Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl-10 ta’ Settembru 2015 (1)

Kawża C-252/14

Pensioenfonds Metaal en Techniek

vs

Skatteverket

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qorti suprema amministrattiva (Högsta förvaltningsdomstolen, l-Isvezja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Artikolu 63 TFUE – Tassazzjoni tad-dħul mill-fondi ta’ pensjoni – Differenza fit-trattament bejn il-fondi ta’ pensjoni residenti u l-fondi ta’ pensjoni mhux residenti – Tassazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa tal-fondi ta’ pensjoni residenti fuq il-bażi ta’ renditu fittizju – Taxxa f’ras il-għajn applikata għad-dħul li ġej mid-dividendi riċevuti mill-fondi ta’ pensjoni mhux residenti”





 Introduzzjoni

1.        Skont prinċipju stabbilit sew fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm it-tassazzjoni diretta tinsab fil-kompetenza tal-Istati Membri, dawn għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (2). Dan l-obbligu jgħodd ukoll, naturalment, fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital (3).

2.        Fil-fatt, skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, il-moviment liberu tal-kapital ma għandux jippreġudika d-dritt tal-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn il-persuni li jħallsu t-taxxa li ma humiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit. Fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din ir-regola tinsab fil-prinċipju li skontu, fil-qasam tat-taxxi diretti, is-sitwazzjoni tal-persuni residenti u dik tal-persuni mhux residenti, ma humiex, bħala regola ġenerali, komparabbli (4).

3.        Anki jekk il-ġurisprudenza f’dan il-qasam hija diġà abbundanti, il-kwistjoni tal-bilanċ ġust bejn il-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam fiskali, minn naħa, u r-rekwiżiti għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, min-naħa l-oħra, tqajjem dejjem mistoqsijiet ġodda. Din il-kawża hija eżempju ta’ dan.

 Il-kuntest ġuridiku

4.        Fid-dritt tal-Unjoni, il-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża jikkonsisti mill-Artikoli 63(1) TFUE u 65(1)(a) TFUE.

5.        Fid-dritt Svediż, il-persuni ġuridiċi taxxabbli b’mod illimitat fl-Isvezja huma responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul skont il-Liġi (1999:1229) dwar it-taxxa fuq id-dħul [inkomstskattelagen (1999:1229)]. Din it-tassazzjoni tolqot fost l-oħrajn id-dħul li ġej mill-qligħ fil-kapital, mid-dividendi u mill-interessi.

6.        Madankollu, skont il-punt 3 tal-Artikolu 2 tal-Kapitolu 7, ta’ din il-liġi, il-fondi ta’ pensjoni huma eżentati kompletament mit-tassazzjoni li hija prevista fih. Min-naħa l-oħra dawn huma ntaxxati fuq id-dħul tagħhom mill-kapital skont il-Liġi (1990:661) dwar it-tassazzjoni tal-fondi ta’ investiment tal-pensjoni [lagen (1990:661) om avkastningsskatt på pensionsmedel]

7.        Skont l-Artikolu 2 tal-Liġi (1990:661), il-fondi ta’ pensjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għall-ħajja Svediżi, kif ukoll l-impriżi barranin tal-istess tip li għandhom stabbiliment permanenti fl-Isvezja, għandhom iħallsu t-taxxa fuq id-dħul mill-kapital, li hija taxxa b’rata fissa li tintaxxa r-rendita attwali tat-tfaddil għall-irtirar.

8.        Skont l-Artikoli 3 sa 8 tal-Liġi (1990:661), il-bażi ta’ din it-taxxa hija kkalkolata f’żewġ passi. Fl-ewwel lok, tiġi kkalkolata l-bażi kapitali li hija magħmula mill-valur tal-attivi tal-fond ta’ pensjoni fil-bidu tas-sena, mingħajr id-djun fl-istess data. Fit-tieni lok, tiġi kkalkolata rendita fil-forma ta’ somma f’daqqa fittizja ta’ dan il-kapital billi tiġi mmultiplikata l-bażi kapitali bir-rendita medja tal-bonds tal-gvern għas-sena kalendarja li tiġi eżatt qabel is-sena fiskali. Din ir-rendita tifforma l-bażi tat-taxxa.

9.        Skont l-Artikolu 9 tal-Liġi (1990:661), it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital titnaqqas bir-rata ta’ 15 % fuq il-bażi miksuba b’dan il-mod.

10.      Il-persuni ġuridiċi barranin li jirċievu dividendi minn azzjonijiet ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata Svediżi jew minn ishma f’fondi ta’ investiment Svediżi, min-naħa tagħhom, għandhom iħallsu fl-Isvezja taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi skont l-Artikoli 1 u 4 tal-Liġi (1970:624) dwar it-taxxa fuq id-dividendi [kupongskattelagen (1970:624)].

11.      Skont l-Artikolu 5 tal-Liġi (1970:624), it-taxxa fuq id-dividendi għandha tinġabar bir-rata ta’ 30 % ikkalkolata fuq l-ammont gross tad-dividendi. Skont il-ftehim fiskali ffirmat bejn ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, din ir-rata madankollu tonqos għal 15 % għall-persuni ġuridiċi li huma residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

12.      Pensioenfonds Metaal en Techniek (iktar ’il quddiem “PMT”) huwa fond ta’ pensjoni Olandiż. Matul il-perijodu ta’ bejn l-2002 u l-2006, PMT irċieva minn kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata Svediżi dividendi li fuqhom inżammet taxxa f’ras il-għajn ta’ 15 % għal ammont totali ta’ 20 957 836 krona Svediżi (SEK).

13.      PMT wara talab lill-iSkatteverket (awtorità fiskali Svediża) ir-rimbors tat-taxxa fuq id-dividendi, għar-raġuni li l-ġbir ta’ din it-taxxa kien imur kontra r-regoli tal-Unjoni relatati mal-moviment liberu tal-kapital, għaliex dan il-fond kellu jiġi assimilat ma’ fond ta’ pensjoni Svediż u ntaxxat skont il-Liġi (1990:661).

14.      Billi l-awtorità fiskali Svediża ċaħdet it-talba ta’ PMT, dan ippreżenta rikors quddiem il-qorti amministrattiva ta’ Dalarna (Länsrätten i Dalarnas län), li ġie miċħud ukoll, kif ukoll l-appell ippreżentat quddiem il-qorti tal-appell amministrattiva ta’ Sundsvall (Kammarrätten i Sundsvall). Bħala rimedju finali, PMT ippreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti suprema amministrattiva.

15.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti suprema amministrattiva ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 63 TFUE jostakola leġiżlazzzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-dividendi mħallsa minn kumpannija residenti jkunu suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn jekk l-azzjonist ikun resident fi Stat Membru ieħor meta, fil-każ ta’ azzjonist resident, dawn id-dividendi jkunu suġġetti għal taxxa kkalkolata fil-forma ta’ somma mħallsa f’daqqa fuq il-bażi ta’ dħul fittizju li, matul iż-żmien, hija intiża li tikkorrispondi għat-tassazzjoni normali tad-dħul kollu mill-kapital?”

16.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Mejju 2013. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Svediż u dak Ġermaniż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta tal-21 ta’ Mejju 2015, kienu rrappreżentati r-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-Gvern Svediż u dak Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni.

 Analiżi

17.      Fil-kawża prinċipali, ir-rikorrent jargumenta li, bħala fond ta’ pensjoni barrani li investa f’azzjonijiet ta’ kumpanniji Svediżi, huwa kellu jiġi ttrattat, fir-rigward tat-tassazzjoni tad-dividendi li dawn l-azzjonijiet jagħtu dritt għalihom, l-istess bħall-fondi ta’ pensjoni residenti li investew f’tali azzjonijiet. Madankollu, huwa stabbilit li t-trattament fiskali tal-fondi barranin ma huwiex l-istess bħal dak tal-fondi Svediżi (5). Din id-differenza fit-trattament tikkostitwixxi, skont ir-rikorrent, restrizzjoni inġustifikata għall-moviment liberu tal-kapital.

18.      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, bħala restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddiswadu lil dawk li ma humiex residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddiswadu lir-residenti tal-imsemmi Stat Membru milli jinvestu fi Stati Membri oħra (6).

19.      Madankollu, differenza fit-trattament fiskali bejn id-dividendi mħallsa mill-kumpanniji residenti lill-azzjonisti residenti u dawk imħallsa lill-azzjonisti mhux residenti tista’, bħala prinċipju, ikollha tali effett (7).

20.      Madankollu, skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, moqri flimkien mal-paragrafu (3) tal-istess artikolu, l-Artikolu 63 TFUE ma jippreġudikax d-dritt tal-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn il-persuni li jħallsu t-taxxa li ma humiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom, bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li d-differenza fit-trattament tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex komparabbli b’mod oġġettiv (8).

21.      Bħala regola ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tanalizza l-kwistjoni tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet wara li tkun ikkonstatat l-eżistenza ta’ restrizzjoni (9). Madankollu, dan l-approċċ ma jidhirlix adattat għal din il-kawża. Fil-fatt, hawnhekk ninsabu fil-preżenza ta’ żewġ sistemi ta’ tassazzjoni kompletament differenti, fejn waħda tikkonċerna t-tassazzjoni ġenerali tad-dħul kollu mill-kapital tal-fondi ta’ pensjoni residenti, filwaqt li l-oħra tapplika biss għat-tassazzjoni tad-dividendi mħallsa mill-kumpanniji Svediżi lil fondi ta’ pensjoni mhux residenti. Għaldaqstant, f’din il-kawża, il-kwistjoni tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet hija ta’ natura fundamentali.

22.      Għalhekk nipproponi li tiġi inversa l-ordni normali tal-analiżi u li jiġi vverifikat l-ewwel nett jekk il-fondi ta’ pensjoni Svediżi u l-fondi ta’ pensjoni barranin li investew f’azzjonijiet ta’ kumpanniji Svediżi jinstabux f’sitwazzjonijiet komparabbli mill-perspettiva tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

 Fuq il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet

 Kumment preliminarju

23.      Il-Gvern Svediż u l-Kummissjoni jidhru li qed jissuġġerixxu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li t-taxxa li għaliha huma suġġetti l-fondi ta’ pensjoni residenti fl-Isvezja tista’ tiġi analizzata bħala taxxa fuq il-patrimonju iktar milli bħala taxxa fuq id-dħul. Ma jidhirlix li tali analiżi hija korretta.

24.      L-ewwel nett, minn perspettiva formali, it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital tal-fondi ta’ pensjoni stabbilita mil-Liġi (1990:661) tissostitwixxi b’mod ċar, fis-sistema fiskali Svediża, it-taxxa ġenerali fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi stabbilita mil-Liġi (1999:1229) (10), li l-fondi ta’ pensjoni huma eżentati minnha.

25.      It-tieni nett, għalkemm huwa veru li t-taxxa fuq il-patrimonju hija spiss ikkalkolata skont id-dħul fittizju teoretikament possibbli mill-patrimonju inkwistjoni, is-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet bħall-fondi ta’ pensjoni f’dan ir-rigward hija speċifika. Fil-fatt, ir-rwol ta’ tali istituzzjonijiet huwa preċiżament li jinvestu l-kapital fil-pussess tagħhom sabiex jiġġeneraw dħul u wara jiddistribwixxu dan id-dħul lill-aventi kawża. Għalhekk, l-investiment tal-kapital huwa l-attività ekonomika prinċipali tal-fondi ta’ pensjoni. It-tassazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha għalhekk tiġi analizzata bħala tassazzjoni tad-dħul iġġenerat minn din l-attività, anki jekk il-kalkolu tal-ammont tat-taxxa ma jkunx ibbażat fuq id-dħul li sar realment, iżda fuq dħul fittizju.

26.      Għalhekk, għandu jiġi ammess li d-dividendi mħallsa mill-kumpanniji Svediżi lil fondi ta’ pensjoni residenti fl-Isvezja huma tassew intaxxati, bħal dħul ieħor mill-kapital miksub minn dawn il-fondi, skont il-Liġi (1990:661).

 Komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet tal-fondi ta’ pensjoni residenti u mhux residenti

27.      Fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa ammess li, fir-rigward tat-taxxi diretti, is-sitwazzjoni tal-persuni residenti u dik ta’ dawk mhux residenti ma hijiex a priori komparabbli, b’mod li differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni taxxabbli ma tistax tiġi kkwalifikata awtomatikament bħala diskriminazzjoni li tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital (11).

28.      Huwa biss fir-rigward ta’ regola fiskali konkreta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkonkludi li s-sitwazzjoni tal-persuna mhux residenti hija komparabbli għal dik tal-persuna residenti (12).

29.      Fil-kawża prinċipali, ir-regola fiskali inkwistjoni tikkonsisti fit-tassazzjoni tad-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni residenti fl-Isvezja flimkien mad-dħul l-ieħor mill-kapital ta’ dawn il-fondi u skont formula kumplessa ta’ kalkolu tal-bażi taxxabbli, filwaqt li d-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni mhux residenti huma intaxxati direttament, skont il-metodu tat-taxxa f’ras il-għajn.

30.      Skont l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju u fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Svediż, l-għan ta’ din is-sistema ta’ tassazzjoni huwa li, fil-konfront tal-fondi ta’ pensjoni u ta’ forom oħra ta’ tfaddil għall-irtirar, it-taxxa tkun newtrali kemm mill-perspettiva tal-forma tal-investiment (azzjonijiet, bonds, dejn pubbliku, eċċ.) kif ukoll minn dik tas-sitwazzjoni ekonomika.

31.      Inqis li dan l-għan huwa kompletament leġittimu u jidħol perfettament fil-kuntest tal-kompetenza tal-Istati Membri kemm fir-rigward tat-tassazzjoni diretta kif ukoll fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-sistema tal-assigurazzjoni għall-irtirar.

32.      Tali għan, madankollu, jista’ jintlaħaq biss għall-persuni taxxabbli b’mod illimitat fl-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, in-newtralità tat-tassazzjoni fir-rigward tal-forma ta’ investiment timplika li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jintaxxa d-dħul kollu li ġej mill-investimenti kkonċernati. Huwa l-istess għan-newtralità tat-tassazzjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika. Tali newtralità tista’ tinkiseb biss bl-applikazzjoni ta’ sistema ta’ tassazzjoni uniformi għall-forom differenti ta’ investiment, kemm għal dawk li huma sensittivi ħafna għas-sitwazzjoni kif ukoll għal dawk li ma humiex.

33.      L-applikazzjoni tas-sistema ta’ tassazzjoni Svediża għal forma waħda ta’ investiment, jiġifieri l-investimenti f’azzjonijiet, ma twassalx għal newtralità fir-rigward tas-sitwazzjoni, iżda għal tassazzjoni inġustament għolja fis-snin ta’ sitwazzjoni ħażina u għal “rigali fiskali” fis-snin l-oħra. Barra minn hekk, dan iwassal ukoll għal inugwaljanzi fost il-persuni taxxabbli skont ir-rendita reali tal-azzjonijiet li jkunu investew fihom, għaliex, irrispettivament mis-sitwazzjoni ekonomika, l-azzjonijiet ta’ kumpannija f’mument partikolari jistgħu jagħtu dritt għal dividendi ogħla, meta mqabbla mal-kapital investit, mill-azzjonijiet ta’ kumpannija oħra. Għal darba oħra, is-sistema ta’ tassazzjoni inkwistjoni ma tiggarantixxix in-newtralità mixtieqa mil-leġiżlatur Svediż ħlief jekk tiġi applikata għall-kapital kollu investit minn persuna taxxabbli partikolari, f’dan il-każ fond ta’ pensjoni, irrispettivament mill-kompożizzjoni tal-portafoll ta’ investimenti ta’ din il-persuna taxxabbli.

34.      Għalhekk, mill-perspettiva tal-Istat Svediż, is-sitwazzjoni tal-fondi ta’ pensjoni residenti ma hijiex komparabbli għal dik tal-fondi barranin li investew f’azzjonijiet ta’ kumpanniji Svediżi. Minn naħa, dan l-Istat jintaxxa d-dħul kollu mill-kapital tal-fondi residenti u, minħabba dan, huwa kapaċi jiżgura n-newtralità ta’ din it-tassazzjoni, billi japplika fir-rigward tagħhom is-sistema prevista mil-Liġi (1990:661). Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-fondi mhux residenti, dan jintaxxa biss il-parti tad-dħul tagħhom li ġejja mill-investiment f’kumpanniji Svediżi. Għalhekk huwa impossibbli għalih li japplika l-istess sistema ta’ tassazzjoni fejn, fi kwalunkwe każ, din is-sistema ma tissodisfax ir-rwol tagħha.

35.      Mill-perspettiva tal-persuni taxxabbli kkonċernati, is-sitwazzjonijiet lanqas ma huma komparabbli. Il-miżura fiskali Svediża inkwistjoni ma hijiex unika għat-tassazzjoni tad-dividendi iżda tikkonċerna t-tassazzjoni tad-dħul kollu mill-kapital tal-fondi residenti. Min-naħa l-oħra, il-fondi mhux residenti jħallsu biss fl-Isvezja taxxa addizzjonali, marbuta mal-attività ta’ investiment tagħhom f’dan l-Istat Membru, filwaqt li t-tassazzjoni ġenerali tagħhom issir fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom.

36.      Għaldaqstant, is-sitwazzjoni f’din il-kawża toqrob lejn dik tal-kawża Truck Center sa fejn, fl-Isvezja, il-ħlas tad-dividendi minn kumpannija residenti lil fond ta’ pensjoni residenti u l-ħlas tad-dividendi minn kumpannija residenti lil fond ta’ pensjoni mhux residenti jagħtu lok għal taxxi differenti, ibbażati fuq sistemi legali differenti (13).

37.      L-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Truck Center, li tgħid li t-taxxa inkwistjoni f’din il-kawża xorta waħda kienet iktar baxxa għall-persuni taxxabbli mhux residenti milli għall-persuni taxxabbli residenti (14), fl-opinjoni tiegħi ma tivvalidax l-analoġija bejn il-kawża Truck Center u din il-kawża.

38.      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet din l-analiżi b’mod superfluwu, wara li kkonstatat li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni ma kinux komparabbli. Il-paragun tal-livelli ta’ tassazzjoni ma kienx jikkostitwixxi element essenzjali tar-raġunament tagħha. It-tieni nett, f’din il-kawża, il-partijiet ma jaqblux dwar jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni twassalx għal tassazzjoni ogħla tal-fondi ta’ pensjoni mhux residenti. Eventwalment tkun il-qorti nazzjonali li jkollha tivverifika dan (15). Issa, l-evalwazzjoni, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet ma tistax tiddependi mil-livell għola jew iktar baxx tat-tassazzjoni ta’ persuna taxxabbli konkreta f’sitwazzjoni partikolari.

39.      Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni f’din il-kawża għandha tkun distinta b’mod ċar minn dik tad-diversi kawżi oħra fejn il-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala komparabbli sitwazzjonijiet purament interni u sitwazzjonijiet transkonfinali fil-kuntest tar-restrizzjonijiet fiskali għall-moviment liberu tal-kapital (jew għal-libertà ta’ stabbiliment, billi dawn iż-żewġ libertajiet huma spiss inkwistjoni flimkien fil-kawżi li jikkonċernaw l-investimenti diretti).

 Il-kawżi li jikkonċernaw il-miżuri ta’ prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika fuq id-dividendi

40.      Din il-kawża għandha tkun distinta prinċipalment mil-lista twila ta’ kawżi li jikkonċernaw il-miżuri differenti li l-Istati Membri japplikaw sabiex jipprevjenu t-taxxa doppja ekonomika fuq id-dividendi.

41.      Fil-fatt, meta tħallas dividendi lill-azzjonisti tagħha, kumpannija kull ma tagħmel huwa li tiddistribwixxi l-profitt li tkun għamlet. Issa, dan il-profitt normalment huwa suġġett, fil-konfront tal-kumpannija li tiddistribwixxi d-dividendi, għat-taxxa fuq il-kumpanniji. Jekk Stat jiddeċiedi li jintaxxa wkoll dawn l-istess dividendi, bħala dħul taxxabbli, fil-konfront tal-azzjonisti, fil-verità huwa l-istess profitt li huwa intaxxat darbtejn (16).

42.      Minħabba l-effetti ekonomiċi negattivi ta’ tali taxxa doppja, l-Istati spiss jadottaw miżuri maħsuba biex jipprevjenuha jew itaffuha. Madankollu, skont kurrent ġurisprudenzjali llum ikkonsolidat (17), li l-oriġini tiegħu tirriżulta mill-kawża msejħa “Kreditu fiskali” (18), jekk Stat Membru jipprevedi tali miżuri preventivi li jikkonċernaw it-taxxa doppja ekonomika fuq id-dividendi f’sitwazzjonijiet interni, dan għandu jagħmel l-istess f’sitwazzjonijiet transkonfinali, jiġifieri billi jimplika Stati Membri oħra, iżda wkoll Stati terzi, li għalihom huwa estiż il-moviment liberu tal-kapital (19). Dawn is-sitwazzjonijiet transkonfinali jistgħu jikkonċernaw it-tassazzjoni tad-dividendi kemm fl-Istat Membru ta’ residenza tal-azzjonist benefiċjarju (20) kif ukoll fl-Istat Membru ta’ residenza tal-kumpannija li tiddistribwixxi d-dividendi (21).

43.      Hija din it-tieni sitwazzjoni li tinteressana b’mod iktar partikolari f’din il-kawża. Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt ikkunsidrat li, fil-każ ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi għall-prevenzjoni tat-taxxa doppja fuq id-dividendi ddistribwiti minn kumpanniji residenti, is-sitwazzjoni tal-azzjonisti mhux residenti hija komparabbli għal dik tal-azzjonisti residenti (22).

44.      Il-konsegwenza ta’ dan huwa li “sabiex il-kumpanniji benefiċjarji mhux residenti ma jiġux suġġetti għal restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala regola, mill-Artikolu [63 TFUE], l-Istat ta’ residenza tal-kumpannija li tħallas id-dividendi għandu jiżgura li, meta mqabbla mal-mekkaniżmu previst fid-dritt nazzjonali tiegħu għall-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi jew ta’ taxxa doppja ekonomika (23), il-persuni mhux residenti jiġu suġġetti għal trattament ekwivalenti għal dak li jibbenefikaw minnu r-residenti” (24).

45.      Madankollu, il-leġiżlazzjoni Svediża inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex intiża għall-prevenzjoni tat-taxxa doppja fuq id-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni residenti. Xejn fid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas fl-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika li t-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mill-kumpanniji li jiddistribwixxu dawn id-dividendi se titqies għall-kalkolu tat-taxxa li għaliha huma suġġetti dawn il-fondi, lanqas li se jingħatalhom kreditu ta’ taxxa, u lanqas fl-aħħar nett li d-dividendi mħallsa lil dawn il-fondi se jkunu eżentati. Għall-kuntrarju, dawn id-dividendi huma suġġetti, bl-istess mod bħal dħul ieħor mill-kapital, għat-taxxa stabbilita mil-Liġi (1990:661), anki jekk l-ammont ta’ din it-taxxa huwa kkalkolat b’mod indirett.

46.      Għandu jiġi nnotat f’dan ir-rigward li la r-regoli tat-Trattat u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirrikjedu mill-Istati Membri, u partikolarment mill-Istati Membri ta’ residenza tal-kumpanniji li jiddistribwixxu d-dividendi, li jipprevjenu jew itaffu t-taxxa doppja ekonomika fuq dawn id-dividendi. Tali obbligu jkun ifisser fil-fatt li dan l-Istat ikollu jirrinunzja għad-dritt tiegħu li jintaxxa dħul miksub minn attività ekonomika eżerċitata fit-territorju tiegħu (25).

47.      Naturalment, għalkemm, fil-liġi Svediża, jeżisti mekkaniżmu ieħor ta’ prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika fuq id-dividendi mħallsa lill-azzjonisti residenti, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali, dan għandu jkun applikabbli bl-istess mod għad-dividendi mħallsa mill-azzjonisti mhux residenti. Madankollu dan la jidher li huwa l-objettiv u lanqas ir-riżultat tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri dik li tikkonċerna t-tassazzjoni tal-fondi ta’ pensjoni.

48.      Għalhekk hija possibbli t-traspożizzjoni f’din il-kawża, a contrario, tad-distinzjoni li saret fil-punt 43 tas-sentenza Santander Asset Management SGIIC et (26) bejn is-sitwazzjoni fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza u dik fil-kawża Truck Center. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat f’din is-sentenza li, fil-kawża Truck Center, id-differenza fit-trattament ikkonsistiet biss fil-metodu tal-ġbir tat-taxxa, filwaqt li, fil-kawża Santander Asset Management SGIIC et, id-dividendi biss imħallsa lill-azzjonisti mhux residenti ġew intaxxati. Issa, f’din il-kawża, id-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni residenti huma intaxxati wkoll.

49.      Il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet tal-persuni taxxabbli residenti u mhux residenti, ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi li jikkonċernaw il-miżuri ta’ prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika fuq id-dividendi, għalhekk ma teżistix f’din il-kawża.

 Il-kawżi li jikkonċernaw miżuri fiskali oħra

50.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat f’bosta okkażjonijiet oħrajn il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet nazzjonali u transkonfinali fir-rigward tal-applikazzjoni mill-Istati Membri tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern tagħhom fil-qasam tat-taxxi diretti. Ser nagħti xi eżempji rilevanti sabiex nuri li dawn kienu każijiet differenti minn din il-kawża.

51.      Għalhekk, l-ewwel nett, f’kawża li tikkonċerna t-tassazzjoni tad-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni fil-Finlandja (27), il-kwistjoni kienet li jingħaraf jekk il-fondi ta’ pensjoni residenti u mhux residenti kinux jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli mill-perspettiva tar-regola nazzjonali li tistabbilixxi li d-dividendi miksuba u ttrasferiti lir-riżervi kienu jitqiesu bħala spejjeż li jistgħu jitnaqqsu mid-dħul taxxabbli. L-effett ta’ din ir-regola kien li d-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni residenti ma kinux intaxxati fil-prattika, għall-kuntrarju tad-dividendi mħallsa lill-fondi mhux residenti li ma setgħux jibbenefikaw minn din ir-regola.

52.      Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li s-sitwazzjonijiet tal-fondi ta’ pensjoni residenti u mhux residenti kienu komparabbli, għaliex kemm tal-ewwel kif ukoll tal-aħħar ittrasferixxew id-dħul tagħhom lir-riżervi maħsuba għall-ħlas tal-pensjonijiet għall-irtirar, li huwa l-għan speċifiku tal-eżistenza tal-fondi ta’ pensjoni (28). Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat ukoll li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet twassal fil-prattika għall-intaxxar tad-dividendi biss fil-konfront tal-fondi ta’ pensjoni mhux residenti (29).

53.      Madankollu, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tipprevedi l-ebda mod li jippermetti lill-fondi ta’ pensjoni residenti li jnaqqsu d-dividendi riċevuti mid-dħul taxxabbli tagħhom u lanqas ma teżenta dawn id-dividendi mit-taxxa, la de jure u lanqas de facto. Għaldaqstant din il-leġiżlazzjoni bl-ebda mod ma hija analoga għal dik inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (30).

54.      It-tieni nett, hija ġurisprudenza stabbilita li l-persuni taxxabbli residenti u mhux residenti jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli fir-rigward tal-possibbiltà li jnaqqsu l-ispejjeż professjonali li jkunu marbuta direttament mal-ġbir tad-dħul taxxabbli (31). Madankollu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tipprevedix tali possibbiltà għall-fondi ta’ pensjoni residenti. Dan barra minn hekk jidhirli diffiċli, minħabba l-metodu indirett ta’ kalkolu tal-bażi tat-taxxa prevista minn din il-leġiżlazzjoni.

55.      Għalkemm huwa veru li, għall-kalkolu tal-bażi tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital tal-fondi ta’ pensjoni residenti, jitqies biss il-valur nett tal-attiv, jiġifieri wara t-tnaqqis tad-dejn (tal-passiv), din hija madankollu kwistjoni kompletament differenti minn dik tat-tnaqqis tal-ispejjeż professjonali, kif jenfasizza ġustament il-Gvern Svediż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.

56.      Finalment, fit-tielet nett, fir-rigward tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet mill-perspettiva tal-kumpannija li tiddistribwixxi d-dividendi, lanqas ma naħseb li din iċ-ċirkustanza tippermetti li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital f’din il-kawża.

57.      Minn naħa, il-piż fiskali tat-taxxa fuq id-dividendi ma jaqax fuq il-kumpannija li tiddistribwixxi d-dividendi, iżda fuq l-azzjonist.

58.      Min-naħa l-oħra, ma jidhirlix li l-piżijiet amministrattivi marbutin maż-żamma tat-taxxa f’ras il-għajn jistgħu jitqiesu bħala sinjifikattivi għal kumpannija b’responsabbiltà limitata, li għandu jkollha mezz kunsiderevoli sabiex timmaniġja l-kontabbiltà tagħha u l-obbligi fiskali tagħha. Konsegwentement, il-konstatazzjoni li tgħid li l-obbligu taż-żamma tat-taxxa f’ras il-għajn fuq ir-remunerazzjonijiet imħallsa lill-fornituri ta’ servizzi, impost fuq destinatarju sempliċi ta’ servizzi, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi peress li dan jimplika piż amministrattiv supplimentari kif ukoll riskji ta’ responsabbiltà marbuta miegħu (32) ma tistax tiġi trasposta għal din il-kawża.

 Konklużjoni intermedjarja

59.      Fid-dawl ta’ dan ta’ qabel, jien tal-opinjoni li s-sitwazzjoni tal-fondi ta’ pensjoni residenti fl-Isvezja ma hijiex komparabbli għal dik tal-fondi ta’ pensjoni mhux residenti mill-perspettiva tas-sistema ta’ tassazzjoni tal-fondi residenti prevista mil-Liġi (1990:661). L-Artikolu 63 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 65(1)(a) TFUE, għalhekk ma jipprekludix tali sistema ta’ tassazzjoni.

 Kummenti finali

60.      Nixtieq nitratta wkoll xi problemi oħra mqajma minn din il-kawża, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ma ssegwix il-proposta tiegħi u tasal għall-konklużjoni li s-sitwazzjonijiet tal-fondi ta’ pensjoni residenti u mhux residenti huma komparabbli fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Svediża dwar it-tassazzjoni tad-dħul mill-kapital tal-fondi residenti.

 Dwar it-trattament żvantaġġuż tal-fondi ta’ pensjoni mhux residenti

61.      Il-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll il-partijiet ikkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, ma jaqblux dwar jekk is-sistema Svediża ta’ tassazzjoni tal-fondi ta’ pensjoni tinvolvix trattament żvantaġġuż tal-fondi mhux residenti meta mqabbla mal-fondi residenti.

62.      Fil-fatt, il-kwistjoni hija diskutibbli. Minn naħa, bħala regola ġenerali, it-tassazzjoni tal-fondi residenti, ibbażata fuq ir-rendita mill-bonds tal-gvern, donnha inqas ħarxa mit-tassazzjoni tad-dħul reali tal-fondi mhux residenti li ġej mill-ħlas tad-dividendi mill-kumpanniji, għaliex l-investiment f’bonds tal-gvern, li huwa ta’ riskju iżgħar, ġeneralment jiġġenera inqas profitt. Min-naħa l-oħra, il-fondi residenti huma marbuta jħallsu t-taxxa kull sena, irrispettivament minn jekk ikunux irċevew jew le dividendi, għall-kuntrarju tal-fondi mhux residenti li huma ntaxxati biss fuq id-dħul reali. Barra minn hekk, it-tassazzjoni tal-fondi residenti tqis il-valur tal-investimenti tagħhom kif ukoll, għaldaqstant, iż-żieda ta’ dan il-valur, li tkun dovuta pereżempju għaż-żieda fil-valur tal-azzjonijiet li huma jkollhom, filwaqt li t-tassazzjoni tal-fondi mhux residenti tiddependi biss mill-ammont tad-dividendi mħallsa.

63.      Il-qorti tar-rinviju stess tasal, fid-deċiżjoni tagħha, għall-konklużjoni li s-sistema ta’ tassazzjoni Svediża tista’ tibbenefika, f’ċerti snin, lill-fondi residenti u, fi snin oħra, lill-fondi mhux residenti.

64.      Fl-opinjoni tiegħi, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, il-kwistjoni għandha tiġi analizzata bil-mod li ġej.

65.      Kif semmejt diġà iktar ’il fuq (33), skont ġurisprudenza stabbilita, trattament fiskali inqas favorevoli tad-dividendi mħallsa lill-persuni mhux residenti meta mqabbla ma’ dawk imħallsa lir-residenti jista’, bħala prinċipju, jikkostitwixxi miżura pprojbita mill-Artikolu 63(1) TFUE, inkwantu restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital. Dan huwa l-każ ukoll jekk dan it-trattament inqas favorevoli ma huwiex sistematiku iżda okkażjonali (34). L-evalwazzjoni tar-riżultat sfavorevoli ta’ miżura fiskali nazzjonali hija konstatazzjoni ta’ fatt li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-qrati nazzjonali.

66.      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-bażi tat-tassazzjoni tal-fondi ta’ pensjoni residenti fl-Isvezja hija kkalkolata billi jiġi mmultiplikat il-valur tal-attivi tal-fondi fil-bidu tas-sena bir-rendita medja tal-bonds tal-gvern għas-sena kalendarja li tiġi eżatt qabel is-sena fiskali inkwistjoni. Wara tiġi applikata taxxa ta’ 15 % għall-bażi hekk iddefinita (35).

67.      Għar-raġunijiet spjegati fil-punti 32 sa 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-applikazzjoni tal-istess sistema għall-fondi ta’ pensjoni mhux residenti, kif jixtieq ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ma hijiex possibbli jew ma toħloqx l-effett mixtieq. B’konsegwenza ta’ dan, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li s-sitwazzjonijiet tal-fondi ta’ pensjoni residenti u mhux residenti f’din il-kawża huma komparabbli, l-iktar mod adegwat sabiex jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hijiex sfavorevoli għall-fondi mhux residenti huwa li jiġi assimilat – b’mod kompletament artifiċjali fl-opinjoni tiegħi – il-livell ta’ tassazzjoni globali tad-dħul mill-kapital tal-fondi ta’ pensjoni residenti mal-livell ta’ tassazzjoni tad-dħul biss mill-azzjonijiet tal-fondi mhux residenti.

68.      Għal kull ħlas ta’ dividendi li jwassal għat-tassazzjoni fil-forma ta’ taxxa f’ras il-għajn, għandu għalhekk jiġi mmultiplikat il-valur tal-attivi (azzjonijiet) li wasslu għad-dritt għal dawn id-dividendi bir-renditu medju tal-bonds tal-gvern Svediż għas-sena kalendarja li tiġi eżatt qabel is-sena fiskali li fih sar dan il-ħlas u jiġi kkalkolat 15 % tas-somma miksuba b’dan il-mod. Jekk l-ammont tat-taxxa fuq id-dividendi realment imħallsa mill-fond mhux residenti jaqbeż dawn il-15 %, dan ikollu d-dritt għar-rimbors tal-eċċess, bħala taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

69.      Huwa wkoll f’idejn il-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk il-fondi ta’ pensjoni mhux residenti kinux suġġetti għal żvantaġġ finanzjarju minħabba li t-taxxa fuq id-dividendi dovuta minn dawn il-fondi tkun taxxa f’ras il-għajn meta jitħallsu dawn id-dividendi, filwaqt li t-taxxa fuq id-dħul mill-kapital titħallas mill-fondi residenti biss kull sena. Fil-fatt, tali żvantaġġ jista’ jikkostitwixxi restrizzjoni li tmur kontra l-Artikolu 63(1) TFUE (36). Madankollu, dan l-iżvantaġġ finanzjarju jista’ jkun insinjifikattiv minħabba li l-fondi ta’ pensjoni residenti fl-Isvezja għandhom l-obbligu, bħalma jenfasizzaw il-Gvern tal-Isvezja u dak tal-Ġermanja fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li jħallsu depożiti fix-xahar fuq l-ammont definittiv tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital (37).

 Dwar il-ġustifikazzjoni tal-miżura

70.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li l-fondi ta’ pensjoni residenti fl-Isvezja u l-fondi ta’ pensjoni mhux residenti li jirċievu dividendi minn kumpanniji residenti jinsabu f’sitwazzjonijiet oġġettivament komparabbli u li l-fondi mhux residenti huma, anki potenzjalment, żvantaġġati minħabba d-differenza fit-tassazzjoni tad-dħul li ġej minn dawn id-dividendi bejn il-fondi residenti u mhux residenti, din ikollha għaldaqstant tivverifika jekk din id-differenza fit-trattament hijiex iġġustifikata b’raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

71.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fost il-ġustifikazzjonijiet possibbli, il-konvenuta fil-kawża prinċipali qajmet quddiem il-qorti tar-rinviju l-bżonn li tinżamm is-sistema tal-irtirar Svediża. Madankollu, il-problema mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni ma tirriżultax mis-sistema tal-irtirar Svediża, u lanqas mis-sistema ta’ tassazzjoni tal-fondi ta’ pensjoni residenti, iżda mill-fatt li l-fondi ta’ pensjoni mhux residenti huma ntaxxati b’mod inqas vantaġġuż. Issa, it-tneħħija ta’ dan l-iżvantaġġ fl-opinjoni tiegħi ma jeħtieġx ir-rinunzja għas-sistema Svediża li tikkonċerna l-fondi ta’ pensjoni residenti, iżda l-iktar l-iktar teħtieġ ir-rinunzja għal parti mid-dħul fiskali li ġej mid-dividendi riċevuti mill-fondi mhux residenti.

72.      Il-Gvern Svediż jinvoka wkoll, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Skont dan il-gvern, il-ftehim fiskali konkluż mar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jippermettix li tiġi applikata s-sistema ta’ tassazzjoni Svediża tal-fondi ta’ pensjoni residenti għall-fondi Olandiżi. Madankollu, dan ma jinvolvix l-applikazzjoni totali ta’ din is-sistema fir-rigward tagħhom, iżda biss li jiġi allinjat il-piż fiskali ma’ dak sostnut mill-fondi residenti fl-Isvezja. Dan ma jidhirlix li jmur kontra l-ftehim fiskali konkluż bejn ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u lanqas, b’mod ġenerali, kontra t-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn dawn iż-żewġ Stati Membri.

73.      Fl-aħħar nett, il-Gvern Ġermaniż, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, iqajjem il-bżonn li tiġi żgurata l-effikaċja tal-irkupru tat-taxxi. Skont dan il-gvern, it-taxxa f’ras il-għajn hija teknika ta’ rkupru sempliċi u effikaċi, kemm mill-perspettiva tal-amministrazzjoni fiskali kif ukoll minn dik tal-persuni taxxabbli, u hija partikolarment adattata għall-persuni taxxabbli mhux residenti. Madankollu, ma huwiex neċessarju li tiġi rrinunzjata din it-teknika ta’ rkupru tat-taxxa sabiex jiġi allinjat il-piż fiskali tal-fondi ta’ pensjoni mhux residenti ma’ dak tal-fondi residenti. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkalkolat il-piż fiskali teoretiku ta’ fond ta’ pensjoni residenti fuq il-valur tal-attivi li taw id-dritt għad-dividend u li tiġi limitata t-taxxa għal dan l-ammont jekk jirriżulta li jkun inqas minn 15 % ta’ dan id-dividend. Dan il-kalkolu ma jirrappreżentax piż amministrattiv eċċessiv għall-kumpannija li tiddistribwixxi d-dividendi, billi d-data neċessarja, jiġifieri r-renditu tal-bonds tal-gvern tas-sena preċedenti u l-valur tal-azzjonijiet li għandhom il-fondi mhux residenti fil-mument tal-ħlas tad-dividendi, hija magħrufa.

74.      Għaldaqstant, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonstata f’din il-kawża l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, ipprojbita mill-Artikolu 63(1) TFUE, din ir-restrizzjoni ma tkunx iġġustifikata, fl-opinjoni tiegħi, minn ebda raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Minkejja dan, kif indikajt iktar ’il fuq, nemmen li tali restrizzjoni ma teżistix, għaliex id-differenza fit-trattament bejn il-fondi ta’ pensjoni residenti fl-Isvezja u l-fondi mhux residenti tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament komparabbli u, minħabba dan, taqa’ taħt id-deroga li tinsab fl-Artikolu 65(1)(a) TFUE.

 Konklużjoni

75.      Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda magħmula mill-qorti suprema amministrattiva (Högsta förvaltningsdomstolen) b’dan il-mod:

L-Artikolu 63(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 65(1)(a) TFUE, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-dividendi mħallsa minn kumpannija residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn jekk l-azzjonist ma jkunx residenti filwaqt li, fil-każ ta’ azzjonist residenti, dawn id-dividendi huma suġġetti għal tassazzjoni globali, ikkalkolata fil-forma ta’ somma f’daqqa fuq il-bażi ta’ renditu fittizju intiża sabiex tintaxxa b’mod uniformi d-dħul kollu mill-kapital ta’ kategorija partikolari ta’ persuni taxxabbli residenti.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Sentenza Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31, punt 21).


3 – Sentenza Verkooijen (C-35/98, EU:C:2000:294, punti 32 u 34).


4 – Sentenza Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31, punt 31).


5 – Min-naħa l-oħra, il-partijiet ma jaqblux dwar jekk din id-differenza fit-trattament għandhiex riżultat sfavorevoli għall-fondi barranin fir-rigward tal-livell ta’ tassazzjoni effettiva tad-dividendi riċevuti. Ser niddiskuti din il-problema iktar ’il quddiem.


6 – Sentenza Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C-190/12, EU:C:2014:249, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


7 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C-190/12, EU:C:2014:249, punt 42).


8  – Ibidem (punti 54 sa 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9 – Ara, pereżempju, is-sentenza Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C-190/12, EU:C:2014:249).


10 – Ara l-punti 5 u 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


11 – Sentenza Truck Center (C-282/07, EU:C:2008:762, punti 38 u 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12 – Ara, pereżempju, is-sentenza Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C-190/12, EU:C:2014:249, punt 58).


13 – Sentenza Truck Center (C-282/07, EU:C:2008:762, punt 43).


14 – Ibidem, punt 49.


15 – Ara l-punti  61 sa 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


16 – Dan ma għandux jiġi konfuż mat-taxxa doppja ġuridika (jew internazzjonali) li tikkonsisti fl-intaxxar tal-istess dħul f’żewġ Stati differenti. Din it-taxxa doppja ġuridika tirriżulta mill-eżerċizzju tal-kompetenzi fiskali tagħhom mill-Istati differenti. Barra minn hekk din ma hijiex kuntrarja, bħala prinċipju, għal-libertajiet fundamentali tas-suq intern (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kerckhaert u Morres, C-513/04, EU:C:2006:713, punti 16 u 17 u d-dispożittiv).


17 – L-espressjoni hija tal-Avukat Ġenerali Mengozzi (ara l-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, C-190/12, EU:C:2013:710, punt 44).


18 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (270/83, EU:C:1986:37).


19 – Ara, fl-aħħar nett, is-sentenza Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C-190/12, EU:C:2014:249, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20 – Ara, fost oħrajn, is-sentenzi Verkooijen (C-35/98, EU:C:2000:294); Manninen (C-319/02, EU:C:2004:484) u Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, EU:C:2006:774).


21 – Ara, fost oħrajn, is-sentenzi Denkavit Internationaal u Denkavit France (C-170/05, EU:C:2006:783); Bouanich (C-265/04, EU:C:2006:51); Santander Asset Management SGIIC et (C-338/11 sa C-347/11, EU:C:2012:286) u Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C-190/12, EU:C:2014:249).


22 – Sentenza Santander Asset Management SGIIC et (C-338/11 sa C-347/11, EU:C:2012:286, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23 – Enfasi magħmula minni.


24 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C-487/08, EU:C:2010:310, punt 52).


25 – Sentenza Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (C-374/04, EU:C:2006:773, punt 59).


26 – C-338/11 sa C-347/11, EU:C:2012:286.


27 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-342/10, EU:C:2012:688).


28 – Ibidem (punti 42 u 43). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-342/10, EU:C:2012:474, punt 43).


29 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-342/10, EU:C:2012:688, punt 44, b’riferiment għall-punt 43 tas-sentenza Santander Asset Management SGIIC et, C-338/11 sa C-347/11, EU:C:2012:286, iċċitata fil-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


30 – C-342/10, EU:C:2012:688.


31 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Schröder (C-450/09, EU:C:2011:198, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll, fir-rigward tal-fondi ta’ pensjoni, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-600/10, EU:C:2012:737, punt 17).


32–      Sentenza X (C-498/10, EU:C:2012:635, punt 32).


33 – Ara l-punti 18 u 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34 – Ara, f’dan is-sens, anki jekk tikkonċerna qasam differenti, is-sentenza Talotta (C-383/05, EU:C:2007:181, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35 – Ara l-punti 8 u 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


36 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, EU:C:2006:774, punti 152 sa 154).


37 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Truck Center (C-282/07, EU:C:2008:762, punt 49) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Truck Center (C-282/07, EU:C:2008:513, punti 48 u 49).