Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

9 ta’ Lulju 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 273 u 287 – Obbligu ta’ identifikazzjoni ex officio ta’ persuna taxxabbli għall-finijiet tal-VAT – Natura taxxabbli tas-servizzi ta’ mediċina veterinarja – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża C-144/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Maramureș (ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Marzu 2014, fil-proċedura

Cabinet Medical Veterinar Dr. Tomoiagă Andrei

vs

Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Cluj Napoca prin Administrația Județeană a Finanțelor Publice Maramureș,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Cabinet Medical Veterinar Dr. Tomoiagă Andrei, minn R. D. Apan, avukat,

–        għall-Gvern Rumen, minn R.-H. Radu, D. M. Bulancea u A. G. Vacaru, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn K. Nasopoulou u I. Kotsoni, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u L. Nicolae, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll tal-Artikoli 273 u 287(18) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE, tat-22 ta’ Diċembru 2009 (ĠU 2010, L 10, p. 14, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/112”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Cabinet Medical Veterinar Dr. Tomoiagă Andrei (Klinika ta’ mediċina veterinarja ta’ Dr. Andrei Tomoiagă, iktar ’il quddiem il-“klinika veterinarja”) u d-Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Cluj Napoca prin Administrația Județeană a Finanțelor Publice Maramureș (Direttorat ġenerali reġjonali tal-finanzi pubbliċi ta’ Cluj Napoca, irrappreżentat mill-Amministrazzjoni provinċjali tal-finanzi pubbliċi ta’ Maramureș, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali”), dwar il-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) relatata ma’ kura veterinarja pprovduta bejn l-1 ta’ Ottubru 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2010.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2006/112

3        L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

[...]

(ċ)      il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

4        L-Artikolu 132(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[...]

(b)      sptar u kura medika u attivitajiet relatati mill-viċin [...];

(ċ)      il-provvediment tal-kura medika fl-eżerċizzju tal-professjonijet mediċi u paramediċi kif definiti mill-Istat Membru konċernat;

[...]”

5        Skont l-Artikolu 213(1) tal-imsemmija direttiva:

“Kull persuna taxxabbli għandha tiddikjara meta tibda, tbiddel jew twaqqaf l-attività tagħha bħala persuna taxxabbli.

[...]”

6        L-Artikolu 214(1)(a) tal-istess direttiva jaqra kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni li ġejjin huma identifikati permezz ta’ numru individwali:

(a)      kull persuna taxxabbli [...] li fit-territorju tagħhom twettaq fornimenti ta’ merkanzija jew servizzi li fir-rigward tagħhom tista’ titnaqqas il-VAT, [...]”

7        L-Artikolu 250(1) tad-Direttiva 2006/112/KE jipprovdi:

“Kull persuna taxxabbli għandha tipprezżenta denunzja tal-VAT li tistipula l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tinħadem it-taxxa li ġiet imposta u t-tnaqqis li jrid isir inkluż, sa fejn hu meħtieġ biex tkun stabbilita l-bażi tal-valutazzjoni, il-valur totali tat-transazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn it-taxxi u tnaqqis u l-valur ta’ kwalunkwe transazzjonijiet eżenti.”

8        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 ta’ din id-direttiva jaqra kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.”

9        L-Artikolu 287 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri li aderew wara l-1 ta’ Jannar 1978 jistgħu jeżentaw lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla mill-eqwivalenti f’munita nazzjonali ta’ l-ammonti li ġejjin bir-rata tal-kambju fil-ġurnata ta’ adeżjoni tagħhom:

[...]

(18)      ir-Rumanija: EUR 35 000.”

 Id-dritt Rumen

10      L-Artikolu 141 tal-Liġi Nru 571/2003 li tistabbilixxi l-Kodiċi tat-taxxi (Legea nr. 571/2003 privind Codul fiscal, Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 927 tat-23 ta’ Diċembru 2003, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-taxxi”), li jirrigwarda l-eżenzjonijiet għat-tranżazzjonijiet imwettqa ġewwa l-pajjiż, kien jipprovdi:

“(1)      It-tranżazzjonijiet li ġejjin, li huma ta’ interess ġenerali, għandhom ikunu eżenti mill-[VAT]:

a)      il-kura fi sptar, il-kura medika, inkluża dik veterinarja, u t-tranżazzjonijiet marbuta mill-qrib magħhom [...]”

11      L-Artikolu 141 tal-Kodiċi tat-taxxi, kif emendat bil-Liġi Nru 343/2006 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 662 tal-1 ta’ Awwissu 2006), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007:

“(1)      It-tranżazzjonijiet li ġejjin, li huma ta’ interess ġenerali, għandhom ikunu eżenti mit-taxxa:

a)      il-kura fi sptar, il-kura medika u t-tranżazzjonijiet marbuta mill-qrib magħhom [...]”

12      Skont l-Artikolu 152 tal-Kodiċi tat-taxxi, kif emendat bil-Liġi Nru 343/2006:

“(1)      Persuna taxxabbli stabbilita fir-Rumanija, li l-fatturat annwali tagħha, iddikjarat jew imwettaq, huwa iktar baxx mil-limitu ta’ EUR 35 000 [...] tista’ titlob l-eżenzjoni mit-taxxa, imsejħa iktar ’il quddiem l-‘iskema speċjali ta’ eżenzjoni’, għat-tranżazzjonijiet previsti fl-Artikolu 126(1) [...].

[...]

(6)      Persuna taxxabbli li tibbenefika mill-iskema speċjali ta’ eżenzjoni u li l-fatturat tagħha, kif previst fil-paragrafu 2, huwa ogħla minn jew ekwivalenti għal-limitu għall-eżenzjoni matul sena kalendarja għandha titlob li tiġi identifikata għall-finijiet tal-VAT, skont l-Artikolu 153, f’terminu ta’ għaxart ijiem mid-data li fiha jintlaħaq jew jinqabeż l-imsemmi limitu. [...] L-iskema speċjali ta’ eżenzjoni tapplika sad-data ta’ identifikazzjoni għall-finijiet tal-VAT, skont l-Artikolu 153. Jekk il-persuna taxxabbli inkwistjoni ma titlobx li tiġi identifikata jew titlob li tiġi identifikata tardivament għall-finijiet tal-VAT, l-awtoritajiet fiskali kompetenti jkollhom id-dritt li jimponu fuqha obbligi ta’ ħlas tat-taxxa u ta’ obbligi anċillari relatati, mid-data li fiha hija kellha tiġi identifikata għall-finijiet tal-VAT, skont l-Artikolu 153.

[...]”

13      L-Artikolu 153 tal-Kodiċi tat-taxxi, kif emendat bil-Liġi Nru 343/2006, jaqra kif ġej:

“(1)      Persuna taxxabbli stabbilita fir-Rumanija, [...] u li twettaq jew li għandha l-intenzjoni li twettaq attività ekonomika li tinvolvi tranżazzjonijiet taxxabbli u/jew eżenti mill-VAT bi dritt għal tnaqqis għandha titlob lill-awtorità fiskali kompetenti li tiġi identifikata għall-finijiet tal-VAT, kif ġej:

a)      qabel ma twettaq tali tranżazzjonijiet, fil-każijiet li ġejjin:

1.      jekk tiddikjara li ser ikollha fatturat ekwivalenti għal jew ogħla mil-limitu għall-eżenzjoni previst fl-Artikolu 152(1) dwar l-iskema speċjali ta’ eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar;

2.      jekk tiddikjara li ser ikollha fatturat iktar baxx mil-limitu għall-eżenzjoni previst fl-Artikolu 152(1), iżda tagħżel li tiġi applikata l-iskema normali tal-VAT;

[...]

(7)      Meta persuna obbligata titlob li tiġi identifikata, skont il-paragrafi 1, 2, 4 jew 5, ma tressaqx tali talba, l-awtoritajiet fiskali kompetenti għandhom iwettqu ex officio l-identifikazzjoni għall-finijiet tal-VAT ta’ din il-persuna.

[...]”

14      Ir-Regolament Nru 44/2004, tat-22 ta’ Jannar 2004, li japprova l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Liġi Nru 571/2003 li tistabbilixxi l-Kodiċi tat-taxxi (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 112 tas-6 ta’ Frar 2004), fil-verżjoni tiegħu li kienet fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2009, kien jipprovdi fl-Anness tiegħu:

“Modalitajiet ta’ applikazzjoni:

[...]

24.      L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 141(1)(a) tal-Kodiċi tat-taxxi:

a)      hija applikabbli għat-tranżazzjonijiet marbuta mill-qrib mal-kura fi sptar u mal-kura medika, inklużi l-kunsinna ta’ prodotti mediċinali, faxex, proteżijiet u aċċessorji tagħhom, il-kunsinna ta’ prodotti ortopediċi u prodotti simili oħra għall-pazjenti matul il-perijodu tal-kura, kif ukoll il-provvista ta’ ikel u ta’ akkomodazzjoni għall-pazjenti matul il-perijodu ta’ kura tagħhom fi sptar u ta’ kura medika;

b)      ma hijiex applikabbli għall-provvista ta’ prodotti mediċinali, faxex, proteżijiet mediċi u aċċessorji tagħhom, ta’ prodotti ortopediċi u ta’ prodotti oħra, li ma titwettaqx fil-kuntest tal-kura medika jew tal-kura fi sptar, bħall-provvista mwettqa mill-ispiżeriji, anki meta dawn tal-aħħar ikunu jinsabu fil-bini ta’ sptar jew ta’ klinika u/jew ikunu ġġestiti mill-imsemmi stabbiliment.

[...]”

15      Ir-Regolament Nru 1620/2009, tad-29 ta’ Diċembru 2009 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 927 tal-31 ta’ Diċembru 2009), issupplimenta u emenda l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Kodiċi tat-taxxi stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2004. Mill-1 ta’ Jannar 2010, dawn il-modalitajiet jipprovdu:

“Modalitajiet ta’ applikazzjoni:

24.      (1)      L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 141(1)(a) tal-Kodiċi tat-taxxi:

[...]

c)      ma hijiex applikabbli għas-servizzi mediċi veterinarji, skont is-sentenza [Il-Kummissjoni vs L-Italja (122/87, EU:C:1988:256) mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea].

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      Wara li saret verifika fiskali, l-amministrazzjoni fiskali, fix-xahar ta’ Mejju 2011, talbet mingħand il-klinika veterinarja l-ħlas tal-VAT, flimkien ma’ interessi moratorji u ma’ interessi, fir-rigward ta’ servizzi ta’ mediċina veterinarja li hija kienet ipprovdiet bejn l-1 ta’ Ottubru 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2010.

17      Il-klinika veterinarja kkontestat din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunalul Maramureș (Qorti Reġjonali ta’ Maramureș) għar-raġuni li, sal-1 ta’ Jannar 2010, il-leġiżlazzjoni Rumena kienet teżenta dawn l-attivitajiet mill-VAT jew, għall-inqas, kien jeżisti dubju f’dan ir-rigward li kien biss ir-Regolament Nru 1620/2009, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010, li ppermetta li jitneħħa.

18      Min-naħa l-oħra, l-amministrazzjoni fiskali ssostni li din l-eżenzjoni ma kinitx għadha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2007, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 343/2006 li ħassar l-inklużjoni tal-attivitajiet mediċi veterinarji mil-lista tas-servizzi eżenti mill-VAT. Barra minn hekk, din l-amministrazzjoni ssostni li r-Regolament Nru 1620/2009, fi kwalunkwe każ, ma setax jemenda regola ġuridika nazzjonali ta’ livell ogħla, jiġifieri test ta’ livell leġiżlattiv, u li dan ir-regolament sempliċement ikkjarifika s-sistema legali applikabbli.

19      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-obbligi imposti fuq l-awtoritajiet fiskali, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 u b’mod partikolari dwar il-kwistjoni jekk dan l-artikolu jimponix fuq l-amministrazzjoni fiskali li tidentifika persuna taxxabbli għall-finijiet tal-VAT ex officio, malli l-persuna kkonċernata tkun bagħtet dikjarazzjonijiet fiskali li juru li d-dħul tagħha huwa ogħla mil-limitu għall-eżenzjoni mill-VAT.

20      Dik il-qorti tistaqsi wkoll jekk il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludix li jintalab il-ħlas tal-VAT f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, fejn l-amministrazzjoni fiskali ma osservatx dan l-obbligu ta’ identifikazzjoni ex officio tal-persuna taxxabbli għall-finijiet tal-VAT u lanqas, fil-prattika, ma applikat din it-taxxa għas-servizzi ta’ mediċina veterinarja matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2010. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-assenza ta’ pubblikazzjoni bir-Rumen tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (122/87, EU:C:1988:256) matul l-istess perijodu.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Maramureș iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 273 u l-punt 18 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva [2006/112] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità fiskali nazzjonali kellha tirreġistra [tidentifika għall-finijiet tal-VAT i]l-persuna suġġetta għall-VAT u li timponi fuqha l-obbligi marbuta mat-taxxa dovuta u mal-aċċessorji ta’ din tal-aħħar, meta jinqabeż il-limitu ta’ eżenzjoni, sa mid-data li fiha l-persuna taxxabbli kienet ippreżentat quddiem l-awtorità fiskali kompetenti dikjarazzjonijiet fiskali li juru li nqabeż il-limitu ta’ eżenzjoni tal-VAT?

2)      F’każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun pożittiva, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi prattika nazzjonali li permezz tagħha l-awtorità fiskali imponiet retroattivament l-obbligu tal-ħlas tal-VAT fuq il-persuna taxxabbli minħabba l-fatt li s-servizzi mediċi veterinarji ma humiex eżentati mill-ħlas tal-VAT u li nqabeż il-limitu ta’ eżenzjoni, fejn:

–        l-awtorità fiskali ma rreġistratx [identifikatx] ex officio [għall-finijiet tal-VAT i]l-persuna suġġetta għall-VAT u ma imponietx fuq din tal-aħħar l-obbligu għall-ħlas tal-VAT fil-mument li l-persuna taxxabbli ppreżentat dikjarazzjonijiet fiskali li juru li nqabeż il-limitu ta’ eżenzjoni, iżda dan għamlitu suċċessivament, wara t-tibdil tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-kodiċi tat-taxxi permezz tar-Regolament Nru 1620/2009, fis-sens li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 141(1)(a) tal-kodiċi tat-taxxi ma huwiex applikabbli għas-servizzi mediċi veterinarji, kif jirriżulta mis-sentenza [Il-Kummissjoni vs L-Italja (122/87, EU:C:1988:256)], u għal perijodu wara [li jippreċedi] l-imsemmi tibdil;

–        l-awtorità fiskali ħadet konjizzjoni tal-fatt li nqabeż il-limitu ta’ eżenzjoni qabel it-tibdil tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-kodiċi tat-taxxi permezz tar-Regolament Nru 1620/2009, fis-sens imsemmi iktar ʼil fuq, permezz ta’ dikjarazzjonijiet fiskali ppreżentati mill-persuna taxxabbli;

–        qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1620/2009, l-awtorità fiskali ma adottatx fil-qasam tal-kompetenza tagħha – li tkopri wkoll il-persuna taxxabbli fil-kawża prinċipali – atti amministrattivi fiskali li jikkonstataw li l-persuni taxxabbli li huma veterinarji prattikanti ma ġewx irreġistrati għall-VAT [identifikati għall-finijiet tal-VAT] wara li kienu qabżu l-limitu ta’ eżenzjoni u, konsegwentement, li jimponu fuq dawn tal-aħħar obbligi ta’ ħlas, u

–        qabel l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1620/2009, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja [(122/87, EU:C:1988:256)] ma kienet bl-ebda mod ippubblikata bil-lingwa Rumena?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

22      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 jimponix fuq l-Istati Membri li jwettqu ex officio l-identifikazzjoni ta’ persuna taxxabbli bil-għan li tinġabar il-VAT unikament abbażi ta’ dikjarazzjonijiet fiskali, differenti minn dawk relatati ma’ din it-taxxa, meta dawn kienu jippermettu li jiġi kkonstatat li din il-persuna taxxabbli qabżet il-limitu għall-eżenzjoni mill-imsemmija taxxa.

23      Għandu jitfakkar, minn naħa, li, skont l-Artikolu 287(18) tad-Direttiva 2006/112, li għalih tirreferi l-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha, ir-Rumanija hija awtorizzata teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 35 000.

24      Min-naħa l-oħra, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 jispeċifika li l-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa sabiex jiżguraw il-ġbir korrett tal-VAT u sabiex ma ssirx frodi, suġġett għall-osservanza tal-ugwaljanza fit-trattament bejn tranżazzjonijiet domestiċi u tranżazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli, sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.

25      Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat minn din id-dispożizzjoni, kif ukoll mill-Artikoli 2 u 250(1) tad-Direttiva 2006/112 u mill-Artikolu 4(3) TUE, jirriżulta li kull Stat Membru għandu l-obbligu li jadotta l-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi kollha xierqa sabiex jiġi żgurat il-ġbir tal-VAT kollha dovuta fit-territorju tiegħu u sabiex tiġi miġġielda l-frodi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-132/06, EU:C:2008:412, punti 37 u 46, u Åkerberg Fransson, C-617/10, EU:C:2013:105, punt 25).

26      Minn dan jirriżulta b’mod partikolari li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jivverifikaw id-dikjarazzjonijiet tal-persuni taxxabbli, il-kontijiet ta’ dawn tal-aħħar u d-dokumenti l-oħra rilevanti kif ukoll li jikkalkolaw u li jiġbru t-taxxa dovuta (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-132/06, EU:C:2008:412, punt 37; Profaktor Kulesza, Frankowski, Jóźwiak, Orłowski, C-188/09, EU:C:2010:454, punt 21, u Enel Maritsa Iztok 3, C-107/10, EU:C:2011:298, punt 52).

27      Madankollu, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistax jiġi dedott li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jidentifikaw persuna taxxabbli għall-finijiet tal-VAT ex officio minn meta jintbagħtu dikjarazzjonijiet fiskali differenti minn dawk relatati ma’ din it-taxxa iżda li jippermettu li jiġi kkonstatat li jkun inqabeż il-limitu għall-eżenzjoni minn din tal-aħħar.

28      Fl-ewwel lok, għalkemm l-Artikolu 214(1) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli għall-finijiet tal-VAT, jibqa’ l-fatt li, skont l-Artikolu 213(1) ta’ din id-direttiva, hija l-persuna kkonċernata li għandha tiddikjara meta tibda, tbiddel jew twaqqaf l-attività tagħha bħala persuna taxxabbli. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li mill-kliem tal-Artikolu 214(1) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni meta jadottaw miżuri sabiex jiżguraw l-identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli għall-finijiet tal-VAT (ara s-sentenza Ablessio, C-527/11, EU:C:2013:168, punt 22).

29      Fit-tieni lok, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw l-osservanza tal-obbligi li huma suġġetti għalihom il-persuni taxxabbli, filwaqt li f’dan ir-rigward jibbenefikaw minn ċerta flessibbiltà f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-mod kif jużaw il-mezzi għad-dispożizzjoni tagħhom (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-132/06, EU:C:2008:412, punt 38, u Profaktor Kulesza, Frankowski, Jóźwiak, Orłowski, C-188/09, EU:C:2010:454, punt 22), bil-kundizzjoni li jiżguraw ġbir effettiv tar-riżorsi proprji tal-Unjoni u f’dan is-sens li ma joħolqux differenzi sinjifikattivi fil-mod kif jiġu ttrattati l-persuni taxxabbli, kemm fi ħdan wieħed mill-Istati Membri kif ukoll fl-Istati Membri kollha (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-132/06, EU:C:2008:412, punt 39).

30      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li għalkemm id-Direttiva 2006/112 teżiġi li l-Istati Membri jieħdu l-miżura kollha meħtieġa sabiex jidentifikaw, jekk ikun il-każ ex officio, persuna taxxabbli għall-finijiet tal-VAT, hija ma timponix fuqhom li jadottaw miżuri leġiżlattivi u amministrattivi ta’ natura li jiġi żgurat li, fil-ġestjoni tad-dikjarazzjonijiet fiskali differenti minn dawk relatati mal-VAT, tiġi vverifikata simultanjament l-osservanza tal-obbligi tal-persuna taxxabbli fir-rigward ta’ din it-taxxa, meta barra minn hekk tali dikjarazzjonijiet ma jinkludux neċessarjament id-data kollha li tista’ tiġi pprovduta fil-kuntest ta’ dikjarazzjoni tal-VAT skont l-Artikolu 250(1) tad-Direttiva 2006/112 u li hija meħtieġa sabiex tiġi stabbilita din it-taxxa.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 ma jimponix fuq l-Istati Membri li jwettqu ex officio l-identifikazzjoni ta’ persuna taxxabbli bil-għan li tinġabar il-VAT unikament abbażi ta’ dikjarazzjonijiet fiskali, differenti minn dawk relatati ma’ din it-taxxa, meta dawn kienu jippermettu li jiġi kkonstatat li din il-persuna taxxabbli qabżet il-limitu għall-eżenzjoni mill-imsemmija taxxa.

 Fuq it-tieni domanda

32      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludux li amministrazzjoni fiskali nazzjonali tiddeċiedi li servizzi ta’ mediċina veterinarja jkunu suġġetti għall-VAT f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali.

33      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandhom jiġu osservati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, iżda wkoll mill-Istati Membri fl-eżerċizzju tas-setgħat li jagħtuhom id-direttivi tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Gemeente Leusden u Holin Groep, C-487/01 u C-7/02, EU:C:2004:263, punt 57; “Goed Wonen”, C-376/02, EU:C:2005:251, punt 32, u Elmeka NE, C-181/04 sa C-183/04, EU:C:2006:563, punt 31).

34      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ ċertezza legali, kif iddeċidiet diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, minn dan jirriżulta b’mod partikolari li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha tkun ċerta u l-applikazzjoni tagħha għandha tkun prevedibbli għall-individwi, filwaqt li dan ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali japplika b’rigorożità partikolari fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li jista’ jkollha konsegwenzi finanzjarji, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom (sentenza L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, 325/85, EU:C:1987:546, punt 18).

35      Bl-istess mod, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet legali tal-Istati Membri għandhom jiġu fformulati b’mod inekwivoku li jippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom b’mod ċar u preċiż u li l-qrati nazzjonali jiżguraw li jiġu rrispettati (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, 257/86, EU:C:1988:324, punt 12).

36      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlatur Rumen ħassar ir-riferiment għall-kura veterinarja mil-lista tat-tranżazzjonijiet eżenti mill-VAT mid-data ta’ adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, l-1 ta’ Jannar 2007, filwaqt li semma f’dan ir-rigward il-ħtieġa li tiġi żgurata l-konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, saħansitra indipendentement mill-assenza ta’ pubblikazzjoni bir-Rumen tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (122/87, EU:C:1988:256) li ssemmi l-applikazzjoni ta’ din it-taxxa għas-servizzi ta’ kura veterinarja, għandu jiġi kkonstatat li sistema legali bħal dik deskritta preċedentement tidher li hija suffiċjentement ċara u prevedibbli f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-VAT għal dawn is-servizzi matul il-perijodu kkonċernat mill-fatti fil-kawża prinċipali, ħaġa li madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat b’mod partikolari li l-VAT hija applikabbli b’mod ġenerali u li huma biss it-tranżazzjonijiet li huma eżenti espressament minnha li jaqgħu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Minn dan jirriżulta li s-sempliċi tħassir ta’ tranżazzjoni mil-lista tat-tranżazzjonijiet li jibbenefikaw minn eżenzjoni huwa suffiċjenti, mill-perspettiva tar-rekwiżit ta’ ċertezza legali, sabiex tali operazzjoni tkun inkluża fost it-tranżazzjonijiet taxxabbli.

39      Huwa minnu li mill-prinċipju ta’ ċertezza legali jirriżulta wkoll li s-sitwazzjoni fiskali tal-persuna taxxabbli ma tistax titqiegħed inkwistjoni b’mod indefinittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fatorie, C-424/12, EU:C:2014:50, punt 46).

40      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jipprekludix prassi tal-awtoritajiet fiskali nazzjonali li tikkonsisti fil-fatt li, waqt it-terminu ta’ dekadenza, jirrevokaw deċiżjoni li permezz tagħha huma taw lill-persuna taxxabbli dritt għal tnaqqis tal-VAT u, wara verifika ġdida, jitolbu mingħandha l-ħlas ta’ din it-taxxa u ta’ interessi moratorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fatorie, C-424/12, EU:C:2014:50, punt 51).

41      Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-amministrazzjoni fiskali tikklassifika mill-ġdid tranżazzjoni partikolari bħala attività ekonomika suġġetta għall-VAT, waqt it-terminu ta’ preskrizzjoni, ma jistax, minnu nnifsu, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi oħra, jikser dan il-prinċipju.

42      Konsegwentement, ma jistax jiġi allegat validament li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-amministrazzjoni fiskali, waqt it-terminu ta’ preskrizzjoni, tagħmel aġġustament tal-VAT li jirrigwarda servizzi ta’ mediċina veterinarja diġà pprovduti, li kellhom jiġu suġġetti għal din it-taxxa.

43      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, id-dritt li jiġi invokat dan il-prinċipju japplika għal kull individwu li awtorità amministrattiva tkun ħolqitlu aspettattivi bbażati fuq garanziji preċiżi li hija tkun tatu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Europäisch-Iranische Handelsbank vs Il-Kunsill, C-585/13 P, EU:C:2015:145, punt 95).

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi vverifikat jekk l-atti ta’ awtorità amministrattiva jkunux ħolqu aspettattiva raġonevoli f’moħħ operatur ekonomiku prudenti u attent u, jekk dan ikun il-każ, għandha tiġi stabbilita n-natura leġittima ta’ din l-aspettattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Elmeka, C-181/04 sa C-183/04, EU:C:2006:563, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Madankollu, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prassi amministrattiva tal-awtoritajiet fiskali nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-issuġġettar tal-veterinarji għall-VAT ma tidhirx li hija ta’ natura li turi li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti fil-kawża prinċipali.

46      B’mod partikolari, il-fatt li l-awtoritajiet fiskali nazzjonali ma ssuġġettawx, b’mod sistematiku, is-servizzi ta’ mediċina veterinarja għall-VAT matul il-perijodu kkonċernat mill-fatti fil-kawża prinċipali, minbarra li ġie kkontestat mill-Gvern Rumen, ma jistax a priori jkun suffiċjenti, ħlief f’ċirkustanzi partikolari ħafna, sabiex joħloq, f’moħħ operatur ekonomiku normalment prudenti u attent, aspettattiva raġonevoli li din it-taxxa ma tiġix applikata għal tali servizzi meta, kif diġà ssemma iktar ’il fuq, l-imsemmija taxxa tapplika b’mod ġenerali u s-servizzi ta’ mediċina veterinarja kienu ġew irtirati mil-lista tat-tranżazzjonijiet eżenti mill-1 ta’ Jannar 2007.

47      Fil-fatt, tali prassi, minkejja li hija ta’ dispjaċir, ma tistax waħedha titqies li hija ta’ natura li tagħti lill-persuni taxxabbli kkonċernati garanziji preċiżi f’dan is-sens.

48      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jipprekludux li amministrazzjoni fiskali nazzjonali tiddeċiedi li servizzi ta’ mediċina veterinarja jkunu suġġetti għall-VAT f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, meta din id-deċiżjoni tkun ibbażata fuq regoli ċari u l-prassi ta’ din l-amministrazzjoni ma kinitx ta’ natura li toħloq, f’moħħ operatur ekonomiku prudenti u attent, aspettattiva raġonevoli li din it-taxxa ma tiġix applikata għal tali servizzi, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE, tat-22 ta’ Diċembru 2009, ma jimponix fuq l-Istati Membri li jwettqu ex officio l-identifikazzjoni ta’ persuna taxxabbli bil-għan li tinġabar it-taxxa fuq il-valur miżjud unikament abbażi ta’ dikjarazzjonijiet fiskali, differenti minn dawk relatati ma’ din it-taxxa, meta dawn kienu jippermettu li jiġi kkonstatat li din il-persuna taxxabbli qabżet il-limitu għall-eżenzjoni mill-imsemmija taxxa.

2)      Il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jipprekludux li amministrazzjoni fiskali tiddeċiedi li servizzi ta’ mediċina veterinarja jkunu suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, meta din id-deċiżjoni tkun ibbażata fuq regoli ċari u l-prassi ta’ din l-amministrazzjoni ma kinitx ta’ natura li toħloq, f’moħħ operatur ekonomiku prudenti u attent, aspettattiva raġonevoli li din it-taxxa ma tiġix applikata għal tali servizzi, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Firem


* Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.