SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
26 ta’ Ottubru 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikolu 4 — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae — Tnaqqis minn pensjonijiet tax-xjuħija legali kif ukoll minn kull benefiċċju ieħor supplimentari — Artikolu 13 — Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli — Residenza fi Stat Membru ieħor”
Fil-Kawża C-269/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hof van Cassatie (qorti tal-kassazzjoni, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Ġunju 2015, fil-proċedura
Rijksdienst voor Pensioenen
vs
Willem Hoogstad,
fil-preżenza ta’:
Rijksinstituut voor ziekte- en invaliditeitsverzekering,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn A. Borg Barthet, li qed jaġixxi bħala President ta’ Awla, E. Levits u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn N. Bonbled u A. Percy, avukati, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u D. Martin, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 1606/98, tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 308, iktar 'il quddiem “ir-Regolament Nru 1408/71”). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn ir-Rijksdienst voor Pensioenen (uffiċċju nazzjonali tal-pensjonijiet, iktar ’il quddiem l-UNP”) u Willem Hoogstad dwar it-tnaqqis minn fondi ta’ pensjonijiet supplimentari mħallsa lil dan tal-aħħar fi Frar 2008. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Konformement mal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71, “ [...]
[...] ” |
4 |
L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1408/71 jipprovdi: “[D]an ir-Regolament jkun japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-friegħi segwenti tas-sigurtà soċjali:
|
5 |
L-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej: “ 1. Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu. 2. Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17: [...]
|
6 |
L-Artikolu 3(1) ta’ dan l-istess regolament jipprovdi: “L-istituzzjoni ta’ Stat Membru li hija responsabbli għall-pagament ta’ pensjoni u li tamministra l-leġislazzjoni li tipprovdi għal tnaqqis mill-pensjoni minħabba l-kontribuzzjonijiet għall-mard u l-maternità tkun awtorizzata tagħmel tali tnaqqis, ikkalkulat skond il-leġislazzjoni kkonċernata, mill-pensjoni pagabbli minn tali istituzzjoni, sa tali punt li l-ispiża tal-benefiċċji taħt l-Artikolu 27, 28, 28a, 29, 31 u 32 issir mill-istituzzjoni ta’ l-imsemmi Stat Membru.” |
Id-dritt Belġjan
7 |
Skont il-punt 7 tal-Artikolu 191(1) tal-wet betreffende de verplichte verzekering voor geneeskundige verzorging en uitkeringen gecoördineerd op 14 juli 1994 (liġi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja għall-kura medika u għall-benefiċċji, ikkoordinata fl-14 ta’ Lulju 1994, Belgisch Staatsblad, 27 ta’ Awwissu 1994, p. 21524, iktar ’il quddiem il-“liġi kkoordinata tal-14 ta’ Lulju 1994”), fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali: “[Għandu jkun hemm tnaqqis ta’ 3.55 %] mill-pensjonijiet legali tax-xjuħija, tal-irtirar, tal-anzjanità, tas-superstiti jew minn kwalunkwe benefiċċju ieħor li jagħti lok għal pensjoni simili kif ukoll minn kwalunkwe benefiċċju intiż li jissupplimenta tali pensjoni, anki jekk din ma tkunx akkwistata, u mogħtija skont dispożizzjonijiet legali, regolamentari jew statutorji jew skont dispożizzjonijiet li jirriżultaw minn kuntratt ta’ xogħol, minn regolament ta’ impriża, minn ftehim kollettiv imprenditorjali jew settorjali. Dan it-tnaqqis isir ukoll fir-rigward ta’ benefiċċju li jagħti lok għal pensjoni jew li jissupplimenta pensjoni, mogħti lil ħaddiem indipendenti skont ftehim kollettiv jew impenn individwali ta’ pensjoni, konklużi mill-impriża.” |
8 |
Skont l-Artikolu 3a tal-koninklijk besluit tot uitvoering van artikel 191, eerste lid 1, 7°, van de wet betreffende de de verpflichte verzekering voor geneeskundige verzorging en uitkeringen, gecoördineerd op 14 juli 1994 (digriet irjali dwar l-implementazzjoni tal-punt 7 tal-Artikolu 191(1) tal-liġi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja għall-kura medika u għall-benefiċċji, ikkoordinata fl-14 ta’ Lulju 1994), tal-15 ta’ Settembru 1980 (Belgisch Staatsblad, 23 ta’ Settembru 1980, p. 10869), fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali: “L-evalwazzjoni f’ammonti mensili, imsemmija fl-Artikolu 2(1), għandha ssir mhux iktar kmieni mill-iskadenza tas-sena ċivili li matulha jkunu tħallsu l-pensjonijiet u l-benefiċċji supplimentari. Madankollu, l-evalwazzjoni f’ammonti mensili ta’ benefiċċji mogħtija f’pagament wieħed lil persuni li għad ma humiex pensjonanti, tapplika wkoll għas-snin sussegwenti li jkun baqa’ jiddekorru sal-età normali tal-irtirar tal-benefiċċjarji ta’ dawn il-benefiċċji. Is-saldu possibbli jista’ jiġi rrimborsat biss wara l-konstatazzjoni mill-[UNP] li l-ammont gross tal-pensjonijiet u tal-benefiċċji supplimentari huwa inqas mil-limitu minimu.” |
9 |
Skont l-Artikolu 68(1) tal-wet houdende sociale bepalingen (liġi dwar dispożizzjonijiet soċjali), tat-30 ta’ Marzu 1994 (Belgisch Staatsblad, 31 ta’ Marzu 1994, p. 8866, iktar ’il quddiem il-“liġi tat-30 ta’ Marzu 1994”), fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, għandu jinftiehem “ [...]
Jitqiesu wkoll bħala benefiċċji supplimentari fis-sens ta’ (c): il-pensjonijiet iddefiniti f’1(a), imħallsa fil-forma ta’ somma f’daqqa; kull benefiċċju mħallas lil persuna, indipendentement mill-istatus tagħha, b’eżekuzzjoni ta’ impenn individwali ta’ pensjoni [...] ” |
10 |
Skont it-tieni u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 68(5) tal-liġi tat-30 ta’ Marzu 1994: “L-organu Belġjan li jħallas il-benefiċċju supplimentari wara l-31 ta’ Diċembru 2006 fil-forma ta’ somma f’daqqa li l-ammont gross tagħha jeċċedi EUR 2.478.94 għandu, meta jħallas tali somma, japplika ex officio tnaqqis ta’ 2% mill-ammont gross tas-somma f’daqqa. [...] Jekk waqt l-ewwel ħlas tal-ammont definittiv ta’ pensjoni legali li jsir wara l-ħlas ta’ somma f’daqqa, il-perċentwali tat-tnaqqis li għandu jsir skont is-subparagrafu 2 ikun inqas mill-perċentwali li jkun ġie applikat fuq is-somma f’daqqa, l-[UNP] għandu jirrimborsa lill-benefiċjarju somma ekwivalenti għad-differenza bejn, minn naħa, l-ammont tat-tnaqqis li jkun sar mis-somma f’daqqa, u min-naħa l-oħra, l-ammont miksub billi tiġi mmultiplikata din l-istess somma f’daqqa bil-perċentwali tat-tnaqqis li għandu jsir skont is-subparagrafu 2. Jekk ir-rimbors isir iktar minn sitt xhur wara d-data tal-ewwel ħlas tal-ammont definittiv ta’ pensjoni legali, l-[UNP] għandha ipso iure tħallas lill-benefiċjarju interessi moratorji fuq l-ammont irrimborsat. Dawn l-interessi, li r-rata tagħhom hija ugwali għal 4.75% per annum, jibdew jiddekorru b’effett mill-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur. Ir-Re jista’ jadatta din ir-rata ta’ interessi moratorji.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
11 |
Mill-1 ta’ Novembru 1996 sal-31 ta’ Diċembru 2004, W Hoogstad, ta’ nazzjonalità Olandiża, kien impjegat ma’ persuna li tħaddem Belġjana, li kkostitwixxiet favur tiegħu żewġ pensjonijiet supplimentari. Wara li temm il-karriera professjonali tiegħu, matul is-sena 2007, W. Hoogstad mar jgħix l-Irlanda flimkien mal-konjuġi tiegħu, ċittadina ta’ dan l-Istat Membru. |
12 |
Meta W. Hoogstad għalaq is-60 sena, fi Frar 2008, huwa tħallas il-kapital taż-żewġ pensjonijiet supplimentari. |
13 |
Fil-Belġju, il-kapital inkwistjoni kien suġġett għal tnaqqis darbtejn. L-ewwel tnaqqis ta’ 3.55% sar skont il-punt 7 tal-Artikolu 191(1) tal-liġi kkoordinata tal-14 ta’ Lulju 1994, favur l-Institut national d’assurance maladie d’invalidité (istitut nazzjonali tal-assigurazzjoni tal-mard u tal-invalidità), li huwa inkarigat bid-distribuzzjoni tal-qligħ bejn l-organi responsabbli għall-iskema ta’ assigurazzjoni tal-kura tas-saħħa. Tnaqqis ieħor ta’ 2% ingħata lill-UNP, skont l-Artikolu 68 tal-liġi tat-30 ta’ Marzu 1994, sabiex tissaħħaħ is-solidarjetà bejn il-kategoriji differenti ta’ pensjonanti (kontribuzzjoni ta’ solidarjetà) u, eventwalment, jiġu implementati aġġustamenti selettivi favur il-pensjonijiet l-iktar baxxi. |
14 |
B’rikors promotur tal-31 ta’ Diċembru 2009, W. Hoogstad talab ir-rimbors tas-somom li ma kienx irċieva abbażi tal-fatt li, fid-data meta tħallsu l-imsemmija somom, huwa ma kienx suġġett għal-leġiżlazzjoni Belġjana fil-qasam tas-sigurtà soċjali. |
15 |
B’sentenza tal-arbeidsrechtbank Brussel (tribunal industrijali ta’ Brussell, il-Belġju) tat-28 ta’ Ottubru 2011, l-Institut national d’assurance maladie d’invalidité (istitut nazzjonali tal-assigurazzjoni tal-mard u tal-invalidità) u l-UNP ġew ordnati jħallsu s-somom li kienu tnaqqsu. Wara li ġie miċħud l-appell tiegħu mill-arbeidshof Brussel (qorti industrijali ta’ Brussell, il-Belġju), l-UNP ippreżenta appell fil-kassazzjoni. |
16 |
L-UNP isostni li l-ħlas tas-somom tal-pensjoni supplimentari lil W. Hoogstad sar b’eżekuzzjoni tal-iskemi li ma jitqisux bħala “leġislazzjoni” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 1408/71, u li għaldaqstant dawn is-somom ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament. Konsegwentement, it-tnaqqis minn pensjonijiet supplimentari ma huwiex inkompatibbli mal-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament. |
17 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van Cassatie (qorti tal-kassazzjoni, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi li kontribuzzjoni bħat-tnaqqis imwettaq skont l-Artikolu 191(1)(7) tal-liġi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja għall-kura tas-saħħa u għall-benefiċċji ikkoordinata fl-14 ta’ Lulju 1994 u bħall-kontribuzzjoni ta’ solidarità dovuta skont l-Artikolu 68 tal-liġi tat-30 ta’ Marzu 1994 dwar dispożizzjonijiet soċjali, tiġi mnaqqsa fuq benefiċċji ta’ skemi ta’ pensjoni addizzjonali Belġjani li ma humiex leġiżlazzjonijiet fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(j) ta’ dan ir-regolament meta l-benefiċċji tal-pensjoni jkunu dovuti lil aventi kawża li ma jirrisjedix fil-Belġju u li, skont l-Artikolu 13(2)(f) ta’ dan l-istess regolament, huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali tal-Istat Membru li jirrisjedi fih?” |
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
18 |
Preliminarjament, il-Gvern Belġjan isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli peress li l-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa żbaljata li t-tnaqqis minn benefiċċji ta’ skemi ta’ pensjoni supplimentari Belġjani huwa definittiv u ma jagħtix lok għal rimbors. Fid-dawl tal-fatt li l-ammonti inizjalment imnaqqsa ġew irrimborsati fl-intier tagħhom, l-interpretazzjoni mitluba ma għad għandha ebda utilità reali għas-soluzzjoni tat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
19 |
Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bil-kawża u li jkollha r-responsabbiltà li tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2000, Sehrer, C-302/98, EU:C:2000:322, punt 20, kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec, C-133/11, EU:C:2012:664, punt 25). |
20 |
Ir-rifjut li tingħata deċiżjoni fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew anki meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod siewi għad-domandi magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C-188/10 u C-189/10, EU:C:2010:363, punt 27, kif ukoll tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, C-41/11, EU:C:2012:103, punt 35). |
21 |
Madankollu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, dan ma huwiex il-każ, peress li l-qorti tar-rinviju indikat b’mod ċar il-motivi li għalihom hija għamlet id-domanda preliminari u peress li risposta għal din id-domanda hija neċessarja sabiex tkun tista’ tagħti deċiżjoni. |
22 |
Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies li hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
23 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi kontribuzzjoni soċjali fuq benefiċċji ta’ skemi ta’ pensjoni supplimentari minkejja li l-benefiċjarju ta’ dawn il-pensjonijiet supplimentari ma jkunx jirrisjedi f’dan l-Istat Membru u, skont l-Artikolu 13(2) tal-imsemmi regolament, huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru li jirrisjedi fih. |
24 |
Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, hemm lok li jitfakkar qabelxejn li skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 1408/71, it-terminu “leġiżlazzjoni” ikopri, għal kull Stat Membru, il-liġijiet, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet u l-miżuri l-oħra kollha ta’ applikazzjoni, eżistenti jew futuri, li jikkonċernaw is-setturi u l-iskemi ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) ta’ dan ir-regolament. |
25 |
Madankollu, u konformement mat-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 1(j), it-terminu “leġiżlazzjoni” jeskludi d-dispożizzjonijiet kuntrattwali eżistenti jew futuri, indipendentement minn jekk kinux is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi li trendihom obbligatorji jew testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. |
26 |
Filwaqt li mill-formulazzjoni stess tad-domanda preliminari jirriżulta li l-benefiċċji tal-iskemi ta’ pensjonijiet supplimentari li jibbenefika minnhom W. Hoogstad fil-kawża prinċipali “ma humiex leġiżlazzjonijiet fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 1408/71”, xorta jibqa’ l-fatt li l-impożizzjoni ta’ kontribuzzjoni fuq dawn l-iskemi ta’ pensjonijiet supplimentari tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament. |
27 |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “leġiżlazzjoni” huwa kkaratterizzat bil-kontenut vast tiegħu, li jinkludi kull tip ta’ miżuri leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi adottati mill-Istati Membri, u għandu jinftiehem fis-sens li jinkludi l-miżuri nazzjonali kollha li japplikaw f’dan il-qasam (sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter, C-623/13, EU:C:2015:123, punt 32). |
28 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-fattur determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 huwa r-rabta diretta u suffiċjentement rilevanti li għandu jkun hemm bejn id-dispożizzjoni inkwistjoni u l-liġijiet li jirregolaw is-setturi tas-sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 4 tar- Regolament Nru 1408/71 (sentenzi tat-18 ta’ Mejju 1995, Rheinhold & Mahla, C-327/92, EU:C:1995:144, punt 23; tal-15 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C-34/98, EU:C:2000:84, punt 35, tal-15 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C-169/98, EU:C:2000:85, punt 33, kif ukoll tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter, C-623/13, EU:C:2015:123, punt 23). |
29 |
Għaldaqstant, il-fatt li imposta tiġi kklassifikata bħala “taxxa” skont leġiżlazzjoni nazzjonali ma jeskludix il-fatt li, fir-rigward tar-Regolament Nru 1408/71, din l-istess imposta tkun tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament (sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter, C-623/13, EU:C:2015:123, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
30 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li imposti li ma jikkonċernawx id-dħul mill-impjieg u d-dħul sostitut tal-ħaddiema, iżda huma imposti fuq id-dħul mill-patrimonju, jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, peress li ma huwiex ikkontestat li l-profitt ta’ dawn l-imposti jikkontribwixxi direttament u speċifikament għall-finanzjament ta’ ċerti setturi tas-sigurtà soċjali fl-Istat Membru inkwistjoni (sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter, C-623/13, EU:C:2015:123, punt 28). |
31 |
L-istess konklużjoni għandha tinsilet fir-rigward ta’ imposti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali li japplikaw fuq skemi ta’ pensjonijiet supplimentari, peress li l-profitt ta’ dawn l-imposti jikkontribwixxi direttament u speċifikament għall-finanzjament ta’ ċerti setturi tas-sigurtà soċjali fl-Istat Membru inkwistjoni. |
32 |
Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan imfittex mir-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll mill-prinċipji li fuqhom huwa bbażat dan tal-aħħar. |
33 |
Fil-fatt, sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament tagħhom skont il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti, ir-Regolament Nru 1408/71 implementa, fit-Titolu II tiegħu, sistema ta’ koordinazzjoni li tirrigwarda b’mod partikolari l-istabbiliment tal-leġiżlazzjoni jew tal-leġiżlazzjonijiet applikabbli għall-ħaddiema impjegati u ħaddiema li jaħdmu għal rashom li jużaw, f’ċirkustanzi differenti, id-dritt tagħhom għall-moviment liberu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ April 2008, Derouin, C-103/06, EU:C:2008:185, punt 20; tat-3 ta’ Marzu 2011, Tomaszewska, C-440/09, EU:C:2011:114, punti 25 u 28, kif ukoll tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter, C-623/13, EU:C:2015:123, punt 34). |
34 |
Il-fattur ta’ kompletezza ta’ din is-sistema ta’ regoli ta’ kunflitt għandu bħala effett li jċaħħad is-setgħa lil-leġiżlatur ta’ kull Stat Membru li jiddetermina liberament il-portata u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fir-rigward tal-persuni suġġetti għaliha u tat-territorju li fih jipproduċu l-effetti tagħhom id-dispożizzjonijiet nazzjonali (sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1986, Luijten, 60/85, EU:C:1986:307, punt 14; sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Somova, C-103/13, EU:C:2014:2334, punt 54, kif ukoll tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter, C-623/13, EU:C:2015:123, punt 35). |
35 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprevedi li persuni li għalihom japplika dan ir-regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss, fatt li għaldaqstant jeskludi, bla ħsara għall-każijiet previsti fl-Artikoli 14ċ u 14f, kull possibbiltà ta’ kumulu, għall-istess perijodu, ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 1977, Perenboom, 102/76, EU:C:1977:71, punt 11, u tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter, C-623/13, EU:C:2015:123, punt 36). |
36 |
Dan il-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali huwa intiż li jevita l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni simultanja ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u li jelimina l-inugwaljanzi fit-trattament li, għall-persuni li jiċċaqilqu fi ħdan l-Unjoni, ikunu l-konsegwenza ta’ kumulu parzjali jew intier tal-leġiżlazzjonijiet applikabbli (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-15 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C-34/98, EU:C:2000:84, punt 46, tal-15 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C-169/98, EU:C:2000:85, punt 43, u tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter, C-623/13, EU:C:2015:123, punt 37). |
37 |
Madankollu, il-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli jirregola biss is-sitwazzjonijiet li jirreferi għalihom l-Artikolu 13(2), kif ukoll l-Artikoli 14 sa 17 tar-Regolament Nru 1408/71, sa fejn jiddeterminaw ir-regoli ta’ kunflitt li għandhom jiġu applikati fil-każijiet differenti inkwistjoni. |
38 |
Għalhekk, b’effett mill-introduzzjoni mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2195/92, tal-25 ta’ Ġunju 1991, (ĠU 1991 L 206, p. 2), li jemenda r-Regolament Nru 1408/71, mill-punt (f) sal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1408/71, il-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni huwa wkoll applikabbli għall-ħaddiema li jkunu temmew definittivament l-attivitajiet professjonali tagħhom. |
39 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, W. Hoogstad, fil-kwalità tiegħu ta’ pensjonant li jirrisjedi l-Irlanda, jinsab suġġett għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru u għaldaqstant ma jistax ikun suġġett minn Stat Membru ieħor, fir-rigward b’mod partikolari ta’ benefiċċji ta’ pensjonijiet supplimentari, għal dispożizzjonijiet legali li japplikaw kontribuzzjonijiet li għandhom rabta diretta u suffiċjentement rilevanti mal-liġijiet li jirregolaw is-setturi tas-sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 4 tar- Regolament Nru 1408/71. |
40 |
Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi invalidata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1408/71, li permezz tiegħu Stat Membru huwa intitolat jirċievi kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni tal-mard mingħand persuna li tirċievi pensjoni jekk huwa jkun responsabbli għal dawn il-benefiċċji. |
41 |
Fil-fatt, l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi moqri b’riferiment għall-Artikoli 27, 28 u 28a tas-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu I tat-Titolu III tar-regolament applikabbli għad-drittijiet ta’ benefiċjarji ta’ pensjonijiet u tal-membri tal-familja tagħhom, li jkopru kemm sitwazzjonijiet li fihom il-benefiċjarju jirċievi pensjoni dovuta skont il-leġiżlazzjoni ta’ żewġ Stati Membri jew iktar, kif ukoll sitwazzjonijiet li fihom il-benefiċjarju jirċievi pensjoni skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss, iżda ma jkollu ebda dritt għal benefiċċji fil-pajjiż ta’ residenza tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2000, Sehrer, C-302/98, EU:C:2000:322, punt 26). |
42 |
Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott mill-eżistenza ta’ regoli sostantivi dwar id-drittijiet ta’ benefiċjarji ta’ pensjonijiet, li fi kwalunkwe każ ma humiex applikabbli għal pensjonijiet jew għal pensjonijiet supplimentari li huma bbażati fuq dispożizzjonijiet kuntrattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 1992, Il-Kummissjoni vs Franza, C-57/90, EU:C:1992:10, punt 20), li l-imposti ta’ kontribuzzjonijiet soċjali fuq tali pensjonijiet supplimentari huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli stabbilit fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71. |
43 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi imposti ta’ kontribuzzjonijiet li għandhom rabta diretta u suffiċjentement rilevanti mal-liġijiet li jirregolaw is-setturi ta’ sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, fuq benefiċċji ta’ skemi ta’ pensjonijiet supplimentari minkejja li l-benefiċjarju ta’ dawn il-pensjonijiet ma jkunx jirrisjedi f’dan l-Istat Membru u, skont l-Artikolu 13(2)(f) ta’ dan l-istess regolament, ikun suġġett għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru li fih jirrisjedi. |
Fuq l-ispejjeż
44 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 1606/98, tad-29 ta’ Ġunju 1998, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi imposti ta’ kontribuzzjonijiet li għandhom rabta diretta u suffiċjentement rilevanti mal-liġijiet li jirregolaw is-setturi ta’ sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament Nru 1408/71, fuq benefiċċji ta’ skemi ta’ pensjonijiet supplimentari minkejja li l-benefiċjarju ta’ dawn il-pensjonijiet ma jkunx jirrisjedi f’dan l-Istat Membru u, skont l-Artikolu 13(2)(f) ta’ dan l-istess regolament, ikun suġġett għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru li fih jirrisjedi. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.