SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
9 ta’ Lulju 2015 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tassazzjoni — Taxxa fuq il-valur miżjud — Sitt Direttiva 77/388/KEE — Artikoli 2(1), u 4(1) — Issuġġettar għat-taxxa — Tranżazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli — Bejgħ ta’ artijiet assenjati lill-assi privati ta’ persuna fiżika li teżerċita l-professjoni ta’ imprenditur indipendenti — Persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”
Fil-Kawża C-331/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vrhovno sodišče (is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Lulju 2014, fil-proċedura
Petar Kezić, s.p., Trgovina Prizma
vs
Republika Slovenija,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J.-C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev, J. L. da Cruz Vilaça u C. Lycourgos, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Petar Kezić, s.p., Trgovina Prizma, minn B. Ozimek, odvetnica,
– għall-Gvern Sloven, minn A. Grum, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u B. Rous Demiri, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(1) u 4(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Petar Kezic s.p., Trgovina Prizma (Petar Kezic, persuna fiżika li teżerċita l-professjoni ta’ imprenditur indipendenti taħt l-isem “Trgovina Prizma”) u r-Republika Slovenija, irrappreżentata mill-Ministrstvo za finance (Ministeru tal-Finanzi), rigward l-issuġġettar tal-bejgħ ta’ artijiet għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem, il-“VAT”).
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva jipprevedi:
“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għa[ll-VAT]:
1. Il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;
[...]”
4 Skont l-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-direttiva:
“1. ‘Persuna taxxabbli’ tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.
2. L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu, magħduda attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika.”
Id-dritt Sloven
5 Is-Sitt Direttiva ġiet trasposta fid-dritt Sloven permezz tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud [Zakon o davku na dodano vrednost (Uradni list RS, št. 89/98, p. 8433, iktar ’il quddiem, iż-“ZDDV”)] li tipprevedi, fl-Artikolu 3(1) tagħha, li huma suġġetti għall-VAT il-kunsinni ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tar-Repubblika Slovena minn persuna taxxabbli fil-kors tal-attività ekonomika tagħha.
6 Skont l-Artikolu 27 ta’ din il-liġi, it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli huwa eżentat mill-VAT, bl-eċċezzjoni tal-ewwel trasferiment tad-dritt fuq proprjetà jew tad-dritt li wieħed jittrasferixxi bini ġdid.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
7 P. Kezić ilu mill-1995 irreġistrat bħala imprenditur indipendenti li jeżerċita l-professjoni tiegħu bħala persuna fiżika taħt l-isem kummerċjali “Trgovina Prizma”.
8 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, bejn l-1998 u l-2002, P. Kezić akkwista, mhux bħala imprenditur indipendenti iżda fi kwalità privata, seba’ biċċiet ta’ art. Tnejn minnhom ġew akkwistati minn persuna fiżika, matul is-snin 1998 u 2000, filwaqt li l-ħames biċċiet ta’ art l-oħra ġew akkwistati minn kumpannija kummerċjali, matul is-snin 2001 u 2002. P. Kezić ma kienx meħtieġ iħallas il-VAT fuq dawn id-diversi akkwisti.
9 Bejn is-snin 2001 u 2003, P. Kezić kiseb l-awtorizzazzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-kostruzzjoni ta’ ċentru kummerċjali fuq is-seba’ biċċiet ta’ art imsemmija hawn fuq. Imbagħad, inkwantu imprenditur indipendenti, huwa beda l-kostruzzjoni fix-xahar ta’ Mejju 2003.
10 Fix-xahar ta’ Ġunju 2003, P. Kezić assenja lill-assi tal-impriża tiegħu l-ħames biċċiet ta’ art akkwistati l-aħħar, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tagħhom stmat minn espert tal-qorti. Min-naħa l-oħra, huwa żamm iż-żewġ biċċiet ta’ art l-oħra fl-assi privati tiegħu (iktar ’il quddiem, l-“artijiet inkwistjoni”).
11 Matul is-sena 2004, P. Kezić biegħ iċ-ċentru kummerċjali u s-seba’ biċċiet ta’ art li fuqhom huwa kien bena l-imsemmi ċentru kummerċjali lil żewġ kumpanniji kummerċjali. B’dan il-mod, huwa biegħ, minn naħa, inkwantu imprenditur indipendenti, billi ffattura lix-xerrejja l-VAT tal-output, il-parti taċ-ċentru kummerċjali u l-ħames biċċiet ta’ art li fuqhom inbniet din il-parti u, min-naħa l-oħra, inkwantu persuna fiżika privata, il-biċċiet ta’ art inkwistjoni kif ukoll il-parti l-oħra taċ-ċentru kummerċjali mibnija fuqhom, iżda mingħajr ma ffattura l-VAT tal-output.
12 Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2004, l-awtorità fiskali kompetenti, peress li qieset li l-bejgħ tal-biċċiet ta’ art inkwistjoni kien jaqa’ taħt l-attività ekonomika eżerċitata minn P. Kezić bħala imprenditur indipendenti, talbitu jħallas il-VAT relatat ma’ dan il-bejgħ.
13 Fit-18 ta’ Lulju 2007, il-Ministeru tal-Finanzi ċaħad bħala infondat l-appell ippreżentat minn P. Kezić kontra din id-deċiżjoni.
14 L-Upravno sodišče (qorti amministrattiva) ikkonfermat din id-deċiżjoni u, permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Mejju 2011, il-Vrhovno sodišče (qorti suprema) ċaħdet l-appell għal “Reviżjoni” ppreżentat minn P. Kezić. Din is-sentenza ġiet madankollu annullata mill-Ustavno sodišče (qorti kostituzzjonali) li, permezz tad-deċiżjoni tagħha tal-21 ta’ Novembru 2013, irrinvijat il-kawża lill-Vrhovno sodišče għal eżami mill-ġdid.
15 Il-qorti tar-rinviju tqis li t-tilwima quddiemha tinvolvi determinazzjoni tal-kundizzjonijiet li taħthom is-Sitt Direttiva tippermetti lil persuna taxxabbli li teskludi proprjetà li hija tuża fl-eżerċizzju tal-attività ekonomika tagħha mis-sistema tal-VAT.
16 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vrhovno sodišče ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 4(1) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ odjern, (persuna akkwistat artijiet bħala persuna fiżika mingħajr ma taxxa tal-input fuq il-valur miżjud, bniet fuq dawn l-artijiet bħala negozjant indipendenti ċentru kummerċjali, irreġistrat fost l-attivi tal-impriża tagħha abbażi ta’ regoli tal-kontabbiltà nazzjonali parti biss mill-artijiet li fuqhom hija bniet iċ-ċentru kummerċjali u sussegwentement biegħet iċ-ċentru kummerċjali flimkien mal-artijiet kollha lis-soċju akkomandanti tal-bini), għandu jiġi kkunsidrat li din il-persuna, peress li ma rreġistratx l-artijiet fost l-attivi tal-impriża tagħha, ma inkludiethomx fis-sistema tal-VAT u għalhekk ma hijiex suġġetta għall-obbligu li tikkalkula u li tħallas it-taxxa tal-output fuq il-valur miżjud waqt il-bejgħ tal-imsemmija artijiet?”
Fuq id-domanda preliminari
17 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 2(1) u 4(1) tas-Sitt Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn persuna taxxabbli tkun akkwistat biċċiet ta’ art, li wħud minnhom ġew assenjati lill-assi privati tagħha u oħrajn lill-impriża tagħha, u li fuqhom kollha hija bniet, fil-kwalità tagħha ta’ persuna taxxabbli, ċentru kummerċjali li hija mbagħad biegħet, flimkien mal-biċċiet ta’ art li fuqhom kienet ittellgħet din il-kostruzzjoni, il-bejgħ tal-biċċiet ta’ art li kienu assenjati lill-assi privati ta’ din il-persuna taxxabbli għandu jkun suġġett għall-VAT.
18 Mill-kliem tal-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva jirriżulta li persuna taxxabbli għandha taġixxi “bħala tali” sabiex tranżazzjoni tista’ tkun suġġetta għall-VAT. Min-naħa l-oħra, persuna taxxabbli li twettaq tranżazzjoni fi kwalità privata ma taġixxix bħala persuna taxxabbli u din it-tranżazzjoni ma tkunx suġġetta għall-VAT (ara f’dan is-sens, is-sentenzi Armbrecht, C-291/92, EU:C:1995:304, punti 16 sa 18, u Bakesi, C-415/98, EU:C:2001:136, punt 24).
19 Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “persuna taxxabbli” huwa ddefinit b’relazzjoni ma’ dak ta’ “attività ekonomika” li, skont l-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva, jinkludi l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jipprovdu servizzi u, b’mod partikolari, it-tranżazzjonijiet li jinkludu l-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa (ara f’dan is-sens, is-sentenza Slaby et, C-180/10 u C-181/10, EU:C:2011:589, punti 43 u 44).
20 Barra minn hekk, fil-każ ta’ użu ta’ investiment kemm għal skop professjonali kif ukoll privat, il-persuna kkonċernata għandha l-għażla, għall-iskopijiet tal-VAT, jew li tinkludih fl-intier tiegħu fl-assi tal-impriża tagħha, jew li żżommu fl-intier tiegħu fl-assi privati tagħha u b’hekk teskludih kompletament mis-sistema tal-VAT, jew inkella li tintegrah fl-impriża tagħha biss sa fejn jintuża effettivament għal skopijiet professjonali (ara s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005, Charles u Charles-Tijmens, C-434/03, Ġabra p. I-7037, punt 23). Għalhekk, tali proprjetà tista’ tiġi eskluża mis-sistema tal-VAT anki jekk tintuża parzjalment għall-bżonnijiet tal-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli, li mbagħad ssib ruħha, madankollu, imċaħħda minn kull dritt għal tnaqqis (ara s-sentenza Bakcsi, C-415/98, EU:C:2001:136, punt 27).
21 Barra minn hekk, persuna taxxabbli li tbigħ tali proprjetà, li hija tkun għażlet li tirriżerva parti minnha għall-użu privat tagħha, ma taġixxix bħala tali fir-rigward tal-bejgħ ta’ dik il-parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Armbrecht, C-291/92, EU:C:1995:304, punt 24). Madankollu, għandha turi, li matul il-perijodu kollu li hija jkollha l-proprjetà inkwistjoni, l-intenzjoni li żżomm parti minnha fl-assi privati tagħha (sentenza Armbrecht, C-291/12, EU:C:1995:304, punt 21).
22 Madankollu, ma jistax jiġi dedott mill-ġurisprudenza msemmija hawn fuq li l-bejgħ minn persuna taxxabbli ta’ art li hija kienet assenjat lill-assi privati tagħha ma hijiex suġġetta għall-VAT għal dik ir-raġuni biss. Fil-fatt, peress li t-tranżazzjonijiet magħmula bi ħlas minn persuna taxxabbli huma fil-prinċipju suġġetti għall-VAT meta din tkun aġixxiet bħala tali, huwa neċessarju wkoll li, minbarra assenjazzjoni lill-imsemmija assi privati, tali bejgħ jitwettaq mill-persuna taxxabbli kkonċernata mhux fil-kors tat-twettiq tal-attività ekonomika tagħha, iżda f’dak tal-ġestjoni u tal-amministrazzjoni tal-assi privati tagħha.
23 F’dan ir-rigward, huwa minnu li mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-sempliċi eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà mill-proprjetarju tagħha ma jistax, fih innifsu, jitqies li jikkostitwixxi attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Slaby et C-180/10 u C-181/10, EU:C:2011:589, punt 36). Barra minn hekk, il-fatt li l-oġġett tal-bejgħ kien akkwistat mill-persuna taxxabbli permezz tar-riżorsi personali tagħha ma jistax ikollu effett deċiżiv.
24 Min-naħa l-oħra, dwar il-bejgħ ta’ art għall-bini, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat li kriterju ta’ evalwazzjoni rilevanti huwa l-fatt li l-persuna kkonċernata tkun ħadet il-passi attivi għall-kummerċjalizzazzjoni tal-proprjetà billi mmobilizzat riżorsi simili għal dawk adottati minn produttur, negozjant jew persuna li tipprovdi servizzi fis-sens tal-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva, bħal, b’mod partikolari, it-twettiq fuq din l-art ta’ xogħlijiet ta’ żvilupp ta’ art, kif ukoll l-implementazzjoni ta’ mezzi ta’ kummerċjalizzazzjoni pprovati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Salby et, C-180/10 u C-181/10, EU:C:2011:589, punti 39 u 40). Fil-fatt, inizjattivi bħal dawn normalment ma jaqgħux taħt l-iskop tal-ġestjoni tal-assi personali, b’tali mod li l-bejgħ ta’ art intiża għall-kostruzzjoni f’ċirkustanzi bħal dawn ma tistax titqies li hija s-sempliċi eżerċizzju ta’ dritt għall-proprjetà mill-proprjetarju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Slaby et, C-180/10 u C-181/10, EU:C:2011:589, punt 41).
25 Fir-rigward taċ-ċirkustanzi msemmija mill-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari l-fatt li, minn naħa, is-seba’ biċċiet ta’ art ġew akkwistati minn P. Kezic fi żmien relattivament qasir, bejn l-1998 u l-2002, fit-tieni lok, li dawn il-biċċiet ta’ art, kienu, flimkien, kundizzjoni neċessarja għall-kostruzzjoni, minn Mejju 2003, ta’ ċentru kummerċjali, u fit-tielet lok, li P. Kezic għamel xogħol ta’ restawr, fuq l-artijiet inkwistjoni, ta’ iktar minn EUR 48 000, ta’ min jinnota li dawn iċ-ċirkustanzi huma tali li juru li l-bejgħ tal-art inkwistjoni jmur lil hinn mis-sempliċi eżerċizzju minn P. Kezic tad-dritt għall-proprjetà tiegħu iżda jidħol iktar fil-kuntest tal-attività ekonomika tiegħu bħala imprenditur.
26 Għandu jingħad ukoll li l-ebda wieħed mid-dokumenti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi spjegat għaliex il-bejgħ tal-artijiet inkwistjoni kellu jitqies li huwa att amministrattiv tal-assi privati u għandu, bħala tali, jiġi distint mill-bejgħ tal-biċċiet ta’ art l-oħra li fuqhom P. Kezic tella’ ċ-ċentru kummerċjali fil-kuntest tal-attività ekonomika tiegħu ta’ imprenditur.
27 F’dawn iċ-ċirkustanzi, u suġġett għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, P. Kezic għandu jiġi kkunsidrat li aġixxa bħala persuna taxxabbli għall-VAT fil-bejgħ tal-artijiet inkwistjoni, b’tali mod li din it-tranżazzjoni kellha tkun suġġetta għal din it-taxxa.
28 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 2(1) u 4(2) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn persuna taxxabbli tkun akkwistat biċċiet ta’ art, li wħud minnhom ġew assenjati lill-assi privati tagħha u oħrajn lill-assi tal-impriża tagħha, u li fuqhom kollha hija bniet, bħala persuna taxxabbli, ċentru kummerċjali li mbagħad biegħet, flimkien mal-biċċiet ta’ art li fuqhom ittellgħet din il-kostruzzjoni, il-bejgħ tal-biċċiet ta’ art li kienu assenjati lill-assi privati ta’ din il-persuna taxxabbli għandu jkun suġġett għall-VAT, peress li l-imsemmija persuna taxxabbli, fiż-żmien ta’ din it-tranżazzjoni, aġixxiet bħala tali.
Fuq l-ispejjeż
29 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikoli 2(1) u 4(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn persuna taxxabbli tkun akkwistat biċċiet ta’ art, li wħud minnhom ġew assenjati lill-assi privati tagħha u oħrajn lill-assi tal-impriża tagħha, u li fuqhom kollha hija bniet, bħala persuna taxxabbli, ċentru kummerċjali li mbagħad biegħet, flimkien mal-biċċiet ta’ art li fuqhom ittellgħet din il-kostruzzjoni, il-bejgħ tal-biċċiet ta’ art li kienu assenjati lill-assi privati ta’ din il-persuna taxxabbli għandu jkun suġġett għat-taxxa fuq il-valur miżjud, peress li l-imsemmija persuna taxxabbli, fiż-żmien ta’ din it-tranżazzjoni, aġixxiet bħala tali.
Firem
* Lingwa tal-kawża: is-Sloven.