Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

3.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 254/10


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Mejju 2015 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-244/15)

(2015/C 254/13)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Triantafyllou u W. Roels)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet

tikkonstata li, billi adottat u żammet fis-seħħ leġiżlazzjoni li tipprovdi eżenzjoni mit-taxxa fuq is-suċċessjoni f’dak li jikkonċerna l-ewwel residenza li tagħti lok għal diskriminazzjoni sa fejn tapplika biss għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jirrisjedu fil-Greċja, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 63 TFUE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

1.

It-trattament fiskali differenti bejn ir-residenti fil-Greċja li ma humiex proprjetarji ta’ immobbli (li huma eżenti mit-taxxa fuq is-suċċessjoni) u l-persuni li ma humiex residenti fil-Greċja fir-rigward tal-ewwel residenza akkwistata permezz ta’ suċċessjoni, jikkostitwixxi restrizzjoni mhux ġustifikata għall-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE (are wkoll l-Artikolu 65 TFUE).

2.

It-trattament fiskali differenti bejn ir-residenti Griegi u l-persuni mhux residenti fil-Greċja jikkostitwixxi trattament differenti mhux iġġustifikat ta’ sitwazzjonijiet paragunabbli, peress li, minn naħa, il-persuni mhux residenti jistgħu wkoll imorru joqogħdu l-Greċja b’tali mod li jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni bħar-residenti diġà preżenti fil-Greċja u, min-naħa l-oħra, l-eżenzjoni ma hijiex marbuta mal-okkupazzjoni mill-proprjetarju tal-beni immobbli riċevut f’eredità u allura ma huwiex possibbli li l-post ta’ residenza jikkostitwixxi l-kriterju ta’ bażi fuq liema tingħata l-eżenzjoni. Il-kriterju tar-residenza jaħbi dak tan-nazzjonalità, peress li r-residenti tal-Greċja huma iktar Griegi u viċi-versa.

3.

Tali distinzjoni, li ma hijiex marbuta mal-okkupazzjoni tal-beni immobbli mill-proprjetarju, ma tistax tkun iġġustifikata minn kriterji ta’ politika soċjali u lanqas mill-ħtieġa li jiġi żgurat id-dħul pubbliku.