SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
26 ta’ Mejju 2016 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE– Eżenzjoni – Artikolu 135(1)(d) – Tranżazzjonijiet li jikkonċernaw il-ħlasijiet u t-trasferimenti – Kunċett – Xiri permezz tat-telefon jew fuq l-internet tal-biljetti taċ-ċinema – Ħlas permezz ta’ karta ta’ debitu jew karta ta’ kreditu – Servizzi magħrufa bħala ‘pproċessar tal-ħlas bil-karta’”
Fil-Kawża C-607/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) [qorti tal-ewwel istanza (Bord tat-tassazzjoni), ir-Renju Unit], permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Diċembru 2014, fil-proċedura
Bookit Ltd
vs
Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas, A. Prechal u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2015,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Bookit Ltd, minn N. Gardner u minn S. Mardell, solicitors, kif ukoll minn Z. Yang, barrister, u A. Hitchmough, QC,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Holt, bħala aġent, assistit minn K. Beal, QC,
– għall-Gvern Grieg, minn S. Charitaki u A. Magrippi, bħala aġenti,
– għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, A. Cunha u R. Campos Laires, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u R. Lyal, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva VAT”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Bookit Ltd u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (awtorità tat-taxxa u doganali tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, iktar ʼil quddiem l-“awtorità tat-taxxa”) dwar ir-rifjut li jiġu eżentati mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) ċerti provvisti ta’ servizzi li twettqu minn Bookit.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT jissuġġetta għall-VAT “il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.
4 L-Artikolu 135(1)(b) sa (g) ta’ din id-direttiva jipprovdi, f’termini sustanzjalment identiċi, l-eżenzjonijiet li kienu qabel previsti fl-Artikolu 13 B(d), rispettivament punti 1 sa 6 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).
5 Skont l-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva VAT:
“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:
[...]
d) transazzjonijet, inkluż negozjar, li jikkonċernaw kontijiet ta’ depożitu u kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozzjabbli, imma eskluża l-kollezzjoni tad-debitu [...]”
Id-dritt tar-Renju Unit
6 L-Artikolu 31 tal-Value Added Tax Act 1994 (liġi tal-1994 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, iktar ʼil quddiem “liġi tal-1994”) jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li “[l-]forniment ta’ oġġetti jew il-provvisti ta’ servizzi huma eżentati jekk dawn jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li tidher, attwalment, fl-Anness 9”.
7 Dan l-Anness 9 jsemmi bosta gruppi ta’ oġġetti u ta’ servizzi li jibbenefikaw minn eżenzjoni tal-VAT. Il-grupp 5 tiegħu jirrigwarda l-finanzi. Huwa jipprovdi għall-eżenzjoni tas-servizzi li ġejjin:
“[...]
1. Il-ħlas, it-trasferiment jew il-ġbir ta’ flus, ta’ kull titolu li jirrappreżenta flus jew ta’ kull karta jew ordni għall-ħlas ta’ flus kif ukoll kull tranżazzjoni li tikkonċerna l-flus jew li tipproduċi l-istess effetti.
[...]
5. Il-provvista ta’ servizzi intermedjarji fil-konfront ta’ kull tranżazzjoni prevista fil-punti 1, 2, 3, 4 jew 6 (kemm jekk dawn it-tranżazzjonijiet ġew konklużi b’mod finali jew le) minn persuna li taġixxi fil-kwalità ta’ intermedjarju.
[...]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
8 Bookit hija kumpannija proprjetà ta’ Odeon Cinemas Holding Limited (iktar ʼil quddiem “Odeon”), li għandha fil-pussess tagħha u tħaddem katina ta’ ċinemas fir-Renju Unit. L-attività kummerċjali ddikjarata ta’ Bookit tikkonsisti fl-ipproċessar tal-ħlas magħmul bil-karta ta’ debitu u bil-karta ta’ kreditu (iktar ʼil quddiem l-“ipproċessar tal-ħlas bil-karta”) għall-klijenti tal-grupp ta’ Odeon. Hija tamministra wkoll ċentru li jilqa’ t-telefonati f’isem Odeon. It-totalità tad-dħul minn Bookit ġej mit-tranżazzjonijiet marbuta mal-grupp ta’ Odeon u mill-klijenti ta’ dawn iċ-ċinemas.
9 Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Diċembru 2009, l-awtorità tat-taxxa kkonkludiet li s-servizzi mwettqa minn Bookit, għall-ħlasijiet deskritti lill-klijenti li jixtru biljetti taċ-ċinema Odeon bħala li kienu tariffi dwar is-servizz tal-ipproċessar tal-ħlas bil-karta, ma jikkostitwixxux provvisti ta’ servizzi eżentati skont il-grupp 5 tal-Anness 9 tal-liġi tal-1994. Bookit ippreżentat rikors quddiem il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) [qorti tal-ewwel istanza (Bord tat-tassazzjoni), ir-Renju Unit] kontra din id-deċiżjoni.
10 Din il-qorti tispeċifika li l-bejgħ tal-biljetti għaċ-ċinemas Odeon kien isir jew permezz tal-kaxxiera u d-distributuri awtomatiċi taċ-ċinemas, jew permezz tat-telefon permezz taċ-ċentru li jilqa’ t-telefonati, jew fuq l-internet.
11 Il-bejgħ permezz tal-kaxxiera jseħħ mill-impjegati ta’ Odeon. Għal dan il-bejgħ, kif ukoll għal dak li jitwettaq permezz tad-distributuri awtomatiċi taċ-ċinemas, Bookit jipprovdi servizzi ta’ ipproċessar tal-ħlasijiet permezz ta’ karta lil Odeon, iżda l-ebda tariffa għal dawn is-servizzi ma tintalab minn Odeon jew mill-klijenti. Il-bejgħ permezz tat-telefon jew fuq l-internet isir minn Bookit, li tieħu r-rwol ta’ aġent ta’ Odeon. Għal dan il-bejgħ, ix-xiri tal-biljetti permezz tal-karta ta’ debitu jew permezz tal-karta ta’ kreditu jfisser il-ħlas, mill-klijent, tal-prezz tal-biljett kif ukoll tal-imsemmija tariffa dwar is-servizz tal-ipproċessar tal-ħlas bil-karta. Matul il-perijodi kkonċernati, din kienet tvarja bejn 0.65 u 0.75 sterlina (GBP) (bejn wieħed u ieħor 0.82 u 0.95 euro) għal kull tranżazzjoni.
12 Il-qorti tar-rinviju tindika li, matul il-perijodu kollu kkonċernat, il-ħlasijiet permezz ta’ karta ta’ debitu u permezz ta’ karta ta’ kreditu miġbura minn Bookit mingħand il-klijenti li jixtru biljetti għaċ-ċinemas Odeon ġew ipproċessati mill-bank akkwirent tagħha, bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi. Dan il-kuntratt kien jipprovdi li l-bank akkwirent jikkredita l-kont ta’ Bookit bl-ammont kollu tat-tranżazzjonijiet li fir-rigward tagħhom d-data dwar it-tranżazzjonijiet permezz tal-karta rilevanti kienet ġiet ippreżentata lilha. Huwa kien jipprovdi wkoll li Bookit jew, skont il-każ, Odeon kienet obbligata, minn naħa, tikseb, mingħand il-bank akkwirent tagħha, kodiċi ta’ awtorizzazzjoni – mogħtija mill-bank tal-proprjetarju tal-karta, magħrufa bħala “bank emittenti”, u jiddikjara, essenzjalment, il-validità tal-karta u d-disponibbiltà tal-fondi – qabel ma twettaq kwalunkwe bejgħ u, min-naħa l-oħra, tiżgura li dan il-kodiċi kien inkluż f’fajl, magħruf bħala “fajl ta’ ftehim”, li jinkludi d-data tat-tranżazzjonijiet permezz ta’ karta, li kellu jiġi trażmess mill-ġdid lil dan il-bank akkwirent fl-aħħar tal-jum sabiex il-ħlasijiet jingħalqu.
13 Odeon u Bookit ukoll ikkonkludew kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi distinti ma’ DataCash Limited, skont liema DataCash kienet tipprovdi “servizzi standard ta’ ħlas permezz ta’ karta bankarja”. Dawn is-servizzi kienu jinkludu l-kisba ta’ kodiċi ta’ awtorizzazzjoni f’isem u għan-nom ta’ Bookit, permezz tal-preżentazzjoni ta’ talbiet għall-awtorizzazzjoni neċessarji mingħand il-bank akkwirent u l-wasla tar-risposti korrispondenti, kif ukoll il-ħażna tal-awtorizzazzjonijiet f’fajl iggruppat, li tippermetti li jsir magħruf jekk il-bejgħ sarx minn Odeon fiċ-ċinemas jew minn Bookit għad-distanza, fid-dawl tas-saldu mal-bank akkwirent.
14 Il-qorti tar-rinviju tesponi li, fil-prattika, ix-xiri ta’ biljett taċ-ċinema permezz tat-telefon jew fuq l-internet jinkludi l-istadji li ġejjin. Qabel kollox, il-klijent jipprovdi lil Bookit id-data rilevanti dwar il-karta ta’ debitu jew il-karta ta’ kreditu li jixtieq juża, bħall-isem u l-indirizz tal-proprjetarju tagħha, in-numru tagħha u l-kodiċi ta’ sigurtà li jidher fuq wara, data li Bookit tibgħat, permezz tal-intermedjarju DataCash, lill-bank akkwirent. Dan tal-aħħar jittrażmettihom lill-bank emittenti li, jekk dawn jiġu aċċettati, jalloka l-flus u jittrażmetti l-kodiċi ta’ awtorizzazzjoni lill-bank akkwirent. Dan, permezz tal-intermedjarju DataCash, jittrażmetti dan il-kodiċi lil Bookit li, meta hija tirċevih, teżamina jekk il-postijiet taċ-ċinema mitluba għadhomx disponibbli. Jekk dan ikun il-każ, il-biljetti jingħataw lill-klijent u t-tranżazzjoni tingħalaq għal dan tal-aħħar, li jirċievi mingħand Odeon konferma tar-reżervazzjoni li tindika li ttieħdet jew ser tittieħed permezz tal-karta tiegħu somma għall-biljetti rriżervati kif ukoll somma dovuta lil Bookit bħala spejjeż tal-prenotazzjoni.
15 Sussegwentement, fil-kuntest tal-proċess tal-aħħar tal-jum li jsir minn kull ċinema, Bookit tittrażmetti lil DataCash l-informazzjoni dwar il-ħlas li hija ġabret, taħt il-format ta’ fajls ta’ ftehim li jinkludu, għal kull tranżazzjoni, id-data dwar il-ħlas permezz ta’ karta, sa fejn jirrigwarda l-kodiċi ta’ awtorizzazzjoni tal-bank emittenti, sussegwentement DataCash tibgħat lill-bank akkwirent fajl iggruppat li jinkludi t-tranżazzjonijiet kollha konklużi matul il-ġurnata, sabiex tittrażmettihom lid-diversi banek emittenti, fatt li jibda l-proċess ta’ ħlas mill-banek emittenti lill-bank akkwirent. Dan tal-aħħar jikkredita imbagħad il-kont bankarju ta’ Bookit bil-fondi rilevanti. Fl-aħħar nett, Bookit tħallas lil Odeon id-dħul li ġej mill-bejgħ tal-biljetti u żżomm it-tariffi dwar is-servizz tal-ipproċessar tal-ħlas bil-karta.
16 Il-qorti tar-rinviju tindika li r-rwol ta’ Bookit huwa għalhekk magħmul, minn naħa, minn provvista ta’ servizz bħala aġent ta’ Odeon fil-bejgħ tal-biljetti u, min-naħa l-oħra, minn provvista lix-xerrejja ta’ dawn il-biljetti ta’ servizzi tal-ipproċessar tal-ħlas bil-karta, li jikkonsisti fil-kisba ta’ informazzjoni dwar il-karta mingħand il-klijent, fit-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni lill-bank akkwirent, fil-kisba tal-kodiċi ta’ awtorizzazzjoni mingħand dan tal-aħħar u fit-trażmissjoni mill-ġdid tal-informazzjoni dwar il-karta, sa fejn jirrigwarda l-kodiċi ta’ awtorizzazzjoni, lill-bank akkwirent fil-kuntest tal-proċess ta’ ftehim.
17 Il-qorti tar-rinviju tispeċifika, l-ewwel nett, li, mingħajr il-fajls ta’ ftehim, il-bank akkwirent ma jkunx jista’ jkun jaf li t-tranżazzjonijiet ingħalqu. It-tieni nett, Bookit ma tkunx tista’ tipproċessa l-ħlasijiet permezz tal-karta mingħajr is-servizzi ta’ bank akkwirent, peress li hija ma tistax tipprovdi d-data dwar il-karti direttament lill-banek emittenti sabiex tikseb il-kodiċijiet ta’ awtorizzazzjoni. It-tielet nett, Bookit għandha wkoll bżonn tas-servizzi ta’ DataCash sabiex id-data dwar il-karti tkun taħt forma rikonoxxuta mis-sistema ta’ ħlas. Din il-qorti tindika li huwa madankollu stabbilit quddiemha li l-intervent ta’ DataCash ma għandux impatt fuq in-natura tas-servizz ipprovdut minn Bookit. Ir-raba’ nett, hija tosserva li r-relazzjonijiet bejn Odeon, Bookit u l-klijenti tagħhom huma deskritti fis-sit internet ta’ Odeon u hija taħseb li, fuq il-perijodu kollu kkonċernat, dawn il-klijenti kienu jafu li qed jikkonkludu kuntratt distint ma’ Bookit dwar provvista ta’ servizz tal-ipproċessar tal-ħlas bil-karta, għall-ħlas ta’ tariffa.
18 Quddiem il-qorti tar-rinviju, Bookit issostni li s-servizz ta’ pproċessar tal-ħlas bil-karta li hija tipprovdi lix-xerrejja tal-biljetti taċ-ċinema Odeon jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi eżentata skont l-Anness 9, grupp 5, punt 1 tal-liġi tal-1994 u tal-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva VAT, peress li t-trażmissjoni lill-bank akkwirent tad-data dwar il-karti, sa fejn tinkludi l-kodiċijiet ta’ awtorizzazzjoni, għandha bħala effett li l-fondi huma ttrasferiti fil-kont li Bookit għandha f’dan il-bank.
19 L-amministrazzjoni tat-taxxa, min-naħa l-oħra, issostni li Bookit ma twettaq fl-ebda mument it-trasferiment tal-fondi għall-klijenti ta’ Odeon fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li dan it-trasferiment sar mill-bank akkwirent flimkien mal-banek emittenti. Is-servizzi li saru minn Bookit għalhekk huma suġġetti għat-taxxa tal-VAT normali.
20 Il-qorti tar-rinviju tindika li, l-istess bħall-qrati l-oħra tar-Renju Unit, għandha diffikultajiet sabiex tistabbilixxi liema tip ta’ attività taqa’ taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva VAT.
21 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) [qorti tal-ewwel istanza (Bord tat-tassazzjoni)] iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Fir-rigward tal-eżenzjoni mill-[VAT] prevista fl-Artikolu 135(1)(d) tad-[Direttiva VAT], kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza [tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC] (C-2/95, [...] (EU:C:1997:278), liema huma l-prinċipji rilevanti li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi ddeterminat jekk “servizz ta’ ipproċessar ta’ ħlas permezz ta’ [karta]” (bħas-servizz ipprovdut f’dan il-każ) għandux “l-effett li jittrasferixxi fondi u li jwassal għal tibdil legali u finanzjarju” fis-sens tal-punt 66 ta’ din is-sentenza?
2) Fil-prinċipju, liema huma l-elementi li jiddistingwu bejn [i)] servizz li jikkonsisti fil-komunikazzjoni ta’ informazzjoni finanzjarja li fl-assenza tagħha ma jkunx jista’ jsir ħlas, iżda li ma jaqax taħt l-eżenzjoni [bħal fis-sentenza [tat-28 ta’ Lulju 2011], Nordea Pankki Suomi ([C-350/10], EU:C:2011:532)] u [ii)] servizz ta’ ipproċessar tad-data li għandu, fil-prattika, l-effett li jittasferixxi u li l-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk identifikat bħala li jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni [bħal fis-sentenza [tal-5 ta’ Ġunju 1997], SDC [C-2/95, EU:C:1997:278] fil-punt 66]?
3) B’mod partikolari, u fil-kuntest ta’ servizzi ta’ ipproċessar ta’ ħlas permezz ta’ [karta]:
a) l-eżenzjoni tapplika għal tali servizzi meta dawn tal-aħħar jagħtu lok għal trasferiment ta’ fondi, iżda ma jinkludux il-kompitu li jsir debitu f’kont u kreditu f’ammont korrispondenti f’kont ieħor?
b) id-dritt għall-eżenzjoni jiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk il-fornitur ta’ servizz jiksibx huwa stess il-kodiċijiet ta’ awtorizzazzjoni direttament mill-bank [emittenti] jew jekk dan jiksibhomx permezz tal-bank akkwirenti tiegħu?”
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
22 Il-qorti tar-rinviju tibbaża t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari fuq il-premessa skont liema s-servizz tal-ipproċessar tal-ħlas permezz ta’ karta, imwettaq minn Bookit meta persuna li tixtieq tmur ċinema tal-Odeon tixtri, permezz tal-intermedjarja Bookit, biljett li hija tħallas permezz ta’ karta ta’ debitu jew karta ta’ kreditu, jikkostitwixxi provvista ta’ servizz distint u indipendenti mill-bejgħ ta’ dan il-biljett.
23 Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu diġà ddeċidiet li l-ispejjeż addizzjonali ffatturati minn fornitur tas-servizzi lill-klijenti tiegħu, meta dawn iħallsu għal dawn is-servizzi permezz ta’ karta ta’ kreditu, permezz ta’ karta ta’ debitu, permezz ta’ ċekk jew permezz ta’ flus kontanti, għand kaxxier tal-bank jew għand kaxxier ta’ aġent awtorizzat biex jiġbor il-ħlas f’isem dan il-fornitur ta’ servizzi, ma jikkostitwixxux il-kontroparti ta’ provvista ta’ servizzi distinta u indipendenti mill-provvista ta’ servizzi prinċipali li għaliha kien sar dan il-ħlas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2010, Everything Everywhere, C-276/09, EU:C:2010:730, punt 32).
24 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, qabel kollox, ikkunsidrat li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-klijenti, mill-fornitur ta’ servizz prinċipali, ta’ infrastruttura li tippermettihom li jħallsu l-prezz tal-imsemmi servizz, b’mod partikolari permezz ta’ karta bankarja, ma jikkostitwixxix, għal dawn il-klijenti, għan fih innifsu, u li din l-allegata provvista ta’ servizzi, liema provvista l-imsemmija klijenti ma kinux jagħmlu użu minnha indipendentement mix-xiri tas-servizz prinċipali, ma tippreżenta, mill-perspettiva ta’ dawn tal-aħħar, ebda interess awtonomu fir-rigward ta’ dan is-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2010, Everything Everywhere, C-276/09, EU:C:2010:730, punt 27).
25 Il-Qorti tal-Ġustizzja, sussegwentement, żiedet li l-ġbir ta’ ħlas kif ukoll l-ipproċessar ta’ dan tal-aħħar huma marbuta b’mod strett ma’ kull provvista ta’ servizzi pprovduta bi ħlas u huwa inerenti għal tali servizz li l-fornitur ta’ servizzi jitlob li jitħallas u li jistabbilixxi l-mezzi neċessarji biex il-klijent ikun jista’ jagħmel ħlas effettiv bħala kontroparti għas-servizz ipprovdut, jekk jitqies li, bħala prinċipju, kull mod ta’ ħlas ta’ provvista ta’ servizzi jimplika li l-fornitur għamel xi passi sabiex ikun jista’ jipproċessa l-ħlas, anki jekk sa liema punt jagħmel dawn il-passi jista’ jvarja minn mod ta’ ħlas għal ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2010, Everything Everywhere, C-276/09, EU:C:2010:730, punt 28).
26 Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja, tispeċifika li ċ-ċirkustanza li prezz distint għall-allegat servizz finanzjarju huwa identifikat fid-dokument kuntrattwali u ddettaljat b’mod separat fil-fatturi maħruġa lill-klijent, ma hijiex determinanti f’dan ir-rigward, meta jitqies li l-fatt li prezz uniku huwa ffatturat jew li l-prezzijiet distinti kienu ġew kuntrattwalment previsti ma humiex ta’ importanza deċiżiva għall-finijiet li jiġi stabbilit jekk hemmx lok li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ żewġ jew iktar tranżazzjonijiet distinti jew tranżazzjoni ekonomika unika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2010, Everything Everywhere, C-276/09, EU:C:2010:730, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 Konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk l-elementi li jitressqu quddiemha jindikawx, fid-dawl tar-realtà ekonomika u kummerċjali tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni, l-eżistenza ta’ tranżazzjoni unika, indipendentement mill-istruttura kuntrattwali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2008, Part Service, C-425/06, EU:C:2008:108, punt 54, u tal-20 ta’ Ġunju 2013, Newey, C-653/11, EU:C:2013:409, punti 42 sa 45) u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li fihom hija sseħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2010, Everything Everywhere, C-276/09, EU:C:2010:730, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
28 Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, is-servizz ta’ pproċessar tal-ħlas bil-karta pprovdut minn Bookit għandux jitqies, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-VAT, bħala servizz aċċessorju għall-bejgħ tal-biljetti taċ-ċinema kkonċernati jew inkella bħala servizz aċċessorju għal servizz prinċipali ieħor li huwa pprovdut minn Bookit lix-xerrejja tal-imsemmija biljetti, li jista’ jkun il-prenotazzjoni jew ix-xiri minn qabel u għad-distanza tal-biljetti taċ-ċinema, u, għaldaqstant, bħala li jagħmel flimkien ma’ din il-provvista prinċipali provvista unika, hekk li dan is-servizz ikollu japplika l-istess trattament fiskali li japplika għall-imsemmija provvista prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, CPP, C-349/96, EU:C:1999:93, punt 32, u tas-16 ta’ April 2015, Wojskowa Agencja Mieszkaniowa w Warszawie, C-42/14, EU:C:2015:229, punt 31).
29 Fil-każ ineżami, taħt din il-kundizzjoni, hemm lok li, il-Qorti tal-Ġustizzja, tipproċedi għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju.
Fuq id-domandi
30 Permezz tad-domandi tagħha, li huwa xieraq li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, jekk l-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mill-VAT li hija hemmhekk prevista tapplika għal servizz magħruf bħala “pproċessar tal-ħlas bil-karta”, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jsir minn persuna taxxabbli, fornitur ta’ dan is-servizz, meta persuna tixtri, permezz ta’ dan il-fornitur, biljett taċ-ċinema li huwa jbigħ għan-nom u f’isem entità oħra, li din il-persuna tħallas permezz ta’ karta tad-debitu jew permezz ta’ karta ta’ kreditu.
31 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan is-servizz ta’ pproċessar tal-ħlas bil-karta huwa magħmul, qabel kollox, mill-kisba, permezz tal-fornitur ta’ dan is-servizz, mingħand ix-xerrej, tad-data dwar il-karta ta’ debitu jew il-karta ta’ kreditu li dan ix-xerrej jixtieq juża u mit-trażmissjoni ta’ din id-data, minn dan il-fornitur, lill-bank akkwirent tiegħu, liema bank jittrażmettiha lill-bank emittenti. Sussegwentement, is-servizz huwa magħmul, meta l-bank emittenti, wara li jirċievi din id-data, ikkonferma lill-bank akkwirent, permezz tat-trażmissjoni lil dan tal-aħħar ta’ kodiċi ta’ awtorizzazzjoni, il-validità tal-karta u d-disponibbiltà tal-fondi neċessarji, mill-ġbir tal-imsemmi kodiċi minn dan il-fornitur, permezz tal-bank akkwirent tiegħu, fatt li jawtorizzah sabiex iwettaq il-bejgħ. Fl-aħħar nett, huwa magħmul, mit-trażmissjoni mill-ġdid minn dan il-fornitur lill-bank akkwirent tiegħu, fl-aħħar tal-jum, ta’ fajl ta’ ftehim li jiġbor il-bejgħ kollu li twettaq effettivament matul il-ġurnata u li jinkludi d-data rilevanti dwar il-karti ta’ ħlas użati, għal dak li jirrigwarda l-kodiċi ta’ awtorizzazzjoni, għall-finijiet ta’ trażmissjoni mill-ġdid tiegħu, mill-bank akkwirent, lid-diversi banek emittenti rilevanti, li mbagħad iwettqu l-ħlas jew it-trasferimenti lejn dan il-bank akkwirent, liema bank jittrasferixxi l-fondi rilevanti fil-kont tal-imsemmi fornitur tas-servizzi.
32 Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 135(1)(b) sa (g) tad-Direttiva VAT jerġa’ jsemmi, mingħajr ma jemenda s-sustanza, l-eżenzjonijiet li qabel kienu previsti fl-Artikolu 13B(d) rispettivament punti 1 sa 6 tas-Sitt Direttiva 77/388. Il-ġurisprudenza dwar dawn l-aħħar dispożizzjonijiet tibqa’ għalhekk rilevanti sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet ekwivalenti tad-Direttiva VAT.
33 Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 135(1) tad-Direttiva VAT jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom bħala għan li jevitaw id-diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għall-ieħor (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2011, Skandinaviska Enskilda Banken, C-540/09, EU:C:2011:137, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-22 ta’ Ottubru 2015, Hedqvist, C-264/14, EU:C:2015:718, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34 Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li t-termini użati sabiex jindikaw l-imsemmija eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett, peress illi dawn jikkostitwixxu derogi għall-prinċipju ġenerali li jipprevedi li l-VAT tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Lulju 2011, Nordea Pankki Suomi, C-350/10, EU:C:2011:532, punt 23, kif ukoll tat-22 ta’ Ottubru 2015, Hedqvist, C-264/14, EU:C:2015:718, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
35 F’dan il-kuntest, hemm lok jitfakkar li l-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva VAT jipprovdi li l-Istati Membri jeżentaw “transazzjonijet, inkluż negozjar, li jikkonċernaw kontijiet ta’ depożitu u kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozzjabbli, imma eskluża l-kollezzjoni tad-debitu”.
36 It-tranżazzjonijiet eżenti bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni huma għalhekk iddefiniti skont in-natura tal-provvista ta’ servizzi pprovduti u mhux skont il-fornitur jew id-destinatarju ta’ servizz. Għaldaqstant l-eżenzjoni ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li t-tranżazzjonijiet isiru minn ċertu tip ta’ istituzzjoni jew ta’ persuna ġuridika, peress li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni jaqgħu taħt il-qasam tat-tranżazzjonijiet finanzjarji (ara sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, Axa UK, C-175/09, EU:C:2010:646, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
37 Fil-każ ineżami, huwa stabbilit li hija biss l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva VAT favur it-“tranżazzjonijiet [...] li jikkonċernaw [...] l-pagamenti [u t-]trasferimenti” li tista’ tkun rilevanti fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali.
38 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-trasferiment huwa tranżazzjoni li jikkonsisti fl-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ trasferiment ta’ somma flus minn kont bankarju għall-ieħor. Huwa jikkaratterizza lilu nnifsu b’mod partikolari bil-fatt li dan jinvolvi tibdil tas-sitwazzjoni legali u finanzjarja eżistenti, min-naħa waħda, bejn min iħallas u min jirċievi u, u mill-oħra, bejniethom u l-banek rispettivi tagħhom u, jekk ikun il-każ, bejn il-banek. Barra minn hekk, it-tranżazzjoni li tikkawża din il-bidla hija unikament it-trasferiment tal-fondi bejn il-kontijiet, indipendentement mill-kawża tagħha. Għalhekk, peress li t-trasferiment huwa biss mezz ta’ trasferiment ta’ fondi, l-aspetti funzjonali huma deċiżivi sabiex jiġi stabbilit jekk tranżazzjoni tikkostitwixxix trasferiment fis-sens tal-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva VAT (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC, C-2/95, EU:C:1997:278, punt 53, u tat-28 ta’ Lulju 2011, Nordea Pankki Suomi, C-350/10, EU:C:2011:532, punt 25).
39 Barra minn hekk, il-formulazzjoni tal-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva VAT ma teskludix, bħala prinċipju, li tranżazzjoni ta’ trasferiment tkun magħmula minn diversi servizzi distinti, liema servizzi jikkostitwixxu għalhekk “tranżazzjonijiet li jikkonċernaw” it-trasferimenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC, C-2/95, EU:C:1997:278, punt 64). Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li l-eżenzjoni inkwistjoni tkun tista’ tirreferi għal servizzi li ma humiex intrinsikament trasferimenti, xorta jibqa’ l-fatt li din l-eżenzjoni ma tistax tirrigwarda biss tranżazzjonijiet li jifformaw flimkien xi ħaġa distinta, evalwata b’mod globali, u li għandhom bħala effett li jissodisfaw il-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali ta’ tali trasferimenti (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC, C-2/95, EU:C:1997:278, punti 66 sa 68).
40 Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li, sabiex jiġu kklassifikati bħala tranżazzjoni li tirrigwarda t-trasferimenti fis-sens tal-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva VAT, is-servizzi inkwistjoni għandhom jifformaw xi ħaġa distinta, evalwata b’mod globali, li għandha bħala effett li tissodisfa l-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali ta’ trasferiment u, għalhekk, li għandha bħala effett li tittrasferixxi fondi u li twassal għal emendi legali u finanzjarji. F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn is-servizz eżentat fis-sens tad-Direttiva VAT mill-forniment ta’ sempliċi provvista materjali jew teknika. Għal dan il-għan, hemm lok li tiġi eżaminata, b’mod partikolari, il-portata tar-responsabbiltà tal-fornitur tas-servizzi u b’mod partikolari li jsir magħruf jekk din ir-responsabbiltà hijiex limitata għall-aspetti tekniċi jew jekk testendix għall-elementi speċifiċi u essenzjali tat-tranżazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC, C-2/95, EU:C:1997:278, punt 66, u tat-28 ta’ Lulju 2011, Nordea Pankki Suomi, C-350/10, EU:C:2011:532, punt 24).
41 Għandu wkoll jiġi enfasizzat li, peress li l-aspetti funzjonali kienu deċiżivi sabiex jiġi stabbilit jekk tranżazzjoni tirrigwardax trasferiment fis-sens tal-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva VAT, il-kriterju li jippermetti li ssir distinzjoni bejn tranżazzjoni li għandha bħala effett li tittrasferixxi fondi u li twassal għal emendi legali u finanzjarji fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 38 sa 40 ta’ din is-sentenza, li taqa’ taħt l-eżenzjoni inkwistjoni, u tranżazzjoni li ma għandhiex tali effetti u, għalhekk, ma taqax taħtha, jinsab fil-kwistjoni jekk it-tranżazzjoni kkunsidrata tittrasferixxix, b’mod effettiv jew potenzjali, il-proprjetà tal-fondi inkwistjoni, jew għandhiex bħala effett li tissodisfa l-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali ta’ tali trasferiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Nordea Pankki Suomi, C-350/10, EU:C:2011:532, punt 33).
42 F’dan ir-rigward, għalkemm il-fatt, għall-fornitur ta’ servizzi kkonċernati, li direttament jaddebita u/jew jakkredita huwa stess kont, jew inkella jintervjeni permezz ta’ dħul fil-kontijiet tal-istess proprjetarju, jippermetti, bħala prinċipju, li jitqies li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta u li tiġi stabbilita n-natura ta’ eżenzjoni tas-servizz ikkunsidrat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, ATP PensionService, C-464/12, EU:C:2014:139, punti 80, 81 u 85), il-fatt waħdu li dan is-servizz ma jinkludix direttament tali rwol ma jistax madankollu jeskludi qabel kollox li jista’ jaqa’ taħt l-eżenzjoni inkwistjoni, meta jitqies li l-interpretazzjoni mfakkra fil-punt 38 ta’ din is-sentenza ma tippreġudikax il-metodi ta’ twettieq tat-trasferimenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, ATP PensionService, C-464/12, EU:C:2014:139, punt 80).
43 Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-premessi dwar it-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw it-trasferimenti japplikaw ukoll għat-tranżazzjonijiet dwar il-ħlasijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC, C-2/95, EU:C:1997:278, punt 50, u tat-28 ta’ Lulju 2011, Nordea Pankki Suomi, C-350/10, EU:C:2011:532, punt 26).
44 Fil-każ ineżami, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mid-deskrizzjoni li tidher fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, servizz ta’ pproċessar tal-ħlas bil-karta, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu bħala effett li jwassal għall-eżekuzzjoni ta’ ħlas jew ta’ trasferiment u tali servizz jista’ jitqies bħala indispensabbli għal din l-eżekuzzjoni, meta jitqies li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, hija t-trażmissjoni tal-fajl ta’ ftehim fl-aħħar tal-jum, mill-fornitur ta’ dan is-servizz lill-bank akkwirent tiegħu, li tibda l-proċess ta’ ħlas jew ta’ trasferiment tas-somom rilevanti mill-banek emittenti lejn l-imsemmija bank akkwirent u, fl-aħħar nett, fil-kont tal-fornitur, u li huma biss il-ħlasijiet jew it-trasferimenti li minħabba fihom tinġabar fl-imsemmija fajls l-informazzjoni neċessarja li jiġu effettivament eżegwiti.
45 Madankollu, l-ewwel nett, peress li l-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva VAT kellu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta, il-fatt waħdu li servizz ikun indispensabbli sabiex titwettaq tranżazzjoni eżentata ma jippermettix li jiġi konkluż li dan għandu jkun eżentat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC, C-2/95, EU:C:1997:278, punt 65, u tat-28 ta’ Lulju 2011, Nordea Pankki Suomi, C-350/10, EU:C:2011:532, punt 31).
46 It-tieni nett, la l-kisba mill-fornitur ta’ dan is-servizz, mingħand ix-xerrej, tad-data dwar il-karta użata għall-ħlas li dan tal-aħħar jixtieq juża, la t-trażmissjoni tagħha minn dan il-fornitur lill-bank akkwirent tiegħu, la l-ġbir, minn dan il-fornitur, ta’ kodiċi ta’ awtorizzazzjoni mogħti mill-bank emittenti, u lanqas it-trażmissjoni stess mill-ġdid minn dan il-fornitur, lill-bank akkwirent tiegħu, fl-aħħar tal-jum, ta’ fajl ta’ ftehim li jinkludi b’mod partikolari l-kodiċijiet ta’ awtorizzazzjoni dwar il-bejgħ imwettaq ma jistgħu, weħidhom jew flimkien, jitqiesu bħala li jwettqu funzjoni speċifika u essenzjali ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas jew ta’ trasferiment fis-sens tal-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva VAT.
47 Huwa stabbilit, b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ din id-deskrizzjoni, li l-fornitur ta’ tali servizz la jaddebita u lanqas jakkredita huwa stess direttament il-kontijiet rilevanti, lanqas ma jintervjeni f’dawn il-kontijiet billi jidħol fihom, u lanqas ma jordna tali debitu jew kreditu peress li huwa x-xerrej li, billi jagħmel użu mill-karta għall-ħlas sabiex jixtri, jiddeċiedi li l-kont tiegħu ser jiġi addebitat favur kont ta’ terzi.
48 Iktar minn hekk, kif indikat il-Kummissjoni Ewropea waqt is-seduta, il-fajls ta’ ftehim ippreżentati minn kummerċjant fornitur ta’ servizzi lil bank akkwirent tiegħu huma biss talba sabiex jirċievi ħlas taħt forma elettronika. It-trażmissjoni mill-ġdid ta’ tali fajl fl-aħħar tal-jum hija intiża biss li tinforma s-sistema ta’ ħlas rilevanti li sar bejgħ awtorizzat minn qabel. Huwa għalhekk ma jistax jitqies bħala li jeżegwixxi l-ħlas jew it-trasferiment rilevanti jew li għandu bħala effett li jissodisfa l-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali. Iċ-ċirkustanza li tali fajl huwa limitat li jerġa’ jiġbor id-data u l-kodiċijiet dwar il-bejgħ li sar effettivament, u għalhekk għal dak li d-disponibbiltà tal-biljett mixtieq tal-klijent kienet ġiet kkonfermata, ma għandhiex impatt f’dan ir-rigward, peress li din iċ-ċirkustanza kienet inerenti għan-natura stess ta’ tali fajl.
49 Huwa xieraq li jerġa’ jiġi enfasizzat il-punt li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kodiċi ta’ awtorizzazzjoni – li l-fornitur barra minn hekk kien kuntent li jitlob, li jirċievi u li jittrażmetti mill-ġdid, u li ma għandu l-ebda kontroll fuq il-ħruġ tiegħu – li jinsab f’dan il-fajl jirrappreżenta biss l-awtorizzazzjoni li jsir il-bejgħ, li l-bank emittenti rilevanti, permezz tal-bank akkwirenti, jipprovdi lill-fornitur. Għalhekk lanqas ma jirrigwarda funzjoni speċifika u essenzjali għat-trasferiment tal-proprjetà tal-fondi inkwistjoni. Għaldaqstant, il-fatt li tali kodiċi jinkiseb mill-fornitur ta’ dan is-servizz direttament mingħand il-bank emittenti, jew inkella permezz tal-bank akkwirent tiegħu, ma għandux rilevanza sabiex jiġi stabbilit jekk servizz ta’ pproċessar tal-ħlas bil-karta, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwiex kopert jew le mill-eżenzjoni inkwistjoni.
50 It-tielet nett, ma jirriżultax mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-fornitur ta’ tali servizz jassumi responsabbiltajiet fir-rigward tat-twettieq tal-bidliet legali u finanzjarji li jikkaratterizzaw l-eżistenza ta’ tranżazzjoni ta’ trasferiment jew ta’ ħlas eżentati fis-sens tal-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva VAT, u għalhekk fir-rigward tal-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali tal-proċess ta’ trasferiment tal-fondi li jsir bejn il-banek emittenti u l-bank akkwirent, sussegwentement mill-bank akkwirent għal kont ta’ dan il-fornitur. B’mod partikolari, għalkemm il-fornitur ta’ servizz ta’ pproċessar bil-karta jista’, kif tindika Bookit fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, jimpenja lilu nnifsu fil-konfronti tax-xerrej tiegħu u, eventwalment, tal-entità li f’isimha qiegħed iwettaq il-bejgħ, għat-twettieq kif suppost ta’ dan il-bejgħ u tas-servizz ta’ pproċessar tal-ħlas bil-karta marbut miegħu, u għalhekk għall-eżekuzzjoni sodisfaċenti ta’ dan is-servizz, din ir-responsabbiltà ma timplikax li l-imsemmi fornitur għandu responsabbiltà għat-twettieq tal-emendi legali u finanzjarji li huma ta’ natura li jikkaratterizzaw tranżazzjoni ta’ ħlas jew ta’ trasferiment eżentat.
51 Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li l-fornitur ta’ servizz ta’ pproċessar tal-ħlas bil-karta, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jipparteċipax b’mod speċifiku u essenzjali fl-emendi legali u finanzjarji li jinkludu trasferiment ta’ proprjetà ta’ fondi rilevanti u li jippermettu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tiġi kklassifikata tranżazzjoni dwar il-ħlas jew it-trasferimenti eżentati skont l-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva VAT, iżda li jillimitaw lilhom infushom li jimplementaw mezzi tekniċi u amministrattivi li jippermettulu li jiġbor informazzjoni u li jikkomunikaha lill-bank akkwirent tiegħu, kif ukoll li jirċievi, permezz tal-istess mezz, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni li tippermettilu li jwettaq bejgħ u li jirċievi l-fondi korrispettivi.
52 F’dan ir-rigward, huwa importanti jitfakkar li n-natura awtomatika ta’ tali servizz, u b’mod partikolari l-fatt li t-trażmissjoni ta’ fajl dwar il-ħlas iwassal għall-ħlas u għat-trasferiment awtomatiku kkunsidrati, ma tistax temenda n-natura tas-servizz ipprovdut u, konsegwentement, ma għandhiex impatt fuq l-applikazzjoni tal-eżenzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC, C-2/95, EU:C:1997:278, punt 37).
53 Servizz ta’ pproċessar tal-ħlas bil-karta, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti għalhekk, essenzjalment, fi skambju ta’ informazzjoni bejn kummerċjant u l-bank akkwirent tiegħu, sabiex jikseb il-ħlas ta’ oġġett jew ta’ servizz offert għal bejgħ, ma jistax jaqa’ taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva VAT favur tranżazzjonijiet dwar il-ħlas u t-trasferimenti.
54 Infatti, minn naħa, tali servizz ma jistax jitqies bħala li huwa, min-natura tiegħu, tranżazzjoni finanzjarja fis-sens tal-Artikolu 135(1)(b) sa (g) tad-Direttiva VAT, sakemm ma jitqiesx li kull kummerċjant li jwettaq il-passi neċessarji sabiex jiġbor il-ħlas permezz ta’ karta ta’ debitu jew permezz ta’ karta ta’ kreditu jagħmel tranżazzjoni finanzjarja fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, fatt li jtellef is-sens kollu tal-kunċett u jmur kontra r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta tal-eżenzjonijiet tal-VAT.
55 Min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva VAT għal servizz ta’ pproċessar tal-ħlas bil-karta, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jagħmel ħsara lill-finalitajiet segwiti mill-eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet finanzjarji, li għandha l-intenzjoni li tikkumpensa d-diffikultajiet marbuta mal-istabbiliment tal-valur taxxabbli kif ukoll mal-ammont tal-VAT deduċibbli u li tevita ż-żieda fl-ispejjeż tal-kreditu għall-konsum (sentenza tad-19 ta’ April 2007, Velvet & Steel Immobilien, C-455/05, EU:C:2007:232, punt 24, kif ukoll id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2008, Tiercé Ladbroke u Derby, C-231/07 u C-232/07, mhux ippubblikata, EU:C:2007:332, punt 24).
56 Fil-fatt, l-issuġġettar għall-VAT ta’ servizz ta’ pproċessar tal-ħlas bil-karta, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jippreżentax tali diffikultajiet. B’mod partikolari, il-valur taxxabbli, li jikkorrispondi għall-kontroparti miġbura inkambju għal dan is-servizz, jiġifieri l-kummissjoni ffatturata lix-xerrej tal-biljett għall-imsemmi servizz, tista’ faċilment tiġi stabbilita u tali tranżazzjoni ma timplikax kreditu lix-xerrej mingħand il-fornitur ta’ dan is-servizz. Tali servizz għalhekk ma għandux jiġi eżentat skont l-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva VAT.
57 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi għandha tkun li l-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni tal-VAT li hemm prevista fih għat-tranżazzjonijiet dwar il-ħlasijiet u t-trasferimenti ma tapplikax għal servizz magħruf bħala “pproċessar tal-ħlas bil-karta ta’ debitu jew bil-karta ta’ kreditu”, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mogħtija mill-persuna taxxabbli, fornitur ta’ dan is-servizz, meta persuna tixtri, permezz ta’ dan il-fornitur, biljett taċ-ċinema li jbigħ għan-nom u f’isem entità oħra, li din il-persuna tħallas permezz ta’ karta ta’ debitu jew permezz ta’ karta ta’ kreditu.
Fuq l-ispejjeż
58 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud li hemm prevista fih għat-tranżazzjonijiet dwar il-ħlasijiet u t-trasferimenti ma tapplikax għal servizz magħruf bħala “pproċessar tal-ħlas bil-karta ta’ debitu jew bil-karta ta’ kreditu”, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mogħtija mill-persuna taxxabbli, fornitur ta’ dan is-servizz, meta persuna tixtri, permezz ta’ dan il-fornitur, biljett taċ-ċinema li jbigħ għan-nom u f’isem entità oħra, li din il-persuna tħallas permezz ta’ karta ta’ debitu jew permezz ta’ karta ta’ kreditu.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.