SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
10 ta’ Novembru 2016 (*)
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna favur ix-xandar pubbliku nazzjonali tar-radju – Obbligi ta’ servizz pubbliku – Kumpens – Artikolu 106(2) TFUE – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Bidla tas-sistema ta’ finanzjament – Miżuri fiskali – Taxxa imposta fuq l-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna mibdula kompatibbli mas-suq intern – Teħid inkunsiderazzjoni tal-mod ta’ finanzjament – Eżistenza ta’ rabta kawżali vinkolanti bejn it-taxxa u l-iskema ta’ għajnuna – Influwenza diretta tad-dħul mit-taxxa fuq il-portata tal-għajnuna – Kopertura tal-ispejjeż netti tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku – Relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa u l-benefiċjarju tal-għajnuna – Żnaturament tad-dritt nazzjonali”
Fil-Kawża C-449/14 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-23 ta’ Settembru 2014,
DTS Distribuidora de Televisión Digital SA, stabbilita fi Tres Cantos (Spanja), irrappreżentata minn H. Brokelmann u M. Ganino, avukati,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Urraca Caviedes, B. Stromsky u G. Valero Jordana, bħala aġenti, indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
Telefónica de España SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),
Telefónica Móviles España SA, stabbilita f’Madrid,
irrappreżentati minn F. González Díaz, F. Salerno u V. Romero Algarra, avukati,
Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M. A. Sampol Pucurull, bħala aġent,
Corporación de Radio y Televisión Española SA (RTVE), stabbilita f’Madrid, irrappreżentata minn A. Martínez Sánchez u J. Rodríguez Ordóñez, avukati,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, E. Regan (Relatur), A. Arabadjiev, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Marzu 2016,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Lulju 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tal-appell tagħha, DTS Distribuidora de Televisión Digital SA (iktar ’il quddiem “DTS”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal-11 ta’ Lulju 2014, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il-Kummissjoni (T-533/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2014:629), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/1/UE, tal-20 ta’ Lulju 2010, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat C 38/09 (ex NN 58/09) li Spanja qiegħda tippjana li timplimenta għall-Corporación de Radio y Televisión Española (RTVE) (ĠU 2011, L 1, p. 9, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).
Il-fatti li wasslu għall-kawża
2 DTS hija kumpannija speċjalizzata fil-ġestjoni u fl-operat, fis-suq Spanjol, ta’ pjattaforma bi ħlas ta’ televiżjoni diġitali bis-satellita, imsejħa (Digital +), kif ukoll fl-iżvilupp ta’ kanali speċjalizzati.
3 Corporación de Radio y Televisión Española SA (iktar ’il quddiem “RTVE”), hija x-xandar pubbliku Spanjol tar-radju u tat-televiżjoni, li ġiet inkarigata b’funzjoni ta’ servizz pubbliku f’dawn l-oqsma permezz tal-Ley 17/2006 de la radio y la televisión de titularidad estatal (Liġi Nru 17/2006, dwar ir-radju u t-televiżjoni tal-Istat), tal-5 ta’ Ġunju 2006 BOE Nru 134, tas-6 ta’ Ġunju 2006, p. 21270).
4 Il-Liġi Nru 17/2006 kienet tipprevedi skema ta’ finanzjament imħallat, inkwantu RTVE kienet tibbenefika, minn naħa, minn dħul mill-attivitajiet kummerċjali tagħha, b’mod partikolari mill-bejgħ ta’ spazji ta’ reklamar, u, min-naħa l-oħra, minn kumpens mill-Istat Spanjol għat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku.
5 Il-Kummissjoni Ewropea approvat din is-sistema ta’ finanzjament permezz tad-Deċiżjonijiet tagħha C (2005) 1163 finali, tal-20 ta’ April 2005, dwar għajnuna mill-Istat favur RTVE (E 8/05) (sunt fil-ĠU 2006, C 239, p. 17), u C (2007) 641 finali, tas-7 ta’ Marzu 2007, dwar il-finanzjament tal-miżuri għat-tnaqqis tal-ħaddiema ta’ RTVE (NN 8/07) (sunt fil-ĠU 2007, C 109, p. 2).
6 Din is-sistema ta’ finanzjament ġiet mibdula permezz tal-Ley 8/2009 de financiación de la Corporación de Radio y Televisión Española, (Liġi Nru 8/2009, dwar il-finanzjament ta’ RTVE), tat-28 ta’ Awwissu 2009 (BOE Nru 210, tal-31 ta’ Awwissu 2009, p. 74003). Din il-liġi daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2009.
7 L-ewwel nett, il-Liġi Nru 8/2009 kienet tipprevedi li, b’effett mill-aħħar tal-2009, ir-reklamar, it-telebejgħ, l-isponsorships u s-servizzi ta’ aċċess bi ħlas ma kellhomx jibqgħu bħala sorsi ta’ finanzjament għal RTVE. Minn wara dik id-data, l-uniku dħul kummerċjali li RTVE kien baqgħalha għad-dispożizzjoni tagħha kien dak miksub mill-provvista ta’ servizzi lil terzi u mill-bejgħ tal-produzzjonijiet tagħha stess. Dan id-dħul kien limitat għal ammont ta’ madwar EUR 25 miljun.
8 Sussegwentement, sabiex tpatti għat-telf tad-dħul kummerċjali l-ieħor, il-Liġi Nru 8/2009 introduċiet jew emendat, fl-Artikolu 2(1)(b) sa (d) u fl-Artikoli 4 sa 6 tagħha, diversi miżuri fiskali (iktar ’il quddiem il-“miżuri fiskali inkwistjoni”), fosthom taxxa ġdida ta’ 1.5 % fuq id-dħul tal-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas stabbiliti fi Spanja (iktar ’il quddiem it-“taxxa fuq l-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas”). Il-kontribuzzjoni ta’ din it-taxxa għall-baġit ta’ RTVE ma setgħetx taqbeż 20 % tal-għajnuna totali mogħtija kull sena lil RTVE, u kull dħul fiskali li jaqbeż dan il-perċentwali jmur fil-baġit ġenerali tal-Istat. Din il-liġi kienet tipprevedi wkoll, b’mod partikolari, taxxa ġdida fuq id-dħul tal-operaturi ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni stabbiliti fi Spanja.
9 Barra minn hekk, il-kumpens għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, previst mil-Liġi Nru 17/2006, inżamm fis-seħħ. B’hekk, jekk is-sorsi ta’ finanzjament imsemmija iktar ’il fuq ma jkunux suffiċjenti sabiex ikopru l-ispejjeż kollha ta’ RTVE fir-rigward tat-twettiq ta’ dawn l-obbligi, l-Istat kien obbligat, skont l-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009 u l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006, li jagħmel tajjeb għal din id-differenza, u għaldaqstant is-sistema ta’ finanzjament imħallat ta’ RTVE tiġi ttrasformata f’sistema ta’ finanzjament kważi esklużivament pubbliku.
10 Fl-aħħar nett, l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2009 kien jipprevedi limitu massimu għad-dħul ta’ RTVE. Matul is-sentejn 2010 u 2011, it-total ta’ dan id-dħul ma setax jaqbeż EUR 1 200 miljun fis-sena, li kien jikkorrispondi wkoll għal-limitu massimu tal-ispejjeż tagħha għal kull sena finanzjarja. Matul it-tliet snin 2012 sa 2014, iż-żieda massima ta’ dan l-ammont kienet stabbilita għal 1 % u, għas-snin segwenti, iż-żieda kienet iddeterminata mill-iżvilupp annwali fl-indiċi tal-prezzijiet tal-konsum.
11 Wara li, fit-22 ta’ Ġunju 2009, irċeviet ilment dwar l-abbozz ta’ liġi li wassal għal-Liġi Nru 8/2009, il-Kummissjoni, fit-2 ta’ Diċembru 2009, innotifikat lir-Renju ta’ Spanja d-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-bidla tal-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE (sunt fil-ĠU 2010, C 8, p. 31).
12 Fit-18 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura għal nuqqas ta’ twettieq ta’ obbligu prevista fl-Artikolu 258 TFUE, peress li kkunsidrat li t-taxxa fuq id-dħul tal-operaturi ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni stabbiliti fi Spanja kienet kuntrarja għall-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337). Fit-30 ta’ Settembru 2010, f’opinjoni motivata, il-Kummissjoni talbet lir-Renju ta’ Spanja jneħħi din it-taxxa minħabba li kienet inkompatibbli mal-imsemmija direttiva.
13 Fl-20 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, fejn iddikjarat li l-bidla tas-sistema ta’ finanzjament ta’ RTVE prevista mil-Liġi Nru 8/2009 kienet kompatibbli mas-suq intern bis-saħħa tal-Artikolu 106(2) TFUE. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, qieset li l-miżuri fiskali inkwistjoni ma kinux jagħmlu parti integrali mill-elementi ta’ għajnuna ġodda previsti minn din il-liġi u li, għaldaqstant, eventwali inkompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri fiskali mad-Direttiva 2002/20 ma kinitx ser taffettwa l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li l-iskema finanzjarja mibdula ta’ RTVE kienet konformi mal-Artikolu 106(2) TFUE peress li kienet tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Is-sentenza appellata
14 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Novembru 2010, DTS ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Insostenn ta’ din it-talba, DTS ressqet tliet motivi, ibbażati fuq ksur, rispettivament, tal-kunċett ta’ “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, fir-rigward tan-natura separabbli tal-miżuri fiskali inkwistjoni, tal-Artikolu 106(2) TFUE u tal-Artikoli 49 u 63 TFUE.
15 Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed mill-motivi fuq il-mertu u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm huwa.
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet fl-appell
16 Permezz tal-appell tagħha, DTS, sostnuta minn Telefónica de España SA u minn Telefónica Móviles España SA (iktar ’il quddiem, flimkien, il-kumpanniji “Telefónica”), titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– tannulla s-sentenza appellata;
– tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża jew, sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali, u
– tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-partijiet l-oħra għall-ħlas tal-ispejjeż sostnuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.
17 Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lil DTS għall-ispejjeż. Ir-Renju ta’ Spanja u RTVE jeċċepixxu, bħala prinċipju, l-inammissibbiltà tal-appell u, sussidjarjament, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell bħala infondat.
18 Il-kumpanniji Telefónica ppreżentaw appell inċidentali li permezz tiegħu huma jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tikkundanna lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-partijiet li intervjenew insostenn tagħha, ibatu l-ispejjeż sostnuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali. RTVE, ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni jitolbu li dan l-appell inċidentali jiġi miċħud.
Fuq l-appell prinċipali
19 Insostenn tal-appell tagħha, DTS, wara li ppreċiżat li, permezz tiegħu, hija tilmenta biss li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-sentenza appellata, li kien korrett li, skont id-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ddeċidiet li hija ma kellhiex teżamina l-kompatibbiltà tat-taxxa fuq l-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas mat-Trattat FUE, tinvoka tliet aggravji.
20 L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, minħabba interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ għajnuna. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur ta’ din l-istess dispożizzjoni, inkwantu l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, ma wettqitx stħarriġ komplet dwar l-eżistenza ta’ għajnuna u żnaturat id-dritt Spanjol. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE.
Fuq l-ammissibbiltà tal-appell
L-argumenti tal-partijiet
21 RTVE ssostni li l-appell, meħud fl-intier tiegħu, huwa inammissibbli inkwantu dan, li fih 40 paġna, jaqbeż b’mod sostanzjali t-tul massimu ta’ 25 paġna awtorizzat fl-istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet, dwar il-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 2014 L 31, p. 1; iktar ’il quddiem l-“istruzzjonijiet prattiċi”), mingħajr ma DTS tiġġustifika dan l-eċċess.
22 Barra minn hekk, RTVE u r-Renju ta’ Spanja jsostnu li l-appell ma jidentifikax bi preċiżjoni l-punti tas-sentenza appellata li huma kkontestati. L-appell għaldaqstant jillimita ruħu jtenni l-argumenti tal-ewwel istanza.
23 DTS tqis li l-appell tagħha huwa ammissibbli.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
24 Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet huma indikattivi u ma għandhomx saħħa vinkolanti. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-premessi 1 sa 3 ta’ dawn l-istruzzjonijiet, dawn ġew adottati sabiex jikkompletaw u jiċċaraw ir-regoli li japplikaw għall-andament tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u dan fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, u ma humiex intiżi li jissostitwixxu d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-30 ta’ April 2010, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C-113/09 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2010:242, punt 33].
25 Għaldaqstant, mill-punt 20 ta’ dawn l-istruzzjonijiet prattiċi, li jipprovdi li l-appell “idealment ma jkunx ta’ iktar minn ħamsa u għoxrin paġna”, jirriżulta li dan ma jistabbilixxix b’mod assolut numru massimu ta’ paġni li għalih hija suġġetta l-ammissibbiltà ta’ tali appell, iżda jillimita ruħu jipprovdi, f’dan ir-rigward, rakkomandazzjoni lill-partijiet.
26 Minn dan jirriżulta li l-appell ma jistax jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba li dan jeċċedi ċertu numru ta’ paġni.
27 It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll skont l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell għandu, taħt piena ta’ inammissibbiltà, jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li fir-rigward tagħha qiegħed jintalab l-annullament, kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C-295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
28 Barra minn hekk, minn dawn l-istess dispożizzjonijiet jirriżulta li appell huwa inammissibbli inkwantu sempliċement jirrepeti l-motivi u l-argumenti li kienu diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti espressament miċħuda minn dik il-qorti. Fil-fatt, tali appell jikkostitwixxi, fir-realtà, talba intiża li tikseb sempliċi eżami mill-ġdid tat-talba mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, fatt li ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni, C-70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
29 Min-naħa l-oħra, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ dritt li ġew eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid matul il-proċedura ta’ appell. Fil-fatt, li kieku appellant ma setax jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti li diġà ntużaw quddiem il-Qorti Ġenerali, l-imsemmija proċeduri jkunu mċaħħda minn parti mis-sens tagħhom (ara, s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni, C-70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 Issa, f’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li mill-eżami tal-appell jirriżulta li DTS indikat b’mod ċar u preċiż il-punti tas-sentenza appellata koperti mill-aggravji tagħha, kif ukoll ir-raġunijiet li għalihom din is-sentenza hija, fl-opinjoni tagħha, ivvizzjata bi żbalji ta’ liġi.
31 Barra minn hekk, b’kuntrast ma’ dak li jsostnu RTVE u r-Renju ta’ Spanja, l-appell ippreżentat minn DTS ma jillimitax ruħu jtenni l-argumenti mressqa fl-ewwel istanza. Hija fil-fatt, essenzjalment, tikkontesta l-mod li bih il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 107(1) TFUE, meta qieset, fis-sentenza appellata, li t-taxxa fuq l-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas li għaliha hija suġġetta ma tagħmilx parti integrali mill-għajnuna mogħtija lil RTVE, u, għall-bqija, hija tilmenta li vvizzjat din l-istess sentenza b’diversi difetti ta’ żnaturament.
32 Għaldaqstant, dan l-appell għandu jitqies bħala ammissibbli.
33 Għaldaqstant hemm lok li tiġi evalwata l-fondatezza tiegħu, billi l-ewwel nett jiġi eżaminat it-tieni aggravju u sussegwentement jiġu eżaminati l-ewwel u t-tielet aggravji.
Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, inkwantu l-Qorti Ġenerali ma wettqitx stħarriġ komplet dwar l-eżistenza ta’ għajnuna u żnaturat id-dritt Spanjol
L-argumenti tal-partijiet
34 DTS u l-kumpanniji Telefónica jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx stħarriġ komplet tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 106 sa 111 tas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C-333/07, EU:C:2008:764). Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx sa fejn l-ammont stmat tad-dħul jinfluwenza l-kalkolu tal-għajnuna, u b’hekk tiżnatura f’dan ir-rigward, fil-punti 65 sa 70 tas-sentenza appellata, id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li fuqhom hija bbażat ruħha sabiex tasal għall-konklużjoni li l-ammont tat-somom miġbura bħala taxxa fuq l-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas ma jinfluwenzax il-portata tal-għajnuna intiża għal RTVE, filwaqt li tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet oħra rilevanti ta’ dan id-dritt.
35 L-ewwel nett, DTS issostni li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009 ma jobbligax lill-Istat, meta d-dħul li RTVE jkollha għad-dispożizzjoni tagħha ma jkunx biżżejjed sabiex ikopri l-ispejjeż netti relatati mal-funzjoni ta’ servizz pubbliku, jipprovdi riżorsi mill-baġit ġenerali tiegħu sabiex ikopri dawn l-ispejjeż iddeterminati b’mod oġġettiv. Fil-fatt, minn naħa, din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istat jagħmel tajjeb għall-“baġit previst” għal RTVE meta, fit-twettiq tal-imsemmija funzjoni, l-ammont tad-dħul fiskali jkun inqas mill-previżjonijiet baġitarji. Min-naħa l-oħra, il-kontribuzzjonijiet tal-baġit ġenerali tal-Istat ma jiġux awtorizzati meta l-ispejjeż jeċċedu l-previżjonijiet baġitarji.
36 Barra minn hekk, l-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009 għandu jkun analizzat flimkien mal-Artikolu 34 tal-Liġi Nru 17/2006 u mal-Artikolu 44 tal-Mandato-marco a la Corporación RTVE previsto en el artículo 4 de la Ley 17/2006 de la radio y la televisión de titularidad estatal, aprobado por los Plenos del Congreso de los Diputados y del Senado (mandat qafas mogħti lil RTVE, previst fl-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 17/2006, approvat f’sessjoni plenarja mill-kamra tad-deputati u mis-senat) (BOE Nru 157, tat-30 ta’ Ġunju 2008, p. 28833).
37 Fil-fatt, minn dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, li ma ttieħdux inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, jirriżulta li RTVE tistabbilixxi hija stess il-baġit tagħha filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-previżjonijiet tal-ispejjeż għall-funzjoni ta’ servizz pubbliku, imma wkoll il-previżjonijiet tad-dħul, inkluż ir-rikavat mill-miżuri fiskali inkwistjoni. Għaldaqstant, fl-ipoteżi fejn ir-rikavat reali minn dawn il-miżuri jkun inqas mill-ammont previst tat-taxxi u ma jippermettix li jkopri l-ispejjeż tas-servizz pubbliku previsti minn RTVE, l-Istat Spanjol ikun obbligat jagħmel tajjeb għall-“baġit previst” b’kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tiegħu. Issa, il-“baġit previst” irid ikun stabbilit abbażi tal-ammont previst tad-dħul provenjenti, b’mod partikolari, mit-taxxa fuq l-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas u, għaldaqstant, dan l-ammont jinfluwenza direttament il-portata tal-ammont tal-għajnuna. Għaldaqstant, l-effett tar-rikavat minn din it-taxxa fuq l-eżekuzzjoni tal-baġit ma għandux jitħawwad ma’ dak tal-ammont previst tad-dħul mill-imsemmija taxxa fuq it-tħejjija inizjali tal-imsemmi baġit u, għaldaqstant, fuq il-portata tal-ammont tal-għajnuna.
38 Il-kumpanniji Telefónica jżidu jgħidu li jeżistu indikazzjonijiet manifesti li jiċħdu l-eventwalità ta’ allegata kontribuzzjoni addizzjonali mill-baġit ġenerali tal-Istat; l-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi Nru 8/2009 tindika, per eżempju, li “ma jidhirx li huwa raġonevoli li l-garanzija tal-finanzjament tinvolvi żieda fil-kontribuzzjoni mill-Istat”. Barra minn hekk, din hija ipoteżi sekondarja. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009, żewġ kundizzjonijiet iridu jkunu ssodisfatti sabiex l-Istat jiffinanzja parti mill-ispejjeż tal-obbligu ta’ servizz pubbliku. Fl-ewwel lok, għal sena partikolari, ir-rikavat mit-taxxa fuq l-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas irid ikun inqas mill-ispejjeż tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku u, fit-tieni lok, l-ammont tal-fond ta’ riżerva jrid ikun insuffiċjenti sabiex ikopri l-ispejjeż ta’ RTVE għal dik is-sena. Il-fatt li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi garanzija tal-Istat limitata, li tikkostitwixxi miżura ġdida, ma jipprekludix li l-għajnuna mogħtija lil RTVE tiġi ffissata abbażi tar-rikavat minn din it-taxxa u li, jekk dan ikun insuffiċjenti, l-Istat Spanjol jimpenja ruħu jagħmel tajjeb għad-diskrepanza.
39 It-tieni nett, DTS tilmenta li l-Qorti Ġenerali żnaturat, fil-punti 66 sa 68 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006 u l-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 8/2009, fir-rigward tar-rwol tal-Istat meta d-dħul mit-taxxa fuq l-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas jeċċedi l-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku. Fil-fatt, minn naħa, il-fatt li d-dħul ta’ RTVE huwa suġġett għal limitu assolut huwa rrilevanti, peress li għandu jiġi vverifikat jekk, fil-limiti ta’ dan il-limitu assolut, l-ammont tal-għajnuna jiddependix mill-ammonti previsti tad-dħul minn din it-taxxa. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha tafferma li mill-Artikolu 8(3) tal-Liġi Nru 8/2009 jirriżulta li l-eċċess imqiegħed fil-fond ta’ riżerva jista’ jintuża minn RTVE biss bl-awtorizzazzjoni espressa tal-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi, filwaqt li qabżet l-ewwel kliem ta’ din id-dispożizzjoni li jipprovdu li “[l]-fond jista’ jintuża biss sabiex jikkumpensa telf ta’ snin finanzjarji preċedenti u sabiex jiġu affrontati sitwazzjonijiet imprevisti fir-rigward tal-provvista tas-servizz pubbliku”. Issa, l-ammont ta’ dawn ir-riżorsi supplimentari jiddependi neċessarjament mir-rikavat mit-taxxi, peress li dan il-fond huwa ffinanzjat bit-taxxi.
40 Il-kumpanniji Telefónica jsostnu, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 33(1) tal-Liġi Nru 17/2006 u l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2009, meta kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet jeliminaw kull relazzjoni bejn l-ammont tal-għajnuna u l-ammont miġbur fuq il-bażi tal-miżuri fiskali inkwistjoni. Minn naħa, il-fatt li d-dħul jista’ jitħallas fil-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol huwa biss possibbiltà sekondarja. Fil-fatt, huwa biss id-dħul li jeċċedi l-10 % tal-ispejjeż annwali ta’ RTVE li jitħallas lit-Teżor pubbliku. Min-naħa l-oħra, minn dan ma jirriżultax li l-portata tal-għajnuna hija indipendenti mill-ammont tad-dħul fiskali. L-Artikolu 33(1) tal-Liġi Nru 17/2006 jistabbilixxi, l-iktar l-iktar, limitu fuq l-ammont tal-għajnuna, fatt li ma jipprekludix li r-rikavat totali mill-ammont fiskali miġbur jiġi kkonvertit f’għajnuna sal-limitu stabbilit mil-leġiżlatur.
41 Il-kumpanniji Telefónica jżidu li minn diversi elementi probatorji jirriżulta, barra minn hekk, li l-Istat ma huwiex lest jagħmel tajjeb għall-baġit ta’ RTVE. Għalkemm dawn l-elementi huma sussegwenti għad-deċiżjoni kontenzjuża, dawn jikkonfermaw il-kliem tax-xogħol preparatorju tal-Liġi Nru 8/2009, li jipprovdi li “ma jidhirx li huwa raġonevoli li l-garanzija tal-finanzjament tinvolvi żieda fil-kontribuzzjoni mill-Istat”.
42 RTVE, ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni jqisu li t-tieni aggravju huwa inammissibbli u, f’kull każ, kompletament infondat.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
43 Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss teżerċita, abbażi tal-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni legali tagħhom u l-konsegwenzi legali li rriżultaw minnha. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni, C-559/12 P, EU:C:2014:217, punt 78).
44 Għalhekk, fir-rigward tal-eżami, fil-kuntest ta’ appell, tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fid-dawl tad-dritt nazzjonali, il-Qorti Ġenerali tista’ biss tivverifika jekk kienx hemm żnaturament ta’ dan id-dritt (ara sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni, C-559/12 P, EU:C:2014:217, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni, C-559/12 P, EU:C:2014:217, punt 80).
46 F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, fil-punti 65 sa 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fid-dawl tal-kliem tal-Liġi Nru 8/2009, li, hekk kif fl-opinjoni tagħha kienet ġustament ikkunsidrat il-Kummissjoni, l-ammont tal-għajnuna intiża għal RTVE ma jiddependix fuq l-ammonti fiskali miġbura mingħand DTS, peress li l-ammont tal-għajnuna huwa stabbilit b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż netti tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku tagħha.
47 F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali minn naħa rrilevat, fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, li, skont l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006, fl-eventwalità li d-dħul li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha RTVE jkun iktar mill-ispejjeż tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ xandir, dan l-eċċess għandu jiġi allokat lura, skont jekk ikunx inqas jew le minn 10 % tal-ispejjeż annwali stmati ta’ RTVE, lil fond ta’ riżerva jew lit-Teżor pubbliku. Fir-rigward tal-ewwel minn dawn il-każijiet, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, li mill-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 8/2009 jirriżulta li l-kapital jista’ jintuża biss bl-awtorizzazzjoni espliċita tal-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi u li, jekk ma jintużax matul erba’ snin, dan il-kapital għandu jintuża sabiex jitnaqqas il-kumpens li għandu jitħallas mill-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 68 tal-istess sentenza, li l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2009 jipprevedi limitu assolut għad-dħul ta’ RTVE li huwa ta’ EUR 1 200 miljun għas-snin 2010 u 2011 u li kull ammont li jaqbeż dan il-limitu għandu jiġi allokat direttament lura lill-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol.
48 Min-naħa l-oħra, fil-punti 69, 76 u 80 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, skont l-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009, fl-eventwalità li d-dħul li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha RTVE ma jkunx biżżejjed sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ xandir bir-radju, l-Istat Spanjol għandu l-obbligu jkopri d-differenza permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali.
49 Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, bl-iskuża li jilmentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball tal-liġi fl-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha tad-deċiżjoni kontenzjuża u li żnaturat dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, filwaqt li naqset li tieħu oħrajn inkunsiderazzjoni, DTS u l-kumpanniji Telefónica fir-realtà jillimitaw ruħhom jikkritikaw l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 65 sa 86 tas-sentenza appellata. Għaldaqstant huma jipprovaw jissostitwixxuha b’interpretazzjoni alternattiva u, għaldaqstant, billi jinvokaw, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet nazzjonali li ma ġewx diskussi fl-ewwel istanza, jipprovaw jiksbu evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi. Huma bl-ebda mod ma jipprovaw jistabbilixxu li l-Qorti Ġenerali għamlet konstatazzjonijiet li manifestament imorru kontra l-kontenut ta’ dan id-dritt nazzjonali jew li, b’rigward għad-dokumenti tal-proċess, hija tat lil dan id-dritt portata li dan manifestament ma għandux.
50 F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-tieni aggravju jiġi miċħud bħala inammissibbli.
Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, minħabba interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ għajnuna
Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li r-relazzjoni eżistenti bejn it-taxxa fuq l-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas u l-għajnuna mogħtija lil RTVE ma hijiex paragunabbli ma’ dik eżistenti bejn taxxa li għandha portata ġenerali u eżenzjoni minnha
L-argumenti tal-partijiet
51 DTS tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset, fil-punti 92 u 93 tas-sentenza appellata, li permezz tar-rikors tagħha hija kienet qegħda tipprova tikkontesta l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Banks (C-390/98, EU:C:2001:456). Fil-fatt, din il-ġurisprudenza tirrigwarda biss is-sitwazzjoni fejn ċertu kategoriji ta’ impriżi huma eżentati minn taxxa li għandha portata ġenerali. Issa, f’dan il-każ, DTS ma tikkontestax il-ġbir tat-taxxa fuq l-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas minħabba li RTVE tibbenefika minn eżenzjoni li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Għall-kuntrarju, hija ssostni li din it-taxxa, peress li ġiet imposta fuqha b’mod asimmetriku bil-għan li tiġi ffinanzjata direttament l-iskema ta’ għajnuna favur RTVE, tikkostitwixxi hija stess għajnuna, bħat-taxxa inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron (C-526/04, iktar ’il quddiem is-“sentenza Laboratoires Boiron”, EU:C:2006:528).
52 RTVE u l-Kummissjoni jsostnu li l-aggravju, f’din il-parti, huwa ineffettiv u, f’kull każ, infondat, hekk kif isostni wkoll ir-Renju ta’ Spanja.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
53 Hemm lok li jitfakkar li, fil-punti 92 u 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, permezz tal-argumenti tagħha bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, minħabba r-relazzjoni eżistenti bejn il-miżuri fiskali inkwistjoni u l-vantaġġ kompetittiv li minnu tgawdi RTVE, DTS kienet qegħda tipprova tikkontesta l-prinċipju li rriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilit fil-punt 80 tas-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, Banks (C-390/98, EU:C:2001:456), li jipprovdi li l-persuni responsabbli għall-ħlas ta’ kontribuzzjoni obbligatorja ma jistgħux jeċċepixxu li l-eżenzjoni li minnha jibbenefikaw persuni oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sabiex jevitaw li jħallsu din il-kontribuzzjoni.
54 Issa, l-ilment imressaq minn DTS fir-rigward ta’ dawn il-konstatazzjonijiet fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju bl-ebda mod ma jista’ jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata, peress li, hekk kif ġustament isostnu RTVE u l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti ta’ DTS inkwistjoni għall-motivi esposti mhux fil-punti 92 u 93 ta’ dik is-sentenza, iżda fil-punti 94 sa 105 tagħha, li jirrigwardaw ir-rilevanza tas-sentenza Laboratoires Boiron għall-eżami tal-għajnuna inkwistjoni, liema motivi jifformaw is-suġġett tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju.
55 Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva
Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li t-taxxa fuq l-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas hija taxxa asimmetrika li tikkostitwixxi għajnuna fis-sens tas-sentenza Laboratoires Boiron
L-argumenti tal-partijiet
56 L-ewwel net, DTS issostni li t-taxxa fuq l-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas tagħmel parti integrali mill-għajnuna mogħtija lil RTVE inkwantu din tikkostitwixxi taxxa asimmetrika li tixbah lil dik inkwistjoni fis-sentenza Laboratoires Boiron. Fil-fatt, din it-taxxa hija imposta fuq kategorija waħda ta’ operaturi, jiġifieri, l-operaturi tat-televiżjoni bi ħlas, li qegħdin f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ RTVE. Għaldaqstant, l-għajnuna tirriżulta kemm mill-fatt li, minn naħa, kompetitur tal-benefiċjarju tal-għajnuna huwa suġġett għal taxxa u kif ukoll mill-fatt li, min-naħa l-oħra, ir-rikavat minn din it-taxxa huwa intiż għall-finanzjament tal-għajnuna inkwistjoni.
57 It-tieni nett, DTS issostni li d-differenzi identifikati mill-Qorti Ġenerali bejn it-taxxa fuq l-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas u dik analizzata fis-sentenza Laboratoires Boiron ma humiex rilevanti.
58 L-ewwel nett, il-fatt, irrilevat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 100 tas-sentenza appellata, li l-għan prinċipali tat-taxxa fuq l-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas ma huwiex li jiġu ekwilibrati mill-ġdid il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn RTVE u l-operaturi oħra ma huwiex element determinanti. Fil-fatt, il-kunċett ta’ għajnuna huwa kunċett oġġettiv. F’kull każ, il-finalità ta’ din it-taxxa huwa simili ħafna għal dik tat-taxxa inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Laboratoires Boiron, peress li din hija intiża sabiex tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-ispejjeż sostnuti minn RTVE għat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku tagħha.
59 It-tieni nett, ma jkunx eżatt li jitqies, hekk kif il-Qorti Ġenerali għamlet fil-punt 101 tas-sentenza appellata, li r-rabta bejn it-taxxa fuq l-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas u l-għajnuna hija inqas stretta minn dik identifikata fis-sentenza Laboratoires Boiron. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkonstatat li l-inkompatibbiltà eventwali ta’ din it-taxxa mad-dritt tal-Unjoni ma jkollhiex bħala konsegwenza diretta t-tqegħid inkwistjoni tal-għajnuna mogħtija lil RTVE. Fil-fatt, is-sentenza appellata tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni li l-obbligu impost fuq DTS li tikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ kompetitur isaħħaħ id-distorzjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mit-trasferiment ta’ fondi lil dan tal-aħħar. Għaldaqstant, RTVE tibbenefika minn vantaġġ kompetittiv fis-swieq tal-akkwist ta’ kontenut awdjoviżiv, mhux biss minħabba l-fondi li hija tirċievi għat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku tagħha, iżda wkoll minħabba l-fatt li dawn il-fondi ma jibbenefikawx lill-kompetituri tagħha. Issa, dan l-aħħar vantaġġ jitneħħa kompletament jekk it-taxxa fuq l-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas kellha titneħħa.
60 It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod żbaljat, fil-punti 102 sa 104 tas-sentenza appellata, li, b’differenza għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Laboratoires Boiron, il-portata tal-għajnuna mogħtija lil RTVE ma hijiex iddeterminata mill-ammont tat-taxxa fuq l-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-vantaġġ kompetittiv li minnu tibbenefika RTVE jiżdied bl-ammont ta’ din it-taxxa imposta fuq DTS, peress li, iktar dan ma jkun kbir, inqas ikunu kbar ir-riżorsi li hija jkollha sabiex tikkompeti ma’ RTVE. Ir-rabta bejn din it-taxxa u l-għajnuna hija għaldaqstant iktar stretta minn dik identifikata fis-sentenza Laboratoires Boiron. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li t-trasferiment ta’ fondi pubbliċi lil RTVE jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.
61 Il-kumpanniji Telefónica jqisu, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat b’mod restrittiv il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex il-metodu ta’ finanzjament ta’ għajnuna jagħmel parti integrali minnha, filwaqt li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni teleoloġika.
62 Fit-tieni lok, il-kumpanniji Telefónica jsostnu li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi stabbilit li miżura fiskali tagħmel parti integrali minn għajnuna, jiġifieri l-allokazzjoni tat-taxxa għall-finanzjament tal-għajnuna inkwistjoni u l-influwenza diretta tar-rikavat minn din t-taxxa fuq il-portata ta’ din l-għajnuna, ma humiex kundizzjonijiet distinti u kumulattivi. Fil-fatt, l-allokazzjoni timplika minnha nfisha l-eżistenza ta’ rabta neċessarja bejn l-ammont tad-dħul u l-għajnuna. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2005, Streekgewest (C-174/02, EU:C:2005:10), peress li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat biss jekk kienx hemm neċessarjament rabta kawżali vinkolanti bejn it-taxxa u l-għajnuna skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti u kkunsidrat li, fil-każ affermattiv, l-influwenza diretta tal-miżura fiskali fuq il-portata tal-għajnuna tkun konsegwenza loġika.
63 Fit-tielet lok, il-kumpanniji Telefónica jqisu li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et (C-261/01 u C-262/01, EU:C:2003:571) u tas-27 ta’ Novembru 2003, Enirisorse (C-34/01 sa C-38/01, EU:C:2003:640), hija żbaljata. Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix fuq ir-rekwiżit ta’ influwenza diretta tal-miżura fiskali fuq l-ammont tal-għajnuna ma jfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li din hija kundizzjoni addizzjonali sabiex jiġi stabbilit jekk il-metodu ta’ finanzjament ta’ għajnuna jagħmilx parti minnha, iżda dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li dawn is-sentenzi kienu jikkonċernaw l-ewwel kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq il-kwistjoni tas-separabbiltà.
64 RTVE, ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni jqisu li t-tieni parti tal-ewwel aggravju ma hijiex fondata.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
65 Hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-taxxi ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, sakemm ma jikkostitwixxux il-metodu ta’ finanzjament ta’ miżura ta’ għajnuna, b’mod li huma jagħmlu parti integrali minn din il-miżura (sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2005, Streekgewest, C-174/02, EU:C:2005:10, punt 25; tat-13 ta’ Jannar 2005, Pape, C-175/02, EU:C:2005:11, punt 14, u tas-27 ta’ Ottubru 2005, Distribution Casino France et, C-266/04 sa C-270/04, C-276/04 u C-321/04 sa C-325/04, EU:C:2005:657, punt 34).
66 Fil-fatt, minn naħa, għajnuna fil-veru sens tal-kelma tista’ ma tbiddilx sostanzjalment il-kummerċ bejn Stati Membri u għaldaqstant tiġi rrikonoxxuta bħala ammissibbli, iżda l-effett perturbanti tagħha jista’ jiżdied permezz ta’ metodu ta’ finanzjament li jirrendi l-iskema fit-totalità tagħha inkompatibbli mas-suq intern. Min-naħa l-oħra meta taxxa speċifikament intiża li tiffinanzja għajnuna tirriżulta kuntrarja għal dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, il-Kummissjoni ma tistax tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna, li minnha t-taxxa tagħmel parti, kompatibbli mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et, C-261/01 u C-262/01, EU:C:2003:571, punti 47 u 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
67 Il-mod ta’ finanzjament ta’ għajnuna jista’ għaldaqstant iwassal għall-inkompatibbiltà mas-suq intern tal-iskema ta’ għajnuna kollha li huwa jservi sabiex jiffinanzja. Għaldaqstant, l-eżami ta’ għajnuna ma jistax ikun isseparat mill-mod ta’ finanzjament tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2005, AEM u AEM Torino, C-128/03, u C-129/03, EU:C:2005:224, punt 45).
68 Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex taxxa tkun tista’ titqies bħala li tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna, għandu jkun hemm rabta kawżali vinkolanti bejn it-taxxa u l-għajnuna bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, fis-sens li r-rikavat mit-taxxa għandu jkun neċessarjament allokat għall-finanzjament tal-għajnuna u jinfluwenza direttament il-portata tagħha u, konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C-393/04 u C-41/05, EU:C:2006:403, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C-333/07, EU:C:2008:764, punt 99).
69 F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 65 sa 86 tas-sentenza appellata, ikkontestati għall-xejn fil-kuntest tat-tieni aggravju, li mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli jirriżulta li l-ammont tal-għajnuna mogħtija lil RTVE ma jiddependix direttament mid-dħul li jirriżulta mill-miżuri fiskali inkwistjoni, peress li dan l-ammont huwa stabbilit abbażi tal-ispejjeż netti relattivi għat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku fdata lil RTVE.
70 B’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat, f’dan ir-rigward, li, meta d-dħul fiskali li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha RTVE jkun iktar mill-ispejjeż tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku eżerċitata minn din tal-aħħar, l-eċċess għandu jiġi allokat lura, skont il-każ, lil fond ta’ riżerva jew lit-Teżor pubbliku, filwaqt li dan l-istess dħul huwa, barra minn hekk, is-suġġett ta’ limitu assolut, b’mod li kull eċċess għandu wkoll jiġi allokat lura lill-baġit ġenerali tal-Istat. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, meta dan id-dħul ma jkunx biżżejjed sabiex ikopri dawn l-ispejjeż, l-Istat Spanjol għandu l-obbligu jkopri d-differenza.
71 F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk huwa paċifiku li l-finanzjament tal-għajnuna mogħtija lil RTVE huwa żgurat mill-miżuri fiskali inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali, kuntrarjament għal dak li jsostnu DTS u l-kumpanniji Telefónica, xorta waħda setgħet tikkonkludi fil-punt 104 tas-sentenza appellata, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, li dawn il-miżuri fiskali ma jagħmlux parti integrali minn din l-għajnuna.
72 Fil-fatt, peress li r-rikavat mill-miżuri fiskali inkwistjoni ma għandu ebda influwenza diretta fuq il-portata tal-għajnuna mogħtija lil RTVE, peress li la l-għoti u lanqas l-ammont tagħha ma jirriżultaw minn dan ir-rikavat u peress li dan tal-aħħar ma huwiex neċessarjament allokat għall-finanzjament ta’ din l-għajnuna, inkwantu parti minn dan ir-rikavat jista’ jiġi allokat mill-ġdid għal finijiet oħra, ma jistax jitqies li teżisti rabta kawżali vinkolanti bejn dawn il-miżuri fiskali u l-għajnuna inkwistjoni.
73 F’dan ir-rigward, huwa rrilevanti li l-miżuri fiskali inkwistjoni ġew introdotti sabiex tiġi kkumpensata t-tneħħija tad-dħul kummerċjali li qabel kienet tibbenefika minnu RTVE, b’mod partikolari dak li jirriżulta mir-reklamar (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2005, Streekgewest, C-174/02, EU:C:2005:10, punt 27).
74 L-argument ta’ DTS ibbażat fuq is-sentenza Laboratoires Boiron ma jistax jikkontesta dawn il-kunsiderazzjonijiet.
75 F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddeċidiet li, fil-każ ta’ ssuġġettar asimmetriku għal taxxa, jiġifieri meta taxxa hija dovuta minn kategorija waħda biss miż-żewġ kategoriji ta’ operaturi f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni, l-operaturi responsabbli għall-ħlas tat-taxxa jistgħu jeċċepixxu l-illegalità tagħha. Fil-fatt, f’tali każ, l-għajnuna tirriżulta mill-fatt li kategorija oħra ta’ operaturi ekonomiċi li magħha l-kategorija intaxxata tinstab f’relazzjoni diretta ta’ kompetizzjoni ma hijiex suġġetta għal din it-taxxa. Il-miżura ta’ għajnuna hija, għaldaqstant, it-taxxa nnifisha, peress li din tal-aħħar u l-għajnuna jikkostitwixxu ż-żewġ elementi inseparabbli ta’ miżura fiskali waħda. Għaldaqstant din is-sitwazzjoni ma tistax tixxiebah ma’ dik ta’ xi eżenzjoni minn taxxa ta’ portata ġenerali li minnha din it-taxxa tkun separabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Laboratoires Boiron, punti 30 sa 48).
76 Il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta fil-punti 98 sa 103 tas-sentenza appellata qieset li t-taxxa fuq l-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas li DTS hija responsabbli li tħallas ma hijiex paragunabbli mat-taxxa asimmetrika inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Laboratoires Boiron.
77 Fil-fatt, f’dan il-każ, il-miżuri fiskali inkwistjoni u l-għajnuna favur RTVE ma jikkostitwixxux, hekk kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fl-punt 101 tas-sentenza appellata, iż-żewġ elementi inseparabbli ta’ miżura waħda, peress li, bid-differenza għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Laboratoires Boiron, l-inapplikabbiltà eventwali tal-miżuri fiskali inkwistjoni minħabba l-eventwali inkompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-Unjoni ma jkollhiex bħala konsegwenza diretta t-tqegħid inkwistjoni tal-għajnuna, peress li, hekk kif jirriżulta mill-punti 48 u 70 ta’ din is-sentenza, l-Istat Spanjol għandu l-obbligu li jkopri d-differenza bejn is-sorsi finanzjarji li RTVE għandha għad-dispożizzjoni tagħha u l-ispejjeż kollha tagħha għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizzi pubbliku tagħha.
78 Barra minn hekk, u hekk kif il-Qorti Ġenerali ġustament osservat ukoll fil-punt 102 tas-sentenza appellata, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Laboratoires Boiron, il-portata tal-għajnuna kienet iddeterminata biss mill-ammont tat-taxxa, peress li l-vantaġġ li l-benefiċjarji kienu jisiltu mill-issuġġettar tal-kompetituri tagħhom għal din it-taxxa kien neċessarjament jiddependi mir-rata tagħha. Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, l-ammont tal-għajnuna huwa ddeterminat, hekk kif jirriżulta mill-punti 69 sa 71 ta’ din is-sentenza, mill-ispejjeż netti tat-twettiq tal-obbligu tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku.
79 Ċertament, hekk kif ġustament issostni DTS, f’din il-kawża, it-taxxa fuq l-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas hija wkoll intiża sabiex tiffinanzja skema ta’ għajnuna favur RTVE li l-Kummissjoni qieset li kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għaldaqstant, l-obbligu li titħallas din it-taxxa jimponi fuq DTS żvantaġġ kompetittiv addizzjonali fis-swieq li fihom hija teżerċita l-attivitajiet tagħha b’kompetizzjoni ma’ RTVE, peress li din tal-aħħar, min-naħa tagħha, ma hijiex responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa.
80 Madankollu, hekk kif ġustament irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 84 u 102 tas-sentenza appellata, dan is-sempliċi fatt ma jistax ikun biżżejjed sabiex jintwera li tali taxxa tagħmel parti integrali mill-għajnuna.
81 Fil-fatt, minn naħa, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il-kwistjoni dwar jekk taxxa tagħmilx parti integrali minn għajnuna ffinanzjata minn taxxa ma tiddependix mill-eżistenza ta’ rapport ta’ kompetizzjoni bejn id-debitur ta’ din it-taxxa u l-benefiċjarju tal-għajnuna, iżda biss mill-eżistenza ta’ rabta kawżali vinkolanti bejn din it-taxxa u l-għajnuna kkonċernata abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C-333/07, EU:C:2008:764, punti 93 sa 99).
82 Għaldaqstant, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ebda rabta vinkolanti ma teżisti bejn taxxa u l-eżenzjoni minnha favur kategorija ta’ impriżi, u dan anki meta dawn tal-aħħar jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom b’kompetizzjoni mal-impriżi responsabbli għall-ħlas tat-taxxa inkwistjoni. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ eżenzjoni fiskali u l-portata tagħha ma jiddependux mir-rikavat mit-taxxa. Għaldaqstant, il-persuni responsabbli għall-ħlas ta’ taxxa ma jistgħux jeċċepixxu li l-eżenzjoni li minnha jibbenefikaw impriżi oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sabiex jevitaw il-ħlas ta’ din it-taxxa jew sabiex jiksbu r-rimbors tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, Distribution Casino France et, C-266/04 sa C-70/04, C-276/04 u C-321/04 sa C-325/04, EU:C:2005:657, punti 41 u 42).
83 Minn naħa l-oħra, u kif diġà ġie indikat fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, bħala prinċipju, it-taxxi ma jaqgħux taħt ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Issa, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 96 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-argument ta’ DTS, kieku kellu jiġi segwit, iwassal sabiex jitqies li kull taxxa miġbura fuq il-livell settorjali u imposta fuq l-operaturi li jinstabu f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju ta’ għajnuna ffinanzjata minnha għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikoli 107 u 108 TFUE.
84 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta qieset li t-taxxa fuq l-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas ma tagħmilx parti mill-iskema ta’ għajnuna favur RTVE.
85 Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE
L-argumenti tal-partijiet
86 DTS issostni li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fondatezza tat-tieni motiv ta’ annullament imressaq fl-ewwel istanza, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 151 u 152 ta’ din is-sentenza, hija ma kienet ressqet ebda argument quddiem din il-qorti dwar l-effetti tal-għajnuna fil-veru sens tal-kelma mogħtija lil RTVE, iżda hija kienet biss sostniet li l-modalità ta’ finanzjament ta’ din l-għajnuna kienet taggrava d-distorzjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta minnha u kienet tirrendi l-elementi flimkien tal-għajnuna u ta’ din il-modalità ta’ finanzjament inkompatibbli mal-interess komuni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, interpretat b’mod żbaljat numru mill-argumenti tagħha.
87 Skont DTS, dan l-iżnaturament wassal lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi ultra petita, u b’dan il-mod biddlet is-suġġett tat-tilwima. Peress li waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali hija stess ikkjarifikat li t-tieni motiv ta’ annullament kien effettiv biss fil-każ li l-ewwel motiv jiġi milqugħ, il-Qorti Ġenerali, peress li ċaħdet dan l-ewwel motiv, ma setgħetx teżamina dan it-tieni motiv. F’kull każ, anki fuq il-preżunzjoni li l-Qorti Ġenerali setgħet tiddeċiedi dwar dan il-motiv, hija setgħet tiċħdu biss abbażi tal-motiv espost fil-punt 151 tas-sentenza appellata, li jipprovdi li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti tat-taxxa fuq l-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas, peress li din il-miżura fiskali ma tagħmilx parti integrali mill-għajnuna. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tbiddel is-suġġett tat-tilwima billi terġa tinterpreta, fil-punt 152 ta’ din is-sentenza, it-tieni motiv imressaq quddiemha fis-sens li dan kien jirrigwarda l-effetti tal-għajnuna fil-veru sens tal-kelma.
88 B’dan il-mod, skont DTS, il-Qorti Ġenerali eċċediet il-limiti tal-kompetenza tagħha fil-qasam tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 106(2) TFUE. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, tista’ biss tivverifika jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni, mingħajr ma tista’ tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik ta’ din tal-aħħar, u lanqas a fortiori mingħajr ma tista’ teżamina punti li hija ma eżaminatx. Għaldaqstant, peress li l-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li t-taxxa fuq l-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas ma tagħmilx parti integrali mill-għajnuna hija setgħet biss tikkonferma li din l-istituzzjoni kienet fondata tawtorizza l-għajnuna inkwistjoni. Min-naħa l-oħra hija ma setgħetx tiddeċiedi fuq kwistjonijiet bħar-riskju ta’ adozzjoni, minn RTVE, ta’ aġir antikompetittiv, b’mod partikolari, offerti għolja wisq, peress li l-Kummissjoni ma eżaminatx tali kwistjonijiet.
89 RTVE ssostni li t-tielet aggravju huwa inammissibbli. F’kull każ, hija tqis, bħar-Renju ta’ Spanja u bħall-Kummissjoni, li dan l-aggravju huwa ineffettiv jew, għall-inqas infondat.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
90 Hemm lok li jitqies li t-tielet aggravju huwa kollu kemm huwa bbażat fuq il-premessa li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-portata tat-tieni motiv ta’ annullament imressaq fl-ewwel istanza, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE.
91 Madankollu hemm lok li jiġi kkonstatat li, permezz tal-appell tagħha, DTS ma tikkontesta ebda waħda mill-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 113 sa 167 tas-sentenza appellata, għall-finijiet li tiġġustifika ċ-ċaħda ta’ dan it-tieni motiv.
92 B’mod partikolari, DTS b’ebda mod ma ssostni li din il-parti tas-sentenza appellata hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi; hija qabel kollox tenfasizza li l-appell tagħha ma jirrigwardax l-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mogħtija lil RTVE mal-Artikolu 106(2) TFUE.
93 Minn dan jirriżulta li t-tielet aggravju, anki jekk fondat, bl-ebda mod ma jista’ jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.
94 F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala mhux effettiv.
Fuq l-aggravji mressqa mill-kumpanniji Telefónica, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 106(2) TFUE
95 Fir-risposta tagħhom, il-kumpanniji Telefónica ressqu aggravju wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li permezz tiegħu huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ċaħdet bħala inammissibbli l-argument tagħhom dwar il-ksur tal-Artikolu 108 TFUE.
96 F’din l-istess risposta, il-kumpanniji Telefónica ressqu wkoll aggravju bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE li permezz tiegħu huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi eżerċitat stħarriġ eċċessivament limitat fuq il-punt dwar jekk l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi bbażat ruħha, f’dan ir-rigward, fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha.
97 Huwa paċifiku li dawn l-aggravji huma intiżi li jiksbu l-annullament tas-sentenza appellata għal motivi li ma ġewx invokati minn DTS fil-kuntest tal-appell tagħha.
98 Fil-fatt, minn naħa, DTS bl-ebda mod ma invokat il-ksur tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea insostenn ta’ dan l-appell. Min-naħa l-oħra, anki jekk it-tielet aggravju huwa formalment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE, DTS stess ippreċiżat, fl-appell tagħha, hekk kif jirriżulta mill-punt 92 ta’ din is-sentenza, li hija ma hijiex qegħda tipprova tikkontesta l-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mogħtija lil RTVE taħt din id-dispożizzjoni, filwaqt li tillimita ruħha, fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, tikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat uħud mill-argumenti tagħha.
99 Issa, skont l-Artikolu 174 tar-Regoli tal-Proċedura, it-talbiet tar-risposta huma intiżi sabiex l-appell jiġi milqugħ jew miċħud, totalment jew parzjalment.
100 Barra minn hekk, skont l-Artikolu 172 ta’ dawn ir-regoli, il-partijiet fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali jistgħu jippreżentaw, permezz ta’ att separat, distint mir-risposta, nota inċidentali li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 178(1) u (3) ta’ dawn ir-regoli għandha tkun intiża għall-annullament, totali jew parzjali, tas-sentenza appellata abbażi ta’ aggravji u argumenti tad-dritt distinti minn dawk invokati fir-risposta.
101 Minn dawn id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien jirriżulta li r-risposta ma tistax tkun intiża għall-annullament tas-sentenza appellata għal aggravji distinti u awtonomi minn dawk invokati fl-appell, peress li tali aggravji jistgħu jitressqu biss fil-kuntest ta’ appell inċidentali.
102 Għaldaqstant, hemm lok li l-aggravji invokati mill-kumpanniji Telefónica, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 106(2) TFUE, jiġu miċħuda bħala inammissibbli.
Fuq l-appell inċidentali
103 Insostenn tal-appell inċidentali tagħhom, il-kumpanniji Telefónica jinvokaw aggravju wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inkwantu l-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli l-argument tagħhom dwar il-ksur tal-Artikolu 108 TFUE.
L-argumenti tal-partijiet
104 Il-kumpanniji Telefónica jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiċħad bħala inammissibbli l-motivi ta’ annullament li huma kienu ressqu fl-ewwel istanza, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 108 TFUE, minħabba li, peress li kienu invokati għall-ewwel darba fin-nota ta’ intervent, dawn ma kinux marbuta mas-suġġett tat-tilwima.
105 L-ewwel nett, fil-punt 216 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tibbaża ruħha fuq is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C-150/94, EU:C:1998:547), peress li l-kumpanniji Telefónica ma kinux irreferew għal din is-sentenza.
106 Barra minn hekk, fil-punt 217 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma tispjegax kif is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-334/08, EU:C:2010:414) tiġġustifika li, meta huwa jkun irid iressaq motivi mhux invokati fil-parti prinċipali, l-intervenjent fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu iktar libertà mill-intervenjent fil-kuntest ta’ rikors għal annullament. Kieku l-intervenjent kellu jillimita ruħu għal motivi mressqa fil-parti prinċipali, l-Artikolu 132(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jimponilu jinkludi l-motivi tiegħu, jitlef is-sens tiegħu.
107 RTVE ssostni li l-appell inċidentali huwa inammissibbli. Minn naħa, dan l-appell jinvoka, bi ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 178(3) tar-Regoli tal-Proċedura, aggravju wieħed li huwa identiku għal wieħed mill-aggravji invokati mill-kumpanniji Telefónica fir-risposta tagħhom għall-appell prinċipali. Min-naħa l-oħra, dan l-appell inċidentali ma jidentifikax bi preċiżjoni, bi ksur tal-ewwel sentenza tal-istess dispożizzjoni, l-aggravji kkontestati tas-sentenza appellata. F’kull każ, dan l-appell inċidentali huwa infondat. Ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni jqisu wkoll li l-argumenti tal-kumpanniji Telefónica għandhom jiġu miċħuda.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fuq l-ammissibbiltà tal-appell inċidentali
108 Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-appell inċidentali, hemm lok li jitfakkar li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 178(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-aggravji u l-argumenti ta’ dritt invokati insostenn ta’ appell inċidentali għandhom, hekk kif diġà ġie indikat fil-punt 100 ta’ din is-sentenza, ikunu distinti minn dawk invokati fir-risposta għall-appell prinċipali.
109 F’dan il-każ, jirriżulta li, bla dubju, l-aggravju wieħed invokat mill-kumpanniji Telefónica insostenn tal-appell inċidentali tagħhom, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jikkorrispondi fil-punti kollha għal wieħed mill-aggravji mressqa fir-risposta tagħhom għall-appell prinċipali ppreżentat minn DTS.
110 Madankollu, taħt piena li titqiegħed inkwistjoni id-distinzjoni, magħmula mir-Regoli tal-Proċedura, bejn l-appell prinċipali u l-appell inċidentali, ir-rekwiżit stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 178(3) ta’ dawn ir-regoli jista’ jinftiehem biss bħala li huwa bbażat fuq il-premessa li l-aggravji u l-argumenti li jinstabu fir-risposta huma, huma stess, analogi għal dawk imressqa fl-appell prinċipali.
111 Issa, f’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punti 95 sa 102 ta’ din is-sentenza, l-aggravju żviluppat mill-kumpanniji Telefónica fir-risposta tagħhom għall-appell prinċipali ppreżentat minn DTS, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huwa inammissibbli għaliex huwa distint minn dawk tal-appell.
112 Fir-rigward tal-osservanza tar-rekwiżit previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 178(3) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-appell inċidentali jirrigwarda espliċitament il-punti 207 sa 218 tas-sentenza appellata u li, għaldaqstant, dan jidentifika bil-preċiżjoni meħtieġa l-motivi kkontestati ta’ din is-sentenza.
113 F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li l-appell inċidentali huwa ammissibbli inkwantu jirrigwarda l-punti 207 sa 218 tas-sentenza appellata.
Fuq il-mertu
114 Fir-rigward tal-fondatezza tal-appell inċidentali, hemm lok li jitfakkar li parti li, skont l-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, titħalla tintervjeni f’tilwima mressaq quddiem din tal-aħħar ma tistax tbiddel is-suġġett tat-tilwima hekk kif iddefinit mit-talbiet u mill-motivi tal-partijiet prinċipali. Minn dan jirriżulta li huma ammissibbli biss l-argumenti ta’ intervenjent li jaqgħu taħt il-kuntest iddefinit minn dawn it-talbiet u motivi (sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, EU:C:2014:2258, punt 27).
115 F’dan il-każ, permezz tal-aggravju wieħed tal-appell inċidentali tagħhom, il-kumpanniji Telefónica jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli, fil-punti 207 sa 218 tas-sentenza appellata, il-motivi ta’ annullament, imressqa fin-nota ta’ intervent tagħhom quddiem din il-qorti, li permezz tagħhom huma lmentaw li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 108 TFUE.
116 Issa, huwa paċifiku li DTS ma kinitx invokat il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni in sostenn tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, peress li t-tliet motivi mressqa minnha sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kienu bbażati fuq il-ksur, rispettivament, tal-Artikolu 107 TFUE, tal-Artikoli 49 u 64 TFUE u tal-Artikolu 106(2) TFUE.
117 Minn dan jirriżulta li, hekk kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 212 tas-sentenza appellata, il-motivi mressqa mill-kumpanniji Telefónica fil-kuntest tan-nota ta’ intervent tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali ma kinux marbuta mas-suġġett tat-tilwima hekk kif kien ġie ddefinit minn DTS, u b’hekk kien qiegħed jiġi mibdul il-kuntest ta’ din it-tilwima b’mod kuntrarju għall-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
118 F’dan ir-rigward, huwa b’mod korrett li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 217 tas-sentenza appellata, li s-soluzzjoni adottata fis-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-334/08, EU:C:2010:414), fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260 TFUE, ma setgħetx tiġi applikata għal rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.
119 Fil-fatt, il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija bbażata fuq il-konstatazzjoni oġġettiva tan-nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru tal-obbligi imposti fuqu mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-562/07, EU:C:2009:614, punt 18).
120 Minn dan jirriżulta li, hekk kif il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet fil-punt 217 tas-sentenza appellata, fil-kuntest ta’ tali rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel il-konstatazzjonijiet kollha neċessarji sabiex tikkonkludi dwar l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, b’mod li motiv ta’ difiża, imressaq minn intervenjent, li jirrigwarda element ta’ fatt jew ta’ dritt li l-Kummissjoni għandha neċessarjament teżamina fil-kuntest tal-analiżi tagħha ma jistax ibiddel il-kuntest tat-tilwima, anki jekk dan ma jkunx ġie invokat mill-Istat Membru kkonċernat. Għall-kuntrarju, rikors għal annullament huwa delimitat, b’mod partikolari, mill-motivi invokati mir-rikorrent.
121 Barra minn hekk, għalkemm, skont l-Artikolu 132(2)(b) tar-Regoli tal-proċedura, in-nota ta’ intervent għandha tinkludi l-motivi u l-argumenti invokati mill-intervenjent, dan madankollu ma jfissirx li dan tal-aħħar jista’ jinvoka motivi ġodda, distinti minn dawk invokati mir-rikorrent. Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 219 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni tidħol fil-kuntest tal-limiti stabbiliti mill-proċedura ta’ intervent u għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 129 ta’ dawn ir-regoli, li jipprovdi li l-għan tal-intervent jista’ jkun biss li jiġu sostnuti, kompletament jew parzjalment, it-talbiet ta’ waħda mill-partijiet, li dan huwa sekondarju għat-tilwima prinċipali u li l-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis.
122 Fir-rigward tal-ilment li bih il-kumpanniji Telefónica jilmentaw li l-Qorti Ġenerali rreferiet, punt 216 tas-sentenza appellata, għas-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C-150/94, EU:C:1998:547), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan huwa kompletament ineffettiv, peress li dan ma huwiex ta’ natura li jivvizzja s-sentenza appellata bi żball ta’ liġi, peress li dawn il-kumpanniji bl-ebda mod ma jsostnu li l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali f’dan il-punt hija żbaljata fid-dritt.
123 Għaldaqstant, l-uniku aggravju tal-appell inċidentali għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq l-ispejjeż
124 Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli, mutatis mutandis, għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprovdi li l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.
125 Peress li l-aggravji ta’ DTS ma ġewx milqugħa u l-Kummissjoni talbet li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, hemm lok li jiġi deċiż li DTS għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-appell prinċipali.
126 Fir-rigward tal-appell inċidentali, peress li l-aggravji tal-kumpanniji Telefónica ma ġewx milqugħa u l-Kummissjoni talbet li huma jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż, hemm ukoll lok li huma jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-appell inċidentali.
127 Skont l-Artikolu 184(4) ta’ dawn ir-regoli, il-kumpanniji Telefónica għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati mal-appell prinċipali, filwaqt li RTVE għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati mal-appell prinċipali u mal-appell inċidentali.
128 Skont l-Artikolu 140(1) tal-imsemmija regoli, applikabbli, mutatis mutandis, għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. B’mod konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-appell huwa miċħud.
2) DTS Distribuidora de Televisión Digital SA hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tal-Kummissjoni Ewropea relatati mal-appell prinċipali.
3) Telefónica de España SA u Telefónica Móviles España SA huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk tal-Kummissjoni Ewropea relatati mal-appell inċidentali.
4) Corporación de Radio y Televisión Española SA (RTVE) u r-Renju ta’ Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.