Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

26.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 26/19


Appell ippreżentat fil-21 ta’ Novembru 2014 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-11 ta’ Settembru 2014 fil-Kawża T-425/11, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-530/14 P)

(2015/C 026/23)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Bouchagiar u P.J. Loewenthal)

Parti oħra fil-proċedura: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-11 ta’ Settembru 2014, innotifikata lill-Kummissjoni fit-12 ta’ Settembru 2014, fil-Kawża T-425/11, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (ECLI: EU: T: 2014: 768);

tirrinvijja l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali bil-għan li din tiddeċiedi mill-ġdid;

tirriżerva l-ispejjeż tal-kawża odjerna għall-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell huwa bbażat fuq aggravju wieħed: il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 107(1) TFUE billi ddikjarat li l-miżura kkontestata ma tipprokurax vantaġġ lill-każinòs pubblici. Dan l-uniku aggravju tal-Kummissjoni huwa kompost minn tliet partijiet.

Fl-ewwel lok, fil-punti 52 sa 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE billi ddikjarat li l-każinòs pubbliċi ma kinux jiksbu vantaġġi mill-ħlas ta’ imposta żgħira għal kull klijent li jidħol abbażi tal-miżura kkontestata, peress li l-ammonti mħallsa kienu jikkorrispondu għal 80 % tal-prezzijiet tal-biljett tad-dħul imposti u riċevuti mill-każinòs pubbliċi u privati.

Fit-tieni lok, fil-punti 59 sa 68 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE billi ddikjarat li ma huwiex suffiċjenti li l-Kummissjoni tivvaluta l-vantaġġ mogħti mill-miżura kkontestata bħala diskriminazzjoni fiskali diretta de jure, iżda li l-Kummissjoni kellha tibbaża l-eżistenza tal-vantaġġ fuq analiżi ekonomika tal-konsegwenza tal-miżura kkontestata.

Fit-tielet lok, fil-punti 74 sa 80 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE billi ddikjarat, minn naħa, li l-prattika tad-dħul b’xejn ma tistax isaħħaħ il-vantaġġ tal-miżura kkontesta, safejn tali miżura ma kinitx tikkonferixxi vantaġġ u, min-naħa l-oħra, li sabiex jintlaqa’ tali argument il-Kummissjoni kienet obbligata turi li, fil-prattika, in-numru ta’ dħulijiet b’xejn mogħtija ma kienx eċċessivament għoli inkonnessjoni mal-għan tal-leġiżlazzjoni Griega li kkonsentieit tali prassi, bil-ksur konsegwenti tal-kundizzjoni imposta mill-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.