Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-17 ta’ Novembru 2016 (1)

Kawża C-68/15

X

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Grondwettelijk Hof (il-qorti kostituzzjonali, il-Belġju)]

“Leġiżlazzjoni fiskali – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 4(3) u Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/96/UE – Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji – Tassazzjoni ta’ kumpanniji meta jqassmu profitti – Kunċett ta’ taxxa f’ras il-għajn – Kunċett ta’ ‘fairness tax’”





I –    Introduzzjoni

1.        Fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiddikjara ruħha dwar il-kompatibbiltà ta’ taxxa miġbura fir-Renju tal-Belġju, li jridu jħallsu l-kumpanniji f’ċerti ċirkustanzi meta jqassmu l-profitti, mal-libertà ta’ stabbiliment u mad-Direttiva 2011/96/UE (2) (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji”).

2.        Il-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana tippermetti lill-impriżi jittrasferixxu t-telf b’mod mhux limitat f’perijodi ta’ tassazzjoni futuri kif ukoll li jwettqu tnaqqis għall-hekk imsejjaħ kapital ta’ riskju (3). Skont l-informazzjoni mogħtija mir-Renju tal-Belġju, dawn il-miżuri madankollu wasslu sabiex ċerti impriżi kważi ma kinux iħallsu iktar taxxa, iżda xorta waħda kienu jqassmu l-profitti. Peress li dan ma huwiex ġust fil-konfront tal-persuni taxxabbli l-oħrajn, it-taxxa miġbura separatament, imsejħa fairness tax, kellha tillimita l-eċċessi kkawżati mill-possibbiltajiet ta’ tnaqqis (4).

3.        It-taxxa essenzjalment tapplika meta l-kumpanniji jqassmu profitti, iżda effettivament ikunu naqqsu l-piż tat-taxxa fuq id-dħul tagħhom fl-istess perijodu ta’ taxxa permezz tal-użu tal-imsemmi tnaqqis. Fi kliem sempliċi, il-bażi taxxabbli hija bbażata fuq l-ammont li bih il-profitti tal-kumpannija li jkunu tqassmu jaqbżu d-dħul taxxabbli tagħha. Dan l-ammont, qabel l-applikazzjoni tar-rata ta’ taxxa, jiġi mmultiplikat bl-hekk imsejjaħ fattur ta’ proporzjonalità, li jindika sa liema punt ikun tnaqqas id-dħul permezz tal-użu tat-tnaqqis tat-telf jew tal-kapital ta’ riskju.

4.        Il-kompatibbiltà tal-fairness tax mal-libertà ta’ stabbiliment qed tiġi kkontestata peress li hija tkopri wkoll kumpanniji mhux residenti, meta dawn jeżerċitaw attività fil-Belġju permezz ta’ stabbiliment permanenti minflok permezz ta’ sussidjarja. Peress li t-taxxa inkwistjoni għandha l-karatteristiċi ta’ taxxa fuq il-kumpanniji kif ukoll ta’ taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi, huwa kkontestat ukoll jekk id-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji (5) tipprekludix din it-taxxa.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

5.        Il-kuntest ġuridiku ta’ din il-proċedura huwa kkostitwit mil-libertà ta’ stabbiliment, stabbilita fl-Artikoli 49 sa 55 TFUE u mid-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji.

6.        Id-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji għandha tapplika, skont l-Artikolu 1(1) tagħha,

“a)      għat-tqassim tal-qligħ [tqassim tal-profitti] irċevut mill-kumpanniji ta’ dak l-Istat Membru li jkun ġej mis-sussidjarji fi Stati Membri oħra;

b)      għat-tqassim tal-qligħ mill-kumpanniji ta’ dak l-Istat Membru lill-kumpanniji fi Stati Membri oħra li tagħhom huma sussidjarji ;

[…]”

7.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji jiddisponi:

“(1)      Meta kumpanija prinċipali [kumpannija omm] jew l-istabbiliment permanenti tagħha jirċievu qligħ imqassam bis-saħħa tal-assoċjazzjoni tal-kumpannija prinċipali mas-sussidjarja tagħha, l-Istat Membru tal-kumpannija prinċipali u l-Istat Membru tal-istabbiliment permanenti tagħha għandhom, għajr meta s-sussidjarja tiġi llikwidata, jew

a)      ma jintaxxawx tali profitti sal-punt li tali profitti ma jkunux deduċibbli mis-sussidjarja, u jintaxxaw tali profitti sal-punt li tali profitti jkunu deduċibbli mis-sussidjarja; jew”

b)      jintaxxaw dan il-qligħ filwaqt li jawtorizzaw lill-kumpannija prinċipali u lill-istabbiliment permanenti li jnaqqsu mill-ammont mistħoqq tat-taxxa dak il-frazzjon tat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet li jkollu x’jaqsam ma’ dan il-qligħ u mħallas mis-sussidjarja u minn kull sussidjara fi skala iktar baxxa, suġġett għall-kondizzjoni illi f’kull skala kumpannija u s-sussidjara tal-iskala iktar baxxa tagħha jaqgħu taħt id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 u jissodisfaw il-ħtiġiet previsti fl-Artikolu 3, sal-limitu tal-ammont tat-taxxa mistħoqqa korrispondenti.

[…]

(3)      Kull Stat Membru għandu jżomm l-għażla li jipprovdi li kull spiża li jkollha x’taqsam mal-investiment u kull telf li jirriżulta mit-tqassim tal-qligħ [profitti] tal-kumpannija sussidjarja ma jistgħux jitnaqqsu mill-qligħ taxxabbli tal-kumpannija prinċipali.

Meta l-ispejjeż tal-ġestjoni li jkollhom x’jaqsmu mal-investiment f’dan il-każ jiġu stabbiliti bħala rata fissa, l-ammont stabbilit ma jistax jaqbeż il 5 % tal-qligħ mqassam mill-kumpannija sussidjarja

[…]”

8.        L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji jistabbilixxi:

“Il-qligħ li sussidjarja tqassam lill-kumpannija prinċipali [omm] tagħha għandhom ikunu eżentati mit-taxxa fuq l-interessi [taxxa f’ras il-għajn]”.

B –    Id-dritt nazzjonali

9.        Il-fairness tax ġiet stabbilita permezz tal-Liġi tat-30 ta’ Lulju 2013 (6) li, permezz tal-Artikoli 43 sa 50 tagħha, temenda l-Wetboek van de inkomstenbelastingen 1992 (il-kodiċi dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-1992, iktar ’il quddiem il-“WIB 1992”). Fuq il-bażi tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 219b tal-WIB 1992 stabbilit b’din il-liġi, il-kumpanniji Belġjani, mis-sena tat-taxxa 2014, huma suġġetti għal taxxa separata stabbilita fil-kuntest tat-taxxa fuq il-kumpanniji (7).

10.      Il-punt ta’ tluq għad-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli ta’ din it-taxxa skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 219b tal-WIB 1992 huwa d-differenza pożittiva bejn, minn naħa, id-dividendi grossi, li ġew imqassma għall-perijodu ta’ taxxa u, min-naħa l-oħra, il-profitt taxxabbli finali, li effettivament huwa suġġett għar-rata ta’ taxxa fuq il-kumpanniji. Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 219b tal-WIB 1992, dan l-ammont huwa mnaqqas bil-proporzjon tad-dividendi mqassma, li joriġinaw minn riżervi ntaxxati f’perijodu preċedenti, u mhux iktar tard milli fis-sena ta’ taxxa 2014.

11.      Il-bilanċ miksub b’dan il-mod, skont l-Artikolu 219b tal-WIB 1992 huwa finalment immultiplikat b’koeffiċjent (l-hekk imsejjaħ fattur ta’ proporzjonalità), li jikkonsisti minn frazzjoni u li jesprimi l-proporzjon bejn:

–        minn naħa, bħala numeratur, it-tnaqqis effettivament imwettaq għal telf ittrasferit u għal kapital ta’ riskju għall-perijodu ta’ taxxa,

–        min-naħa l-oħra, bħala denominatur, il-profitt taxxabbli tal-perijodu ta’ taxxa mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni eżenzjonijiet fir-rigward ta’ deprezzament, dovuti u valur miżjud.

12.      Il-paragrafu 5 tal-Artikolu 219b tal-WIB 1992 jistabbilixxi li l-bażi taxxabbli ma tista’ tiġi limitata jew imnaqqsa bl-ebda mod ieħor.

13.      Skont il-paragrafu 6 tal-Artikolu 219b moqri flimkien mal-punt 1 tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 463a tal-WIB 1992, ir-rata ta’ taxxa tammonta għal 5.15 %.

14.      Skont l-Artikolu 233(3) tal-WIB 1992, anki l-kumpanniji mhux residenti, li joperaw stabbiliment permanenti fil-Belġju huma suġġetti għall-fairness tax meta jqassmu l-profitti. Sabiex tiġi ddeterminata l-bażi taxxabbli, b’dan il-mod tittieħed inkunsiderazzjoni biss dik il-parti mid-dividendi grossi mqassma mill-kumpannija li tikkorrispondi għas-sehem tal-istabbiliment Belġjan fil-profitt totali tal-kumpannija.

III – It-tilwima fil-kawża prinċipali u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.      Is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali huwa rikors ippreżentat minn X NV quddiem il-qorti kostituzzjonali Belġjana, li permezz tiegħu ntalab l-annullament ta’ dawk l-artikoli fil-Liġi tat-30 ta’ Lulju 2013 li permezz tagħhom ġiet introdotta l-fairness tax.

16.      Peress li l-qorti kostituzzjonali għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-fairness tax mal-libertà ta’ stabbiliment u mad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji, fit-28 ta’ Jannar 2015, hija għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin skont l-Artikolu 267 TFUE:

1)      L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema nazzjonali li fiha:

a)      il-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li għandhom stabbiliment stabbli [permanenti] fil-Belġju huma suġġetti għal taxxa meta jiddeċiedu li jqassmu profitti li ma humiex inklużi fir-riżultat taxxabbli finali tal-kumpannija (kemm jekk il-profitti tal-istabbiliment stabbli fil-Belġju kienu ġew ittrasferiti jew le lejn l-istabbiliment prinċipali), filwaqt li l-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li għandhom sussidjarja fil-Belġju ma humiex suġġetti għal tali taxxa meta jiddeċiedu li jqassmu profitti li ma humiex inklużi fir-riżultat taxxabbli finali, (kemm jekk is-sussidjarja tkun qassmet dividend jew le);

b)      il-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li għandhom stabbiliment stabbli fil-Belġju huma suġġetti għal taxxa f’każ ta’ żamma sħiħa tal-profitti Belġjani, meta jiddeċiedu li jqassmu profitti li ma humiex inklużi fir-riżultat taxxabbli finali tal-kumpannija, filwaqt li l-kumpanniji Belġjani ma humiex suġġetti għal tali taxxa f’każ ta’ żamma sħiħa tal-profitti?

2)      [...L]-Artikolu 5 tad-Direttiva [...] [dwar kumpanniji omm u sussidjarji] għandu jiġi interpretat li hemm taxxa f’ras il-għajn meta dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tipprevedi li t-tqassim ta’ profitti ta’ sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha huwa suġġett għal taxxa, peress li dividendi jitqassmu matul l-istess perijodu taxxabbli u li r-riżultat fiskali jitnaqqas totalment jew parzjalment bit-tnaqqis għal kapital b’riskju u/jew bit-telf fiskali ttrasferit, filwaqt li l-profitti ma humiex taxxabbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jekk kienu baqgħu għand is-sussidjarja u ma tqassmux lill-kumpannija parent?

3)      L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva [...] [dwar kumpanniji omm u sussidjarji] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema nazzjonali li timponi taxxa fuq it-tqassim ta’ dividendi, jekk din is-sistema għandha bħala konsegwenza li meta dividend riċevut jitqassam minn kumpannija matul sena sussegwenti għal dik li matulha hija stess kienet irċevietu, din hija intaxxata fuq parti mid-dividend li jaqbeż il-limitu previst fl-Artikolu 4(3), iċċitat iktar ’il fuq, tad-direttiva, filwaqt li dan ma huwiex il-każ meta din il-kumpannija tqassam mill-ġdid dividend matul is-sena meta hija tirċevih?

17.      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u nstemgħu fis-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2016.

IV – Analiżi legali

A –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

18.      L-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-kompatibbiltà tal-fairness tax mal-libertà ta’ stabbiliment minn żewġ aspetti differenti. Filwaqt li l-ewwel parti tad-domanda hija ffokata fuq il-konsegwenzi fiskali differenti għal kumpannija mhux residenti skont l-għażla tal-forma legali għall-attivitajiet tagħha fil-Belġju, it-tieni parti tikkonċerna l-każ ta’ differenza fit-trattament ta’ kumpanniji residenti u mhux residenti fil-każ taż-żamma tal-profitti ġġenerati fil-Belġju fil-fond ta’ riżerva.

1.      Id-differenza fit-trattament allegata li tirriżulta mill-għażla tal-forma legali

19.      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda preliminari, essenzjalment għandu jiġi ċċarat jekk il-libertà ta’ stabbiliment tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha l-kumpanniji mhux residenti li joperaw stabbiliment permanenti fil-Belġju jkunu suġġetti għal taxxa meta jqassmu l-profitti, iżda ma jkunux suġġetti għaliha meta jeżerċitaw l-attività tagħhom fil-Belġju permezz ta’ sussidjarja.

20.      Fil-fehma tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-modalitajiet ta’ ġbir tal-fairness tax jostakolaw l-għażla libera tal-forma legali tal-kumpanniji mhux residenti għall-attività tagħhom fil-Belġju. Jekk kumpannija mhux residenti tkun attiva hemmhekk permezz ta’ sussidjarja, hija tkun suġġetta għat-taxxa biss b’mod indirett u sa fejn is-sussidjarja tqassmilha l-profitti. Għall-kuntrarju, jekk din teżerċita l-attivitajiet tagħha fil-Belġju permezz ta’ stabbiliment permanenti, hija tkun suġġetta għall-fairness tax, jekk hija stess tqassam il-profitti. Konsegwentement, kumpannija mhux residenti bi stabbiliment permanenti fil-Belġju tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli kieku jkollha sussidjarja hemmhekk.

21.      Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk tiġix ristretta l-libertà ta’ stabbiliment meta l-ġbir ta’ taxxa minn Stat Membru finalment jirriżulta f’differenza fit-trattament ta’ kumpanniji mhux residenti, skont jekk dawn ikunux jeżerċitaw l-attività tagħhom f’dan l-Istat Membru permezz ta’ stabbiliment permanenti jew permezz ta’ sussidjarja.

22.      Il-libertà ta’ stabbiliment tingħata lill-kumpanniji permezz tal-Artikoli 49 u 54 TFUE. Skont dawn l-artikoli, il-kumpanniji bis-sede tagħhom fi Stat Membru tal-Unjoni għandhom id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi Stat Membru ieħor permezz ta’ sussidjarja, fergħa jew aġenzija (8). Fergħa tikkorrispondi għal stabbiliment permanenti għall-finijiet tad-dritt fiskali (9).

23.      Peress li barra minn hekk, it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 KE tħalli, b’mod espliċitu, il-possibbiltà lill-operaturi ekonomiċi li jagħżlu l-forma legali xierqa għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom fi Stat Membru ieħor, din l-għażla libera ma tistax tkun limitata b’dispożizzjonijiet fiskali diskriminatorji fl-Istat Membru ospitanti (10). Il-libertà ta’ għażla tal-forma legali l-iktar xierqa għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet fi Stat Membru ieħor għandha għaldaqstant, b’mod partikolari, bħala skop li tippermetti lill-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru li jiftħu fergħa fi Stat Membru ieħor sabiex jeżerċitaw hemmhekk l-attivitajiet tagħhom taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għas-sussidjarji (11). L-Istat Membru ospitanti ma jistax jinvoka l-fatt li l-kumpannija mhux residenti tista’ tevita eventwali differenza dannuża fit-trattament billi tagħżel forma legali oħra għall-attivitajiet tagħha fl-Istat Membru ospitanti, pereżempju l-forma ta’ sussidjajra minflok dik ta’ fergħa (12).

24.      Għall-kuntrarju tal-fehma tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-libertà tal-għażla tal-forma legali madankollu ma għandhiex tinftiehem bħala rekwiżit indipendenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja tqisha ġustament sempliċiment bħala riflessjoni tal-obbligu tat-trattament ugwali mogħti lil ċittadini nazzjonali, mingħajr il-ħtieġa li jiġi attribwit lilha livell ta’ protezzjoni li jmur lil hinn minn dan (13). Fil-fatt, jekk il-libertajiet fundamentali b’mod partikolari għandhom l-għan tal-istabbiliment tas-suq intern permezz tal-eliminazzjoni biss tal-ostakoli tat-tranżazzjonijiet ekonomiċi transkonfinali, ma jistax jibqa’ lok għal obbligu iżolat minn dan ta’ tfassil ta’ dispożizzjonijiet fiskali b’mod li jkun newtrali mil-lat tal-forma legali.

25.      It-trattament fiskali finalment differenti ta’ kumpannija mhux residenti, skont jekk din toperax fl-Istat Membru ospitanti permezz ta’ stabbiliment permanenti jew permezz ta’ sussidjarja, għalhekk, minnu nnifsu, ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġi konkluż li hemm restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment. Biex tiġi preżunta tali restrizzjoni, għall-kuntrarju jeħtieġ li dejjem ikun hemm trattament sfavorevoli tas-sitwazzjoni transkonfinali meta mqabbla ma’ waħda komparabbli li tkun purament nazzjonali.

26.      Fil-każ preżenti, għaldaqstant, il-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment tippreżupponi li kumpannija mhux residenti li teżerċità l-attività tagħha fil-Belġju permezz ta’ stabbiliment permanenti, tiġi ttrattata b’mod sfavorevoli fil-kuntest tal-ġbir tal-fairness tax Belġjana meta mqabbla ma’ kumpannija residenti, li min-naħa tagħha tista’ tkun is-sussidjarja ta’ kumpannija mhux residenti.

27.      Minkejja dan, tali trattament sfavorevoli ma huwiex evidenti.

28.      Fil-kuntest tal-ġbir tal-fairness tax, kemm il-kumpanniji residenti kif ukoll dawk mhux residenti huma suġġetti għall-istess rata ta’ taxxa. Anki l-fatt taxxabbli huwa l-istess fiż-żewġ każijiet. Dan huwa relatat mat-tqassim tal-profitti, sa fejn fl-istess perijodu ta’ taxxa sar tnaqqis għal telf ittrasferit jew għal kapital ta’ riskju. Barra minn hekk, sa fejn għad-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli fil-każ ta’ kumpanniji mhux residenti, id-dividendi jintużaw pro rata skont il-profitt tal-istabbiliment Belġjan fil-profitt totali tal-kumpannija omm, dan l-approċċ jirrifletti l-issuġġettar limitat ta’ kumpanniji mhux residenti fil-Belġju għat-taxxa Belġjana.

29.      Huwa minnu li l-parti mid-dividendi mqassma ta’ kumpannija mhux residenti, li tintuża għall-kalkolu tal-fairness tax, ma tirrappreżentax neċessarjament preċiżament il-profitt iġġenerat mill-istabbiliment Belġjan ta’ din il-kumpannija fil-kuntest tas-sovranità fiskali Belġjana. Madankollu, dan japplika bl-istess mod għal dividendi ta’ kumpannija residenti, li min-naħa tagħha jkollha stabbilimenti permanenti barra l-pajjiż. Barra minn hekk, il-profitti ta’ dawn l-istabbilimenti bħala regola ma huma suġġetti għall-ebda taxxa fuq id-dħul fil-Belġju, iżda huma inklużi fid-dividendi li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-fairness tax ta’ kumpanniji residenti. Minn din il-perspettiva, il-modalitajiet ta’ kalkolu tat-taxxa fil-fatt jidhru li pjuttost jiffavorixxu lil kumpanniji mhux residenti, u dan jeskludi trattament sfavorevoli rilevanti għal-libertà ta’ stabbiliment.

30.      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda għandha tingħata fis-sens li l-libertà ta’ stabbiliment ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha l-kumpanniji mhux residenti, li għandhom stabbiliment permanenti fil-Belġju, ikunu suġġetti għal taxxa bħall-fairness tax Belġjana meta jqassmu l-profitti, iżda ma jkunux suġġetti għaliha meta jeżerċitaw l-attività tagħhom fil-Belġju permezz ta’ sussidjarja.

2.      Id-differenza fit-trattament allegata fl-istabbiliment ta’ fondi ta’ riżerva

31.      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-libertà ta’ stabbiliment tipprekludix il-ġbir tal-fairness tax, meta kumpanniji mhux residenti li joperaw fil-Belġju permezz ta’ stabbiliment permanenti huma suġġetti għaliha meta jqassmu l-profitti, għalkemm il-profitti tal-istabbiliment permanenti ġew allokati għall-fondi ta’ riżerva, filwaqt li l-kumpanniji residenti ma humiex suġġetti għat-taxxa f’każ ta’ żamma sħiħa tal-profitti.

32.      Fis-sitwazzjoni deskritta, ikun hemm trattament sfavorevoli ta’ kumpannija mhux residenti meta mqabbla ma’ waħda residenti biss sa fejn dik tal-ewwel biss tkun suġġetta għall-fairness tax. Iżda ż-żewġ sitwazzjonijiet evidentement ma humiex komparabbli oġġettivament fir-rigward tal-ġbir tat-taxxa.

33.      Fil-fatt, filwaqt li b’mod partikolari l-kumpannija residenti fis-sitwazzjoni prevista fid-domanda preliminari żżomm it-totalità tal-profitti tagħha, fil-każ tal-kumpannija mhux residenti jsir tqassim tal-profitti. Huwa evidenti li taxxa bħall-fairness tax, li tinġabar esklużivament meta jitqassmu l-profitti, tista’ tkun ta’ żvantaġġ biss a priori għal kumpanniji li wkoll iqassmu profitti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li ma teżistix restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment.

34.      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari għandha tkun fis-sens li l-libertà ta’ stabbiliment ma tipprekludix il-ġbir ta’ taxxa bħall-fairness tax Belġjana, jekk din tkun imposta fuq kumpannija mhux residenti bi stabbilimenti permanenti fi Stat Membru meta jitqassmu l-profitti, għalkemm il-profitti tal-istabbiliment permanenti jkunu ġew allokati fil-fondi ta’ riżerva, filwaqt li kumpannija residenti ma hijiex suġġetta għat-taxxa fil-każ ta’ żamma sħiħa tal-profitti.

B –    Fuq it-tieni domanda preliminari

35.      It-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju saret sabiex jiġi stabbilit jekk il-ġbir tal-fairness tax għandux jitqies bħala taxxa f’ras il-għajn fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji.

36.      Jekk din id-domanda tingħata risposta fl-affermattiv, it-taxxa inkwistjoni tkun tikkontradixxi l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji, peress li skont din id-dispożizzjoni, il-profitti mqassma minn sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha huma eżentati mit-taxxa f’ras il-għajn.

37.      Id-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ taxxa f’ras il-għajn fis-sens tal-Artikolu 5. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’tali mod li tikkostitwixxi taxxa f’ras il-għajn fuq il-profitti mqassma, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, kull tassazzjoni fuq id-dħul riċevut fl-Istat fejn jitqassmu d-dividendi u fejn il-fatt taxxabbli huwa l-ħlas ta’ dividendi jew kull dħul ieħor mill-azzjonijiet, meta l-bażi taxxabbli ta’ din it-taxxa jkun id-dħul mill-imsemmija azzjonijiet u meta l-persuna taxxabbli tkun id-detentur tal-istess azzjonijiet (14).

38.      Konsegwentement għandhom jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet sabiex tkun tista’ titqies taxxa f’ras il-għajn fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji. It-tassazzjoni għandha tirriżulta mit-tqassim tal-profitti, il-bażi taxxabbli għandha tkun marbuta mal-ammont tat-tqassim, u l-persuna taxxabbli għandha tkun ir-riċevitur tal-profitti mqassma.

39.      Il-partijiet fil-proċedura ma jikkontestawx il-fatt li l-fairness tax tissodisfa l-ewwel żewġ kundizzjonijiet imsemmija. L-ewwel nett, it-taxxa hija marbuta mat-tqassim tal-profitti; jekk ma jsirx it-tqassim tal-profitti, din ma tinġabarx. It-tieni nett, l-ammont tat-tqassim jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-bażi taxxabbli tagħha. F’dan ir-rigward ma huwiex rilevanti li l-bażi taxxabbli tal-fairness tax tiġi mmodifikata sussegwentement. Skont il-ġurisprudenza, huwa suffiċjenti li t-tqassim tal-profitti jkun inkluż fil-bażi taxxabbli (15).

40.      Għall-kuntrarju, it-tielet kundizzjoni ma hijiex issodisfatta, peress li hija l-kumpannija li tqassam il-profitti li hija suġġetta għall-fairness tax, u mhux ir-riċevitur tal-profitti mqassma.

41.      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Athinaïki Zythopoiia (16) għal darba interpretat it-tassazzjoni tas-sussidjarja bħala taxxa f’ras il-għajn fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji, u b’dan il-mod adottat perspettiva ekonomika, li kienet ibbażata fuq l-effett li t-tassazzjoni tas-sussidjarja kellha fuq il-kumpannija omm (17). Minkejja dan, fil-ġurisprudenza l-oħra tagħha dwar din id-dispożizzjoni, hija dejjem għamlet riferiment għall-kundizzjoni li l-issuġġettar tat-taxxa jibqa’ fuq il-kumpannija li tqassam il-profitti (18). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Burda (19) kellha raġun tiċċara espressament li t-taxxa f’ras il-għajn fis-sens tal-Artikolu 5, tiddependi wkoll mill-fatt li l-persuna taxxabbli tkun id-detentur tal-ishma li jiggarantixxu l-parteċipazzjoni fil-kumpannija li tqassam il-profitti (20).

42.      Fi kliem ieħor, l-ewwel tassazzjoni tad-dħul ta’ sussidjarja ma hijiex koperta mid-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji (21). Il-projbizzjoni fl-Artikolu 5 tal-ġbir ta’ taxxa f’ras il-għajn fuq il-profitti mqassma lill-kumpannija omm b’hekk ma tkoprix il-pagament tat-taxxa fuq id-dħul li s-sussidjarja tkun iġġenerat permezz tal-attività ekonomika tagħha, anki meta din it-taxxa għandha titħallas biss meta jitqassmu l-profitti (22). Dan huwa kkonfermat fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, li jipprevedi li l-ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji tas-sussidjarja huwa espliċitament mhux kopert mill-kunċett tat-taxxa f’ras il-għajn. L-istess għandu japplika wkoll għal taxxa bħall-fairness tax, li abbażi tagħha f’ċerti kundizzjonijiet id-dħul ta’ kumpannija finalment huwa suġġett għal inkorporazzjoni mill-ġdid.

43.      B’hekk, lanqas ma tista’ tiġi segwita l-oġġezzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li skontha l-persuna taxxabbli, għall-finijiet tal-fairness tax, hija formalment biss il-kumpannija li tqassam il-profitti, iżda fir-realtà hija d-detentur tal-ishma, peress li t-tqassim tal-profitti jitnaqqas minħabba t-taxxa dovuta. Għall-kuntrarju, kull tassazzjoni tad-dħul ta’ kumpannija neċessarjament twassal sabiex lid-detenturi tal-ishma jista’ jitqassam biss ammont imnaqqas b’mod korrispondenti ta’ profitti.

44.      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun fis-sens li l-ġbir ta’ taxxa bħall-fairness tax Belġjana ma jikkostitwixxix taxxa f’ras il-għajn fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji.

C –    Fuq it-tielet domanda preliminari

45.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, finalment il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji jipprekludix il-ġbir tal-fairness tax, meta din ikollha l-konsegwenza li kumpannija tiġi intaxxata fuq parti mid-dividendi li taqbeż il-limitu previst minn din id-dispożizzjoni, fil-każ li din tqassam dividend irċevut f’sena sussegwenti għal dik li fiha hija stess tkun irċevietu.

46.      Id-domanda preliminari tirreferi għal sitwazzjoni li fiha kumpannija stabbilita fil-Belġju tkun irċeviet dividendi hija stess bħala membru intermedjarju ta’ katina ta’ parteċipazzjoni u sussegwentement min-naħa tagħha tqassamhom (mill-ġdid). Barra minn hekk, id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li tali dividendi, sa fejn dawn jitqassmu (mill-ġdid) iktar tard mis-sena li fiha ġew irċevuti, abbażi tal-modalitajiet ta’ ġbir tal-fairness tax finalment huma suġġetti għal piż fiskali ogħla milli huwa l-każ taħt l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji.

47.      L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji jippermetti lill-Istati Membri jipprovdu li l-ispejjeż marbuta mal-parteċipazzjoni fis-sussidjarja u d-deprezzament li jirriżulta minħabba t-tqassim tal-profitti tagħha, ma jistgħux jitnaqqsu mill-profitti taxxabbli tal-kumpannija omm. Jekk, f’dan il-każ, l-ispejjeż tal-ġestjoni marbuta mal-parteċipazzjoni jiġu ffissati bħala rata fissa, l-ammont iffissat ma jistax jaqbeż il-5 % tal-profitti mqassma mis-sussidjarja.

48.      Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, il-leġiżlatur Belġjan adotta sistema għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji, skont liema, ladarba jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, id-dividendi riċevuti fuq il-livell tal-kumpannija omm jistgħu jitnaqqsu mill-profitti ta’ din il-kumpannija fl-ammont ta’ 95 %. Il-5 % li jkun fadal għaldaqstant ikunu suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpannija.

49.      Il-partijiet fil-proċedura ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar taħt liema ċirkustanzi fir-realtà jista’ jkun hemm tassazzjoni addizzjonali tad-dividendi riċevuti fil-każ ta’ tqassim mill-ġdid tagħhom. Minkejja dan, mill-argument tal-Gvern Belġjan stess għandu jiġi dedott li tali tassazzjoni addizzjonali hija possibbli. Il-kawża għal dan hija kkostitwita mill-fatt li d-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli tal-fairness tax hija bbażata fuq id-dividendi grossi mqassma f’perijodu ta’ taxxa speċifiku. B’hekk ma tirriżulta l-ebda differenzazzjoni skont jekk humiex koperti wkoll dividendi li l-kumpannija li tqassam tkun irċeviet hija nnifisha.

50.      Madankollu, il-Gvern Belġjan xorta waħda jqis li r-rekwiżiti taħt l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji huma ssodisfatti. Fil-fatt, sa fejn l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jipprevedi l-eżenzjoni jew it-tnaqqis ta’ dividendi riċevuti, mill-kliem tad-dispożizzjoni jista’ jiġi konkluż li dan l-obbligu japplika biss fir-rigward tal-fatt li jiġu riċevuti tali dividendi. Madankollu dan ma jibqax jeżisti fil-każ ta’ tqassim mill-ġdid sussegwenti. L-istess japplika għall-Artikolu 4(3) tad-Direttiva.

51.      Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu. Interpretazzjoni bħal din tmur kontra l-istruttura u l-għan tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji u tippreġudika l-effett utli tagħha.

52.      Permezz tal-Artikoli 4 u 5 tagħha, id-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji tieħu deċiżjoni fundamentali dwar l-għoti tas-setgħa ta’ tassazzjoni tal-profitti ta’ sussidjarja. Fil-prinċipju, l-Istat Membru tas-sussidjarja għandu d-dritt li jintaxxa l-profitti tagħha. B’dan il-mod jiġi żgurat li t-tqassim tal-profitti li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji, ikun newtrali mil-lat ta’ taxxa (23). Dan japplika bl-istess mod għall-ktajjen ta’ parteċipazzjoni, peress li t-taxxa doppja jew multipla għandha tiġi evitata wkoll fil-każ ta’ tqassim ta’ profitti permezz tal-katina ta’ sussidjarji lill-kumpannija omm (24).

53.      Konsegwentement, ma huwiex kompatibbli mad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji jekk il-profitti ta’ kumpannija jkunu suġġetti għal tassazzjoni ogħla fil-livell ta’ kumpannija li tkun ’il fuq fil-katina ta’ parteċipazzjoni, minn kif previst taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva. F’dan ir-rigward, ma jistax ikun rilevanti jekk dan il-piż jirriżultax meta jiġu riċevuti d-dividendi jew meta jitqassmu mill-ġdid. Interpretazzjoni differenti tkun twassal sabiex Stat Membru jkun jista’ jaħrab mill-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva sempliċiment permezz ta’ modifika tat-teknika ta’ ġbir ta’ taxxa. Iżda minkejja dan, fir-rigward tat-tqassim rispettiv, il-prerekwiżiti l-oħra għall-applikabbiltà tad-Direttiva skont l-Artikoli 1 sa 3 tagħha dejjem għandhom jiġu ssodisfatti.

54.      Is-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation (25) iċċitata mill-Gvern tal-Belġju u l-Gvern ta’ Franza ma tipprekludix dan. Din il-kawża kienet tikkonċerna l-każ speċifiku ta’ sistema ta’ ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-kumpanniji, li kienet dovuta minn kumpannija omm residenti, meta hija min-naħa tagħha tqassam id-dividendi riċevuti mingħand sussidjarja mhux residenti. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji ma jobbligax lil Stat Membru jiggarantixxi li l-ammont li jkollu jitħallas bil-quddiem ikun, f’kull każ, stabbilit skont it-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mis-sussidjarja fl-Istat fejn tirrisjedi (26). Minn dan madankollu ma jistax jiġi konkluż li d-Direttiva ma tapplikax fil-każijiet ta’ tqassim mill-ġdid ta’ dividendi riċevuti.

55.      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun fis-sens li l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji jipprekludi l-ġbir ta’ taxxa jekk dan ikollu l-konsegwenza li kumpannija, meta hija tqassam profitti fil-kuntest tad-Direttiva, fir-rigward ta’ dividendi li din il-kumpannija tkun irċeviet ukoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u mbagħad tqassamhom mill-ġdid, tkun suġġetta għal piż fiskali li jaqbeż l-ammont permess skont l-Artikolu 4(3).

V –    Konklużjoni

56.      Bħala konklużjoni, nipproponi konsegwentement li r-risposta għad-domandi magħmula mill-Grondwettelijk Hof (qorti kostituzzjonali, il-Belġju) għandha tkun kif ġej:

1)         L-Artikolu 49 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 54 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li skontha:

kumpannija mhux residenti bi stabbiliment permanenti li jiġġenera profitt hija suġġetta taħt ċerti kundizzjonijiet għal taxxa f’dan l-Istat Membru meta jitqassmu l-profitti, filwaqt li kumpannija mhux residenti b’sussidjarja f’dan l-Istat Membru ma hijiex suġġetta għal tali taxxa;

kumpannija mhux residenti bi stabbiliment permanenti li jiġġenera profitt f’dan l-Istat Membru hija suġġetta taħt ċerti kundizzjonijiet għal taxxa fil-każ taż-żamma sħiħa tal-profitti magħmula hemmhekk meta tqassam il-profitti, filwaqt li kumpannija residenti ma hijiex suġġetta għal tali taxxa fil-każ ta’ żamma sħiħa tal-profitti.

2)         Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta kumpannija għal taxxa fuq id-dħul addizzjonali meta hija tqassam il-profitti ma tikkostitwixxix taxxa f’ras il-għajn fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/96/UE.

3)         L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/96/UE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala konsegwenza li kumpannija li tqassam mill-ġdid profitti fir-rigward ta’ dividendi li din il-kumpannija tkun irċeviet fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tiġi suġġetta għal piż fiskali għal tali tqassim tal-profitti, li jaqbeż l-ammont permess skont l-Artikolu 4(3).


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE, tat-30 ta’ Novembru 2011, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU L 345, p. 8) fil-verżjoni emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2015/121/UE, tas-27 ta’ Jannar 2015 (ĠU L 21, p. 1).


3 – It-tnaqqis jippermetti li jitnaqqsu b’mod fittizzju mill-bażi taxxabbli tat-taxxa imposta fuq id-dħul tal-kumpanniji l-interessi meqjusa li jirremuneraw il-kapital proprju tal-kumpannija. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indirizzat dan it-tnaqqis fis-sentenza Argenta Spaarbank (C-350/11, EU:C:2013:447).


4 – Ara l-osservazzjonijiet tal-ministru responsabbli fir-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali tal-Kamra tar-Rappreżentanti Belġjana tal-15 ta’ Lulju 2013 (Parl. St., Kamer, 2012-2013, DOC 53-2891/007, S. 38).


5 – Hija pendenti wkoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kawża dwar taxxa miġbura fi Franza li għandha similaritajiet strutturali mal-fairness tax Belġjana: ara l-kawża Association française des entreprises privées et (C-365/16)


6 – Liġi li tistabbilixxi diversi dispożizzjonijiet (Wet van 30 juli 2013 houdende diverse bepalingen), ippubblikata fil-Belgisch Staatsblad tal-1 ta’ Awwissu 2013.


7 – Skont il-punt 2 tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 1 tal-WIB 1992, it-taxxa fuq il-kumpanniji hija ddefinita bħala t-taxxa fuq id-dħul totali tal-kumpanniji stabbiliti fil-Belġju.


8 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (270/83, EU:C:1986:37, punt 18), Saint-Gobain ZN (C-307/97, EU:C:1999:438, punt 35), X Holding (C-337/08, EU:C:2010:89, punt 17) u Philips Electronics UK (C-18/11, EU:C:2012:532, punt 12).


9 – Ara l-Artikolu 5(1)(b) tal-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi għat-Taxxa Korporattiva Konsolidata Komuni (CCCTB) tat-3 ta’ Ottubru 2011 [COM(2011) 121 final/2].


10 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (270/83, EU:C:1986:37, punt 22), CLT-UFA (C-253/03, EU:C:2006:129, punt 14), Oy AA (C-231/05, EU:C:2007:439, punt 40) u Philips Electronics UK (C-18/11, EU:C:2012:532, punt 13) kif ukoll id-digriet KBC Bank u Beleggen, Risicokapitaal, Beheer (C-439/07 u C-499/07, EU:C:2009:339, punt 77).


11 – Sentenzi CLT-UFA (C-253/03, EU:C:2006:129, punt 15) u Philips Electronics UK (C-18/11, EU:C:2012:532, punt 14).


12 – Ara s-sentenza Oy AA (C-231/05, EU:C:2007:439, punt 40).


13 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (270/83, EU:C:1986:37, punt 15) u Saint-Gobain ZN (C-307/97, EU:C:1999:438, punt 43), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-kuntest iddeċidiet li kien hemm ksur uniku tal-libertà ta’ stabbiliment. Ara wkoll is-sentenza Philips Electronics UK (C-18/11, EU:C:2012:532, punti 13 sa 15). Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza CLT-UFA (C-253/03, EU:C:2006:129), illimitat ruħha għall-aspett tar-restrizzjoni tal-għażla libera tal-forma legali fl-analiżi tagħha, iżda dan ma jbiddel xejn mill-fatt li anki din il-kawża essenzjalment kienet ibbażata fuq trattament inqas favorevoli ta’ sitwazzjoni transkonfinali meta mqabbla ma’ waħda nazzjonali.


14 – Sentenzi Epson Europe (C-375/98, EU:C:2000:302, punt 23), Océ van der Grinten (C-58/01, EU:C:2003:495, punt 47), Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, EU:C:2006:774, punt 108), Burda (C-284/06, EU:C:2008:365, punt 52) u P. Ferrero u General Beverage Europe (C-338/08 u C-339/08, EU:C:2010:364, punt 26).


15 – Sentenza Océ van der Grinten (C-58/01, EU:C:2003:495, punt 52)


16 – C-294/99, EU:C:2001:505.


17 – Sentenza Athinaïki Zythopoiia (C-294/99, EU:C:2001:505, punt 29) kif ukoll il-punt 32 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber f’din il-kawża (EU:C:2001:263).


18 – Sentenzi Epson Europe (C-375/98, EU:C:2000:302, punt 23), Océ van der Grinten (C-58/01, EU:C:2003:495, punt 47), Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, EU:C:2006:774, punt 108), Burda (C-284/06, EU:C:2008:365, punt 52) u P. Ferrero u General Beverage Europe (C-338/08 u C-339/08, EU:C:2010:364, punt 26).


19 – C-284/06, EU:C:2008:365.


20 – Sentenza Burda (C-284/06, EU:C:2008:365, punt 61et seq).


21 – Ara s-sentenzi Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (C-374/04, EU:C:2006:773, punt 60) u Oy AA (C-231/05, EU:C:2007:439, punt 27).


22 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Burda (C-284/06, EU:C:2008:60, punt 55).


23 – Sentenzi Banque Fédérative du Crédit Mutuel (C-27/07, EU:C:2008:195, punt 24) u Cobelfret (C-138/07, EU:C:2009:82, punt 29), kif ukoll it-tmien premessa tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji.


24 – Ara l-ħdax-il premessa tad-Direttiva dwar kumpanniji omm u sussidjarji.


25 – C-446/04, EU:C:2006:774.


26 – SentenzaTest Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, EU:C:2006:774, punt 105).