SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
14 ta’ April 2016
“1* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà ta’ stabbiliment — Artikolu 49 TFUE — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tobbliga lill-banek li jinformaw lill-awtoritajiet fiskali dwar l-attiv ta’ klijenti de cujus, għal għanijiet tal-ġbir tat-taxxa tas-suċċessjoni — Applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni għall-friegħi stabbiliti fi Stat Membru ieħor fejn is-sigriet bankarju jipprekludi l-komunikazzjoni ta’ tali informazzjoni”
Fil-Kawża C-522/14:
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (qorti federali tal-finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Novembru 2014, fil-proċedura
Sparkasse Allgäu,
vs
Finanzamt Kempten,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, D. Šváby, J. Malenovský, M. Safjan, u M. Vilaras (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Sparkasse Allgäu, minn W.- R. Bub, avukat,
– għall-Finanzamt Kempten, minn L. Bachmann, bħala aġent,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u B. Beutler, bħala aġenti,
– għall-Gvern Elleniku, minn A. Dimitrakopoulou u A. Magrippi, bħala aġenti,
– għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u M. Wasmeier, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Novembru 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Sparkasse Allgäu u l-Finanzamt Kempten (amministrazzjoni tal-finanzi ta’ Kempten) dwar ir-rifjut ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu li tinforma lill-imsemmija amministrazzjoni b’tagħrif relatat mal-kontijiet miżmuma mill-fergħa tagħha mhux indipendenti stabbilita fl-Awstrija, minn persuni li, fil-mument tal-mewt tagħhom, kellhom ir-residenza fiskali tagħhom fil-Ġermanja.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2006/48/KE
3 L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 177, p. 1), jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jistipulaw li l-attivitajiet elenkati fl-Anness I jistgħu jitwettqu fit-territorji tagħhom, skond l-Artikoli 25, 26(1) sa (3), 28(1) u (2) u 29 sa 37 jew bl-istabbiliment ta’ fergħa jew permezz tal-provvista ta’ servizzi, minn xi istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata u taħt is-superviżjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, basta li dawk l-attivitajiet ikunu koperti bl-awtorizzazzjoni.”
4 Fost l-attivitajiet imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2006/48 jinsab, b’mod partikolari l-“[ġ]bir ta’ depożiti u fondi oħra li jitħallsu lura”.
5 L-Artikolu 31 tal-imsemmija direttiva jgħid:
“L-Artikoli 29 u 30 m’għandhomx jaffettwaw is-setgħat ta’ l-Istati Membri li jospitaw milli jieħdu l-miżuri xierqa biex ma jħallux jew jikkastigaw irregolaritajiet imwettqa fit-territorji tagħhom li jmorru kontra r-regoli legali li huma jkunu adottaw fl-interess ġenerali. Dan għandu jinkludi l-possibbiltà li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkunu kisru r-regoli ma jitħallewx jibdew tranżazzjonijiet ulterjuri fit-territorji tagħhom.”
Id-Direttiva 2011/16/UE
6 L-Artikolu 8(3)a tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE, tal-15 ta’ Frar 2011, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, p. 1) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE, tad-9 ta’ Diċembru 2014 (ĠU L 359, p. 1) (iktar ʼil quddiem id-“Direttiva 2011/16”), jipprovdi:
“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedi lill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti tiegħu li jwettqu r-regoli ta’ rappurtaġġ u ta’ diliġenza dovuta inklużi fl-Annessi I u II u biex jiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta’, u l-konformità ma’, tali regoli f’konformità mat-Taqsima IX tal-Anness I.
Skont ir-regoli ta’ rappurtaġġ u diliġenza dovuta li jinsabu fl-Annessi I u II, l-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru għandha, permezz ta’ skambju awtomatiku, tikkomunika sa mhux iktar tard mid-data ta’; skadenza stipulata fil-punt (b) tal-paragrafu 6, lill-awtorità kompetenti ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor, l-informazzjoni segwenti fir-rigward tal-perijodi taxxabbli mill-1 ta’ Jannar 2016 dwar Kont Rapportabbli:
a) l-isem, l-indirizz, it-TINs [numru ta’ identifikazzjoni fiskali] u d-data u l-post ta’ twelid (f’każ ta’ individwu) ta’ kull Persuna Rapportabbli li tkun Detentur ta’ Kont tal-kont u, fil-każ ta’ kwalunkwe Entità li tkun Detentur ta’ Kont u li, wara l-applikazzjoni tar-regoli ta’ diliġenza dovuta konsistenti mal-Annessi, tkun identifikata li jkollha Persuna Kontrollata waħda jew aktar li tkun Persuna Rapportabbli, l-isem, l-indirizz, u t-TINs tal-Entità u l-isem, l-indirizz, it-TINs u d-data u l-post ta’ twelid ta’ kull Persuna Rapportabbli;
b) in-numru tal-kont (jew l-ekwivalenti funzjonali fin-nuqqas ta’ numru ta’ kont);
c) l-isem u n-numru ta’ identifikazzjoni (jekk ikun hemm) tal-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti;
d) il-bilanċ jew il-valur tal-kont (inkluż, fil-każ ta’ Kuntratt tal-Assigurazzjoni b’Valur fi Flus jew Kuntratt ta’ Vitalizju, il-Valur fi Flus jew il-valur ta’ ċessjoni) fl-aħħar tas-sena kalendarja rilevanti jew ta’ perjodu ta’ rappurtar xieraq ieħor jew, jekk il-kont ikun ingħalaq matul sena jew perjodu partikolari, l-għeluq tal-kont;
[…]”
7 Skont il-punt D(1) tat-Taqsima VIII, tal-Anness I tad-Direttiva 2011/16, l-espressjoni “Kont Rapportabbli” jfisser, b’mod partikolari, kont finanzjarju li jkun miżmum minn Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti ta’ Stat Membru u minn waħda jew iktar Persuni Rapportabbli, jew minn NFE Passiva b’waħda jew iktar Persuni Kontrollanti li hija Persuna Rapportabbli, sakemm dan ikun ġie identifikat bħala tali skont il-proċeduri ta’ diliġenza dovuta deskritti fit-Taqsimiet II sa VII tal-istess anness.
Id-dritt Ġermaniż
8 Skont l-Artikolu 33(1) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq is-Suċċessjonijiet u d-Donazzjonijiet (Erbschaftsteuer- und Schenkungsteuergesetz; iktar ’il quddiem l-“ErbStG”) kull min, professjonalment, jieħu ħsieb il-kustodja jew il-ġestjoni ta’ attiv ta’ terzi għandu jinforma lill-amministrazzjoni fiskali kompetenti fir-rigward ta’ taxxi fuq is-suċċessjonijiet dwar l-attiv u l-krediti li, fil-mument tal-mewt tad-de cujus, kienu jidħlu fil-patrimonju ta’ dan tal-aħħar.
Id-dritt Awstrijak
9 Skont l-Artikolu 9(1) u (7) tal-Liġi Bankarja (Bankwesengesetz; iktar ’il quddiem il-“BWG”) il-friegħi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu b’sede fi Stati Membri oħra jistgħu jiżvolġu l-attività tagħhom fit-territorju tar-Repubblika tal-Awstrija, iżda huma obbligati li josservaw sensiela ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt Awstrijak, fosthom jinsab l-Artikolu 38 tal-BWG.
10 L-Artikolu 38 tal-BGB huwa fformulat kif ġej:
“1. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu, is-soċji tagħhom, il-membri tal-bordijiet tad-diretturi tagħhom, l-impjegati tagħhom, kif ukoll il-persuni li jaħdmu għalihom f’kapaċità oħra ma humiex permessi li jiżvelaw jew jużaw is-sigrieti fdati lilhom jew li huma kellhom aċċess biss minħabba relazzjonijiet ta’ negozju li għandhom mal-klijenti [...] (is-sigriet bankarju) [...].
2. L-obbligu li jiġi osservat is-sigriet bankarju ma japplikax:
[…]
5. meta l-klijent jagħti l-kunsens espress u bil-miktub tiegħu għall-komunikazzjoni tas-sigriet;
[…]”
11 L-Artikolu 101 tal-BWG jipprevedi sanzjonijiet kriminali fil-każ tal-ksur tas-sigriet bankarju.
It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
12 Sparkasse Allgäu hija istituzzjoni ta’ kreditu, fis-sens tad-Direttiva 2006/48, li teżerċita l-attivitajiet tagħha skont awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Din l-istituzzjoni topera, b’mod partikolari, fergħa mhux indipendenti fl-Awstrija.
13 Fil-25 ta’ Settembru 2008, l-amministrazzjoni finanzjarja ta’ Kempten talbet lil Sparkasse Allgäu li tipprovdilha, għall-perijodu li jibda fl-1 ta’ Jannar 2001, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33 tal-ErbStG f’dak li jikkonċerna l-klijenti tal-fergħa tagħha stabbilita fl-Awstrija li kienu jirrisjedu fil-Ġermanja fil-mument tal-mewt tagħhom.
14 Sparkasse Allgäu appella minn din id-deċiżjoni, appell li ġie miċħud, u l-istess ġara fir-rikors kontenzjuż tiegħu ppreżentat fl-ewwel istanza. Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors ta’ kassazzjoni quddiem il-Bundesfinanzhof (qorti federali tal-finanzi).
15 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt jekk l-Artikolu 33(1) tal-ErbStG jirrestrinġix il-libertà ta’ stabbiliment minkejja l-fatt li l-obbligu ta’ komunikazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni tapplika bl-istess mod għall-istituzzjonijiet kollha ta’ kreditu Ġermaniżi. Fil-fatt, minħabba dan l-obbligu, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu Ġermaniżi jkunu skoraġġuti li jeżerċitaw, permezz ta’ fergħa, attivitajiet kummerċjali fl-Awstrija. Madankollu, l-imsemmija qorti tistaqsi wkoll dwar, minn naħa, jekk restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tistax ukoll tirriżulta mill-effett magħqud ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Istat Membru tas-sede tal-istituzzjoni ta’ kreditu, jiġifieri r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u ta’ dawk tad-dritt tal-Istat Membru li fih il-fergħa tkun tinsab, jiġifieri r-Repubblika tal-Awstrija, u, min-naħa l-oħra, liema huwa dak l-Istat Membru li għalih tali restrizzjoni għandha tiġi imputata.
16 Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li l-Bundesfinanzhof (qorti federali tal-finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Il-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 49 TFUE, li kien l-Artikolu 43 KE) tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi, fil-każ tal-mewt ta’ resident, li l-obbligu ta’ istituzzjoni ta’ kreditu bis-sede tagħha fit-territorju nazzjonali li tikkomunika lill-Finanzamt (Uffiċċju tat-Taxxi) responsabbli mit-taxxa tas-suċċessjoni fit-territorju nazzjonali jirrigwarda wkoll l-attiv tad-de cujus li jinsab iddepożitat jew ġestit f’fergħa li ma hijiex indipendenti mill-imsemmija istituzzjoni ta’ kreditu li tinsab fi Stat Membru ieħor, meta f’dan l-Istat Membru tal-aħħar ma hemmx obbligu ta’ komunikazzjoni paragunabbli u meta l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma hemmhekk suġġetti għal sigriet bankarju protett b’sanzjonijiet kriminali?”
Fuq id-domanda preliminari
17 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu nazzjonali li għandhom is-sede tagħhom f’dan l-Istat Membru li jinformaw lill-awtoritajiet nazzjonali bl-attiv miżmum jew ġestit fil-friegħi tagħhom mhux indipendenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor, fil-każ tal-mewt tal-proprjetarju ta’ dan l-attiv li jirrisjedi fl-ewwel Stat Membru, meta t-tieni Stat Membru ma jipprevedix obbligu ta’ komunikazzjoni komparabbli u li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma suġġetti għal sigriet bankarju protett minn sanzjonijiet kriminali.
18 Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Artikolu 49 TFUE jimponi t-tneħħija ta’ restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment. Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, din il-libertà tinkludi, għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, l-aċċess għall-attivitajiet mhux imħallsa u l-eżerċizzju tagħhom, kif ukoll il-kostituzzjoni u t-tmexxija ta’ impriżi taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ stabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu stess. L-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment tinkludi r-restrizzjonijiet għall-kreazzjoni ta’ aġenziji, fergħat jew sussidjarji miċ-ċittadini ta’ Stat membru stabbiliti fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, 270/83, EU:C:1986:37, punt 13, Royal Bank of Scotland, C-311/97, EU:C:1999:216, punt 22 u CLT-UFA, C-253/03, EU:C:2006:129, punt 13).
19 Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 TFUE, il-persuni ġuridiċi li jaqgħu fid-dritt pubbliku, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li ma jagħmlux qligħ, jikkostitwixxu, ukoll, kumpanniji li għalihom l-Artikolu 49 TFUE huwa applikabbli. Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, Sparkasse Allgäu huwa persuna ġuridika li taqa’ fid-dritt pubbliku, li għaliha l-Artikolu 49 TFUE huwa applikabbli.
20 Hija ġurisprudenza stabbilita li, għalkemm, skont il-formulazzjoni tagħhom, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi li jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu wkoll li l-Istat Membru ta’ oriġini jostakola l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija inkorporata konformement mal-leġiżlazzjoni tiegħu (sentenza X, C-657/13, EU:C:2015:331, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Hemm lok li jitfakkar, ukoll, li mill-Artikolu 33(1) tal-ErbStG jirriżulta li kull min, professjonalment, jieħu ħsieb il-kustodja jew il-ġestjoni ta’ attiv ta’ terzi għandu jinforma, bil-miktub, lill-amministrazzjoni fiskali kompetenti fir-rigward ta’ taxxi tas-suċċessjoni dwar l-attiv u l-krediti li, fil-mument tal-mewt, kienu jidħlu fil-patrimonju tad-de cujus.
22 Għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni hija redatta f’termini ġenerali u ma tistabbilixxix distinzjoni skont il-post fejn isiru l-attivitajiet ta’ kustodja jew ta’ ġestjoni ta’ attiv ta’ terzi li hija ssemmi. Għalhekk, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li huwa persuna ġuridika stabbilita konformement mad-dritt Ġermaniż u li għandu s-sede tiegħu fil-Ġermanja, huwa suġġett għall-obbligi taħt din id-dispożizzjoni mhux biss dwar il-kontijiet miżmuma mill-aġenziji u l-fergħat varji tiegħu stabbilita fil-Ġermanja, iżda wkoll fir-rigward tal-kontijiet miftuħa mal-fergħa mhux indipendenti tiegħu fl-Awstrija.
23 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-punt dwar jekk l-attività ta’ istituzzjoni ta’ kreditu Ġermaniża, li fetħet fergħa fl-Awstrija, issirx iktar diffiċli minħabba l-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni, prevista fl-Artikolu 33(1) tal-ErbStG u l-obbligu li jiġi osservat, fl-Awstrija, is-sigriet bankarju, protett mill-Artikolu 38(2) u l-Artikolu 101 tal-BWG. F’dan ir-rigward, din il-qorti tindika li, sabiex tikkonforma ruħha ma’ dawn iż-żewġ obbligi, istituzzjoni ta’ kreditu li tinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali hija obbligata li titlob, konformement mal-Artikolu 38(2)(5) tal-BWG, il-ftehim tal-klijenti tagħha għal eventwali komunikazzjoni ta’ informazzjoni li tikkonċerna lill-awtoritajiet Ġermaniżi. Ir-rekwiżit ta’ tali ftehim jista’ jwassal sabiex ikollu l-konsegwenza li jdawwar, possibbilment, il-klijenti potenzjali tal-fergħa Awstrijaka ta’ tali istituzzjoni ta’ kreditu lejn il-banek Awstrijaċi jew lejn is-sussidjarji Awstrijaċi tal-banek Ġermaniżi, sa fejn la tal-ewwel u lanqas tal-aħħar ma huma suġġetti għal obligu ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni simili.
24 Jekk ma jistax, ċertament, jiġi eskluż li l-Artikolu 33(1) tal-ErbStG ikun ta’ natura li jista’ jiddisswadi lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fil-Ġermanja milli jiftħu fergħat fl-Awstrija, sa fejn l-osservanza ta’ dan l-obbligu jqegħidom f’sitwazzjoni żvantaġġuża sempliċement minħabba li huma b’hekk suġġetti għal obbligu li ma huwiex impost fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti f’dan l-aħħar Stat Membru, ma jistax għaldaqstant jiġi konkluż li l-eżistenza ta’ dan l-obbligu tista’ tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE.
25 Fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, għandu, fil-fatt, jiġi kkonstatat li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-konsegwenzi negattivi li jista’ jwassal għalihom obbligu bħal dak previst fl-Artikolu 33(1) tal-ErbStG li jirriżultaw mill-eżerċizzju parallel minn żewġ Stati Membri tal-kompetenza tagħhom fil-qasam, minn naħa, tal-leġiżlazzjoni ta’ obbligi tal-banek u ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu oħra fir-rigward tal-klijenti tagħhom sa fejn tikkonċerna l-osservanza tas-sigriet bankarju u, min-naħa l-oħra, ta’ kontrolli fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Kerckhaert u Morres, C-513/04, EU:C:2006:713, punt 20; Columbus Container Services, C-298/05, EU:C:2007:754, punt 43 u CIBA, C-96/08, EU:C:2010:185, punt 25).
26 B’mod partikolari, skont id-dritt Ġermaniż, l-osservanza tas-sigriet bankarju ma tistax tipprevali fuq ir-rekwiżit li jikkonstata li tiġi żgurata l-effikaċja tal-kontrolli fiskali, għalkemm l-Artikolu 33(1) tal-ErbStG, jistabbilixxi, fil ċirkustanzi li huwa jsemmi, obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet tat-taxxa mingħajr il-kunsens tad-detentur tal-kont ikkonċernat. Għall-kuntrarju, id-dritt Awstrijak, fl-Artikolu 38 tal-BWG, għamel l-għażla opposta, peress li s-sigriet bankarju għandu, fil-prinċipju, jiġi osservat fir-rigward ta’ kulħadd, inkluż l-awtoritajiet fiskali.
27 Huwa minnu li ftehim bilaterali bejn iż-żewġ Stati Membri kkonċernati, bħall-miżuri meħuda fil-livell tal-Unjoni, bħall-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 8(3)a tad-Direttiva 2011/16, huma wkoll kapaċi li jiżguraw kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa u sabiex jiffaċilita, b’hekk, f’ċirkustanzi bħal dik fil-kawża prinċipali, il-ksib mill-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi ta’ informazzjoni kkonċernata mill-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
28 Il-qorti tar-rinviju tindika, madankollu, li jekk ikun hemm ftehim għall-iskambju ta’ informazzjoni fil-qasam fiskali, konkluż bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Awstrija u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2012, dan il-ftehim japplika biss għas-snin jew għall-perijodi ta’ taxxa sussegwenti mill-1 ta’ Jannar 2011, li ma humiex ikkonċernati mit-talba indirizzata lill-amministrazzjoni tal-finanzi ta’ Kempten lil Sparkasse Allgäu. Bl-istess mod, id-Direttiva 2011/16 ġiet adottata biss wara l-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali.
29 Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, fl-istat tad-dritt tal-Unjoni fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u fl-assenza ta’ kwalunkwe miżura ta’ armonizzazzjoni fil-qasam tal-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet ta’ kontrolli fiskali, l-Istati Membri kienu liberi li jimponu fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu nazzjonali obbligu bħal dak inkwistjoni, sa fejn jirrigwarda l-fergħat tagħhom li joperaw barra minn pajjiżhom, sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-kontrolli fiskali, sakemm it-tranżazzjonijiet imwettqa fi ħdan l-imsemmija fergħat ma jkunux suġġetti għal trattament diskriminatorju meta mqaqbbla ma’ tranżazzjonijiet imwettqa mill-fergħat nazzjonali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Columbus Container Services, C-298/05, EU:C:2007:754, punti 51 u 53, kif ukoll id-digriet KBC Bank u Beleggen, Risicokapitaal, Beheer, C-439/07 u C-499/07, EU:C:2009:339, punt 80).
30 Issa, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 33(1) tal-ErbStG japplika, fil-kliem tiegħu, għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom is-sede tagħhom fil-Ġermanja, fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet imwettqa kemm fil-Ġermanja kif ukoll barra mill-pajjiż.
31 Il-fatt biss li obbligu ta’ komunikazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex previst mid-dritt Awstrijak ma jistax iwassal li jeskludi li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ tistabbilixxi tali obbligu. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-libertà ta’ stabbiliment ma tistax tiġi interpretata fis-sens li Stat Membru għandu l-obbligu li jistabbilixxi r-regoli fiskali tiegħu, b’mod partikolari, obbligu ta’ komunikazzjoni bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, skont dawk ta’ Stat Membru ieħor, sabiex jiggarantixxi, fis-sitwazzjonijiet kollha, li tiġi eliminata kull diskrepanza li tirriżulta mil-liġijiet fiskali nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Columbus Container Services, C-298/05, EU:C:2007:754, punt 51, u National Grid Indus, C-371/10, EU:C:2011:785, punt 62).
32 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu nazzjonali li għandhom is-sede tagħhom f’dan l-Istat Membru li jikkomunikaw lill-awtoritajiet nazzjonali l-attiv miżmum jew ġestit fl-imsemmija friegħi mhux indipendenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor, fil-każ tal-mewt tal-proprjetarju ta’ dan l-attiv li jirrisjedi fl-ewwel Stat Membru, meta t-tieni Stat Membru ma jipprevedix obbligu ta’ komunikazzjoni komparabbli u li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma suġġetti għal sigriet bankarju protett minn sanzjonijiet kriminali.
Fuq l-ispejjeż
33 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu nazzjonali li għandhom is-sede tagħhom f’dan l-Istat Membru li jikkomunikaw lill-awtoritajiet nazzjonali l-attiv miżmuma jew ġestit fl-imsemmija friegħi mhux indipendenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor, fil-każ tal-mewt tal-proprjetarju ta’ dan l-attiv li jirrisjedi fl-ewwel Stat Membru, meta t-tieni Stat Membru ma jipprevedix obbligu ta’ komunikazzjoni komparabbli u li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma suġġetti għal sigriet bankarju protett minn sanzjonijiet kriminali.
Firem