Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

10.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 175/30


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varas Cíveis de Lisboa (5a Vara Cível) (il-Portugall) fl-4 ta’ April 2014 – João Filipe Ferreira da Silva e Brito et vs Stat Portugiż

(Kawża C-160/14)

2014/C 175/37

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Varas Cíveis de Lisboa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: João Filipe Ferreira da Silva e Brito et

Konvenut: Stat Portugiż

Domandi preliminari

1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (1), b’mod partikolari l-Artikolu 1(1) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “trasferiment ta’ negozji” jinkludi sitwazzjoni fejn impriża attiva fis-suq tat-titjiriet ċarter hija stralċata permezz ta’ deċiżjoni tal-azzjonist maġġoritarju tagħha, li huwa nnifsu huwa impriża attiva fis-settur tal-avjazzjoni u, fil-kuntest tal-istralċ, l-impriża parent:

i)

tassumi l-pożizzjoni tal-kumpannija stralċata fil-kuntratti ta’ kiri ta’ ajruplani u fil-kuntratti ta’ titjiriet ċarter li jkunu għadhom fis-seħħ ma’ operaturi turistiċi;

ii)

tiżviluppa l-attività li qabel kienet tipprattika l-kumpannija stralċata;

iii)

terġa’ timpjega ċerti ħaddiema li sa dak il-mument kienu tkeċċew mill-kumpannija stralċata u tqiegħdhom jeżerċitaw funzjonijiet identiċi;

iv)

tirċievi tagħmir żgħir mill-kumpannija stralċata?

2)

L-Artikolu 267 (li qabel kien l-Artikolu 234) tat-TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li s-Supremo Tribunal de Justiça, fid-dawl tal-fatt deskritt fid-domanda preċedenti u l-fatt li l-qrati nazzjonali inferjuri li quddiemhom tressaq il-każ adottaw deċiżjonijiet kunfliġġenti, kellu l-obbligu li jressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar l-interpretazzjoni korretta tal-kunċett ta’ “trasferiment ta’ negozji” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23/KE?

3)

Id-Dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, il-prinċipji fformulati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza Köbler (2) dwar ir-responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati fuq l-individwi bis-saħħa ta’ ksur tad-Dritt Komunitarju imwettaq minn organu ġudizzjarju nazzjonali li jiddeċiedi fl-aħħar istanza, jipprekludi l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali li tirrikjedi bħala bażi għal talba għal kumpens kontra l-Istat ir-revoka minn qabel tad-deċiżjoni li tikkawża preġudizzju?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98

(2)  C-224/01, EU:C:2003:513