SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
2 ta’ Lulju 2015 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Is-Sitt Direttiva tal-VAT – Eżenzjonijiet għal ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali – Artikolu 13A(1)(b) u (ċ) – Viżta fl-isptar u kura medika – Operazzjonijiet marbuta strettament – Attività ta’ trasport ta’ organi u ta’ kampjuni umani għall-finijiet ta’ analiżi medika jew ta’ kura medika jew terapewtika – Attività ta’ natura indipendenti – Sptarijiet u ċentri għat-trattament mediku u ta’ dijanjosi – Stabbiliment tal-istess natura”
Fil-Kawża C-334/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Mons (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Lulju 2014, fil-proċedura
L-Istat Belġjan
vs
Nathalie De Fruytier,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn A. Ó Caoimh, President tal-Awla, C. Toader u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal N. De Fruytier, minn O. D’Aout, avukat,
– għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u J.-C. Halleux, bħala aġenti,
– għall-Gvern Grieg, minn K. Georgiadis u I. Kotsoni, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios, M. Owsiany-Hornung u C. Soulay, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13A(1)(b) u (ċ) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Istat Belġjan u N. De Fruytier dwar l-issuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) ta’ attività ta’ trasport ta’ organi u ta’ kampjuni umani għal diversi sptarijiet u laboratorji, li l-persuna kkonċernata teżerċita bħala persuna li taħdem għal rasha.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 13A(1)(b) sa (d) tas-Sitt Direttiva jipprevedi:
“[...]l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt kondizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijiet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli:
[...]
(b) [viżta fl-i]sptar u kura medika u attivitajiet relatati mill-viċin mmexxija [operazzjonijiet marbuta strettament] minn entitajiet regolati mid-dritt pubbliku jew, taħt kondizzjonijet soċjali komparabbli għal dawk applikati lill-entitajiet regolati mid-dritt pubbliku, mill-isptarijiet, ċentri għat-trattament mediku jew dijanjosi u stabblimenti oħrajn ta’ natura simili [tal-istess natura] rikonoxxuti regolarment [debitament];
(ċ) id-disposizzjonijiet tal-kura medika fl-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi u paramediċi kif definiti mill-Istat Membru konċernat;
(d) provvista ta’ organi umani, demm u ħalib”.
4 L-Artikolu 13A(2)(a) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw, fuq bażi individwali, għall-osservanza ta’ kundizzjoni waħda jew iktar li huwa jipprevedi, l-għoti tal-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1(b) ta’ dan l-artikolu lil entitajiet għajr dawk irregolati mid-dritt pubbliku.
5 L-imsemmi Artikolu 13A(2)(b) jipprevedi:
“Il-provvista ta’ servizzi jew oġġetti m’għandhomx jagħtu eżenzjoni kif pprovduti f’(1) (b), (g), (h), (i), (l), (m) u (n) fuq jekk:
– m’huwiex essenzjali għat-transazzjonijiet eżenti,
– l-iskop bażiku tiegħu hi li tikseb id-dħul addizzjonali għall-organizzazzjoni billi twettaq transazzjonijet li huma b’kompetizzjoni diretta ma’ dawk l-impriżi responsabbli għal[l-VAT].”
Id-dritt Belġjan
6 L-Artikolu 44 tal-Liġi, tat-3 ta’ Lulju 1969, li tistabbilixxi l-Kodiċi tat-taxxa fuq il-valur miżjud (Moniteur belge, tas-17 ta’ Lulju 1969, p. 7046), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-VAT”, jittrasponi l-Artikolu 13A tas-Sitt Direttiva fuq l-eżenzjoni mill-VAT għal ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali. Huwa jipprevedi:
“1. Is-servizzi pprovduti mill-persuni segwenti fl-eżerċizzju tal-attività normali tagħhom, għandhom jiġu eżentati mit-taxxa:
[...]
2° it-tobba, id-dentisti, il-fiżjoterapisti, il-qwiebel, l-infermiera, it-trejners, il-carers, il-massaġġaturi, li s-servizzi ta’ kura personali tagħhom huma elenkati fin-nomenklatura tas-servizzi ta’ saħħa fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja tal-mard u tal-invalidità;
[...]
2. Huma wkoll eżentati mit-taxxa:
1° il-provvista ta’ servizzi u oġġetti marbuta strettament magħhom, li jitwettqu, fl-eżerċizzju tal-attività normali tagħhom, minn sptarijiet u istituzzjonijiet tal-psikjatrija, kliniki u ċentri tas-saħħa; it-trasport ta’ persuni morda u mweġġa’ permezz ta’ mezzi ta’ trasport li huma mgħammra għal dan il-għan;
[...]
1°ter il-provvista ta’ organi u demm umani u ta’ ħalib tal-omm;
[...]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
7 N. De Fruytier teżerċita, bħala persuna li taħdem għal rasha, attività ta’ trasport ta’ organi u ta’ kampjuni umani lil diversi sptarijiet u laboratorji, taħt l-awtorità u r-responsabbiltà ta’ tabib mediku.
8 L-awtorità fiskali Belġjana ssuġġettat l-attività eżerċitata minn N. De Fruytier għall-VAT.
9 Peress li qieset li l-attività tagħha kellha tiġi eżentata mill-VAT, N. De Fruytier ippreżentat rikors ġudizzjarju. It-tribunal de première instance de Namur, permezz ta’ sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2006, u sussegwentement il-cour d’appel de Liège, permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2007, laqgħu t-talba tal-parti kkonċernata u ordnaw it-tnaqqis korrispondenti.
10 Fil-kuntest ta’ appell ta’ kassazzjoni ppreżentat mill-Istat Belġjan kontra s-sentenza tal-cour d’appel de Liège, il-Cour de cassation, permezz ta’ deċiżjoni tar-rinviju tat-18 ta’ Ġunju 2009, għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13A(1)(d) tas-Sitt Direttiva.
11 Fis-sentenza tagħha De Fruytier (C-237/09, EU:C:2010:316), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li ma hijiex applikabbli għal attività ta’ trasport ta’ organi u ta’ kampjuni umani, eżerċitata fil-kwalità ta’ persuna li taħdem għal rasha, f’isem sptarijiet u ta’ laboratorji.
12 Permezz tas-sentenza tagħha tas-16 ta’ Settembru 2010, il-Cour de cassation ħassret is-sentenza tal-cour d’appel de Liège u, konsegwentement, irrinvijat il-kawża quddiem qorti tal-appell oħra, jiġifieri dik ta’ Mons. Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Frar 2013, din tal-aħħar iddikjarat l-appell ammissibbli u, qabel ma ddeċidiet fuq il-mertu, ordnat il-ftuħ mill-ġdid tat-trattazzjoni.
13 Fil-kuntest ta’ din it-trattazzjoni, N. De Fruytier sostniet li, jekk l-attivitajiet tagħha ma jistgħux jiġu eżentati skont l-Artikolu 44(2) (1° ter) tal-Kodiċi tal-VAT, li jittrasponi fid-dritt Belġjan l-Artikolu 13A(1)(d) tas-Sitt Direttiva, huma għandhom jiġu eżentati abbażi tal-Artikolu 44(2) (1°) tal-Kodiċi tal-VAT, li jittrasponi fid-dritt Belġjan l-Artikolu 13A(1)(b) ta’ din id-direttiva. B’mod partikolari, hija bbażat dan ir-raġunament fuq is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (C-76/99, EU:C:2001:12).
14 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-cour d’appel de Mons iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 13A(1)(b) u (ċ) tas-Sitt Direttiva [...] jipprekludi li trasport ta’ kampjuni jew ta’ organi għall-finijiet ta’ analiżi medika jew ta’ kura medika jew terapewtika, imwettaq minn terz li jaħdem għal rasu u li s-servizzi tiegħu huma koperti mir-rimbors magħmul mis-sigurtà soċjali lil kliniki u lil laboratorji, ikun eżentat mill-VAT taħt servizzi konnessi mill-qrib ma’ servizzi ta’ natura medika, jiġifieri li għandhom l-għan li jagħmlu dijanjosi, li jikkuraw u, sa fejn possibbli, li jfejqu mard jew anomaliji tas saħħa?
2) Attività ta’ trasport ta’ kampjuni u ta’ organi għall-finijiet ta’ analiżi medika jew ta’ kura medika jew terapewtika, imwettqa minn terz li jaħdem għal rasu u li s-servizzi tiegħu huma koperti mir-rimbors magħmul mis-sigurtà soċjali lil kliniki u lil laboratorji bl-għan li titwettaq analiżi medika, tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni tat-taxxa skont l-Artikolu 13A(1)(b) u (ċ) tas-Sitt Direttiva [...]?
3) Il-kunċett ta’ stabbilimenti oħrajn tal-istess natura rrikonoxxuti debitament imsemmija fl-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-kumpanniji privati li s-servizzi tagħhom jikkonsistu fit-trasport ta’ kampjuni umani għall-finijiet ta’ analiżi indispensabbli sabiex jintlaħqu l-għanijiet terapewtiċi mixtieqa mill-isptarijiet jew ċentri għall-kura medika?”
Fuq id-domandi preliminari
15 Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13A(1)(b) jew (ċ) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal attività ta’ trasport ta’ organi u ta’ kampjuni umani għall-finijiet ta’ analiżi medika jew ta’ kura medika jew terapewtika, eżerċitata minn terz li jaħdem għal rasu, u li l-provvisti tiegħu huma koperti mir-rimbors magħmul mis-sigurtà soċjali, lil kliniki u lil laboratorji u, b’mod partikolari, jekk tali attività tistax tibbenefika minn eżenzjoni mill-VAT inkwantu operazzjoni marbuta strettament ma’ provvisti ta’ natura medika bħal dawk previsti fl-imsemmi Artikolu 13A(1)(b).
16 Preliminarjament, għandu jitfakkar li s-Sitt Direttiva tagħti kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna lill-VAT, billi tirreferi, fl-Artikolu 2 tagħha dwar l-operazzjonijiet taxxabbli, minbarra għall-importazzjonijiet ta’ oġġetti, għall-kunsinni ta’ oġġetti u għall-provvisti ta’ servizzi mwettqa bi ħlas fi ħdan l-Istat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali (ara s-sentenza Verigen Transplantation Service International, C-156/09, EU:C:2010:695, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
17 L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva jeżenta madankollu ċerti attivitajiet mill-VAT. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżenzjonijiet stipulati f’dan l-artikolu jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom bħala għan li jevitaw diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għall-ieħor (ara s-sentenza Verigen Transplantation Service International, C-156/09, EU:C:2010:695, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
18 Jirriżulta, barra minn hekk, minn din l-istess ġurisprudenza, li l-kliem użat sabiex jiġu speċifikati l-eżenzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat b’mod strett, peress li dan jikkostitwixxi deroga mill-prinċipju ġenerali li l-VAT għandha tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli. Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ dan il-kliem għandha tkun konsistenti mal-għanijiet li dawn l-eżenzjonijiet jippruvaw jilħqu u għandha tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti fis-sistema komuni tal-VAT. B’hekk, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx li l-kliem użat sabiex jiġu ddefiniti l-eżenzjonijiet imsemmija fl-imsemmi Artikolu 13 għandu jiġi interpretat b’mod li jċaħħadhom mill-effetti tagħhom (ara s-sentenza Verigen Transplantation Service International, C-156/09, EU:C:2010:695, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
19 Fir-rigward ta’ servizzi ta’ natura medika, dawn jistgħu jaqgħu taħt l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 13A(1)(b) u (ċ) tas-Sitt Direttiva. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva jirreferi għal servizzi pprovduti fl-ambjent ta’ sptar filwaqt li dan l-istess Artikolu 13A(1)(ċ) jirreferi għal servizzi mediċi pprovduti barra tali kuntest, kemm fir-residenza privata tal-fornitur kif ukoll fir-residenza tal-pazjent jew fi kwalunkwe post ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Kügler, C-141/00, EU:C:2002:473, punt 36, u CopyGene, C-262/08, EU:C:2010:328, punt 27).
20 Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-kunċett ta’ “kura medika” li jinsab fl-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva u dak ta’ “[provvista] tal-kura medika [lill-persuna]” fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat diversi drabi li dawn il-kunċetti jkopru t-tnejn li huma provvisti li għandhom bħala għan li jagħmlu dijanjosi, li jikkuraw u, sa fejn possibbli, li jfejqu mard jew anomaliji tas-saħħa (ara s-sentenza Klinikum Dortmund, C-366/12, EU:C:2014:143, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Minn dan jirriżulta li s-servizzi ta’ natura medika mwettqa bl-għan li jipproteġu, li jżommu jew li jistabbilixxu mill-ġdid is-saħħa tal-persuni jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(b) u (ċ) tas-Sitt Direttiva. B’hekk, anki jekk din id-dispożizzjoni tippreżenta kampijiet ta’ applikazzjoni distinti, l-għan tagħha huwa li tirregola l-eżenzjonijiet kollha ta’ servizzi mediċi fis-sens strett (ara s-sentenza Klinikum Dortmund, C-366/12, EU:C:2014:143, punti 30 u 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
22 Għalkemm il-“kura medika” u l-“[provvista ta’] kura medika [lill-persuna]” għandu jkollhom għan terapewtiku, il-konsegwenza ma hijiex neċessarjament li l-għan terapewtiku ta’ servizz għandu jinftiehem f’sens partikolarment strett (ara s-sentenza CopyGene, C-262/08, EU:C:2010:328, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
23 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li attività, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri t-trasport ta’ organi u ta’ kampjuni umani lil diversi sptarijiet u laboratorji, ma tikkostitwixxix manifestament “kura medika” jew “[provvista ta’] kura medika” fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(b) u (ċ) tas-Sitt Direttiva, peress li hija ma taqax taħt servizzi mediċi li għandhom direttament bħala għan effettiv li jagħmlu dijanjosi, jikkuraw jew li jfejqu l-mard jew l-anomaliji tas-saħħa, jew li għandhom bħala għan effettiv il-protezzjoni, iż-żamma jew il-fejqan tas-saħħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Future Health Technologies, C-86/09, EU:C:2010:334, punt 43).
24 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li, kuntrarjament għall-formulazzjoni tal-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva, il-formulazzjoni tal-punt (ċ) ta’ din id-dispożizzjoni ma fiha l-ebda riferiment għal operazzjonijiet marbuta strettament mal-provvista ta’ kura medika, minkejja l-fatt li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tiġi eżatt wara dik tal-imsemmi Artikolu 13A(1)(b) u li, b’hekk, kunċett ta’ “kura medika u operazzjonijiet marbuta strettament” ma għandu l-ebda rilevanza għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 13A(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Klinikum Dortmund, C-366/12, EU:C:2014:143, punt 32).
25 Għalhekk, bħall-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li attività, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tibbenefika minn eżenzjoni mill-VAT skont l-Artikolu 13A(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva.
26 Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li, sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha trid teżamina jekk attività, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax tibbenefika minn eżenzjoni mill-VAT skont l-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva, sa fejn din l-attività tkun assimilata għal servizzi marbuta strettament ma’ viżta fl-isptar jew ma’ kura medika. Għal dan l-għan, l-imsemmija attività għandha tiġi eżaminata mill-perspettiva tad-diversi kriterji previsti fl-imsemmi Artikolu 13A(1)(b) billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, ukoll, kriterji addizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 13A(2)(b) ta’ din id-direttiva.
27 Għalhekk, għandu jiġi enfasizzat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva jirriżulta li attività, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ biss tibbenefika mill-eżenzjoni mill-VAT skont din id-dispożizzjoni, bħala servizzi marbuta strettament ma’ viżta fl-isptar jew ma’ kura medika jekk, minn naħa, hija tiġi kklassifikata bħala “operazzjonijiet marbuta strettament ma’ viżta fl-isptar jew ma’ kura medika” u, min-naħa l-oħra, tingħata jew minn entità rregolata mid-dritt pubbliku jew, taħt kundizzjonijiet soċjali komparabbli għal dawk applikati għall-entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku, mill-isptarijiet, ċentri għat-trattament mediku u dijanjosi jew stabblimenti oħrajn tal-istess natura rrikonoxxuti debitament.
28 Għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ operazzjonijiet marbuta strettament ma’ “[viżta fl-i]sptar u [mal-]kura medika” fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix attivitajiet bħall-ġbir u t-trasport tad-demm, meta l-kura medika li tingħata f’ambjent ta’ sptar, li magħha dawn l-attivitajiet huma biss possibbilment marbuta, la hija effettiva, mibdija u lanqas ippjanata (ara s-sentenza Future Health Technologies, C-86/09, EU:C:2010:334, punt 49). Minn dan jirriżulta li mhux kull trasferiment ta’ kampjuni jista’ jiġi kklassifikat bħala “operazzjonijiet marbuta strettament ma’ viżta fl-isptar u kura medika”.
29 Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda servizzi mediċi, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan imfittex mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva, jirriżulta li huma biss is-servizzi li jaqgħu loġikament fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ viżti fl-isptar u ta’ kura medika u li jikkostitwixxu pass indispensabbli fil-proċess tal-provvista ta’ dawn is-servizzi sabiex jintlaħqu l-għanijiet terapewtiċi segwiti minn dawn tal-aħħar, li jistgħu jitqiesu li huma “operazzjonijiet marbuta strettament” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li huma biss tali servizzi li jistgħu jaffettwaw l-ispiża ta’ kura medika li l-eżenzjoni tagħhom tagħmilhom aċċessibbli għall-persuni kkonċernati (ara s-sentenza Ygeia, C-394/04 u C-395/04, EU:C:2005:734, punt 25).
30 Hija l-qorti tar-rinviju, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tat-tilwim li jitressaq quddiemha, li għandha tiddetermina n-natura indispensabbli jew le tal-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
31 B’hekk, għall-każ fejn il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-imsemmija attività tikkostitwixxi effettivament pass indispensabbli fil-proċess ta’ provvista ta’ servizzi ta’ viżti fl-isptar u ta’ kura medika sabiex jintlaħqu l-għanijiet terapewtiċi mfittxija minn dawn tal-aħħar, għandu jiġi vverifikat jekk din l-attività hijiex eżerċitata minn entità rregolata mid-dritt pubbliku jew, taħt kundizzjonijiet soċjali komparabbli għal dawk applikati għall-entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku, minn sptarijiet, ċentri għat-trattament mediku u dijanjosi jew stabbilimenti oħrajn tal-istess natura rrikonoxxuti debitament.
32 Huwa stabbilit li trasportatur, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, la jista’ jiġi kklassifikat bħala “entit[à] regolat[a] mid-dritt pubbliku” u lanqas jista’ jaqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ “sptar”, “ċentr[u] għat-trattament mediku” jew għal “dijanjosi” li jopera taħt kundizzjonijiet soċjali komparabbli għal dawk applikati għall-entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva.
33 Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk tali trasportatur jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “stabbilimenti oħrajn tal-istess natura” irrikonoxxuti debitament li jeżerċitaw l-attività inkwistjoni f’dawn l-istess kundizzjonijiet, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.
34 F’dan ir-rigward, huwa stabbilit, fil-kawża prinċipali, li N. De Fruytier teżerċita, bħala persuna li taħdem għal rasha, attività ta’ trasport ta’ organi u ta’ kampjuni umani lil diversi sptarijiet u laboratorji, iżda li l-impriża tagħha ma tistax tiġi kklassifikata bħala stabbiliment “tal-istess natura” bħal dawk li ordnaw is-servizzi ta’ trasport li hija tipprovdi.
35 Fil-fatt, mill-ġurisprudenza dwar il-klassifikazzjoni ta’ operatur bħala li huwa “tal-istess natura” bħal sptar jew ċentru għat-trattament mediku jew dijanjosi fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva jirriżulta li, b’mod partikolari, il-kunċett ta’ “stabbiliment” jissuġġerixxi l-eżistenza ta’ entità individwalizzata li twettaq funzjoni partikolari (ara s-sentenza Gregg, C-216/97, EU:C:1999:390, punt 18). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li laboratorju rregolat mid-dritt privat li jwettaq analiżi mediċi dijanjostiċi għandu jitqies li huwa stabbiliment “tal-istess natura” bħal “sptar[ijiet]” u “ċentri għat-trattament mediku jew dijanjosi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li din l-analiżi taqa’, fir-rigward tal-finalità terapewtika tagħha, taħt il-kunċett ta’ “kura medika” previst fl-imsemmija dispożizzjoni (ara s-sentenzi L.u.P., C-106/05, EU:C:2006:380, punti 18 u 35, kif ukoll CopyGene, C-262/08, EU:C:2010:328, punt 60).
36 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li trasportatur li jaħdem għal rasu, bħal N. De Fruytier, ma huwiex, b’differenza b’mod partikolari minn laboratorju rregolat mid-dritt privat li jwettaq analiżi mediċi dijanjostiċi li għandhom finalità terapewtika, entità individwalizzata li tissodisfa l-istess tip ta’ funzjoni partikolari bħall-isptarijiet jew iċ-ċentri għat-trattament mediku jew dijanjosi. Għalhekk, tali trasportatur ma jistax jiġi kklassifikat bħala “stabbiliment tal-istess natura” bħal dawn l-istabbilimenti jew ċentri fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva u, b’hekk, ma jistax jibbenefika minn eżenzjoni mill-VAT skont din id-dispożizzjoni.
37 Kuntrarjament għal dak li ssostni N. De Fruytier, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Bħalma diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-prinċipju ma jippermettix l-estenzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ eżenzjoni fl-assenza ta’ dispożizzjoni li ma hijiex ekwivoka, peress li l-imsemmi prinċipju ma huwiex regola ta’ dritt primarju li tista’ tiddetermina l-validità ta’ eżenzjoni, iżda prinċipju ta’ interpretazzjoni li għandu jiġi applikat b’mod parallel mal-prinċipju li l-eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara s-sentenza Klinikum Dortmund, C-366/12, EU:C:2014:143, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
38 Fl-aħħar nett, peress li l-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tissodisfax il-kriterji previsti fl-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-kriterji elenkati fl-Artikolu 13A(2)(b) ta’ din id-direttiva.
39 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 13A(1)(b) u (ċ) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal attività ta’ trasport ta’ organi u ta’ kampjuni umani għall-finijiet ta’ analiżi medika jew ta’ kura medika jew terapewtika, eżerċitata minn terz li jaħdem għal rasu, li s-servizzi tiegħu huma koperti mir-rimbors magħmul mis-sigurtà soċjali, lil kliniki u lil laboratorji. B’mod partikolari, tali attività ma tistax tibbenefika minn eżenzjoni mill-VAT inkwantu operazzjoni marbuta strettament ma’ servizzi ta’ natura medika bħal dawk previsti fl-imsemmi Artikolu 13A(1)(b), peress li dan it-terz li jaħdem għal rasu la jista’ jiġi kklassifikat bħala “entità rregolata mid-dritt pubbliku” u lanqas jista’ jaqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ “sptar”, “ċentr[u] għat-trattament mediku” jew għal “dijanjosi” jew kull “stabbiliment ieħor tal-istess natura rrikonoxxut debitament”, li jopera taħt kondizzjonijiet soċjali komparabbli għal dawk applikati għall-entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku.
Fuq l-ispejjeż
40 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 13A(1)(b) u (ċ) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal attività ta’ trasport ta’ organi u ta’ kampjuni umani għall-finijiet ta’ analiżi medika jew ta’ kura medika jew terapewtika, eżerċitata minn terz li jaħdem għal rasu, li s-servizzi tiegħu huma koperti mir-rimbors magħmul mis-sigurtà soċjali, lil kliniki u lil laboratorji. B’mod partikolari, tali attività ma tistax tibbenefika minn eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud inkwantu operazzjoni marbuta strettament ma’ servizzi ta’ natura medika bħal dawk previsti fl-imsemmi Artikolu 13A(1)(b), peress li dan it-terz li jaħdem għal rasu la jista’ jiġi kklassifikat bħala “entità rregolata mid-dritt pubbliku” u lanqas jista’ jaqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ “sptar”, “ċentr[u] għat-trattament mediku” jew għal “dijanjosi” jew kull “stabbiliment ieħor tal-istess natura rrikonoxxut debitament”, li jopera taħt kondizzjonijiet soċjali komparabbli għal dawk applikati għall-entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.