SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
21 ta’ Lulju 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna taħt forma ta’ tnaqqis tat-taxxi ambjentali — Regolament (KE) Nru 800/2008 — Kategoriji ta’ għajnuna li jistgħu jitqiesu li huma kompatibbli mas-suq intern u eżenti mill-obbligu ta’ notifika — Natura vinkolanti tal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni — Artikolu 3(1) — Referenza espliċita għal dan ir-regolament fl-iskema ta’ għajnuna”
Fil-Kawża C-493/14:
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Bundesfinanzgericht (tribunal federali tal-finanzi, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Ottubru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Novembru 2014, fil-proċedura
Dilly’s Wellnesshotel GmbH
vs
Finanzamt Linz,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, A. Arabadjiev, C. G. Fernlund, S. Rodin u E. Regan (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Wahl,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Jannar 2016,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Dilly’s Wellnesshotel GmbH, minn M. Kroner, avukat, u K. Caspari, |
— |
għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u M. Klamert, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Estonjan,, minn K. Kraavi-Käerdi, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Sauer kif ukoll minn P. Němečková u K. Herrmann, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Marzu 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) u tal-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008, tas-6 ta’ Awwissu 2008, li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skond l-Artikoli [107 u 108 TFUE] (ĠU L 214, p. 3). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Dilly’s Wellnesshotel GmbH, fornitur ta’ servizzi, u l-Finanzamt Linz (uffiċċju tat-taxxi ta’ Linz, l-Awstrija) dwar ċaħda minn dan tal-aħħar ta’ talba li tressqet minn din il-kumpannija għall-finijiet tar-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija marbutin mas-sena 2011. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999
3 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) kien jipprovdi fl-Artikolu 2 tiegħu, intitolat “Notifika ta’ għajnuna ġdida”: “1. Ħlief fejn imsemmi mod ieħor fir-regolamenti magħmula skond l-Artikolu [109 TFUE] jew għal kull disposizzjoni relevanti tagħahom, kull pjan għall-għoti ta’ għajnuna ġdida għandu jkun mgħarraf lill-Kummissjoni f’biżżejjed żmien mill-Istat Membru konċernat [...]” |
Ir-Regolament (KE) Nru 994/98
4 |
Il-premessi 4 sa 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98, tas-7 ta’ Mejju 1998, dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [107 u 108 TFUE] li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 312) kienu fformulati kif ġej:
|
5 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eżenzjonijiet tal-grupp”: “1. Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ regolamenti addottati f’konformità mal-proċeduri provduti fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament u f’konformità ma’ l-Artikolu [107 TFUE], tiddikjara li l-kategoriji li ġejjin għandhom ikunu kompatibbli mas-suq [intern] u m’għandhomx ikunu soġġetti għall-bżonnijiet ta’ notifika ta’ l-Artikolu 108(3) TFUE]:
2. Ir-Regolamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jispeċifikaw għal kull kategorija ta’ għajnuna: […]
[…]” |
6 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Trasparenza u sorveljanza”, kien jipprovdi: “1. Meta tkun qed taddotta regolamenti skond l-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha timponi regoli dettaljati fuq l-Istati Membri sabiex tassigura trasparenza u sorveljanza tal-għajnuna eżentata minn notifikazzjoni f’konformità ma’ dawk ir-regolamenti. Dawn ir-regoli għandhom jikkonsistu, b’mod partikolari, fir-rekwiżiti provduti fil-paragrafi 2, 3 u 4. […]” |
7 |
Ir-Regolament Nru 994/1998 kien ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 733/2013, tat-22 ta’ Lulju 2013(ĠU L 204, p. 11), u, iktar tard, irrevokat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588, tat-13 ta’ Lulju 2015, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali (ĠU L 248 p. 1). |
Ir-Regolament Nru 800/2008
8 |
Il-premessi 5, 7 u 46 tar-Regolament Nru 800/2008 kienu fformulati kif ġej:
[…]
[…]
|
9 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 800/2008, intitolat “Ambitu” li jidher fil-Kapitolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet Komuni”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: Dan ir-Regolament għandu japplika għall-kategoriji segwenti ta’ għajnuna: […]
[…]” |
10 |
L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament intitolat “Kundizzjonijiet għal eżenzjoni” li jidher ukoll fl-imsemmi Kapitolu 1, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Għajnuna għall-iskemi, li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ Kapitolu 1 ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll id-dispożizzjonijiet relevanti ta’ Kapitolu II għandhom ikunu kompatibbli mas-suq [intern] fis-sens ta’ l-Artikolu [107(3) TFUE] u għandha tiġi eżentata mill-ħtieġa tan-notifika ta’ l-Artikolu [108(3) TFUE] sakemm kwalunkwe għajnuna individwali mogħtija taħt dawn l-iskemi jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament, u l-iskema jkun fiha referenza espliċita għal dan ir-Regolament, billi tikkwota t-titolu tiegħu u r-referenza tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.” |
11 |
L-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament, intitolat “Għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali” li jidher fit-Taqsima 4, intitolata “Għajnuna għall-protezzjoni ta’ l-ambjent”, tal-Kapitolu 2 tar-Regolament Nru 800/2008, intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kategoriji differenti ta’ għajnuna” jipprovdi: “1. Skemi ta’ għajnuna ambjentali fil-forma ta’ tnaqqis mit-taxxi ambjentali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-Direttiva [tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405),] għandhom ikunu kompatibbli mas-suq [intern] skond it-tifsira ta’ l-Artikolu [107(3) TFUE] u għandhom ikunu eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu [108(3) TFUE], sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu jiġu sodisfatti. […]” |
12 |
Ir-Regolament Nru 800/2008 kien ġie emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1224/2013, tad-29 ta’ Novembru 2013 (ĠU L 320, p. 22), rigward il-perjodu tal-applikazzjoni tiegħu. Dan ġie b’hekk estiż sat-30 ta’ Ġunju 2014. Dan ir-Regolament Nru 800/2008 ġie sussegwentement irrevokat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014, tas-17 ta’ Ġunju 2014, li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, p. 1). |
Id-dritt Awstrijak
13 |
Bis-saħħa tal-Budgetbegleitgesetz (liġi ta’ implementazzjoni tal-baġit), tat-30 ta’ Diċembru 2010 (BGBl. I, 111/2010, iktar ’il quddiem il-“BBG 2011”), l-impriżi li jipprovdu servizzi kellhom jiġu esklużi mir-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija. |
14 |
L-Artikolu 2(1) tal-Energieabgabenvergütungsgesetz (liġi dwar ir-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija, iktar ’il quddiem l-“EAVG”), fil-verżjoni emendata tagħha mill-Artikolu 72 tal-BBG 2011, jipprovdi: “Id-dritt għar-rimbors huwa mogħti biss lill-impriżi li jippruvaw li l-attività prinċipali tagħhom hija l-manifattura ta’ beni materjali u jekk huma jippruvaw li ma pprovdewx ir-riżorsi tal-enerġija msemmija fl-Artikolu 1(3), jew is-sħana (fwar jew ilma sħun) prodotta mir-riżorsi tal-enerġija msemmija fl-Artikolu 1(3).” |
15 |
L-applikazzjoni ratione temporis ta’ dan l-Artikolu 2 hija ffissata fl-Artikolu 4(7) tal-Energieabgabenvergütungsgesetz (liġi fuq ir-rimbors tat-taxxa fuq l-enerġija, iktar ’il quddiem l-“EAVG”), li jipprovdi: “L-Artikoli 2 u 3 [tal-EAVG] għandhom ikunu applikabbli, bla ħsara għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, għat-talbiet għal rimbors li jirrigwardaw perijodu wara l-31 ta’ Diċembru 2010.” |
16 |
Ix-xogħlijiet preparatorji tal-EAVG jindikaw fir-rigward tal-Artikolu 4(7) ta’ din il-liġi: “L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet emendati għandha tkun suġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Din l-emenda għandha tidħol fis-seħħ għall-użu tal-enerġija qabel il-31 ta’ Diċembru 2010. Għaldaqstant, it-talbiet tal-impriżi ta’ servizz dwar perijodi wara l-31 ta’ Diċembru 2010 ma jistgħux jiġu aċċettati. Jekk l-emenda tal-EAVG tiġi approvata mill-Kummissjoni bħala għajnuna mill-Istat awtorizzata, il-limitazzjoni legali għall-impriżi ta’ produzzjoni għandha tapplika b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011, b’tali mod li, wara dik id-data, l-impriżi ta’ servizzi ma jibqgħalhomx dritt għar-rimbors tat-taxxa fuq l-enerġija għall-enerġija użata. Jekk l-emenda ma tiġix approvata mill-Kummissjoni, is-sitwazzjoni legali attwali għandha tibqa’ mhux mibdula u kemm l-impriżi ta’ produzzjoni kif ukoll l-impriżi ta’ servizzi jkunu eliġibbli għal rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
17 |
Fid-29 ta’ Diċembru 2011, Dilly’s Wellnesshotel ressqet talba għal rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija marbutin mas-sena 2011. |
18 |
Din it-talba kienet ġiet miċħuda b’deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2012 fid-dawl tal-liġi l-ġdida kontenuta fil-BBG 2011, li tipprovdi li, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011, ir-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija għandu jingħata biss lil impriżi ta’ produzzjoni. Rikors ippreżentat minn Dilly’s Wellnesshotel quddiem l-Unabhängiger Finanzsenat (kamra tal-finanzi indipendenti, l-Awstrija), li għaliha ssuċċediet il-Bundesfinanzgericht (tribunal federali tal-finanzi), kien ġie miċħud. |
19 |
B’deċiżjoni tad-19 ta’ Marzu 2013, il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija) iddeċidiet li, wara sentenza mogħtija minn dik il-qorti fit-22 ta’ Awwissu 2012 (2012/17/0175), ir-rimbors tat-taxxa fuq l-enerġija kellu jibqa’ jingħata lill-impriżi ta’ servizzi għax-xahar ta’ Jannar 2011. Skont din il-qorti, għal dan ix-xahar, il-Kummissjoni ma kinitx għadha approvat il-leġiżlazzjoni l-ġdida peress li kienet is-suġġett ta’ dikjarazzjoni skont ir-Regolament Nru 800/2008, liema dikjarazzjoni kienet tirrigwarda biss il-perijodu li jibda fl-1 ta’ Frar 2011. |
20 |
Dilly’s Wellnesshotel ippreżentat rikors amministrattiv komplementari quddiem l-Unabhängiger Finanzsenat (kamra tal-finanzi indipendenti), fejn dik il-kumpannija talbet, essenzjalment, b’mod partikolari, li tintlaqa’ t-talba kollha ta’ rimbors tat-taxxa fuq l-enerġija għall-perijodu mix-xahar ta’ Jannar sax-xahar ta’ Diċembru 2011. Skont Dilly’s Wellnesshotel, fil-każ li l-applikazzjoni magħquda tal-Artikoli 2(1) u 4(7) tal-EAVG tkun tikser id-dritt tal-Unjoni, il-leġiżlazzjoni ġdida introdotta bil-BBG 2011 ma għandhiex tkun applikabbli u l-impriżi ta’ servizzi jistgħu jibqgħu jibbenefikaw mir-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija għas-sena 2011 kollha u warajha. |
21 |
Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-verżjoni inizjali tal-EAVG (BGBI 201/1996) kienet tipprovdi, fl-Artikolu 2(1) tagħha, għal rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija favur l-impriżi li jikkonċentraw essenzjalment fuq il-“manifattura ta’ beni materjali”. Il-provvisti ta’ servizzi kienu esklużi mill-benefiċċju tar-rimbors ta’ din it-taxxa. |
22 |
Fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C-143/99, EU:C:2001:598), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-miżuri nazzjonali li jipprevedu biss rimbors parzjali tat-taxxi fuq l-enerġija li jolqot il-gass naturali u l-enerġija elettrika favur impriżi fejn huwa ppruvat li għandhom bħala attività prinċipali l-manifattura ta’ beni materjali għandhom jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. |
23 |
Sussegwentement il-leġiżlazzjoni Awstrijaka dwar ir-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija kienet ġiet emendata diversi drabi. |
24 |
F’din il-kawża, il-Qorti tar-rinviju kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni ġdida dwar ir-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija introdotta bil-BBG 2011 mar-Regolament Nru 800/2008. |
25 |
Fl-ewwel lok, din il-qorti tiddubita li r-Repubblika tal-Awstrija tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 800/2008 fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta tliet kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu I ta’ dan ir-regolament ma humiex osservati. |
26 |
L-ewwel nett, din il-leġiżlazzjoni ma tinkludi la riferiment għar-Regolament Nru 800/2008 u lanqas indikazzjoni tar-riferiment tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. It-tieni nett, għalkemm l-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi li t-trażmissjoni lill-Kummissjoni ta’ sommarju tal-informazzjoni dwar il-miżura ta’ għajnuna kkonċernata għandha titwettaq f’terminu ta’ għoxrin ġurnata ta’ xogħol “wara d-dħul fis-seħħ ta’ skema ta’ għajnuna”, it-trażmissjoni kienet, f’dan il-każ, twettqet b’mod tard. It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-pubblikazzjoni fuq internet tat-test tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma twettqitx konformement mal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 800/2008, fid-dawl tal-fatt li l-indirizz internet ikkomunikat lill-Kummissjoni ma ppermettietx, u ma tippermetti qatt, li wieħed jaċċedi għat-test ikkonċernat. |
27 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk miżura ta’ għajnuna tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 800/2008, meta l-obbligi stabbiliti fil-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament ma humiex osservati. B’mod partikolari, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkaratterizzax lilha nfisha la permezz ta’ tnaqqis mill-ħsarat lill-ambjent jew il-prevenzjoni ta’ dawn il-ħsarat, u lanqas minn użu iktar razzjonali tar-riżorsi naturali jew iffrankar tal-enerġija. L-imsemmija qorti kellha d-dubji, għaldaqstant fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix għajnuna għall-finijiet tal-“protezzjoni tal-ambjent”, fis-sens tal-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament. |
28 |
Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tesprimi d-dubji tagħha f’dak li jirrigwarda l-osservanza tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 800/2008, li jgħid li t-tnaqqis fiskali huwa mogħti għall-perijodi massimi ta’ għaxar snin, peress li l-iskema tal-għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tinkludix limitu espress tal-perijodu li matulu r-rimbors tat-taxxi huwa mogħti, u lanqas riferiment għall-perijodu msemmi fid-dikjarazzjoni ta’ eżenzjoni trażmessa lill-Kummissjoni fis-7 ta’ Frar 2011. |
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzgericht (tribunal federali tal-finanzi) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
30 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 800/2008 għandu jkun interpretat fis-sens li l-assenza, fi skema ta’ għajnuna bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ riferiment ċar għal dan ir-regolament, permezz taċ-ċitazzjoni tat-titolu tiegħu u l-indikazzjoni tar-riferiment tiegħu ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jipprekludi li din l-iskema titqies li tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tkun eżenta, skont l-Artikolu 25(1) tal-imsemmi regolament, mill-obbligu tan-notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE. |
31 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ notifika jikkostitwixxi wieħed mill-elementi fundamentali tas-sistema ta’ stħarriġ stabbilita mit-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fil-kuntest ta’ din is-sistema, l-Istati Membri għandhom l-obbligu, minn naħa, li jinnotifikaw lill-Kummissjoni kull miżura intiża sabiex tistabbilixxi jew timmodifika għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u, min-naħa l-oħra, li ma timplementax tali miżura, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, sakemm l-imsemmija istituzzjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni finali dwar l-imsemmija miżura (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C-81/10 P, EU:C:2011:811, punt 58). |
32 |
L-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat li jinnotifika kull għajnuna ġdida lill-Kummissjoni huwa speċifikat fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 659/1999. |
33 |
Madankollu, skont l-Artikolu 109 TFUE, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jista’ jagħmel kull regolament xieraq għall-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE u jista’, b’mod partikolari, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-Artikolu 108(3) TFUE għandu japplika u l-kategoriji ta’ għajnuna eżentati mill-proċedura prevista f’din l-aħħar dispożizzjoni. |
34 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 108(4) TFUE, il-Kummissjoni tista’ tadotta r-regolamenti li jikkonċernaw il-kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat li l-Kunsill iddetermina, konformement mal-Artikolu 109 TFUE, li jistgħu jiġu eżentati mill-proċedura prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE. |
35 |
B’hekk, huwa skont l-Artikolu 94 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 89 KE, li sar huwa stess l-Artikolu 109 TFUE) li kien ġie adottat ir-Regolament Nru 994/98, li abbażi tiegħu ġie adottat, sussegwentement ir-Regolament Nru 800/2008. |
36 |
Minn dan jirriżulta li, minkejja l-obbligu ta’ notifika qabel kull miżura intiża li tistabbilixxi jew li temenda għajnuna ġdida, li hija imposta fuq Stati Membri bis-saħħa tat-Trattati u li jikkostitwixxi wieħed mill-elementi fundamentali tas-sistema ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, jekk miżura ta’ għajnuna adottata minn Stat Membru tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti previsti mir-Regolament Nru 800/2008, dan l-Istat Membru jista’ jibbenefika mill-possibbiltà li jkun eżenti mill-obbligu tiegħu ta’ notifika. Għall-kuntrarju, mill-premessa 7 tar-Regolament Nru 800/2008 jirriżulta li l-għajnuna mill-Istat li mhix koperta b’dan ir-Regolament għandha tibqa’ suġġetta għar-rekwiżit tan-notifika meħtieġa skont l-Artikolu 108(3) TFUE. |
37 |
Minn dan jirriżulta, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 1 tal-konklużjonijiet tiegħu, bħal temperament għar-regola ġenerali li tikkostitwixxi l-obbligu ta’ notifika, ir-Regolament Nru 800/2008 u l-kundizzjonijiet previsti minnu għandhom jinftiehmu b’mod strett. |
38 |
Tali approċċ jinsab ikkonfortat fid-dawl tal-għanijiet segwiti mir-regolamenti ġenerali ta’ eżenzjoni skont il-kategorija ta’ għajnuna, kif esposti fil-premessi 4 u 5 tar-Regolament Nru 994/98. Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni hija awtorizzata tadotta tali regolamenti, sabiex tiżgura sorveljanza effiċjenti tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u biex tissemplifika l-ġestjoni amministrattiva, mingħajr ma jiddgħajjef l-istħarriġ tal-Kummissjoni f’dan il-qasam, tali regolamenti wkoll għandhom bħala għan li jiżdiedu t-trasparenza u ċ-ċertezza legali. L-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn dawn ir-regolamenti, inkluż, konsegwentement, permezz tar-Regolament Nru 800/2008, tippermetti li tiżgura li dawn l-għanijiet ikunu kompletament sodisfatti. |
39 |
F’dan il-każ, jidher stabbilit li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx innotifikata lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 659/1999, u li l-unika eżenzjoni mill-obbligu ta’ notifika li tista’ tkun applikabbli hija dik stabbilita bl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 800/2008. |
40 |
Skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 800/2008, li jidher fil-Kapitolu II ta’ dan tal-aħħar, intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kategoriji differenti ta’ għajnuna”, l-iskemi ta’ għajnuna favur l-ambjent taħt forma ta’ tnaqqis tat-taxxi ambjentali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2003/96 kif ukoll il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25(2) u (3) tar-Regolament Nru 800/2008 huma kompatibbli mas-suq intern u huma eżenti mill-obbligu ta’ notifika prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE. |
41 |
Madankollu, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu evalwati l-kundizzjonijiet li għalihom jagħmel riferiment l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 800/2008, li huma s-suġġett tat-tieni u t-tielet domandi, għandu jiġi rrilevat li, bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, li jidher fil-Kapitolu I tal-imsemmi regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet komuni”, skema ta’ għajnuna tista’ biss tiġi eżentata mill-imsemmi obbligu ta’ notifika bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li din l-iskema tinkludi riferiment ċar għal dan l-istess regolament, permezz taċ-ċitazzjoni tat-titolu tiegħu u l-indikazzjoni tar-riferiment tiegħu ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
42 |
Fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma tinkludix tali riferiment għar-Regolament Nru 800/2008. |
43 |
F’dan ir-rigward, il-Gvern Awstrijak irrileva, matul is-seduta, li ġiet adottata miżura ta’ eżekuzzjoni, wara, fil-livell nazzjonali, sabiex tiġi rrimedjata l-assenza ta’ riferiment għar-Regolament Nru 800/2008 fl-iskema tal-għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li din il-miżura ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni matul is-sena 2014, skont ir-Regolament Nru 651/2014. |
44 |
Madankollu, huwa suffiċjenti li jiġi osservat li, tkun li tkun l-eventwali natura ġuridika tal-imsemmija miżura, din ma tistax, fi kwalunkwe każ, ittaffi l-assenza ta’ riferiment għar-Regolament Nru 800/2008 fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-perijodu kkonċernat. |
45 |
Għandu wkoll jiġi rrilevat, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 54 u 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, li n-natura imperattiva ta’ riferiment għar-Regolament Nru 800/2008 fi skema ta’ għajnuna mogħtija, sabiex Stat Membru jkun jista’ jinvoka l-benefiċċju ta’ eżenzjoni bis-saħħa ta’ dan ir-regolament fir-rigward ta’ din l-iskema, jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, li jipprovdi li l-iskemi ta’ għajnuna li jissodisfaw, b’mod partikolari, “il-kundizzjonijiet kollha” stabbilit fil-Kapitolu I tar-Regolament Nru 800/2008 huma eżenti mill-obbligu ta’ notifika, bil-kundizzjoni li kull għajnuna individwali mogħtija skont din l-iskema tissodisfa “il-kundizzjonijiet kollha” previsti minn dan ir-regolament u li l-imsemmija skema “jkun fiha referenza espliċita” għall-imsemmi regolament. |
46 |
Dan il-qari jinsab rinforzat kemm mill-għan li għandu jintlaħaq fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 800/2008 kif ukoll mill-kuntest li fih din id-dispożizzjoni tinsab imdaħħla. |
47 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kuntest li fih l-imsemmija dispożizzjoni tkun imdaħħla, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 800/2008 huwa intitolat “Kundizzjonijiet għal eżenzjoni”, liema fatt jimplika li l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu hija neċessarja sabiex miżura ta’ għajnuna mogħtija tkun eżentata, skont dan ir-regolament, mill-obbligu ta’ notifika. Min-naħa l-oħra, għandu jinqara l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 800/2008 fid-dawl tal-premessi ta’ dan ir-regolament u, b’mod partikolari tal-premessa 5 tiegħu, li bis-saħħa tiegħu l-imsemmi regolament għandu jeżenta kull għajnuna li tissodisfa “l-kundizzjonijiet kollha” li jipprovdi kif ukoll kwalunkwe skema ta’ għajnuna, sakemm kwalunkwe għajnuna li tista’ tingħata skont din l-iskema tissodisfa “l-kundizzjonijiet kollha”. |
48 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għan kopert mir-rekwiżit ta’ riferiment espress għar-Regolament Nru 800/2008, dan jista’ wkoll jiġi dedott mill-imsemmija premessa 5, li tistabbilixxi li, “[s]abiex tiġi żgurata t-trasparenza, kif ukoll sorveljanza aktar effiċjenti ta’ l-għajnuna, kwalunkwe miżura ta’ għajnuna individwali mogħtija skond dan ir-Regolament għandu jkun fiha referenza espressa għad-dispożizzjoni applikabbli tal-Kapitolu II u għal-liġi nazzjonali li fuqha hi bbażata l-għajnuna individwali”. |
49 |
Barra minn hekk u b’mod iktar ġenerali, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 994/98 jipprovdi li, “[m]eta tkun qed taddotta regolamenti skont l-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha timponi regoli dettaljati fuq l-Istati Membri sabiex tassigura trasparenza u sorveljanza tal-għajnuna eżentata minn notifikazzjoni f’konformità ma’ dawk ir-regolamenti [...]”. Bl-istess mod, il-premessa 5 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li r-“regolamenti għal eżenzjoni ta’ gruppi jżidu t-trasparenza u ċ-ċertezza legali [...]” |
50 |
Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni u kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, referenza espressa għar-Regolament Nru 800/2008 f’miżura ta’ għajnuna partikolari tippermetti lill-benefiċjarji, kif ukoll lill-kompetituri tagħhom, li jifhmu r-raġunijiet li għalihom dik il-miżura tista’ tiġi implementata, minkejja li ma tkunx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni u lanqas awtorizzata minnha. Din ir-referenza mhux biss tippermetti lill-Kummissjoni li teżerċita s-sorveljanza tagħha, imma wkoll lit-terzi interessati li jkunu informati bil-miżuri ta’ għajnuna pprospettati, sabiex eventwalment ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet proċedurali tagħhom. |
51 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 800/2008 li jipprovdi li skema ta’ għajnuna, sabiex tiġi eżentata mill-obbligu ta’ notifika prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE, jkun fiha referenza espliċita għal dan ir-Regolament, ma tikkostitwixxix sempliċi formalità, iżda għandha natura imperattiva, b’mod li l-vjolazzjoni tagħha tostakola l-għoti ta’ eżenzjoni minn dan l-obbligu skont l-imsemmi regolament. |
52 |
Ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 800/2008 għandu jkun interpretat fis-sens li l-assenza, fi skema ta’ għajnuna bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ riferiment ċar għal dan ir-regolament, permezz taċ-ċitazzjoni tat-titolu tiegħu u l-indikazzjoni tar-riferiment tiegħu ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jipprekludi li din l-iskema titqies li tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tkun eżenti, skont l-Artikolu 25(1) tal-imsemmi regolament, mill-obbligu tan-notifika prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE. |
Fuq it-tieni u t-tielet domandi
53 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domandi. |
Fuq l-ispejjeż
54 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tiddeċiedi: |
L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008, tas-6 ta’ Awwissu 2008, li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skond l-Artikoli [107 u 108 TFUE] għandu jkun interpretat fis-sens li l-assenza, fi skema ta’ għajnuna bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ riferiment ċar għal dan ir-regolament, permezz taċ-ċitazzjoni tat-titolu tiegħu u l-indikazzjoni tar-riferiment tiegħu ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jipprekludi li din l-iskema titqies li tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tkun eżenti, skont l-Artikolu 25(1) tal-imsemmi regolament, mill-obbligu tan-notifika prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.