur taxxabbli previst fl-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva.
46 Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-valur ta’ dritt in rem li jagħti li d-detentur tiegħu setgħa ta’ użu fuq proprjetà immobbli u l-ispejjeż ta’ tlestija ta’ bini ta’ uffiċċji mibni fuq l-art ikkonċernata jistgħu jiġu inklużi fil-valur taxxabbli ta’ provvista, fis-sens tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva, meta l-persuna taxxabbli tkun diġà ħallset il-VAT relatata ma’ dan il-valur u ma’ dawn l-ispejjeż, iżda tkun ukoll naqqsitha immedjatament u kompletament.
Fuq it-tieni domanda
47 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha art u bini fi stat ta’ kostruzzjoni li jinsab fuq din l-art ikunu ġew akkwistati permezz tal-kostituzzjoni ta’ dritt in rem li jagħti lid-detentur tiegħu setgħa ta’ użu fuq din il-proprjetà immobbli, l-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-valur ta’ dan id-dritt in rem li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-valur taxxabbli ta’ provvista, fis-sens tal-Artikolu 5(7)(a) ta’ din id-direttiva, jikkorrispondi għall-valur tal-ammonti li għandhom jitħallsu bħala korrispettiv kull sena, matul it-tul kollu tal-konċessjoni enfitewtika li tistabbilixxi dan id-dritt in rem, jew għall-valur tal-ammonti li għandhom jitħallsu matul it-tul ta’ din il-konċessjoni enfitewtika li għad fadal jiddekorri.
48 Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar, kif ġie speċifikat fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza, li huwa biss fin-nuqqas ta’ prezz tax-xiri tal-oġġetti jew ta’ oġġetti simili li l-valur taxxabbli għandu jkun il-“prezz ta’ kemm jiġi [prezz tal-kost]” u li, f’dan il-każ, ma hemmx prezz tax-xiri ta’ oġġett simili għall-bini ta’ uffiċċji kkonċernat.
49 Konsegwentement, il-valur taxxabbli tal-provvista, fis-sens tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva, għandu jkun, fil-kawża prinċipali, il-prezz tal-kost.
50 Fit-tieni lok, mit-termini stess tal-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva jirriżulta li l-prezz tal-kost u l-prezz tax-xiri tal-oġġetti u ta’ oġġetti simili għandhom jiġu ddeterminati fiż-żmien tal-provvista, fis-sens tal-Artikolu 5(7)(a) ta’ din id-direttiva.
51 Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, skont id-dispożizzjoni nazzjonali li timplementa l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 5(3)(b) tas-Sitt Direttiva, il-kostituzzjoni tad-dritt ta’ enfitewsi, f’dan il-każ, ġiet assimilata ma’ provvista ta’ oġġett. F’dak li jirrigwarda l-kostituzzjoni ta’ dritt ta’ enfitewsi ta’ tul ta’ 20 sena, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli, il-korrispettiv ta’ din il-provvista huwa ddeterminat abbażi ta’ ammont annwali fiss, immultiplikat bin-numru ta’ snin li matulhom għandhom isiru l-ħlasijiet, filwaqt li s-somma hekk miksuba tiġi sussegwentement ikkorreġuta jew ikkapitalizzata fil-mument tal-kostituzzjoni ta’ dan id-dritt, skont ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. F’dan il-każ, il-kostituzzjoni ta’ dritt ta’ enfitewsi ta lok għall-ħlas, ta’ darba biss, tal-VAT fuq l-ammont totali tal-korrispettiv hekk iddeterminat.
52 Għandu jiġi speċifikat li l-modalitajiet ta’ determinazzjoni ta’ dan il-korrispettiv ma humiex is-suġġett tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, peress li l-valur tal-imsemmi korrispettiv ma huwiex ikkontestat fil-kuntest tal-kawża prinċipali.
53 Peress li mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda jirriżulta li l-ħlas tal-VAT fuq il-valur tad-dritt ta’ enfitewsi ma jimpedixxix it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-valur fil-valur taxxabbli tal-provvista, fis-sens tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva, sa fejn din it-taxxa tnaqqset immedjatament u kompletament, u peress li ma huwiex ikkontestat li l-imsemmi valur jikkostitwixxi wieħed mill-elementi tal-prezz tal-kost, għandu jiġi ddeterminat jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur sħiħ tad-dritt ta’ enfitewsi, kif isostni l-Gvern Olandiż, jew għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni parti minnu biss.
54 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-enfitewsi hija limitata fiż-żmien u li, kif issemma fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, il-valur tal-korrispettiv tal-kostituzzjoni tad-dritt ta’ enfitewsi huwa ddeterminat skont it-tul miftiehem tal-konċessjoni enfitewtika.
55 Jekk il-provvista, fis-sens tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva, isseħħ mhux fl-istess mument tal-kostituzzjoni tad-dritt ta’ enfitewsi, iżda sussegwentement, il-valur ta’ dan id-dritt li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-valur taxxabbli jikkorrispondi għall-valur residwu tiegħu fiż-żmien tal-provvista (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-17 ta’ Mejju 2001, Fischer u Brandenstein, C-322/99 u C-323/99, EU:C:2001:280, punt 80, u tat-8 ta’ Mejju 2013, Marinov, C-142/12, EU:C:2013:292, punt 32).
56 Dan il-valur residwu tad-dritt ta’ enfitewsi huwa ddeterminat skont it-tul tal-konċessjoni enfitewtika li għad fadal jiddekorri u jinkludi l-valur tal-ammonti annwali li għad iridu jitħallsu abbażi ta’ din tal-aħħar, ikkorreġuti jew ikkapitalizzati skont l-istess metodu użat sabiex jiġi ddeterminat il-valur tad-dritt ta’ enfitewsi.
57 Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan tal-possibbiltà ta’ assimilazzjoni li l-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva jagħti lill-Istati Membri, kif imfakkar fil-punt 30 ta’ din is-sentenza.
58 Fil-fatt, li kieku, fiż-żmien li fih isseħħ il-provvista, fis-sens tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva, kompetitur kellu, għat-tul tal-konċessjoni enfitewtika konkluża minn Oudeland li jkun għad fadal jiddekorri, jikkonkludi konċessjoni enfitewtika fir-rigward tal-istess proprjetà, bil-għan li l-bini ta’ uffiċċji kkonċernat jintuża għall-istess attività bħal dik imwettqa minn Oudeland, il-prezz tal-kost tad-dritt ta’ enfitewsi jkun jikkorrispondi, għal dan il-kompetitur, għall-valur ta’ dan id-dritt fiż-żmien tal-konklużjoni ta’ din il-konċessjoni u għalhekk għall-valur residwu tagħha.
59 Jekk wieħed iqis, kif jagħmel il-Gvern Olandiż, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur sħiħ tal-enfitewsi li jikkorrispondi għall-korrispettiv fiż-żmien tal-kostituzzjoni tagħha, dan iwassal sabiex jiġi injorat il-fatt, irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-valur tal-enfitewsi jonqos, ġeneralment, mal-mogħdija taż-żmien, u jwassal sabiex tiġi injorata r-regola li l-prezz tal-kost għandu jiġi ddeterminat fiż-żmien tal-provvista, fis-sens tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva.
60 Bl-istess mod, huwa minnu li l-ammonti taċ-ċnus annwali diġà skaduti jirrappreżentaw l-ammonti mħallsa minn Oudeland abbażi tad-dritt ta’ enfitewsi, iżda dawn l-ammonti ma jirrappreżentawx il-valur ta’ dan id-dritt fiż-żmien tal-provvista, fis-sens tal-Artikolu 5(7)(a) ta’ din id-direttiva.
61 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha art u bini fi stat ta’ kostruzzjoni fuq din l-art ikunu ġew akkwistati permezz tal-kostituzzjoni ta’ dritt in rem li jagħti lid-detentur tiegħu setgħa ta’ użu fuq din il-proprjetà immobbli, l-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-valur ta’ dan id-dritt in rem li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-valur taxxabbli ta’ provvista, fis-sens tal-Artikolu 5(7)(a) ta’ din id-direttiva, jikkorrispondi għall-valur tal-ammonti li għandhom jitħallsu bħala korrispettiv kull sena, matul it-tul tal-konċessjoni enfitewtika li tistabbilixxi dan id-dritt in rem li għad fadal jiddekorri, ikkorreġuti jew ikkapitalizzati skont l-istess metodu użat sabiex jiġi ddeterminat il-valur tal-kostituzzjoni tad-dritt ta’ enfitewsi.
Fuq l-ispejjeż
62 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE, tal-10 ta’ April 1995, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-valur ta’ dritt in rem li jagħti li d-detentur tiegħu setgħa ta’ użu fuq proprjetà immobbli u l-ispejjeż ta’ tlestija tal-bini ta’ uffiċċji mibni fuq l-art ikkonċernata jistgħu jiġu inklużi fil-valur taxxabbli ta’ provvista, fis-sens tal-Artikolu 5(7)(a) ta’ din id-direttiva, kif emendata, meta l-persuna taxxabbli tkun diġà ħallset it-taxxa fuq il-valur miżjud relatata ma’ dan il-valur u ma’ dawn l-ispejjeż, iżda tkun ukoll naqqsitha immedjatament u kompletament.
2) F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha art u bini fi stat ta’ kostruzzjoni fuq din l-art ikunu ġew akkwistati permezz tal-kostituzzjoni ta’ dritt in rem li jagħti lid-detentur tiegħu setgħa ta’ użu fuq din il-proprjetà immobbli, l-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata bid-Direttiva 95/7, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-valur ta’ dan id-dritt in rem li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-valur taxxabbli ta’ provvista, fis-sens tal-Artikolu 5(7)(a) tal-imsemmija direttiva, jikkorrispondi għall-valur tal-ammonti li għandhom jitħallsu bħala korrispettiv kull sena, matul it-tul tal-konċessjoni enfitewtika li tistabbilixxi dan id-dritt in rem li għad fadal jiddekorri, ikkorreġuti jew ikkapitalizzati skont l-istess metodu użat sabiex jiġi ddeterminat il-valur tal-kostituzzjoni tad-dritt ta’ enfitewsi.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.