SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
22 ta’ Ottubru 2015 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud – Sitt Direttiva – Dritt għal tnaqqis – Rifjut – Bejgħ minn entità meqjusa ineżistenti”
Fil-Kawża C-277/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (qorti suprema amministrattiva, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Ġunju 2014, fil-proċedura
PPUH Stehcemp sp. j. Florian Stefanek, Janina Stefanek, Jaroslaw Stefanek
vs
Dyrektor Izby Skarbowej w Łodzi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tar-Raba Awla, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, , D. Šváby, A. Rosas, E. Juhász u C. Vajda Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għad-Dyrektor Izby Skarbowej w Łodzi, minn P. Szczerbiak u T. Szymański, bħala aġenti,
– għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,
– għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2002/38/KE, tas-7 ta’ Mejju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 35, p. 316, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn PPUH Stehcemp sp. j. Florian Stefanek, Janina Stefanek, Jarosław Stefanek (iktar ’il quddiem “PPUH Stehcemp”) u Dyrektor Izby Skarbowej w Łodzi (Direttur tal-uffiċċju tat-taxxa ta’ Łódź) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jaċċetta d-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) tal-input imħallsa minn PPUH Stehcemp fuq tranżazzjonijiet meqjusa suspetti.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Skont l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, hija suġġetta għall-VAT “il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.
4 L-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“1. ‘Persuna taxxabbli’ tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.
2. L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu, magħduda attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika.”
5 Skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva, “provvista ta’ oġġetti” tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà korporali bħala proprjetarju.
6 L-Artikolu 10(1) u (2) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:
“1.
(a) ‘Fatt taxxabbli’ tfisser fatt li permezz tiegħu il-kondizzjonijet legali neċessarji biex ikun hemm taxxa jiġu sodisfatti;
(b) Ikun hemm taxxa meta l-awtorità tat-taxxa ssir intitolata bil-liġi f’mument partikolari biex tiġbor it-taxxa mill-persuna suġġetta li tħallasha, għalkemm iż-żmien għall-ħlas jista’ jkun pospost.
2. Ikun hemm fatt taxxabbli u jkun hemm taxxa meta l-oġġetti jitwasslu jew is-servizzi jingħataw. [...]”
7 Skont l-Artikolu 17(1) tas-Sitt Direttiva, “[i]d-dritt li tnaqqas għandu jqum fl-istess ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir taxxabbli”.
8 L-Artikolu 17(2)(a) ta’ din id-direttiva, fil-verżjoni li tirriżulta mill-Artikolu 28f(1) tagħha, jipprovdi:
“Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:
(a) [il-VAT] dovuta jew mħallsa ġewwa t-territorju tal-pajjiz rigward l-oġġetti jew is-servizzi pprovduti jew li għad għandhom jiġu forniti lilu minn persuna taxxabli oħra”.
9 L’-Artikolu 18(1)(a) tas-Sitt Direttiva, fil-verżjoni li tirriżulta mill-Artikolu 28f(2) tagħha, jipprevedi li, sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għal tnaqqis imsemmi fl-Artikolu 17(2)(a) ta’ din id-direttiva, il-persuna taxxabbli għandha żżomm fattura redatta skont l-Artikolu 22(3) tal-imsemmija direttiva.
10 Dan l-Artikolu 22 li jinsab fit-Titolu XIII tal-istess direttiva intitolat “Obbligazzjonijiet ta’ persuni respondabbli għall-ħlas” jipprovdi fil-paragrafi 1(a), 3(b), 4(a) u 5, fil-verżjoni tagħhom li tirriżulta mill-Artikolu 28h tas-Sitt Direttiva:
“1. (a) Kull persuna taxxabbli għandha tiddikjara meta tibda, tbiddel jew twaqqaf l-attività tagħha bħala persuna taxxabbli. L-Istati Membri għandhom, bla ħsara għal kondizzjonijiet li huma stabbilixxew, jippermettu lill-persuna taxxabbli tagħmel din id-denunzja b’mezzi elettroniċi, u jistgħu ukoll jesieġu li jintużaw mezzi elettroniċi.
[...]
3.
[...]
(b) Mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti speċifiċi stabbiliti b’din id-Direttiva, dawn id-dettalji li ġejjin biss huma meħtieġa għal finijiet ta’ VAT fuq fatturi maħruġa skond l-ewwel, it-tieni u t-tielet sottoparagrafu ta’ punt(a):
– id-data tal-ħruġ;
– numru ta’ sekwenza, ibbażat fuq serje waħda jew aktar, li jidentifika l-fattura b’mod uniku,
– in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT riferut fil-paragrafu 1(ċ) li taħtu l-persuna taxxabbli forniet l-oġġetti jew servizzi;
– fejn il-klijent ikun responsabbli li jħallas taxxa fuq oġġetti fornuti jew servizzi mogħtija jew li kien fornut b’oġġetti kif inhu riferut fl-Artikolu 28ċ(A), in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT kif inhu riferut fil-paragrafu 1(ċ) li taħtu l-oġġetti kienu fornuti jew is-servizzi kienu mogħtija lilu;
– l-isem sħiħ u l-indirizz tal-persuna taxxabbli u tal-klijent tagħha;
– il-kwantità u n-natura ta’ l-oġġetti fornuti jew il-limitu u n-natura tas-servizzi mogħtija;
– id-data li fiha l-provvista ta’ oġġetti jew servizzi kienet saret jew tlestiet jew id-data li fiha l-ħlas fuq il-kont riferut fit-tieni sottoparagrafu tal-punt (a) kien sar, sakemm dik id-data tkun tista’ tkun iddeterminata u tkun tiddifferixxi mid-data tal-ħruġ tal-fattura;
– l-ammont taxxabbli għal kull rata jew eżenzjoni, il-prezz ta l-unità mingħajr taxxa u kull roħs jew ħlas lura jekk ma jkunux inklużi fil-prezz ta l-unità;
– ir-rata ta’ VAT applikata;
– l-ammont ta’ VAT li għandu jitħallas, għajr fejn ikun applikat arranġament speċifiku li għalih din id-Direttiva teskludi dan id-dettall;
[...]
4.
(a) Kull persuna taxxabbli għandha tippreżenta denunzja sa’ terminu perentorju li jkun stabbilit mill-Istati Membri. Dak it-terminu perentorju m’għandux ikun ta’ aktar minn xahrejn mill-aħħar ta’ kull perijodu fiskali. Il-perijodu fiskali għandu jkun stabbilit minn kull Stat Membru f’xahar, f’xahrejn jew tlett xhur. L-Istati Membri jistgħu, madankollu, jistabbilixxu perijodu differenti sakemm dawn ma jaqbżux sena. L-Istati Membri għandhom, bla ħsara għal kondizzjonijiet li huma jistabbilixxu, jippermettu lill-persuna taxxabbli biex tagħmel dawn id-denunzji b’mezzi elettroniċi, u jistgħu jesieġu li jintużaw mezzi elettroniċi.
[...]
5. Kull persuna taxxabbli għandha tħallas l-ammont net tat-taxxa fuq il-valur miżjud meta jissottometti l-prospett. L-Istati Membri jistgħu, madanakollu, jiffissaw data differenti għall-ħlas ta’ l-ammont u jistgħu jitolbu ħlas temporanju.”
Id-dritt Pollakk
11 L-Artikolu 5(1)(1) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq l-oġġetti u s-servizzi (Ustawa r. o podatku od towarów i usług), tal-11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. Nru 54, intestatura 535, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), jipprovdi li l-provvista ta’ oġġetti u ta’ servizzi mwettqa bi ħlas fit-territorju nazzjonali għandu jkun suġġett għat-taxxa fuq l-oġġetti u s-servizzi.
12 Skont l-Artikolu 7(1) ta’ din il-liġi, “provvista ta’ oġġetti” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 5(1)(1) tfisser it-trasferiment tas-setgħa li wieħed jiddisponi minn oġġett bħala proprjetarju.
13 L-Artikolu 15(1) u (2) tal-imsemmija liġi jipprovdi:
“1. Il-persuni ġuridiċi, l-organizzazzjonijiet li ma għandhomx personalità ġuridika, u l-persuni fiżiċi li jwettqu, fuq bażi indipendenti, waħda mill-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 2, irrispettivament mill-iskop u mir-riżultati ta’ din l-attività, huma kkunsidrati bħala persuni taxxabbli.
2. Attività ekonomika tfisser kull attività ta’ produttur, ta’ kummerċjant jew ta’ persuna li tipprovdi servizzi, inklużi l-attivitajiet fil-minjieri, fil-biedja u dawk ta’ professjonijiet liberali jew simili, anki meta l-attività titwettaq darba waħda biss iżda fejn jirriżulta miċ-ċirkustanzi li l-intenzjoni kienet li dik l-attività titwettaq ripetutament. Attività ekonomika tfisser ukoll l-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa.”
14 Skont l-Artikolu 19(1) tal-Liġi dwar il-VAT, l-obbligu fiskali jitnissel fil-mument tal-provvista tal-merkanzija jew ta’ servizzi.
15 Skont l-Artikolu 86(1) ta’ din il-liġi, sa fejn l-oġġetti u s-servizzi jintużaw għall-bżonnijiet tal-attivitajiet taxxabbli tagħha, il-persuna taxxabbli msemmija fl-Artikolu 15 tal-imsemmija liġi għanda d-dritt li tnaqqas mill-ammont tat-taxxa dovut minnha l-ammont ta’ taxxa tal-input. L-Artikolu 86(2) jipprovdi li l-ammont tat-taxxa tal-input huwa ugwali għas-somma tal-ammonti tal-VAT indikati fil-fatturi rċevuti mill-persuna taxxabbli għall-akkwist tal-oġġetti jew tas-servizzi.
16 L-Artikolu 14(2)(1)(a) tad-Digriet tal-Ministru tal-Finanzi tas-27 ta’ April 2004 li jimplementa wħud mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar it-taxxa fuq l-oġġetti u s-servizzi (Dz. U. Nru 97, intestatura 970), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, (iktar ’il quddiem id-“Digriet tas-27 ta’ April 2004”) jipprevedi li, meta l-bejgħ ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi jkunu ġġustifikati minn fatturi jew fatturi korrettivi maħruġa minn operatur ineżistenti jew li ma huwiex awtorizzat joħroġ fatturi jew fatturi korrettivi (iktar ’il quddiem “operatur ineżistenti”), dawn il-fatturi u d-dokumenti doganali la jagħtu dritt għal tnaqqis tat-taxxa dovuta, la għar-rimbors ta’ kreditu ta’ taxxa u lanqas għar-rimbors tat-taxxa tal-input imħallsa.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
17 Matul is-sena 2004, PPUH Stehcemp xtrat diversi drabi karburant tad-diżil li hija użat fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħha. Il-fatturi relatati ma’ dan ix-xiri ta’ karburant inħarġu minn Finnet sp. Z o.o. (iktar ’il quddiem “Finnet”). PPUH Stehcemp naqset il-VAT imħallsa fir-rigward ta’ dan ix-xiri ta’ karburant.
18 Wara kontroll fiskali, l-awtorità fiskali rrifjutatilha, permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ April 2012, id-dritt ta’ tnaqqis ta’ din il-VAT minħabba li l-fatturi relatati mal-imsemmi xiri ta’ karburant kienu nħarġu minn operatur ineżistenti.
19 Id-Direttur tal-uffiċċju tat-taxxa ta’ Łódź ikkonferma din id-deċiżjoni, permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2012, minħabba li Finnet għandha titqies, fid-dawl tal-kriterji previsti mid-Digriet tas-27 ta’ April 2004, li hija operatur ineżistenti u li ma tistax tipprovdi oġġetti. Il-konstatazzjoni dwar l-ineżistenza ta’ Finnet kienet ibbażata fuq numru ta’ elementi, b’mod partikolari fuq il-fatt li din il-kumpannija ma kinitx irreġistrata għall-finijiet tal-VAT, ma kinitx tissottometti prospett tat-taxxa u ma kinitx tħallas taxxi. Barra minn hekk, l-imsemmija kumpannija ma kinitx tippubblika l-kontijiet annwali tagħha u ma kellhiex konċessjoni għall-bejgħ ta’ kombustibbli likwidi. Il-bini indikat bħala l-uffiċċju rreġistrat tagħha fir-reġistru tal-kummerċ huwa fi stat ta’ rovina li jirrendi impossibbli kwalunkwe attività ekonomika. Fl-aħħar nett, kull tentattiv li jsir kuntatt ma’ Finnet jew mal-persuna rreġistrata bħala d-direttur tagħha fir-reġistru tal-kummerċ safa bla suċċess.
20 PPUH Stehcemp ippreżentat rikors quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Łodzi (tribunal amministrattiv ta’ voïvodie de Łódź) kontra d-deċiżjoni tad-Direttur tal-uffiċċju tat-taxxa ta’ Łódź tad-29 ta’ Mejju 2012. Dan ir-rikors ġie miċħud minħabba li FINNET kienet operatur ineżistenti fid-data tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li PPUH Stehcemp ma wrietx diliġenza raġonevoli billi naqset milli tivverifika jekk dawn it-tranżazzjonijiet kinux involuti fi frodi.
21 PPUH Stehcemp appellat fil-kassazzjoni quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (qorti suprema amministrattiva) billi invokat ksur tal-Artikolu 86(1) u (2)(1)(a) tal-Liġi dwar il-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva.
22 Insostenn tal-appell tagħha fil-kassazzjoni, PPUH Stehcemp issostni li jmur kontra l-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT li persuna taxxabbli in bona fide tiċċaħħad mid-dritt għal tnaqqis. Issa, hija rċeviet mingħand FINNET dokumenti ta’ reġistrazzjoni li jistabbilixxu li din il-kumpannija kienet operatur li jopera legalment, jiġifieri silta mir-reġistru tal-kummerċ, l-allokazzjoni ta’ numru ta’ identifikazzjoni fiskali u ċertifikat tal-allokazzjoni ta’ numru ta’ identifikazzjoni tal-istatistika.
23 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-importanza li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-bona fide tal-persuna taxxabbli fil-kuntest tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Optigen et, C-354/03, C-355/03 u C-484/03, EU:C:2006:16; Kittel u Recolta Recycling, C-439/04 u C-440/04, EU:C:2006:446;Mahagében u Dávid, C-80/11 u C-142/11, EU:C:2012:373; Tóth, C-324/11, EU:C:2012:549, kif ukoll id-digrieti Forvards V, C-563/11, EU:C:2013:125, u Jagiełło, C-33/13, EU:C:2014:184). Hija tqis li l-bona fide tal-persuna taxxabbli ma tistax tagħti lok għal dritt għal tnaqqis tal-VAT jekk il-kundizzjonijiet materjali ta’ dan id-dritt ma jkunux issodisfatti. B’mod partikolari, hija tistaqsi dwar il-punt jekk akkwist ta’ oġġetti jistax jiġi kklassifikat bħala provvista ta’ oġġetti meta l-fatturi relatati ma’ din it-tranżazzjoni jindikaw operatur ineżistenti u meta jkun impossibbli li tiġi ddeterminata l-identità tal-fornitur reali tal-oġġetti inkwistjoni. Fil-fatt, operatur ineżistenti la jista’ jittrasferixxi s-setgħa li jiddisponi mill-merkanzija bħala proprjetarju u lanqas jirċievi ħlas. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtoritajiet fiskali ma għandhomx kreditu fiskali li jista’ jiġi infurzat, b’tali mod li l-ebda taxxa ma tkun dovuta.
24 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, in-Naczelny Sąd Administracyjny (qorti suprema amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikoli 2(1), 4(1) u (2), 5(1), u 10(1) u (2) tas-Sitt Direttiva [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li tranżazzjoni mwettqa f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, fejn la l-persuna taxxabbli u lanqas l-awtorità fiskali ma jinsabu f’pożizzjoni li jistabbilixxu l-identità tal-fornitur reali tal-oġġetti, hija kunsinna [provvista] ta’ oġġetti?
2) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikoli 17(2)(a), 18(1)(a) u 22(3) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, tipprojbixxi lill-persuna taxxabbli milli tnaqqas it-taxxa peress li l-fattura nħarġet minn operatur li ma huwiex il-fornitur reali tal-oġġetti u peress li ma huwiex possibbli li tiġi stabbilita l-identità tal-imsemmi fornitur u li jiġi obbligat iħallas it-taxxa, jew li tiġi ddeterminata l-persuna li għandha toħroġ il-fattura skont l-Artikolu 21(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva?”
Fuq id-domandi preliminari
25 Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrifjuta lil persuna taxxabbli d-dritt li tnaqqas il-VAT dovuta jew imħallsa għal oġġetti li ġew provduti lilha minħabba li l-fattura nħarġet minn operatur li għandu jitqies, fid-dawl tal-kriterji previsti minn din il-leġiżlazzjoni, li huwa operatur ineżistenti u li huwa impossibbli li tiġi stabbilita l-identità tal-fornitur reali tal-oġġetti.
26 Skont ġurisprudenza ferm stabbilita, id-dritt għal tnaqqis previst fl-Artikoli 17 et seq. tas-Sitt Direttiva huwa prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT li, fil-prinċipju, ma jistax jiġi limitat u li jiġi eżerċitat mill-ewwel fir-rigward tat-taxxi kollha imposti fuq it-tranżazzjonijiet relatati ma’ inputs (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Mahagében u Dávid, C-80/11 u C-142/11, EU:C:2012:373, punti 37 u 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; Bonik, C-285/11, EU:C:2012:774, punti 25 u 26, kif ukoll Petroma Transports et, C-271/12, EU:C:2013:297, punt 22).
27 Is-sistema ta’ tnaqqis hija intiża sabiex il-kummerċjant jinħeles għal kollox mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu kollha. Is-sistema komuni tal-VAT konsegwentement tiggarantixxi n-newtralità fir-rigward tal-piż fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għanijiet u r-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, sakemm l-imsemmija attivitajiet ikunu, bħala prinċipju, huma stess suġġetti għall-VAT (ara s-sentenzi Dankowski, C-438/09, EU:C:2010:818, punt 24;Tóth, C-324/11, EU:C:2012:549, punt 25, kif ukoll id-digrieti Forvards V, C-563/11, EU:C:2013:125, punt 27, u Jagiełło, C-33/13, EU:C:2014:184, punt 25).
28 Għal dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet materjali meħtieġa sabiex jitnissel id-dritt għal tnaqqis, mill-kliem tal-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva jirriżulta li, sabiex tibbenefika minn dan id-dritt, hemm bżonn, minn naħa, li l-persuna kkonċernata tkun persuna taxxabbli fis-sens ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, li l-oġġetti jew is-servizzi invokati bħala bażi tal-imsemmi dritt jintużaw fir-rigward tal-outputs mill-persuna taxxabbli għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha stess u li, bħala inputs, dawn l-oġġetti jew servizzi jiġu pprovduti minn persuna taxxabbli oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Centralan Property, C-63/04, EU:C:2005:773, punt 52;Tóth, C-324/11, EU:C:2012:549, punt 26, u Bonik, C-285/11, EU:C:2012:774, punt 29, kif ukoll id-digriet Jagiełło, C-33/13, EU:C:2014:184, punt 27).
29 Għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet formali tad-dritt għal tnaqqis, l-Artikolu 18(1)(a) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li l-persuna taxxabbli trid iżomm fattura miktuba b’mod konformi mal-Artikolu 22(3) ta’ din id-direttiva. Skont dan l-Artikolu 22(3)(b), il-fattura għandha ssemmi b’mod distint, fost oħrajn, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT li taħtu l-persuna taxxabbli wettqet il-provvista, l-isem komplut tagħha u l-indirizz tagħha kif ukoll il-kwantità u n-natura tal-oġġetti pprovduti.
30 Għal dak li jirrigwarda l-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li PPUH Stehcemp, li tixtieq teżerċita d-dritt għal tnaqqis, għandha l-kwalità ta’ persuna taxxabbli fis-sens tas-Sitt Direttiva, li hija effettivament irċeviet u ħallset l-oġġetti kkonċernati, jiġifieri l-karburant, indikati fuq il-fattura maħruġa minn Finnet u li hija użat dawn l-oġġetti sussegwentement għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha.
31 Madankollu, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li t-tranżazzjoni msemmija fuq il-fattura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tagħti lok għad-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa, peress li, għalkemm Finnet kienet irreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ, din il-kumpannija għandha titqies, fid-dawl tal-kriterji previsti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kienet operatur ineżistenti fid-data ta’ dawn il-provvisti ta’ karburant. Skont l-imsemmija qorti, din l-ineżistenza tirriżulta mill-fatt li Finnet ma kinitx irreġistrata għall-finijiet tal-VAT, ma kinitx tissottometti prospett tat-taxxa, ma kinitx tħallas taxxa u ma kellhiex konċessjoni għall-bejgħ ta’ kombustibbli likwidi. Barra minn hekk, l-istat ta’ rovina tal-bini indikat bħala l-uffiċċju rreġistrat tagħha kien irendi impossibbli kwalunkwe attività ekonomika.
32 Billi tqies li tali operatur ineżistenti la jista’ jipprovdi oġġetti u lanqas joħroġ fattura relatata ma’ tali provvista skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tas-Sitt Direttiva, il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li ma hemmx provvista ta’ oġġetti fis-sens ta’ din id-direttiva, peress li l-fornitur reali ta’ dawn l-oġġetti lanqas ma jista’ jiġi identifikat.
33 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-kriterju tal-eżistenza tal-fornitur tal-oġġetti jew tad-dritt tiegħu li joħroġ fatturi, bħalma jirriżulta mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif interpretata mill-qorti nazzjonali, ma jinsabx fost il-kundizzjonijiet għad-dritt għal tnaqqis irrilevati fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li dan il-fornitur għandu jkollu l-kwalità ta’ persuna taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, il-kriterji li għalihom il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif interpretata mill-qorti nazzjonali, tissottometti l-eżistenza tal-fornitur jew tad-dritt tiegħu li joħroġ fatturi ma għandhomx imorru kontra rekwiżiti bħal dawk li jirriżultaw mill-kwalità ta’ persuna taxxabbli fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
34 Skont l-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva, persuna taxxabbli tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq attivitajiet ekonomiċi ta’ produttur, kummerċjant jew fornitur ta’ servizzi, irrispettivament mill-iskop jew ir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet. Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “persuna taxxabbli” huwa ddefinit b’mod wiesa’, fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi fattwali (ara s-sentenza Tóth, C-324/11, EU:C:2012:549, punt 30).
35 Għal dak li jirrigwarda Finnet, tali attività ekonomika ma tidhirx li hija eskluża fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ madwar il-provvista ta’ karburant inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Din il-konklużjoni ma hijiex imminata mill-fatt, irrilevat mill-qorti tar-rinviju, li l-istat ta’ rovina tal-bini li fih jinsab l-uffiċċju rreġistrat ta’ Finnet ma jippermetti ebda attività ekonomika, peress li tali konstatazzjoni ma teskludix li din l-attività setgħet isseħħ f’postijiet oħra li ma humiex l-uffiċċju rreġistrat. B’mod partikolari, meta l-attività ekonomika inkwistjoni tikkonsisti f’provvista ta’ oġġetti mwettqa fil-kuntest ta’ diversi istanzi ta’ bejgħ suċċessivi, l-ewwel xerrej u bejjiegħ mill-ġdid ta’ dawn l-oġġetti jistgħu sempliċement jordnaw lill-ewwel bejjiegħ jittrasporta l-oġġetti inkwistjoni direttament lit-tieni xerrej (ara d-digrieti Forvards V, C-563/11, EU:C:2013:125, punt 34, u Jagiełło, C-33/13, EU:C:2014:184, punt 32), mingħajr ma huma stess ikollhom neċessarjament il-mezzi ta’ ħażna u ta’ trasport indispensabbli sabiex issir il-provvista tal-oġġetti inkwistjoni.
36 Bl-istess mod, l-eventwali impossibbiltà li jiġi stabbilit kuntatt ma’ Finnet jew mal-persuna rreġistrata bħala d-direttur tagħha fir-reġistru tal-kummerċ fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi ma tippermettix li jiġi konkluż awtomatikament li ma kienx hemm attività ekonomika fid-data ta’ dawn il-provvisti, peress li dawn it-tentattivi ta’ kuntatt seħħew matul perijodu qabel jew wara l-provvisti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
37 Barra minn hekk, mill-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva ma jirriżultax li l-kwalità ta’ persuna taxxabbli tiddependi minn xi awtorizzazzjoni jew liċenzja mogħtija mill-amministrazzjoni sabiex tiġi eżerċitata attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tóth, C-324/11, EU:C:2012:549, punt 30).
38 Ċertament, l-Artikolu 22(1)(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi li kull persuna taxxabbli għandha tiddikjara meta tibda, meta tbiddel jew meta ttemm l-attività tagħha bħala persuna taxxabbli. Madankollu, minkejja l-importanza ta’ tali dikjarazzjoni sabiex is-sistema tal-VAT tiffunzjoni b’mod tajjeb, din id-dikjarazzjoni ma tikkostitwixxix kundizzjoni supplimentari meħtieġa għar-rikonoxximent tal-kwalità ta’ persuna taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 4 tal-istess direttiva, fid-dawl tal-fatt li dan l-Artikolu 22 jinsab taħt it-Titolu XIII tagħha intitolat “Obbligazzjonijiet ta’ persuni responsabbli għall-ħlas” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tóth, C-324/11, EU:C:2012:549, punt 31).
39 Isegwi li din il-kwalità lanqas ma tista’ tiddependi mill-osservanza tal-obbligi tal-persuna taxxabbli, li jirriżultaw mill-paragrafi 4 u 5 tal-imsemmi Artikolu 22, li tissottometti prospett tat-taxxa u li tħallas il-VAT. A fortiori, ir-rikonoxximent tal-kwalità ta’ persuna taxxabbli ma jistax jiġi suġġett għall-obbligu li hija tippubblika l-kontijiet annwali jew li jkollha konċessjoni għall-bejgħ tal-karburant, billi dawn l-obbligi ma humiex previsti mis-Sitt Direttiva.
40 F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li nuqqas eventwali mill-fornitur tal-oġġetti li jwettaq l-obbligu li jiddikjara l-bidu tal-attività taxxabbli tiegħu ma jistax jimmina d-dritt għal tnaqqis tad-destinatarju tas-servizzi pprovduti f’dak li jikkonċerna l-VAT imħallsa minnhom. Għaldaqstant, l-imsemmi destinatarji jibbenefika mid-dritt għal tnaqqis anki jekk il-fornitur tal-oġġetti jkun persuna taxxabbli li ma hijiex irreġistrata għall-finijiet tal-VAT, meta l-fatturi relatati mal-oġġetti pprovduti jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikolu 22(3)(b) tas-Sitt Direttiva, b’mod partikolari dik neċessarja għall-identifikazzjoni tal-persuna li tkun ħarġet il-fatturi u n-natura tal-imsemmija oġġetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dankowski, C-438/09, EU:C:2010:818, punti 33, 36 u 38, kif ukoll Tóth, C-324/11, EU:C:2012:549, punt 32).
41 Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-awtoritajiet fiskali ma jistgħux jirrifjutaw id-dritt għal tnaqqis għar-raġuni li l-persuna li toħroġ il-fattura ma għandhiex iktar il-karta ta’ kummerċjant individwali u li, għalhekk, ma għandhiex iktar id-dritt li tuża n-numru ta’ identifikazzjoni fiskali tagħha, meta din il-fattura tinkludi l-informazzjoni kollha stabbilita fl-imsemmi Artikolu 22(3)(b) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tóth, C-324/11, EU:C:2012:549, punt 33).
42 F’dan il-każ, mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fatturi relatati mat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jsemmu, konformement mal-imsemmija dispożizzjoni, fost l-oħrajn, in-natura tal-oġġetti pprovduti u l-ammont tal-VAT dovut, kif ukoll isem Finnet, in-numru ta’ identifikazzjoni fiskali tagħha u l-indirizz tal-uffiċċju rreġistrat tagħha. Għaldaqstant, il-fatti rrilevati mill-qorti tar-rinviju u miġbura fil-qosor fil-punt 31 ta’ din is-sentenza ma jippermettux li jiġi konkluż li Finnet ma għadhiex il-kwalità ta’ persuna taxxabbli u lanqas, għaldaqstant, li PPUH Stehcemp tiġi rrifjutata d-dritt għal tnaqqis.
43 Fit-tieni lok, għandu jingħad ukoll li, għal dak li jirrigwarda l-provvisti tal-karburant inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kundizzjonijiet materjali l-oħra tad-dritt għal tnaqqis, irrilevati fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, kienu wkoll issodisfatti, minkejja l-eventwali ineżistenza ta’ Finnet fid-dawl tad-Digriet tas-27 ta’ April 2004.
44 Fil-fatt, peress li l-kunċett ta’ “provvista ta’ oġġetti” msemmi fl-Artikolu 5(1) tas-Sitt Direttiva ma jirreferix għat-trasferiment ta’ proprjetà fil-forom previsti mid-dritt nazzjonali applikabbli, iżda jkopri kull tranżazzjoni ta’ trasferiment ta’ oġġett korporali minn parti li tawtorizza lill-parti l-oħra tiddisponi minnu bħallikieku kienet il-proprjetarja ta’ dan l-oġġett (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Shipping and Forwarding Enterprise Safe, C-320/88, EU:C:1990:61, punt 7, kif ukoll Dixons Retail, C-494/12, EU:C:2013:758, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-eventwali assenza ta’ setgħa ta’ Finnet li tiddisponi legalment mill-oġġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax teskludi provvista ta’ dawn l-oġġetti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li l-imsemmija oġġetti ġew effettivament ikkunsinnati lil PPUH Stehcemp li użathom għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha.
45 Barra minn hekk, il-VAT li PPUH Stehcemp effettivament ħallset fir-rigward tal-provvisti tal-karburant inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont l-informazzjoni li tinsab fil-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, kienet ukoll “dovuta jew mħallsaˮ fis-sens tal-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li, l-VAT tapplika għal kull tranżazzjoni ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni, wara li titnaqqas it-taxxa direttament imposta fuq l-ispiża tad-diversi elementi li jikkostitwixxu l-prezz (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Optigen et, C-354/03, C-355/03 u C-484/03, EU:C:2006:16, punt 54;Kittel u Recolta Recycling, C-439/04 u C-440/04, EU:C:2006:446, punt 49, kif ukoll Bonik, C-285/11, EU:C:2012:774, punt 28). Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk il-fornitur tal-oġġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ħallasx jew le l-VAT dovuta fuq dawn it-tranżazzjonijiet lit-Teżor pubbliku ma taffettwax id-dritt tal-persuna taxxabbli li tnaqqas il-VAT tal-input (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Optigen et, C-354/03, C-355/03 u C-484/03, EU:C:2006:16, punt 54, kif ukoll Véleclair, C-414/10, EU:C:2012:183, punt 25).
46 Issa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tqis li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma twettqux minn Finnet, iżda minn operatur ieħor li kien impossibbli li jiġi identifikat, b’tali mod li l-awtoritajiet fiskali ma setgħux jirkupraw it-taxxa relatata ma’ dawn it-tranżazzjonijiet.
47 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni fiskali u l-abbużi possibbli hija għan rikonoxxut u inkoraġġut mis-Sitt Direttiva. Għaldaqstant, huwa l-obbligu tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali li jirrifjutaw il-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis jekk jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, li dan id-dritt huwa invokat b’mod frodulenti jew abbużiv (ara s-sentenzi Bonik, C-285/11, EU:C:2012:774, punti 35 u 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u Maks Pen, C-18/13, EU:C:2014:69, punt 26).
48 Għalkemm dan huwa l-każ meta l-evażjoni fiskali titwettaq mill-persuna taxxabbli nnifisha, dan huwa wkoll il-każ meta persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li, bl-akkwist tagħha, hija kienet qed tipparteċipa fi tranżazzjoni involuta fi frodi tal-VAT. F’tali ċirkustanzi, il-persuna taxxabbli kkonċernata għandha, għall-finijiet tas-Sitt Direttiva, titqies li hija parteċipant f’din il-frodi, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk tiħux benefiċċju jew le mill-bejgħ mill-ġdid tal-merkanzija jew mill-użu tas-servizzi fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet taxxabbli mwettqa minnha sussegwentement (ara s-sentenzi Bonik, C-285/11, EU:C:2012:774, punti 38 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u Maks Pen, C-18/13, EU:C:2014:69, punt 27).
49 Min-naħa l-oħra, meta l-kundizzjonijiet materjali u formali previsti mis-Sitt Direttiva għat-tnissil u l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis huma ssodisfatti, ma huwiex kompatibbli mas-sistema tad-dritt għal tnaqqis prevista minn din id-direttiva li, permezz tar-rifjut ta’ dan id-dritt, tiġi ssanzjonata persuna taxxabbli li ma kinitx taf u ma setgħetx tkun taf li t-tranżazzjoni kkonċernata kienet involuta fi frodi mwettqa mill-fornitur jew li tranżazzjoni oħra li tagħmel parti mill-katina ta’ provvista, qabel jew wara dik imwettqa mill-imsemmija persuna taxxabbli, kienet ivvizzjata bi frodi tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Optigen et, C-354/03, C-355/03 u C-484/03, EU:C:2006:16; punti 51, 52 u 55;Kittel et Recolta Recycling, C-439/04 u C-440/04, EU:C:2006:446, punti 44 sa 46 u 60, kif ukoll Mahagében u Dávid, C-80/11 u C-142/11, EU:C:2012:373, punti 44, 45 u 47).
50 Huwa l-obbligu tal-awtorità fiskali, li tkun ikkonstatat frodi jew irregolaritajiet imwettqa mill-persuna li toħroġ il-fattura, li tistabbilixxi, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi u mingħajr ma d-destinatarju tal-fattura jiġi obbligat iwettaq verifiki li ma huwiex obbligat iwettaq, li dan id-destinatarju kien jaf jew kellu jkun jaf li t-tranżazzjoni li fuqha huwa bbażat id-dritt għal tnaqqis kienet involuta fi frodi tal-VAT, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Bonik, C-285/11, EU:C:2012:774, punt 45, u LVK – 56, C-643/11, EU:C:2013:55, punt 64).
51 Id-determinazzjoni tal-miżuri li jistgħu, f’każ bħal dan, ikunu meħtieġa b’mod raġonevoli minn persuna taxxabbli li tixtieq teżerċita d-dritt għal tnaqqis tal-VAT sabiex tiżgura ruħha li t-tranżazzjonijiet tagħha ma jkunux involuti fi frodi mwettqa minn operatur fi stadju preċedenti tiddependi essenzjalment miċ-ċirkustanzi tal-imsemmi każ inkwistjoni (ara s-sentenza Mahagében u Dávid, C-80/11 u C-142/11, EU:C:2012:373, punt 59, kif ukoll id-digriet Jagiełło, C-33/13, EU:C:2014:184, punt 37).
52 Għalkemm persuna taxxabbli tista’ tiġi obbligata, meta jkun hemm indizji li jindikaw is-suspett ta’ irregolaritajiet jew ta’ frodi, tinforma ruħha dwar il-fornitur li mingħandu tkun qed tikkunsidra tixtri oġġetti jew servizzi sabiex tiżgura ruħha mill-affidabbiltà tiegħu, l-awtorità fiskali ma tistax, madankollu, teżiġi b’mod ġenerali mill-imsemmija persuna taxxabbli, minn naħa, li tivverifika li l-persuna li toħroġ il-fattura relatata mal-oġġetti jew mas-servizzi li abbażi tagħhom huwa mitlub l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandha l-oġġetti inkwistjoni u hija f’pożizzjoni li tipprovdihom u li tissodisfa l-obbligi tagħha li tiddikjara u li tħallas il-VAT, sabiex tiżgura ruħha li ma jeżistux irregolaritajiet jew frodi fuq il-livell tal-operaturi li joperaw fi stadju preċedenti jew, min-naħa l-oħra, li għandha dokumenti f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Mahagében et Dávid, C-80/11 u C-142/11, EU:C:2012:373, punti 60 u 61;Stroy trans, C-642/11, EU:C:2013:54, punt 49, kif ukoll id-digriet Jagiełło, C-33/13, EU:C:2014:184, punti 38 u 39).
53 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrifjuta lil persuna taxxabbli d-dritt li tnaqqas il-VAT dovuta jew imħallsa għal oġġetti li ġew provduti lilha minħabba li l-fattura nħarġet minn operatur li għandu jitqies, fid-dawl tal-kriterji previsti minn din il-leġiżlazzjoni, li huwa operatur ineżistenti u li huwa impossibbli li tiġi stabbilita l-identità tal-fornitur reali tal-oġġetti, ħlief jekk jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi u mingħajr ma l-persuna taxxabbli tiġi obbligata twettaq verifiki li ma hijiex obbligata twettaq, li din il-persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li l-imsemmija provvista kienet involuta fi frodi tal-VAT, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
Fuq l-ispejjeż
54 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Id-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2002/38/KE, tas-7 ta’ Mejju 2002, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrifjuta lil persuna taxxabbli d-dritt li tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew imħallsa għal oġġetti li ġew provduti lilha minħabba li l-fattura nħarġet minn operatur li għandu jitqies, fid-dawl tal-kriterji previsti minn din il-leġiżlazzjoni, li huwa operatur ineżistenti u li huwa impossibbli li tiġi stabbilita l-identità tal-fornitur reali tal-oġġetti, ħlief jekk jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi u mingħajr ma l-persuna taxxabbli tiġi obbligata twettaq verifiki li ma hijiex obbligata twettaq, li din il-persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li l-imsemmija provvista kienet involuta fi frodi tat-taxxa fuq il-valur miżjud, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.