Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fis-7 ta’ Settembru 2016 (1)

Kawża C-283/15

X

vs

Staatssecretaris van Financiën

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq id-dħul – Ugwaljanza fit-trattament – Dħul irċevut f’diversi Stati Membri – Vantaġġ fiskali – Sentenza tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31)”





I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tirrigwarda l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza introdotta permezz tas-sentenza tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31), f’konfigurazzjoni inedita. Fil-fatt, it-tilwima fil-kawża prinċipali hija kkaratterizzata mill-fatt li, minn naħa, il-persuna taxxabbli tirċievi dħul tant baxx fl-Istat ta’ residenza tagħha li ma tistax tibbenefika minn tnaqqis ta’ taxxa marbut mas-sitwazzjoni personali u familjari tagħha u li, min-naħa l-oħra, id-dħul l-ieħor tagħha huwa ntaxxat f’diversi Stati li ma hijiex residenti tagħhom.

II – Il-kuntest ġuridiku

2.        It-trattament fiskali ta’ residenti u ta’ persuni mhux residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi huwa rregolat mill-Wet Inkomstenbelasting 2001 (Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-2001 (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2001”).

3.        Skont l-Artikolu 2.3 tal-Liġi tal-2001:

“It-taxxa fuq id-dħul tirrigwarda d-dħul li ġej, irċevut mill-persuna taxxabbli matul is-sena kalendarja inkwistjoni:

a)      id-dħul taxxabbli li joriġina minn xogħol jew minn residenza;

b)      id-dħul taxxabbli li joriġina minn sehem sinjifikattiv u

c)      id-dħul taxxabbli li joriġina mit-tfaddil u minn investimenti.”

4.        L-Artikolu 2.4 tal-Liġi tal-2001 jipprevedi:

“1.      Id-dħul taxxabbli li joriġina minn xogħol jew minn residenza huwa ddeterminat:

a)      għall-persuni taxxabbli nazzjonali: skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3,

b)      għall-persuni taxxabbli barranin: skont id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 7.2 [...].”

5.        Skont l-Artikolu 2.5 tal-Liġi tal-2001:

“1.      Kull persuna taxxabbli nazzjonali li tirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi biss matul parti mis-sena kalendarja u kull persuna taxxabbli barranija li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew fi Stat terz indikat permezz ta’ digriet ministerjali, li miegħu r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ffirma ftehim dwar il-ħelsien minn taxxa doppja li jipprevedi l-iskambju ta’ informazzjoni, u li tiġi ntaxxata fl-imsemmi Stat Membru jew fit-territorju tal-imsemmi poter, tista’ tagħżel li tkun suġġetta għal sistema fiskali li tipprevedi din il-liġi għall-persuni taxxabbli nazzjonali [...]

[...]”

6.        F’konformità mal-Artikolu 3.120(1) tal-Liġi tal-2001, resident tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa intitolat inaqqas id-“dħul negattiv” li joriġina minn residenza fi proprjetà tiegħu, li tinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi.

7.        L-Artikolu 7.1(a) tal-Liġi tal-2001, jistabbilixxi, barra minn hekk, li t-taxxa hija imposta fuq id-dħul taxxabbli minħabba xogħol u residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi, li ġie rċevut matul is-sena kalendarja.

8.        L-Artikolu 7.2(2)(b) u (f) tal-Liġi tal-2001, jippreċiża, barra minn hekk, li s-salarju taxxabbli relatat ma’ xogħol imwettaq fil-Pajjiżi l-Baxxi u, fejn xieraq, id-dħul taxxabbli li joriġina minn residenza fi proprjetà tiegħu fil-Pajjiżi Baxxi, jagħmlu parti mid-dħul taxxabbli minħabba xogħol u residenza.

III – Il-fatti tal-kawża prinċipali

9.        X huwa ċittadin tal-Pajjiżi l-Baxxi li, fl-2007, kien jgħix fi Spanja. Hemmhekk huwa kellu residenza fi proprjetà tiegħu fis-sens tal-Liġi tal-2001 (iktar ’il quddiem il-“ir-residenza tiegħu”), li għaliha huwa kien debitur ta’ interessi relatati ma’ self ipotekarju.

10.      Fil-Pajjiżi l-Baxxi, skont il-Liġi tal-2001, it-taxxa fuq id-dħul tirrigwarda d-dħul mix-xogħol, iżda wkoll dak “li joriġina minn residenza”. Meta din tal-aħħar tkun taħt proprjetà esklużiva, din tagħti vantaġġi fiskali (ikkalkulati f’perċentwali tal-valur tagħha) li jitnaqqsu mill-ispejjeż deduċibbli li huma ta’ piż fuq dawn il-vantaġġi (fosthom l-interessi tas-self ipotekarju). Jekk l-ammont tal-interessi ipotekarji jaqbeż dak tal-vantaġġi, id-dħul tal-persuna taxxabli jissejjaħ “negattiv”. Dan kien il-każ għal X fl-2007.

11.      Matul din l-istess sena, id-dħul mill-attività professjonali ta’ X ikkonsista f’somom li tħallsu lilu minn żewġ kumpanniji li fihom kellu ishma maġġoritarji, u li waħda minnhom kellha s-sede tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi, u l-oħra fl-Isvizzera. Id-dħul li joriġina mill-Pajjiżi l-Baxxi rrappreżenta 60 % tad-dħul globali taxxabbli tiegħu u dak li joriġina mill-Isvizzera 40 % ta’ dan. Ma kiseb l-ebda dħul fi Spanja.

12.      F’konformità mal-ftehim fiskali bilaterali applikabbli, id-dħul li joriġina mill-Pajjiżi l-Baxxi kien ġie ntaxxat fil-Pajjiżi l-Baxxi u dak li joriġina mill-Isvizzara fl-Isvizzera.

13.      Fil-Pajjiżi l-Baxxi, X, fil-bidu, għażel l-assimilazzjoni ma’ persuna taxxabbli residenti prevista fl-Artikolu 2.5 tal-Liġi tal-2001, li għandu l-effett li jissuġġetta lill-parti kkonċernata għal obbligu fiskali illimitat fil-Pajjiżi l-Baxxi. F’dan ir-rigward, l-amministrazzjoni fiskali tal-Pajjiżi l-Baxxi ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul negattiv relatat mar-residenza tiegħu fi Spanja.

14.      Madankollu, it-total tat-taxxa kkalkulat b’dan il-mod kien ogħla minn dak li X kien ikun dovut iħallas li kieku ma għażilx il-possibbiltà ta’ assimilazzjoni ma’ persuni taxxabbli residenti (li bħala konsegwenza kien ikollu jiġi ntaxxat fl-Isvizzera għad-dħul irċevut f’dan l-Istat, jiġifieri 40 % tat-total tad-dħul tiegħu) u li kieku, barra minn hekk, ġie awtorizzat inaqqas id-dħul negattiv kollu li joriġina mir-residenza fi proprjetà tiegħu.

15.      Dwar it-talba tiegħu ta’ għażla, huwa kkontesta l-avviż ta’ tassazzjoni quddiem il-qrati tal-Pajjiżi l-Baxxi, fejn sostna li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu kellhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jippermettu lill-persuni taxxabbli mhux residenti jiksbu t-tnaqqis tad-dħul negattiv relatat mar-residenza fi proprjetà tagħhom, u dan mingħajr ma jiġu obbligati jagħżlu assimilazzjoni mar-residenti.

16.      Wara ċ-ċaħda tat-talba tiegħu mir-Rechtbank te Haarlem (qorti tal-ewwel istanza ta’ Haarlem, il-Pajjiżi l-Baxxi) u mill-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), X ippreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi).

17.      Din il-qorti tal-aħħar tqajjem dubji dwar il-portata tal-ġurisprudenza Schumacker (2), fir-rigward tal-fatt li, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni fattwali prevalenti fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, X ma jirċevix (totalment jew kważi esklużivament) id-dħul tal-familja tiegħu fi Stat Membru wieħed kompetenti biex jintaxxa dan id-dħul u li, għalhekk, seta’ jqis is-sitwazzjoni personali u familjari tiegħu.

18.      Madankollu, skont il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 1999, Gschwind (C-391/97, EU:C:1999:409), tal-10 ta’ Mejju 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja (C-39/10, EU:C:2012:282), u tat-12 ta’ Diċembru 2002, de Groot (C-385/00, EU:C:2002:750), jistgħu jinqraw fis-sens li l-Istat ta’ attività għandu dejjem jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali u familjari tal-parti kkonċernata meta l-Istat ta’ residenza ma jkunx jista’ jagħmel dan.

19.      Huwa f’dan il-kuntest li l-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20.      Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Ġunju 2015, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, id-domandi preliminari segwenti:

“1)      Id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu li jinsabu fit-[Trattat FUE] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fi Spanja u li d-dħul mix-xogħol tiegħu huwa ntaxxat għal madwar 60 % mill-Pajjiżi l-Baxxi u għal madwar 40 % mill-Isvizzera ma jistax inaqqas id-dħul negattiv tiegħu rċevut fir-rigward tal-proprjetà tiegħu fi Spanja, li hija għall-użu personali tiegħu, mid-dħul tiegħu mix-xogħol li huwa ntaxxat mill-Pajjiżi l-Baxxi, anki jekk jirċievi dħul tant baxx fi Spanja, li huwa l-Istat ta’ residenza tiegħu, li d-dħul negattiv imsemmi hawn fuq fis-sena inkwistjoni ma setax iwassal għal tnaqqis fiskali fl-Istat ta’ residenza?

2)      a)     Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: għandu kull Stat Membru li fih ċittadin tal-Unjoni jaqla’ parti mid-dħul tiegħu jieħu inkunsiderazzjoni l-ammont totali tad-dħul negattiv imsemmi hawn fuq? Jew inkella dan l-obbligu jgħodd biss għal wieħed mill-Istati li fih jitwettaq xogħol, u f’dak il-każ, għal liema wieħed? Jew għandu kull wieħed mill-Istati li fih jitwettaq xogħol (minbarra l-Istat ta’ residenza) jippermetti t-tnaqqis ta’ parti minn dan id-dħul negattiv? F’dan il-każ imsemmi l-aħħar, kif għandha tiġi stabbilita dik il-parti li tista’ titnaqqas?

      b)      F’dan ir-rigward, x’inhuwa deċiżiv: l-Istat Membru li fih ix-xogħol effettivament jitwettaq, jew inkella liema Stat Membru għandu s-setgħa jintaxxa d-dħul miksub b’tali xogħol?

3)      Ir-risposta għaż-żewġ domandi fformulati [fit-tieni domanda] tkun differenti jekk wieħed mill-Istati fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni jaqla’ d-dħul tiegħu ikun l-[Konfederazzjoni Svizzera], li ma hijiex Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u lanqas ma tagħmel parti miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)?

4)      Sa fejn huwa rilevanti, f’dan ir-rigward, il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza tal-persuna taxxabbli (f’dan il-każ, ir-Renju ta’ Spanja) tipprovdi l-possibbiltà li jitnaqqsu interessi ipotekarji tar-residenza proprja tal-persuna taxxabbli, u l-possibbiltà li jiġi kkumpensat it-telf fiskali li jirriżulta minn dan fis-sena inkwistjoni b’eventwali dħul f’dak il-pajjiż fi snin sussegwenti?”

21.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn X, mill-gvernijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Belġju, tal-Ġermanja, tal-Awstrija, tal-Portugall, tal-Isvezja u tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, minbarra l-gvernijiet tal-Belġu u tal-Portugall, kollha nstemgħu waqt is-seduta li nżammet fid-29 ta’ Ġunju 2016.

V –    Analiżi

A –    Kumment preliminari dwar il-libertà ta’ moviment applikabbli

22.      Il-qorti tar-rinviju ma tgħid xejn dwar il-klassifikazzjoni tal-provvisti fl-oriġini tad-dħul ta’ X u lanqas, konsegwentement, dwar il-libertà ta’ moviment li l-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi trid tiġi eżaminata fid-dawl tagħha.

23.      Il-gvernijiet tal-Awstrija, tal-Isvezja u tar-Renju Unit iqisu madankollu li dan jirrigwarda, a priori, l-applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE u l-libertà ta’ stabbiliment li dan jistabbilixxi peress li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li X kien jikkontrolla u jmexxi l-attività tal-kumpanniji tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Isvizzera kkonċernati permezz ta’ ishma maġġoritarji. Dan huwa, konsegwentement, persuna li taħdem għal rasha. Din l-analiżi tidher rilevanti.

24.      Peress li dawn l-ishma maġġoritarji jeskludu l-applikabbiltà tal-moviment liberu tal-kapital, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tikkonferma li s-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31), fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema kellha tiġi applikata għall-persuni li jaħdmu għal rashom (3).

B –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

25.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Istat tal-impjieg huwiex marbut jagħti vantaġġ fiskali previst għar-residenti lil persuna mhux residenti li fih tirċievi 60 % tat-total tad-dħul professjonali tagħha, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li din il-persuna taxxabbli ma tistax tibbenefika minn dan il-vantaġġ fl-Istat fejn tgħix, minħabba li ma tirċevix biżżejjed dħul fih.

1.      Il-prinċipji applikabbli fil-qasam tat-tassazzjoni diretta

26.      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza fiskali tagħhom fir-rispett tad-dritt tal-Unjoni (4), u b’mod iktar partikolari tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet ta’ moviment. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma marbuta jastjenu minn kull diskriminazzjoni diretta bbażata fuq in-nazzjonalità jew moħbija (5), ibbażata fuq ir-residenza tal-persuna taxxabbli, fejn il-kriterju ta’ residenza jkun ġeneralment determinanti fil-qasam fiskali.

27.      Kull diskriminazzjoni timplika trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet komparabbli. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-residenti u l-persuni mhux residenti, bħala regola ġenerali, ma humiex f’din it-tip ta’ sitwazzjonijiet. Fil-fatt, id-dħul irċevut minn persuna mhux residenti fit-territorju ta’ Stat Membru jikkostitwixxi, normalment, parti biss mid-dħul globali tagħha, li jkun ikkonċentrat fil-post ta’ residenza tagħha. Madankollu, il-kapaċità kontributorja personali tal-persuna taxxabbli tiġi evalwata iktar faċilment mill-Istat ta’ residenza, peress li dan huwa l-post fejn il-persuna taxxabbli għandha ċ-ċentru tal-interessi personali u patrimonjali tagħha (6).

28.      Madankollu, fis-sentenza tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din ir-regola kienet tirrikonoxxi eċċezzjoni meta persuna taxxabbli mhux residenti ma kinitx tirċievi dħul sinjifikattiv fl-Istat ta’ residenza tagħha u kienet iddaħħal il-parti l-kbira tad-dħul taxxabbli tagħha minn attività eżerċitata fl-Istat tal-impjieg, b’mod li l-Istat ta’ residenza ma kienx f’pożizzjoni li jagħtiha l-vantaġġi li jirriżultaw mit-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħha (7) (iktar ’il quddiem l-“eċċezzjoni Schumacker”).

29.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-possibbiltà għall-persuna taxxabbli residenti li mid-dħul taxxabbli tagħha jitnaqqas id-“dħul negattiv” relatat ma’ proprjetà immobbli li tinsab fl-Istat ta’ residenza tagħha tikkostitwixxi vantaġġ fiskali marbut mas-sitwazzjoni personali tagħha (8).

30.      Jifdal għalhekk li jiġi ddeterminat jekk il-każ ta’ X jaqax taħt l-eċċezzjoni Schumacker, fi kliem ieħor jekk is-sitwazzjoni tiegħu ta’ persuna mhux residenti hijiex komparabbli għal dik ta’ resident.

2.      Il-kundizzjonijiet tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet

31.      Il-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub iqisu li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix leġiżlazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali inkwistjoni, għax il-fatt li tirċievi 60 % tad-dħul tagħha fl-Istat tal-impjieg ma jagħmilx is-sitwazzjoni ta’ persuna mhux residenti komparabbli għal dik ta’ resident.

32.      Fil-punt 36 tas-sentenza tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sitwazzjonijiet kienu, b’mod eċċezzjonali, komparabbli “f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-persuna mhux residenti ma tirċevix dħul sinjifikattiv fl-Istat ta’ residenza tagħha u ddaħħal il-parti l-kbira tad-dħul taxxabbli tagħha minn attività eżerċitata fl-Istat tal-impjieg, b’tali mod li l-Istat ta’ residenza ma jkunx f’pożizzjoni li jagħtiha l-vantaġġi li jirriżultaw mit-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħha” (9).

33.      Konsegwentement, għandhom jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet sabiex is-sitwazzjonijiet ta’ resident u ta’ persuna mhux residenti jkunu komparabbli fis-sens tal-eċċezzjoni Schumacker. Tnejn minn dawn il-kundizzjonijiet jikkonċernaw l-Istat ta’ residenza, filwaqt li t-tielet kundizzjoni hija dwar l-Istat tal-impjieg. Meta jiġu ssodisfatti t-tliet kundizzjonijiet, l-Istat tal-impjieg huwa obbligat jagħti, kemm lill-persuni mhux residenti kif ukoll lir-residenti, l-istess vantaġġi fiskali marbuta mas-sitwazzjoni personali u familjari tagħhom.

a)      Il-kundizzjonijiet marbuta mal-Istat ta’ residenza

34.      Iż-żewġ kundizzjonijiet huma marbuta fis-sens li t-tieni waħda tirriżulta mill-ewwel waħda: il-persuna taxxabbli ma għandhiex tirċievi dħul sinjifikattiv fl-Istat ta’ residenza tagħha, b’tali mod li dan ma jkunx f’pożizzjoni li jagħtiha l-vantaġġi li jirriżultaw mit-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħha.

35.      Bl-applikazzjoni tad-dritt fiskali internazzjonali (10), dawn il-vantaġġi għandhom, fil-prinċipju, jingħataw mill-Istat ta’ residenza. Għaldaqstant, il-fatt li l-persuna taxxabbli ma tirċevix biżżejjed dħul f’dan l-Istat għandu bħala konsegwenza li s-sitwazzjoni personali u familjari tagħha ma tittieħed inkunsiderazzjoni mill-ebda Stat jekk jinżamm il-prinċipju li huwa l-Istat ta’ residenza li għandu jevalwa din is-sitwazzjoni (11).

b)      Il-kundizzjoni marbuta mal-Istat tal-impjieg

36.      B’mod loġiku ħafna, il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi wkoll li l-persuna taxxabbli mhux residenti “ddaħħal il-parti l-kbira tad-dħul taxxabbli tagħha minn attività eżerċitata fl-Istat tal-impjieg” (12).

37.      F’dan il-każ għalhekk, bħalma tispjega l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 38 tas-sentenza tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31), “[f]ir-rigward ta’ persuna mhux residenti li tirċievi, fi Stat Membru ieħor li ma huwiex l-Istat ta’ residenza tagħha, il-parti l-kbira tad-dħul tagħha u l-kważi totalità tad-dħul familjari tagħha, id-diskriminazzjoni tikkonsisti fil-fatt li s-sitwazzjoni personali u familjari ta’ persuna mhux residenti ma tittieħed inkunsiderazzjoni la fl-Istat ta’ residenza u lanqas fl-Istat tal-impjieg” (13).

38.      Fil-fatt, “[b]ejn tali persuna mhux residenti u resident li jeżerċita impjieg bi ħlas [jew indipendenti] komparabbli, ma hemm l-ebda differenza oġġettiva fis-sitwazzjoni ta’ natura tali li tiġġustifika differenza fit-trattament fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ tassazzjoni, tas-sitwazzjoni personali u familjari tal-persuna taxxabbli” (14).

39.      Kif wieħed jista’ jara, ir-rekwiżit li fl-Istat tal-impjieg tinkiseb il-parti l-kbira tad-dħul huwa marbut mill-qrib mal-fatt li l-persuna taxxabbli ma għandhiex dħul sinjifikattiv fl-Istat ta’ residenza tagħha.

40.      Bħalma kien spjega l-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Schumacker (C-279/93, EU:C:1994:391), “evalwazzjoni tal-fatt biss tippermetti li jiġi ddeterminat il-limitu li japplika biex id-dħul fl-Istat ta’ residenza jkun suffiċjenti sabiex is-sitwazzjoni personali tal-parti kkonċernata tittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet fiskali ta’ dan l-Istat. Huma biss ir-residenti tiegħu li ma jilħqux dan il-limitu li jkunu jistgħu jiġu assimilati mar-residenti tal-Istat tal-impjieg fejn dawn jirċievu l-parti l-kbira tad-dħul tagħhom” (15).

41.      Is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 1999, Gschwind (C-391/97, EU:C:1999:409), u tal-10 ta’ Mejju 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja (C-39/10, EU:C:2012:282), huma, f’dan ir-rigward, indikaturi tal-importanza, fid-determinazzjoni tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet, tal-kriterju dwar il-kapaċità tal-Istat ta’ residenza jew tal-Istat tal-impjieg li jieħu inkunsiderazzjoni l-oneri personali u familjari.

42.      Fis-sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Gschwind (C-391/97, EU:C:1999:409), il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, osservat li, “b’kunsiderazzjoni tal-fatt li kważi 42 % tad-dħul globali tal-koppja Gschwind huma rċevut fl-Istat ta’ residenza tagħha, dan tal-aħħar huwa f’pożizzjoni li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali u familjari ta’ F. Gschwind skont il-modalitajiet previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, peress li l-bażi taxxabbli fih hija suffiċjenti biex tippermetti dan it-teħid inkunsiderazzjoni” (16). F’dawn il-kundizzjonijiet, is-sitwazzjoni tal-koppja miżżewġa mhux residenti fejn wieħed mill-konjuġi jaħdem fl-Istat ta’ tassazzjoni kkunsidrat ma tqisitx komparabbli ma’ dik ta’ koppja miżżewġa residenti.

43.      Għall-kuntrarju, fis-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja (C-39/10, EU:C:2012:282), il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet billi indikat li, meta kważi 50 % tad-dħul totali tal-persuna taxxabbli jkunu rċevuti fl-Istat ta’ residenza tagħha, “dan tal-aħħar għandu, bħala prinċipju, ikun f’pożizzjoni li jieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità kontributorja tagħha” (17). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, “[m]adankollu, f’każ bħal dak tal-persuna li ressqet l-ilment li, minħabba l-ammont baxx tad-dħul globali tagħha ma hijiex, taħt il-leġiżlazzjoni fiskali tal-Istat Membru ta’ residenza, taxxabbli f’dan l-Istat tal-aħħar, dan l-Istat ma huwiex f’pożizzjoni li jieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità kontributorja u s-sitwazzjoni personali u familjari tal-persuna kkonċernata” (18). Il-Qorti tal-Ġustizzja minn dan tikkonkludi li, f’tali ċirkustanzi, ir-rifjut mill-Istat Membru fejn kien irċevut id-dħul inkwistjoni (f’dan il-każ, pensjoni tal-irtirar) li jagħti t-tnaqqis previst mil-leġiżlazzjoni fiskali tiegħu kien jippenalizza lill-persuni mhux residenti għas-sempliċi fatt li eżerċitaw il-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-trattat.

44.      It-tielet kundizzjoni hija spjegata wkoll fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 2015, Kieback (C-9/14, EU:C:2015:406). Fil-fatt, fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[s]-sempliċi fatt li persuna mhux residenti tkun irċeviet, fl-Istat tal-impjieg, dħul taħt l-istess kundizzjonijiet bħal persuna residenti ta’ dan l-Istat, ma huwiex biżżejjed sabiex irendi s-sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli ma dik ta’ persuna residenti. Huwa wkoll meħtieġ, sabiex tiġi kkonstatata tali paragunabbiltà oġġettiva, li, minħabba li din il-persuna mhux residenti tkun irċeviet il-parti l-kbira tad-dħul tagħha fl-Istat Membru tal-impjieg, l-Istat Membru ta’ residenza ma jkunx f’pożizzjoni li jagħtiha l-vantaġġi li jirriżultaw mit-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul totali tagħha u tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħha” (19).

45.      Minn dak li jippreċedi jirriżulta neċessarjament li, f’sitwazzjoni fejn ma hemm ebda dħul taxxabbli fl-Istat Membru ta’ residenza, ikun possibbli li jkun hemm diskriminazzjoni jekk is-sitwazzjoni personali u familjari tal-persuna taxxabbli ma tittieħed inkunsiderazzjoni la fl-Istat Membru ta’ residenza u lanqas fl-Istat Membru tal-impjieg (20).

46.      F’din il-kawża, X bla dubju jissodisfa l-ewwel żewġ kundizzjonijiet. Huwa ma jirċievi l-ebda dħul taxxabbli fi Spanja. Konsegwentement huwa impossibbli għal dan l-Istat ta’ residenza li jagħtih il-vantaġġi fiskali marbuta mas-sitwazzjoni personali u familjari tiegħu. Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, huwa ċar li huwa jirċievi l-parti l-kbira (u anki t-totalità) tad-dħul professjonali tiegħu f’post ieħor li ma huwiex l-Istat ta’ residenza, fuq rata ta’ 60 % fil-Pajjiżi l-Baxxi u 40 % fl-Isvizzera.

3.      Il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet fil-preżenza ta’ diversi Stati tal-impjieg

47.      Jien ma naħsibx li l-fatt li l-persuna taxxabbli tirċievi l-parti l-kbira tad-dħul tagħha f’diversi Stati tal-impjieg għandu effett fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-eċċezzjoni Schumacker.

48.      Fil-fatt, il-kriterju determinanti huwa fil-fatt dak tal-impossibbiltà għal Stat li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali u familjari tal-persuna taxxabbli fin-nuqqas ta’ dħul taxxabbli suffiċjenti, filwaqt li dan it-teħid inkunsiderazzjoni huwa possibbli f’post ieħor minħabba sors ta’ dħul adegwat.

49.      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, sa issa, qieset biss Stat tal-impjieg wieħed fl-eżami tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet, dan huwa biss minħabba l-kuntest fattwali fl-oriġini tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari li ġew imressqa lilha għax, minn perspettiva teoretika, il-pluralità ta’ Stati tal-impjieg ma tibdilx il-parametri tal-analiżi.

50.      Barra minn hekk, jien nara konferma ta’ din l-interpretazzjoni tas-sentenza tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31), u tal-ġurisprudenza li segwietha permezz tas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, de Groot (C-385/00, EU:C:2002:750).

51.      Fil-fatt fis-sentenza de Groot, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet b’mod ċar lill-Istati Membri l-possibbiltà li “jibdlu din il-korrelazzjoni bejn it-teħid inkusiderazzjoni mill-Istat ta’ residenza, minn naħa, tad-dħul kollu tar-residenti tiegħu u, min-naħa l-oħra, tas-sitwazzjoni personali u familjari globali tagħhom permezz ta’ ftehimiet, bilaterali jew multilaterali, dwar il-ħelsien mit-taxxa doppja” (21). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rat li tippreċiża li dawn il-mekkaniżmi għandhom “jiżguraw lill-persuni taxxabbli tal-Istati kkonċernati li, globalment, is-sitwazzjoni personali u familjari kollha tagħhom tittieħed debitament inkunsiderazzjoni, irrispettivament mill-mod kif l-Istati Membri kkonċernati qasmu dan l-obbligu bejniethom, bir-riskju li jinħoloq nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, li bl-ebda mod ma jirriżultaw mid-disparitajiet eżistenti bejn il-leġiżlazzjonijiet fiskali nazzjonali” (22).

52.      Għalhekk ma huwiex eskluż li s-sitwazzjoni personali u familjari ta’ persuna taxxabbli jittieħed inkunsiderazzjoni minn diversi Stati Membri, sakemm, f’kull wieħed minn dawn l-Istati, id-dħul ikun suffiċjenti biex jippermetti dan it-teħid inkunsiderazzjoni. Għal darba oħra, l-uniku rekwiżit huwa li tittieħed inkunsiderazzjoni din is-sitwazzjoni kollha, irrispettivament minn jekk hux minn Stat Membru wieħed jew iktar.

53.      Fil-fatt, ma jkunx paradossali li ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita waħda mil-libertajiet fundamentali garantiti mit-trattati f’żewġ Stati Membri ma jibbenefikax mill-eċċezzjoni Schumacker, filwaqt li ċ-ċittadin li eżerċitaha biss fi Stat Membru wieħed igawdi minnha? Huwa biżżejjed li wieħed jimmaġina li R. Schumacker, li jirrisjedi fil-Belġju, kien jaħdem part-time fil-Ġermanja u part-time fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-eċċezzjoni ma kinitx tapplika?

4.      Konklużjoni intermedjarja

54.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jien inqis, konsegwentement, li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha ċittadin tal-Unjoni, fejn id-dħul professjonali huwa rċevut u ntaxxat sa madwar 60 % minn Stat Membru li dan ma jgħixx fih u sa madwar 40 % minn Stat terz, ma jistax inaqqas mid-dħul professjonali tiegħu ntaxxat mill-ewwel Stat Membru d-dħul negattiv relatat mal-proprjetà immobbli li tinsab fl-Istat ta’ residenza u fejn ma għandu l-ebda dħul sinjifikattiv jew għandu biss dħul tant baxx li ma jippermettix li titnaqqas it-taxxa eventwalment dovuta.

55.      Peress li nipproponi li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari, għandhom jiġu ttrattati d-domandi l-oħra magħmula mill-qorti tar-rinviju.

C –    Fuq it-tieni domanda preliminari

56.      It-tieni domanda tirrigwarda, essenzjalment, il-punt dwar jekk l-obbligu li jingħataw lill-persuna taxxabbli l-vantaġġi fiskali marbuta mas-sitwazzjoni personali tagħha huwiex impost fuq Stat Membru wieħed jew fuq kull Stat ta’ attività u f’liema proporzjon. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk l-Istat Membru ta’ attività għandux jinftiehem bħala l-Istat li fih titwettaq realment l-attività jew bħala dak li huwa kompetenti biex jintaxxa d-dħul li joriġina mill-attività.

57.      Qabelxejn, peress li dan jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali u familjari ta’ persuna taxxabbli bl-għan li din tingħata vantaġġ fiskali, l-“Istat ta’ attività” jista’ jkun biss l-Istat li għandu kompetenza fiskali fir-rigward tal-persuna taxxabbli. Fil-fatt, ma huwiex possibbli għal Stat li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali u familjari ta’ persuna jekk din ma jkollhiex dħul taxxabbli.

58.      Imbagħad, fir-rigward tat-tqassim ta’ dan it-teħid inkunsiderazzjoni, ir-risposta għandha titfittex għal darba oħra fl-objettiv li huwa sottostanti għall-ġurisprudenza kollha introdotta mis-sentenza tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31). Dan jirrigwarda l-iżgurar tat-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali u familjari tal-persuna taxxabbli.

59.      Ċertament, fl-assenza ta’ miżuri ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni fil-livell tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddeterminaw il-kriterji ta’ tassazzjoni tad-dħul bil-għan li jeliminaw, jekk ikun il-każ, permezz ta’ ftehim, it-tassazzjoni doppja (23). Fl-istess ottika, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li kien possibbli għall-Istati Membri kkonċernati li jieħdu inkunsiderazzjoni vantaġġi fiskali eventwalment mogħtija minn Stat Membru ieħor ta’ tassazzjoni. Madankollu, din il-possibbiltà hija awtorizzata “b’riżerva [...] li, ikun liema jkun il-mod li bih dawn l-Istati Membri qassmu bejniethom dan l-obbligu, jiġi żgurat lill-persuni taxxabbli tagħhom li, globalment, is-sitwazzjoni personali u familjari kollha tagħhom tittieħed debitament inkunsiderazzjoni” (24).

60.      Jidhirli, għaldaqstant, li l-uniku mod li tiġi rrikonċiljata l-liberta tal-Istati Membri, minn naħa, mar-rekwiżit tat-teħid inkunsiderazzjoni globali tas-sitwazzjoni personali u familjari kollha tal-persuna taxxabbli, min-naħa l-oħra, huwa li jingħata l-vantaġġ inkwistjoni b’mod proporzjonali għad-dħul taxxabbli f’kull Stat tal-impjieg ikkonċernat (25).

61.      Din is-soluzzjoni mhux biss tikkonforma mal-objettivi tal-libertajiet fundamentali segwiti mit-trattati, iżda tipproteġi wkoll is-sovranità tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta. It-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri huwa għalhekk miżmum.

62.      Għaldaqstant, nosserva li din is-soluzzjoni hija ugwali għal dik li tikseb il-favuri mid-duttrina wara li eżaminajt l-ipoteżi ta’ numru ta’ Stati tal-impjieg (26).

63.      Fil-fehma tiegħi, għaldaqstant, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju fis-sens li, fil-każ fejn persuna taxxabbli ma għandhiex dħul sinjifikattiv fl-Istat ta’ residenza tagħha, li ma jistax, għalhekk, jagħtiha l-vantaġġi fiskali marbuta mas-sitwazzjoni personali u familjari tagħha, kull Stat Membru li fih tiġi eżerċitata attività u li huwa kompetenti biex jintaxxa d-dħul li joriġina minn din l-attività għandu, skont it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali u familjari tal-persuna taxxabbli, jawtorizza t-tnaqqis tad-dħul negattiv bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża fuq bażi prorata tad-dħul li huwa jintaxxa, sakemm id-dħul ikun sinjifikattiv biżżejjed biex jingħatawlha l-vantaġġi inkwistjoni (27).

D –    Fuq it-tielet domanda preliminari

64.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-risposta mogħtija għad-domanda preċedenti tkunx differenti meta l-persuna residenti tirċievi parti mid-dħul taxxabbli tagħha fit-territorju ta’ Stat terz, li barra minn hekk ma huwiex membru taż-ŻEE.

65.      L-effett tal-eżerċizzju ta’ attività fi Stat terz fuq l-eżami tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31), diġà ġie eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

66.      Fil-fatt, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Kieback (C-9/14, EU:C:2015:406), il-persuna taxxabbli inkwistjoni kienet ċittadin Ġermaniż, li kien jgħix fil-Ġermanja u kien jaħdem fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda li kien telaq sabiex jeżerċita attività professjonali fl-Istati Uniti għal tliet xhur.

67.      Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li persuna taxxabbli mhux residenti li ma tkunx irċeviet fl-Istat tal-impjieg it-totalità jew il-kważi totalità tad-dħul tal-familja li hija rċeviet matul is-sena kollha kkonċernata ma hijiex f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik ta’ residenti f’dan l-Istat. Minn dan hija ddeduċiet li l-Istat Membru li fih il-persuna taxxabbli tkun kisbet biss parti mid-dħul taxxabbli tagħha matul is-sena kollha kkonċernata ma kienx għalhekk obbligat li jagħtiha l-vantaġġi li huwa kien jagħti lir-residenti tiegħu stess (28). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li l-persuna kkonċernata kienet ħalliet l-impjieg tagħha fi Stat Membru sabiex teżerċita l-attività professjonali tagħha mhux fi Stat Membru ieħor, iżda fi Stat terz (29).

68.      Ir-risposti mogħtija għall-ewwel u t-tieni domandi preliminari, konsegwentement, ma humiex differenti meta wieħed mill-Istati li l-persuna taxxabbli tirċievi d-dħul tagħha fih la jkun Stat Membru tal-Unjoni u lanqas taż-ŻEE.

69.      B’mod superfluwu, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-Konfederazzjoni Svizzera, jien tal-fehma li l-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni kondiviż tas-sitwazzjoni personali u familjari tal-persuna taxxabbli jkun invokabbli għaliha.

70.      Fil-fatt, dan jirrigwarda applikazzjoni tas-sentenza tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31), fil-preżenza ta’ diversi Stati ta’ attività. Madankollu, din is-sentenza hija preċedenti għall-firma tal-ftehim konkluż bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2009, L 353, p. 71, iktar ’il quddiem il-“Ftehim”). Konsegwentement, f’konformità mal-Artikolu 16(2) tal-Ftehim, għandu jittieħed kont ta’ din il-ġurisprudenza (30).

E –    Fuq ir-raba’ domanda preliminari

71.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza (f’dan il-każ, ir-Renju ta’ Spanja) tippermetti lill-persuna taxxabbli residenti li tnaqqas l-interessi ipotekarji relatati mar-residenza fi proprjetà tagħha u li tikkumpensa t-telf fiskali li jirriżulta minn dan fis-sena inkwistjoni b’eventwali dħul fl-istess Stat fi snin sussegwenti, għandux effett fuq ir-risposti mogħtija għad-domandi preċedenti.

1.      Fuq in-natura ipotetika tar-raba’ domanda

72.      Ninnota li, fit-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li X ma setax jibbenefika minn tali vantaġġ fi Spanja wara l-2007 (31).

73.      Id-domanda tidher għalhekk ipotetika. Konsegwentement, din hija inammissibbli (32).

74.      Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkondividix din l-interpretazzjoni tad-domanda, peress li l-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) għamlet riferiment għas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C-446/03, EU:C:2005:763), fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha u li r-Renju tal-Belġju u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq żviluppaw ċerti kummenti dwar dan is-suġġett fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, jien xorta waħda se nittratta din id-domanda sussidjarjament.

2.      Sussidjarjament, fuq l-assenza ta’ effett tal-possibbiltà ta’ differiment tal-vantaġġ fiskali

75.      Fis-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C-446/03, EU:C:2005:763), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni leġiżlazzjoni li xxekkel lil kumpannija omm milli tnaqqas it-telf imġarrab minn sussidjarja mhux residenti, meta din tkun eżawriet il-possibbiltajiet ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-telf fl-Istat ta’ residenza tagħha fir-rigward tas-sena kkonċernata jew snin finanzjarji ulterjuri.

76.      L-analoġija tħajjar. Madankollu, jien ma naħsibx li din hija rilevanti.

77.      Qabelxejn, bħalma tinnota l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C-446/03, EU:C:2005:763), tikkonċerna l-kumpens tat-telf u mhux, bħal f’dan il-każ, it-tnaqqis tal-ispejjeż. B’mod iktar preċiż, nosserva li, fis-sentenza tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31), l-eċċezzjoni awtorizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċerna biss il-vantaġġi marbuta mas-sitwazzjoni personali u familjari tal-persuna taxxabbli, li huma differenti ħafna minn dawk inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C-446/03, EU:C:2005:763). Barra minn hekk, din tapplika għal konfigurazzjoni ġuridika partikolari, jiġifieri dik ta’ żewġ persuni ġuridiċi distinti iżda marbuta bl-ishma tagħhom. F’dan il-każ, dan jirrigwarda persuna taxxabbli unika.

78.      Sussegwentement, ġie stabbilit li Stat Membru ma jistax jinvoka l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti b’mod unilaterali minn Stat Membru ieħor sabiex jevita l-obbligi imposti fuqu mit-Trattat (33).

79.      Fl-aħħar nett, nosserva li, fl-istess loġika, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement estendiet għall-konsegwenzi favorevoli l-ġurisprudenza li skontha l-konsegwenzi sfavorevoli li jirriżultaw mill-eżerċizzju parallel tal-kompetenzi fiskali tal-Istati Membri ma kinux neċessarjament jikkostitwixxu restrizzjonijiet ipprojbiti mit-Trattat FUE.

80.      Fil-fatt, fis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Imfeld u Garcet (C-303/12, EU:C:2013:822), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument tal-Gvern Estonjan li ried jevita r-riskju ta’ vantaġġ doppju bl-applikazzjoni b’analoġija tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C-446/03, EU:C:2005:763). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-possibbiltà eventwali ta’ benefiċċju minn vantaġġ doppju, fi kwalunkwe każ, tkun biss frott tal-applikazzjoni parallela tal-leġiżlazzjonijiet fiskali nazzjonali inkwistjoni (34).

81.      Dan premess, bħalma diġà ppreċiżajt preċedentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tħalli lill-Istati Membri kkonċernati l-libertà li jieħdu inkunsiderazzjoni l-vantaġġi fiskali eventwalment mogħtija minn Stat Membru ieħor ta’ tassazzjoni bil-kundizzjoni li s-sitwazzjoni personali u familjari kollha tal-persuna taxxabbli tittieħed debitament inkunsiderazzjoni (35).

82.      F’dan ir-rigward, il-preżenza ta’ diversi Stati Membri ma hijiex ta’ natura li trendi obsoleta l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha d-diffikultajiet amministrattivi possibbli marbuta mal-kisba ta’ informazzjoni neċessarja jistgħu jingħelbu b’mod adegwat permezz tal-assistenza reċiproka tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE, tal-15 ta’ Frar 2011, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (36).

83.      Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li, f’dan il-kuntest, ma hemm xejn li jxekkel lill-awtoritajiet fiskali kkonċernati milli jeżiġu mill-persuna taxxabbli nnifisha l-provi li dawn iqisu meħtieġa biex jevalwaw jekk ikunx hemm lok jew le li jingħata t-tnaqqis mitlub (37).

84.      Barra minn hekk, inżid biex nikkonkludi li l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni Schumacker fil-każ fil-kawża prinċipali ma timponi xejn iżjed lill-Istat tal-impjieg ħlief li japplika d-dritt nazzjonali tiegħu għall-porzjon tad-dħul irċevut fit-territorju nazzjonali.

85.      Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza tal-persuna taxxabbli tippermettilha tnaqqas id-dħul negattiv tar-residenza tagħha fuq id-dħul eventwali ta’ snin finanzjarji ulterjuri ma għandux effett fuq ir-risposti mogħtija għall-ewwel tliet domandi.

VI – Konklużjoni

86.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) bil-mod segwenti:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha ċittadin tal-Unjoni Ewropea, li d-dħul professjonali tiegħu rċevut huwa ntaxxat għal madwar 60 % minn Stat Membru li dan ma jgħixx fih u għal madwar 40 % minn Stat terz, ma jistax inaqqas mid-dħul professjonali tiegħu ntaxxat mill-ewwel Stat tal-impjieg id-dħul negattiv relatat mal-proprjetà immobbli li tinsab fl-Istat ta’ residenza u fejn ma għandu l-ebda dħul sinjifikattiv jew għandu biss dħul tant baxx li ma jistax jippermetti li titnaqqas it-taxxa eventwalment dovuta.

2)      Fil-każ fejn persuna taxxabbli ma għandhiex dħul sinjifikattiv fl-Istat ta’ residenza tagħha, li ma jistax, għalhekk, jagħtiha l-vantaġġi fiskali marbuta mas-sitwazzjoni personali u familjari tagħha, kull Stat Membru li fih tiġi eżerċitata attività u li huwa kompetenti biex jintaxxa d-dħul li joriġina minn din l-attività għandu, skont it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali u familjari tal-persuna taxxabbli, jawtorizza t-tnaqqis tad-dħul negattiv, bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, fuq bażi prorata tad-dħul li huwa jintaxxa, sakemm id-dħul ikun sinjifikattiv biżżejjed biex jingħatawlha l-vantaġġi inkwistjoni.

3)      Ir-risposti mogħtija għall-ewwel u t-tieni domanda preliminari ma humiex differenti meta wieħed mill-Istati li fih il-persuna taxxabbli tikseb id-dħul tagħha la jkun Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u lanqas Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea.

4)      Ir-raba’ domanda hija inammissibbli.

Sussidjarjament, il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza tal-persuna taxxabbli tippermetti t-tnaqqis tad-dħul negattiv tar-residenza personali fuq id-dħul eventwali ta’ snin finanzjarji ulterjuri ma għandux effett fuq ir-risposti mogħtija għall-ewwel tliet domandi.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Sentenza tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31).


3 – Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Awwissu 1995, Wielockx (C-80/94, EU:C:1995:271); tas-27 ta’ Ġunju 1996, Asscher (C-107/94, EU:C:1996:251), kif ukoll, iktar reċenti, tat-28 ta’ Frar 2013, Ettwein (C-425/11, EU:C:2013:121, punt 47).


4 – Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31, punt 21); tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C-446/03, EU:C:2005:763, punt 29); tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy AA (C-231/05, EU:C:2007:439, punt 18), kif ukoll tat-22 ta’ Ottubru 2014, Blanco u Fabretti (C-344/13 u C-367/13, EU:C:2014:2311, punt 24).


5 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Gschwind (C-391/97, EU:C:1999:409, punt 20).


6 – Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31, punt 32); tat-12 ta’ Diċembru 2002, de Groot (C-385/00, EU:C:2002:750, punt 90), kif ukoll tat-18 ta’ Ġunju 2015, Kieback (C-9/14, EU:C:2015:406, punt 22).


7 – Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31, punt 36); tat-18 ta’ Lulju 2007, Lakebrink u Peters-Lakebrink (C-182/06, EU:C:2007:452, punt 30); tas-16 ta’ Ottubru 2008, Renneberg (C-527/06, EU:C:2008:566, punt 61), kif ukoll tat-18 ta’ Ġunju 2015, Kieback (C-9/14, EU:C:2015:406, punt 25).


8 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Kieback (C-9/14, EU:C:2015:406, punt 19).


9 – Enfasi miżjuda minni.


10 – Ara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31, punt 32).


11 – Dan kien ukoll il-punt ta’ tluq tar-raġunament tal-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Schumacker (C-279/93, EU:C:1994:391, punt 66).


12 – Sentenza tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31, punt 36).


13 – Enfasi miżjuda minni. Ara, f’dan is-sens, ukoll, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Lakebrink u Peters-Lakebrink (C-182/06, EU:C:2007:452, punt 31); tas-16 ta’ Ottubru 2008, Renneberg (C-527/06, EU:C:2008:566, punt 62), kif ukoll tat-18 ta’ Ġunju 2015, Kieback (C-9/14, EU:C:2015:406, punt 26).


14 – Sentenza tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31, punt 37).


15 – Punt 76.


16 – Punt 29. Dan jimplika, a fortiori, li l-ksib ta’ kważi 60 % tad-dħul tagħha fi Stat – bħal X fil-Pajjiżi l-Baxxi f’dan il-każ – jippermetti, fil-prinċipju, lil dan l-Istat jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali u familjari tal-persuna taxxabbli inkwistjoni.


17 – Punt 54. Enfasi miżjuda minni.


18 – Punt 55. Enfasi miżjuda minni.


19 – Enfasi miżjuda minni. Għaldaqstant bħal f’dan il-każ, “[i]l-fatt li l-ħaddiem telaq mill-pajjiż sabiex jeżerċita l-attività professjonali tiegħu fi Stat terz u mhux fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni ma jaffettwax din l-interpretazzjoni” (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Kieback, C-9/14, EU:C:2015:406, dispożittiv).


20 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja (C-39/10, EU:C:2012:282, punt 53) u, għal applikazzjoni tal-prinċipju, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2004, Wallentin (C-169/03, EU:C:2004:403, punti 17 u 18).


21 – Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, de Groot (C-385/00, EU:C:2002:750, punt 99).


22 – Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, de Groot (C-385/00, EU:C:2002:750, punt 101).


23 – Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, de Groot (C-385/00, EU:C:2002:750, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24 – Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Imfeld u Garcet (C-303/12, EU:C:2013:822, punt 79). Enfasi miżjuda minni.


25 – Ċertament, din is-soluzzjoni kienet ġiet appoġġata mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, de Groot (C-385/00, EU:C:2002:750) u l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ċaħditha b’mod ċar (ara l-punt 98 ta’ din is-sentenza). Madankollu, din kienet tirrigwarda l-previżjoni ta’ teħid inkunsiderazzjoni parzjali mill-Istat ta’ residenza, meta l-persuna taxxabbli kienet kisbet f’dan l-Istat biżżejjed dħul sabiex is-sitwazzjoni personali u familjari tagħha tittieħed inkunsiderazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk, b’mod loġiku u rilevanti, setgħet tiċħad l-argument billi tibbaża ruħha fuq il-prinċipju li l-kapaċità kontributorja personali tal-persuna taxxabbli, li tirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul kollu tagħha kif ukoll mis-sitwazzjoni personali u familjari tagħha, tista’ tiġi evalwata iktar faċilment fil-post fejn din ikollha ċ-ċentru tal-interessi personali u patrimonjali tagħha, jiġifieri, b’mod ġenerali, il-post tar-residenza abitwali tagħha.


26 – Ara, f’dan is-sens, Niesten, H., “Growing Impetus for Harmonization of Personal and Family Allowances: Current State of Affairs of the Schumacker-Doctrine after Imfeld and Garcet”, EC Tax Review, 2015-4, p. 185 sa 201, b’mod partikolari p. 198 u 199. Skont dan l-awtur, “The rationale legis of the fractional taxation of non-residents, i.e., the proportional grant of the benefits in the source States, therefore seems fair and consistent” (p. 198). Ara, ukoll, Wattel, P.J., “Progressive Taxation of Non-Residents and Intra-EC Allocation of Personal Tax Allowances: Why Schumacker, Asscher, Gilly and Gschwind Do Not Suffice”, European Taxation, 2000, p. 210 sa 223, b’mod partikolari p. 222.


27 – Fl-ebda każ, l-eċċezzjoni Schumacker ma tista’ twassal għal taxxa negattiva jew għal rimbors tat-taxxa b’kunsiderazzjoni tal-insuffiċjenza tad-dħul.


28 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Kieback (C-9/14, EU:C:2015:406, punt 34).


29 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Kieback (C-9/14, EU:C:2015:406, punt 35 u d-dispożittiv).


30 – Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Schumacker fil-kuntest tal-Ftehim fis-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Ettwein (C-425/11, EU:C:2013:121). Fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet irrifjutat il-benefiċċju tat-tassazzjoni konġunta fl-applikazzjoni tal-metodu magħruf bħala tal-“isplitting” lil konjuġi ċittadini ta’ dan l-Istat, suġġetti għat-taxxa f’dan l-istess Stat, minħabba li kienu residenti fl-Isvizzera. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tas-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31), tal-11 ta’ Awwissu 1995, Wielockx (C-80/94, EU:C:1995:271), kif ukoll tas-27 ta’ Ġunju 1996, Asscher (C-107/94, EU:C:1996:251), għalhekk li, l-ebda parti kontraenti ma setgħet tinvoka l-possibbiltà li tiġi stabbilita distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli li ma humiex f’sitwazzjonijiet komparabbli biex tirrifjuta dawn il-vantaġġ lil koppja fil-konfigurazzjoni tal-konjuġi Ettwein [sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Ettwein (C-425/11, EU:C:2013:121, punt 48)]. Il-qorti federali Svizzera kkonfermat ukoll l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Schumacker f’sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010 (kawżi magħquda 2C.319/2009 u 2C.321/2009). Ara, f’dan ir-rigward, Heuberger, R., u Oesterhelt, St., “Swiss Salary Withholding Tax Violates Free Movement of Persons Agreement with the European Union”, European Taxation, 2010, p. 285 sa 294.


31 – Fl-osservazzjonijiet bil-miktub u waqt is-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2016, X ikkonferma l-informazzjoni għas-snin finanzjarji ta’ qabel l-2007, kif ukoll għas-snins finanzjarji 2007 sa 2011. Huwa ppreċiża wkoll li, wara l-2011, ma setax jibqa’ jitqies bħala resident Spanjol. Din l-informazzjoni ma ġiet ikkontestata mill-ebda intervenjent għall-proċedura.


32 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2013, Radu (C-396/11, EU:C:2013:39, punt 24).


33 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Imfeld u Garcet (C-303/12, EU:C:2013:822, punt 61).


34 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Imfeld u Garcet (C-303/12, EU:C:2013:822, punt 78).


35 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Imfeld u Garcet (C-303/12, EU:C:2013:822, punt 79).


36 – ĠU 2011, L 64, p. 1. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, EU:C:1995:31, punt 45), kif ukoll is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1999, Vestergaard (C-55/98, EU:C:1999:533, punt 26) u fid-duttrina, Niesten, H., “Growing Impetus for Harmonization of Personal and Family Allowances: Current State of Affairs of the Schumacker-Doctrine after Imfeld and Garcet”, EC Tax Review, 2015-4, p. 185 sa 201, b’mod partikolari p. 194; Wattel, P.J., “Progressive Taxation of Non-Residents and Intra-EC Allocation of Personal Tax Allowances: Why Schumacker, Asscher, Gilly and Gschwind Do Not Suffice”, European Taxation, 2000, p. 210 sa 223, b’mod partikolari p. 222.


37 – Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari,, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1999, Vestergaard (C-55/98, EU:C:1999:533, punt 26); tal-11 ta’ Ottubru 2007, ELISA (C-451/05, EU:C:2007:594, punt 95), kif ukoll tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (C-436/08 u C-437/08, EU:C:2011:61, punt 100) u fid-duttrina, Wattel, P.J., “Progressive Taxation of Non-Residents and Intra-EC Allocation of Personal Tax Allowances: Why Schumacker, Asscher, Gilly and Gschwind Do Not Suffice”, European Taxation, 2000, p. 210 sa 223, b’mod partikolari p. 222; Cloer, A., u Vogel, N., “Swiss Frontier Worker Can Claim the Benefits of Schumacker: The ECJ Decision in Ettwein (Case C-425/11)”, European Taxation, 2003, p. 531 sa 535, b’mod partikolari p. 534.