Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
18 ta’ Mejju 2017 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikoli 11 u 12 kif ukoll l-Artikolu 76(6) – Regolament (KE) Nru 987/2009 – Artikolu 5 – Kollokament ta’ ħaddiem – Affiljazzjoni ma’ skema ta’ sigurtà soċjali – Ġlieda kontra l-frodi – Ċertifikat A1 – Rifjut ta’ rikonoxximent mill-Istat Membru tal-eżerċizzju tal-attività professjonali f’każ ta’ frodi jew ta’ abbuż”
Fil-Kawża C-356/15,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fit-13 ta’ Lulju 2015,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Martin, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
sostnuta minn:
L-Irlanda, irrappreżentata minn E. Creedon, M. Browne u G. Hodge kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn C. Toland, BL,
intervenjenti,
vs
Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn L. Van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn P. Paepe, avukat,
konvenut,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, M. Berger (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin, ,
Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi adotta l-Artikoli 23 u 24 tal-liġi-programm, tas-27 ta’ Diċembru 2012, (Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 2012, p. 88860, iktar ’il quddiem il-“liġi-programm”), ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikoli 11 u 12 kif ukoll l-Artikolu 76(6) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72) kif emendat bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 465/2012, tat-22 ta’ Mejju 2012 (ĠU L 149, p. 4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”), l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlement Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (ĠU L 284, p. 1), u d-Deċiżjoni A1 tal-kummissjoni amministrattiva għall-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, tat-12 ta’ Ġunju 2009, dwar l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ djalogu u konċiljazzjoni dwar il-validità ta’ dokumenti, id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli u l-provvista ta’ benefiċċji skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 883/2004 (ĠU C 106, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni A1”).
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 883/2004
2 Il-premessi 5, 8, 15 u 17 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdu:
“(5) Huwa neċessarju, fi ħdan il-qafas ta’ din il-kordinazzjoni, li fil-Komunità jkun garantit trattament ugwali għall-persuni konċernati taħt il-leġislazzjonijiet nazzjonali differenti.
[...]
(8) Il-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali huwa ta’ importanza partikolari għal ħaddiema li ma humiex residenti fl-Istat Membru fejn jaħdmu, inklużi ħaddiema li jaħdmu bejn il-fruntieri.
[...]
(15) Sabiex tkun evitata sitwazzjoni fejn ikun hemm overlapping fid-disposizzjonijiet ta’ leġislazzjoni nazzjonali li japplikaw għal sitwazzjoni waħda u sabiex ikunu evitati l-komplikazzjonijiet li jinqalgħu f’sitwazzjoni bħal din, huwa meħtieġ li persuni li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità jkunu suġġetti għal skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss.
[...]
(17) Bil-għan li jkun garantit li, bl-aktar mod effettiv possibbli, il-persuni kollha impjegati fit-territorju ta’ Stat Membru jkunu trattati b’mod ugwali, jkun xieraq li bħala regola ġenerali, il-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru fejn il-persuna konċernata twettaq l-attività tagħha jew tiegħu bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha tkun determinata bħala l-leġislazzjoni applikabbli.”
3 L-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli ġenerali”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:
“1. Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.
[...]
3. Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:
a) persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;
[...]”
4 L-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, intitolat “Regoli speċjali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru f'isem il-prinċipal tagħha, liema prinċipal normalment iwettaq l-attivitajiet tiegħu hemmhekk, u li tintbagħat mill-prinċipal tagħha fi Stat Membru ieħor biex taħdem f’isem il-prinċipal għandha tibqa’ suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru sakemm mhux maħsub li x-xogħol idum aktar minn 24 xahar u sakemm din il-persuna ma ntbagħtitx biex tieħu post persuna oħra.”
5 L-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Koperazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 6 tiegħu:
“F’każ ta’ diffikultajiet fl-interpretazzjoni jew fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li jistgħu jipperikolaw id-drittijiet ta’ persuna koperta minnu, l-istituzzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti jew ta’ l-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna konċernata għandha tikkuntattja lill-istituzzjoni (jew istituzzjonijiet) ta’ l-Istat Membru (jew Stati Membri) konċernat (jew konċernati). Jekk ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni f’perjodu raġjonevoli, l-awtoritajiet konċernati jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni Amministrattiva biex tindaħal.”
Ir-Regolament Nru 987/2009
6 Il-premessa 2 tar-Regolament Nru 987/2009 tiddikjara:
“L-organizzazzjoni ta’ kooperazzjoni aktar effikaċi u aktar stretta bejn l-istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali hija fattur essenzjali biex tippermetti lill-persuni koperti mir-Regolament (KE) Nru 883/2004 li jibbenefikaw mid-drittijiet tagħhom fl-aħjar żmien u kondizzjonijiet possibbli.”
7 L-Artikolu 5 tal-imsemmi Regolament, intitolat “Valur legali tad-dokumenti u l-evidenza ta’ sostenn maħruġa fi Stat Membru ieħor”, jipprovdi:
“1. Id-dokumenti maħruġa mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru u li juru l-pożizzjoni ta’ persuna għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament bażiku u tar-Regolament implimentattiv, u l-evidenza ta’ sostenn li abbażi tagħha nħarġu d-dokumenti, għandhom jiġu aċċettati mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħrajn sakemm dawn ma jkunux ġew irtirati jew iddikjarati li huma invalidi mill-Istat Membru li fih inħarġu.
2. F’każ ta’ dubju dwar il-leġittimità tad-dokument jew l-eżattezza tal-fatti li huma l-bażi tad-dettalji li jidhru fih, l-istituzzjoni tal-Istat Membru li tirċievi d-dokument għandha titlob mill-istituzzjoni li ħarġitu l-kjarifiki meħtieġa u, jekk ikun l-każ, l-irtirar ta’ dak id-dokument. L-istituzzjoni li ħarġitu għandha tikkunsidra mill-ġdid ir-raġunijiet għall-ħruġ tad-dokument u, jekk meħtieġ, li tirtirah.
3. Konformement mal-paragrafu 2, f’każ ta’ dubju dwar l-informazzjoni pprovduta mill-persuni kkonċernati, dwar il-validità ta’ dokument jew il-prova ta’ sostenn jew l-eżattezza tal-fatti li huma l-bażi tad-dettalji li jidhru fih, l-istituzzjoni tal-post taż-żjara jew ta’ residenza għandha, sa fejn dan ikun possibli, fuq talba mill-istituzzjoni kompetenti, twettaq il-verifika meħtieġa ta’ din l-informazzjoni jew ta’ dan id-dokument.
4. Fejn ma jintlaħaqx qbil bejn l-istituzzjonijiet konċernati, il-kwistjoni tista’ titressaq quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva mill-awtoritajiet kompetenti mhux qabel xahar wara d-data li fiha l-istituzzjoni li rċeviet id-dokument tkun ippreżentat it-talba tagħha. Il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tfittex li tirrikonċilja l-fehmiet fi żmien sitt xhur mid-data li fiha l-kwistjoni tressqet quddiemha.”
8 L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 987/2009, intitolat “Applikazzjoni provviżorja tal-leġislazzjoni u l-għoti provviżorju ta’ benefiċċji” jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Sakemm mhux previst mod ieħor fir-Regolament implimentattiv, fejn ikun hemm differenza ta’ fehmiet bejn l-istituzzjonijiet jew l-awtoritajiet ta’ żewġ Stati Membri jew aktar dwar id-determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli, il-persuna kkonċernata għandha tiġi suġġetta b’mod provviżorju għal-leġislazzjoni ta’ wieħed minn dawk l-Istati Membri, fejn l-ordni ta’ prijorità tiġi ddeterminata kif ġej:
a) il-leġislazzjoni tal-Istat Membru fejn il-persuna attwalment twettaq l-impjieg tagħha jew taħdem għal rasha, jekk l-impjieg jew l-impjieg għal rasha jitwettaq fi Stat Membru wieħed biss;
[...]”
9 Id-deċiżjoni A1 tistabbilixxi proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni f’każ ta’ dubju li jirrigwarda l-validità ta’ dokument jew l-eżattezza ta’ att ġustifikattiv jew meta l-Istati Membri jkollhom opinjonijiet differenti dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli jew tal-istituzzjoni mitluba li tagħti l-benefiċċji.
Id-dritt Belġjan
10 Il-liġi-programm tinkludi, fil-Kapitolu 1 tat-Titolu 3 tagħha, intitolat “Frodi soċjali u applikazzjoni korretta tal-liġi”, dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-ġlieda kontra l-frodi fil-kollokament. It-tieni taqsima ta’ dan il-kapitolu, intitolata “abbuż mil-liġi”, tinkludi l-Artikoli 22 sa 25 tal-liġi-programm.
11 L-Artikolu 22 ta’ din tal-aħħar jipprovdi:
“Għall-finijiet ta’ dan il-kapitolu:
1° ‘Ir-Regolamenti Ewropej ta’ koordinazzjoni’ tfisser:
a) it-Titolu II tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35];
b) it-Titolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-[Regolament Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83)];
ċ) ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003, tal-14 ta’ Mejju 2003, li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 317)];
d) it-Titolu II tar-Regolament [Nru 883/2004];
e) it-Titolu II tar-Regolament [Nru 987/2009];
f) ir-Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawn ir-regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom [(ĠU 2010, L 344, p. 1)];
2° ‘Gwida prattika’ tfisser gwida prattika għad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiema fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, taż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Isvizzera żviluppat mill-kummissjoni amministrattiva;
3° ‘Kummissjoni amministrattiva’ tfisser il-kummissjoni amministrattiva għall-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali;
[...]”
12 L-Artikolu 23 tal-liġi-programm jipprovdi:
“Huwa każ ta’ abbuż marbut mar-regoli maħsuba sabiex tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli fir-Regolamenti Ewropej ta’ koordinazzjoni, meta jiġu applikati fir-rigward ta’ ħaddiem impjegat jew ħaddiem li jaħdem għal rasu, dispożizzjonijiet tar-Regolamenti ta’ koordinazzjoni għal sitwazzjoni li fiha ma jkunux osservati l-kundizzjonijiet li huma stabbiliti fir-Regolamenti u li huma speċifikati fil-gwida prattika jew fid-deċiżjonijiet tal-kummissjoni amministrattiva, bil-għan li tiġi evitata l-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali Belġjana li kellha tiġi applikata f’din is-sitwazzjoni kieku ġew osservati korrettement id-dispożizzjonijiet regolatorji u amministrattivi ċċitati iktar ’il fuq.”
13 L-Artikolu 24 tal-liġi-programm jiddikjara:
“§ 1. Meta l-qorti nazzjonali, istituzzjoni pubblika ta’ sigurtà soċjali jew spettur soċjali jikkonstataw abbuż previst f’dan il-kapitolu, il-ħaddiem impjegat jew il-ħaddiem li jaħdem għal rasu li jkun ikkonċernat għandu jkun suġġett għall-leġiżlazzjoni Belġjana tas-sigurtà soċjali għalkemm din il-leġiżlazzjoni kellha tkun applikata skont id-dispożizzjonijiet regolatorji u amministrattivi ċċitat fl-Artikolu 22.
§ 2. Il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali Belġjana għandha tapplika mill-ewwel jum li fih ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tiegħu, b’kont meħud tat-termini ta’ preskrizzjoni previsti fit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42 tal-liġi tas-27 ta’ Ġunju 1969 li tirrevedi l-liġi tat-28 ta’ Diċembru 1944 dwar is-sigurtà soċjali tal-ħaddiema, u fl-Artikolu 16 tad-digriet irjali Nru 38 tas-27 ta’ Lulju 1967 li torganizza l-istatut soċjali tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom.”
14 L-Artikolu 25 tal-liġi-programm jipprovdi:
“Hija l-istituzzjoni jew l-ispettur li jinvoka l-abbuż previst fl-Artikolu 23, li għandu jipproduċi l-prova ta’ dan l-abbuż.”
Il-proċedura prekontenzjuża
15 Fil-21 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju tal-Belġju ittra ta’ intimazzjoni li tikkonċerna l-inkompatibbiltà tal-Artikoli 23 u 24 tal-liġi-programm mal-Artikoli 11 u 12 kif ukoll mal-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004, mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009 kif ukoll id-deċiżjoni A1.
16 F’dik l-ittra, il-Kummissjoni allegat li r-Renju tal-Belġju adotta l-imsemmija Artikoli 23 u 24 li jawtorizzaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jimponu, b’mod unilaterali, mingħajr ma jsegwu l-proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni prevista minn dawn il-regolamenti, l-unifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali ta’ ħaddiem ikkollokat diġà suġġett għas-sigurtà soċjali fl-Istat Membru li fih il-persuna li tħaddmu normalment teżerċita l-attivitajiet tagħha, peress li l-provvista mill-organu tas-sigurtà soċjali ta’ dan l-aħħar imsemmi Stat Membru ta’ dokument li jikkonferma l-issuġġettar għas-sigurtà soċjali ta’ dan tal-aħħar (iktar ’il quddiem “ċertifikat A1”), skont ir-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009, tikkostitwixxi abbuż ta’ liġi.
17 Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Jannar 2014, ir-Renju tal-Belġju wieġeb għall-ittra ta’ intimazzjoni tal-21 ta’ Novembru 2013 billi invoka b’mod partikolari d-dictum fraus omnia corrumpit u l-projbizzjoni tal-abbuż mid-dritt bħala prinċipji ġenerali tad-dritt li jippermettu lill-Istati Membri li jadottaw dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw mid-dritt derivat tal-Unjoni.
18 Barra minn hekk, il-Gvern Belġjan sostna li r-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009 jippermettu lill-Istati Membri li jadottaw miżuri unilaterali, bħal dawk previsti fl-Artikoli 23 u 24 tal-liġi-programm, meta dawn l-Istati Membri jqisu li l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti jagħtu lok għal frodi u għal abbużi mil-liġi.
19 Fil-25 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni nnotifikat opinjoni motivata lir-Renju tal-Belġju li huwa wieġeb għaliha b’ittra tal-24 ta’ Novembru 2014 li biha l-Kummissjoni ġiet b’mod partikolari informata bis-sospensjoni temporanja tal-applikazzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikoli 23 u 24 tal-liġi-programm minħabba l-proċedura pendenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.
20 Billi ma kinitx issodisfatta b’din it-tweġiba, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.
21 Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Novembru 2015, l-Irlanda ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.
Fuq ir-rikors
Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors
Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors fl-intier tiegħu
– L-argumenti tal-partijiet
22 Prinċipalment, ir-Renju tal-Belġju jeċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors fl-intier tiegħu peress li l-Kummissjoni ma tipproduċi l-ebda prova dwar l-eżistenza tan-nuqqas allegat, u b’mod iktar partikolari, dwar l-impossibbiltà ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi tal-liġi-programm b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li, fir-risposta tagħha għall-opinjoni motivata, hija kienet ipprevediet tali possibbiltà.
23 Barra minn hekk, skont ir-Renju tal-Belġju, il-konferma tal-Kummissjoni li l-Artikolu 24 tal-liġi-programm kienet tikkontradixxi espressament l-Artikoli 11 u 12 kif ukoll l-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009, ma hijiex fondata.
24 Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
25 Huwa veru li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat. Fil-fatt, hija din tal-aħħar li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi kollha neċessarji għall-verifika min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq xi kwalunkwe preżunzjoni (sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-308/08, EU:C:2010:281, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
26 Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx l-eżistenza tan-nuqqas ma taqax taħt l-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors tagħha, iżda taħt dak tal-mertu (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-678/13, mhux ippubblikata, EU:C:2015:358, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors meħud fl-intier tiegħu, imqajma mir-Renju tal-Belġju ma hijiex fondata u għandha tiġi miċħuda.
Fuq l-ammissibbiltà tal-ilmenti bbażati fuq ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004, tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009 u tad-deċiżjoni A1
– L-argumenti tal-partijiet
28 Sussidjarjament, ir-Renju tal-Belġju jsostni, fl-ewwel lok, li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004 ma huwiex preċiż biżżejjed sa fejn ir-rikors ma jippermettix li jiġi ddeterminat b’mod ċar jekk l-ilment jikkonċernax dan l-Artikolu 11 ikkunsidrat fl-intier tiegħu jew jikkonċernax biss il-paragrafu 1 ta’ dan tal-aħħar. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma tressaq l-ebda argument speċifiku, preċiż u koerenti, marbut ma’ dan il-paragrafu 1.
29 Fit-tieni lok, ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-argumenti invokati fir-rikors sabiex jiġi fondat l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009 huma marbuta biss mal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. Il-Kummissjoni ddeduċiet b’mod tardiv, fir-replika tagħha, ksur tal-Artikolu 5(2) sa (4) tar-Regolament Nru 987/2009 u ksur tal-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004.
30 Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tad-deċiżjoni A1, ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-Kummissjoni, fir-rikors tagħha, issemmi sempliċiment din id-deċiżjoni mingħajr ma tesponi l-motivi ta’ tali ksur.
31 Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda ta’ din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
32 Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li mill-Artikolu 120(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ġurisprudenza stabbilita dwar din id-dispożizzjoni jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika b’mod ċar u preċiż is-suġġett tal-kawża kif ukoll jipprovdi sunt tal-motivi invokati sabiex b’hekk il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jiġu dedotti, b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test innifsu tar-rikors promotur u li t-talbiet ta’ dan tal-aħħar għandhom jiġu fformulati b’mod inekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-233/14, EU:C:2016:396, punti 32 u 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
33 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE, dan għandu jippreżenta l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni kkontestat, u din hija kundizzjoni neċessarja sabiex l-imsemmi Stat ikun jista’ jsostni b’mod effettiv l-eċċezzjonijiet tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-233/14, EU:C:2016:396, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34 Minn dan isegwi li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jkun fih espożizzjoni koerenti u ddettaljata tar-raġunijiet li wassluha għall-konvinzjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattati (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-233/14, EU:C:2016:396, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
35 F’dan il-każ, ir-rikors tal-Kummissjoni jissodisfa r-rekwiżiti tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti preċedenti.
36 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ammissibbiltà tal-ilment marbut mal-ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004, jirriżulta mingħajr ebda ambigwità kemm mit-talbiet tar-rikors kif ukoll mill-ilmenti esposti f’dan tal-aħħar, li r-rikors tal-Kummissjoni għandu bħala s-suġġett tiegħu l-inkompatibbiltà tal-Artikoli 23 u 24 tal-liġi-programm mad-diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni marbuta mal-kollokament tal-ħaddiema. Is-sitwazzjoni tal-ħaddiema kkollokati hija suġġetta għall-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-regolament li jimplementa, għal din il-kategorija ta’ ħaddiema, il-prinċipju li jirregola l-imsemmi regolament, li l-persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istess regolament huma suġġetti biss għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed. Dan il-prinċipju huwa sanċit fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 883/2004. Il-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-artikolu ma jikkonċernawx is-sitwazzjoni tal-ħaddiema kkollokati.
37 Għalkemm huwa veru li fil-kuntest tar-rikors tagħha l-Kummissjoni semmiet b’mod ġenerali l-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li dan ir-rikors jinkludi espożizzjoni ċara tal-elementi fattwali u legali li fuqhom huwa msejjes. Kemm mill-proċedura prekontenzjuża u b’mod partikolari mill-opinjoni motivata mibgħuta mill-Kummissjoni lir-Renju tal-Belġju kif ukoll mill-espożizzjoni tal-kuntest legali u tal-motivi tar-rikors jirriżulta li n-nuqqas allegat fil-konfront ta’ din l-istituzzjoni, sa fejn huwa marbut ma’ dan l-artikolu, jirrigwarda biss il-paragrafu 1 ta’ dan tal-aħħar.
38 Barra minn hekk, mill-atti ppreżentati mir-Renju tal-Belġju jirriżulta li dan tal-aħħar wieġeb għall-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 883/2004. Għaldaqstant, huwa manifest li r-Renju tal-Belġju ma setgħax raġonevolment jiżbalja fuq il-fatt li l-ilmenti tal-Kummissjoni kienu jikkonċernaw il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu u li huwa seta’ jwieġeb b’mod utli għal dawn l-ilmenti.
39 Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ammissibbiltà tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009, jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004 jissuġġetta l-Istati Membri għall-obbligu ġenerali ta’ kooperazzjoni f’każ ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ applikazzjoni ta’ dan l-aħħar imsemmi regolament, inkluż billi jitressaq quddiem il-kummissjoni amministrattiva.
40 L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009 jiddikjara li d-dokumenti stabbiliti mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru li jikkonfermaw is-sitwazzjoni ta’ persuna għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009, kif ukoll l-atti ġustifikattivi u relatati, jorbtu lill-istituzzjonijiet ta’ Stati Membri oħra. Il-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu 5 tar-Reoglament Nru 987/2009 jiddeskrivu l-proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati li għandha tiġi osservata mill-Istat Membru li jkollu dubji dwar il-validità ta’ dawn id-dokumenti jew dwar l-eżattezza tal-fatti li fuqhom jkun imsejjes il-kontenut tagħhom. Dawn l-aħħar imsemmija dispożizzjonijiet b’hekk jispeċifikaw ukoll il-kontenut tal-obbligu ġenerali ta’ kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri, previst fl-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004.
41 F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fil-punt 10 tar-rikors tagħha, tfakkar il-kontenut tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009 kif ukoll dak tal-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004. Barra minn hekk, jirriżulta mingħajr ambigwità mill-espożizzjoni tal-kuntest legali u mill-motivi tar-rikors li huwa allegat li r-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligu tiegħu li josserva l-prinċipji stabbiliti mill-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004, kif speċifikati fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009. Fl-aħħar, kemm mid-dokumenti skambjati matul il-proċedura prekontenzjuża, b’mod partikolari tal-opinjoni motivata mibgħuta mill-Kummissjoni lir-Renju tal-Belġju, kif ukoll mir-rikors tal-Kummissjoni, li din l-istituzzjoni tinvoka nuqqas ta’ osservanza minn dan l-Istat Membru tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009 fl-intier tiegħu.
42 Għaldaqstant, huwa manifest, minn naħa, li r-Renju tal-Belġju, li ma setgħax raġonevolment jiżbalja dwar is-suġġett tal-ilmenti tal-Kummissjoni sa fejn dawn huma marbuta mal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, fl-intier tiegħu, kien f’pożizzjoni li jwieġeb għalihom b’mod utli u, min-naħa l-oħra, li l-argument ibbażat fuq rabta li tgħaqqad lil din id-dispożizzjoni mal-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004 ma ġiex invokat b’mod tardiv.
43 Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-ammissibbiltà tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-deċiżjoni A1, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fil-punt 11 tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni, waqt li tiċċita l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja marbuta maċ-ċertifikat A1, tiddeskrivi l-għan u l-portata ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, minn eżami tal-argumenti kollha mressqa f’dan ir-rikors, partikolarment tal-punti 10 sa 12 ta’ dan tal-aħħar, jirriżulta li l-Kummissjoni esponiet il-motivi li abbażi tagħhom hija ilmentat li dan l-Istat Membru kiser il-proċeduri previsti fid-deċiżjoni A1.
44 Minn dak li ntqal jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mir-Renju tal-Belġju kontra l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004, tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009 u tad-deċiżjoni A1 ma hijiex fondata u għandha tiġi miċħuda.
45 Għaldaqstant, ir-rikors huwa ammissibbli.
Fuq il-mertu
L-argumenti tal-partijiet
46 Il-Kummissjoni tfakkar fir-rikors tagħha, preliminarjament, li l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004 jistabbilixxi prinċipju bażiku, li l-persuni li għalihom japplika dan ir-regolament huma fil-prinċipju suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed. Fir-rigward tal-ħaddiema kkollokati, il-Kummissjoni tenfasizza li dawn tal-aħħar jibqgħu suġġetti, skont ir-regola stabbilita fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 883/2004, għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih dawn normalment jeżerċitaw l-attività tagħhom, fejn dan tal-aħħar jipprovdi lill-imsemmija ħaddiema ċertifikat A1 li għandu l-għan li jikkonferma l-istatus tagħhom ta’ persuni assigurati f’dan l-Istat Membru.
47 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009 jipprovdi li d-dokumenti stabbiliti mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra sakemm dawn ma jiġux irtirati jew iddikjarati invalidi mill-Istat Membru li fih ikun ġew stabbiliti.
48 Hija żżid li, f’każ ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 li jistgħu jpoġġu f’dubju d-drittijiet tal-persuni koperti minn dan tal-aħħar, l-Artikolu 76 ta’ dan l-aħħar imsemmi regolament jipprovdi li l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru tal-kollokament għandha tidħol f’kuntatt ma’ dik tal-Istat Membru tal-oriġini u, f’nuqqas ta’ soluzzjoni f’terminu raġonevoli, il-każ jista’ jitressaq quddiem il-kummissjoni amministrattiva.
49 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, fis-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere (C-2/05, EU:C:2006:69, punti 24 u 25), li ċ-ċertifikat A1, sa fejn joħloq preżunzjoni ta’ regolarità tal-affiljazzjoni tal-ħaddiema kkollokati fl-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-impriża li tkun ikkollokat dawn il-ħaddiema, jorbot lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih jiġu kkollokati dawn il-ħaddiema u jimplika neċessarjament li l-iskema ta’ dan l-aħħar imsemmi Stat Membru ma tistax tapplika.
50 Skont il-Kummissjoni, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-adozzjoni tal-Artikoli 23 u 24 tal-liġi-programm tmur kontra l-Artikoli 11, 12 u 76 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009 kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.
51 Fir-rigward tal-argument tar-Renju tal-Belġju, imressaq matul il-proċedura prekontenzjuża, li dan l-Istat Membru huwa obbligat jadotta l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali minħabba r-rekwiżiti naxxenti mid-dictum fraus omnia corrumpit u mill-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni tal-abbuż mil-liġi, il-Kummissjoni ssostni li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ ta’ suspett ta’ aġir abbużiv jew frawdolenti, l-Istati Membri ikunu suġġetti għal obbligi importanti. B’hekk, sabiex jirrifjutaw liċ-ċittadini tal-Unjoni l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, il-qrati ta’ Stat Membru għandhom mhux biss jieħdu inkunsiderazzjoni l-istanzi ta’ aġir abbużiv jew frawdolenti fuq bażi ta’ każ b’każ, iżda wkoll jibbażaw ruħhom fuq elementi oġġettivi u jevalwaw tali istanzi ta’ aġir filwaqt li jieħdu kont tal-għanijiet segwiti mid-dispożizzjonijiet ikkonċernati tad-dritt tal-Unjoni.
52 Issa, il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 50 tas-sentenza odjerna jirregolaw b’mod preċiż u ddettaljat il-modalitajiet ta’ kooperazzjoni f’każ ta’ suspett ta’ frodi jew ta’ abbuż b’tali mod li ma hemmx lok li ssir deroga mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni abbażi tal-prinċipju fraus omnia corrumpit.
53 Barra minn hekk, skont din l-istituzzjoni, il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali jirrikjedi li, sakemm ma jiġix irtirat jew iddikjarat invalidu mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li jkun ħarġu, iċ-ċertifikat A1 jorbot lill-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u lill-qrati tal-Istat Membru li fih ikunu kkollokati l-ħaddiema kkonċernati, sa fejn dan ikun jikkonferma l-affiljazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema fl-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-impriża tagħhom. L-adozzjoni unilaterali tal-Artikoli 23 u 24 tal-liġi-programm tkun tikser dan il-prinċipju kif ukoll il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri, sanċit fl-Artikolu 4(3) TUE.
54 Għall-istess raġunijiet, il-Kummissjoni tiċħad l-argument imressaq mir-Renju tal-Belġju li l-fatt waħdu li r-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 stabbilixxew proċeduri ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni speċifiċi f’każ ta’ suspett ta’ frodi jew ta’ abbuż mil-liġi ma jistax iċaħħad lill-Istati Membri mill-possibbiltà li jiġġieldu tali frodi jew tali abbuż b’mezzi oħra.
55 L-Irlanda, li intervjeniet insostenn tal-Kummissjoni, tenfasizza b’mod partikolari li l-imsemmija regolamenti jistabbilixxu sistema ta’ indikazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, b’osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li hija msejsa fuq ir-regola tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli u ta’ rikonoxximent taċ-ċertifikat A1. Barra minn hekk, hija prevista wkoll sistema ta’ riżoluzzjoni tal-kunflitti.
56 Fir-rigward tal-prinċipju fraus omnia corrumpit, l-Irlanda ssostni li, bi skans ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tali prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jippermettix li jimmina dispożizzjonijiet espressi u inambigwi mingħajr ma tkun ikkontestata l-validità tagħhom.
57 Ir-Renju tal-Belġju fir-risposta tiegħu jispeċifika li l-kunċett ta’ “abbuż marbut mar-regoli maħsuba sabiex tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli fir-[r]egolamenti Ewropej ta’ koordinazzjoni” ddefinit fl-Artikolu 23 tal-liġi-programm, jinkludi element materjali u element intenzjonali.
58 Jiġu kklassifikati b’mod partikolari bħala eżempji ta’ “frodi”, ċertifikati A1 foloz, kollokamenti ta’ residenti Belġjani fi tmiem il-perijodu ta’ aġġustament tas-sigurtà soċjali Belġjana, kollokamenti mhux interrotti li t-tul tagħhom jeċċedi t-terminu massimu ta’ 24 xahar jew l-assenza totali ta’ relazzjoni diretta bejn il-ħaddiem ikkollokat u l-persuna li tħaddmu kif ukoll is-sitwazzjonijiet deskritti fil-gwida prattika imsemmija fl-Artikolu 22 tal-liġi-programm.
59 F’tali sitwazzjonijiet, għandu jiġi pprovat, skont l-Artikolu 23 tal-liġi-programm, il-volontà “li tiġi evitata l-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali Belġjana li kollha tiġi applikata għal din is-sitwazzjoni kieku ġew osservati korrettement id-dispożizzjonijiet regolatorji u amministrattivi [...]”. Għall-kuntrarju, ma jaqgħux taħt dan l-artikolu każijiet ta’ ottimizzazzjoni soċjali jew każijiet li fihom iċ-ċertifikati A1 ikunu jinkludu biss żbalji materjali sempliċi.
60 Barra minn hekk, ir-Renju tal-Belġju jispeċifika li l-prova ta’ abbuż, fis-sens tal-Artikolu 24(1) tal-liġi-programm, tista’ tiġi prodotta biss wara eżami, imwettaq fuq il-bażi ta’ każ b’każ, tal-elementi oġġettivi.
61 Għalhekk, ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-Artikoli 23 u 24 tal-liġi-programm japplikaw biss fl-ipoteżijiet rari li fihom l-awtoritajiet jew il-qrati Belġjani kompetenti jaslu sabiex jirrikonoxxu każ ta’ frodi li tkun wasslet għall-ħruġ ta’ ċertifikat A1 mingħajr ma jkunu ġew osservati d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 883/2004 u 987/2009, bl-intenzjoni ta’ evażjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli skont dawn id-dispożizzjonijiet, jiġifieri l-leġiżlazzjoni Belġjana. Għaldaqstant ma hijiex korretta d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, li d-dispożizzjonijiet ikkontestati huma intiżi li jannullaw ċertifikat A1.
62 Ir-Renju tal-Belġju jsostni wkoll li peress li d-djalogu bejn l-Istati Membri dwar l-irtirar taċ-ċertifikati A1 ma kienx jiffunzjona b’mod sodisfaċenti fid-dawl tal-qafas bażiku u frammentarju ħafna eżistenti, huwa neċessarju li jiġu pprovduti mezzi effettivi sabiex tiġi miġġielda l-frodi.
63 Filwaqt li jfakkar sussegwentement l-importanza tal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, li l-leġiżlazzjoni li tapplika hija dik tal-Istat tal-impjieg kif ukoll l-eċċezzjoni għal dan il-prinċipju prevista għall-ħaddiema kkollokati, ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-ħaddiem li jibbenefika b’mod frawdolenti minn din l-eċċezzjoni jiġi trattat b’mod iktar favorevoli mill-persuni l-oħra li jkunu rreklutati fit-territorju tal-Istat Membru tal-impjieg.
64 Ir-Renju tal-Belġju jsostni wkoll li l-applikazzjoni tas-sistema ta’ kunflitt tal-liġijiet stabbilita bir-Regolament Nru 1408/71 u riprodotta mir-Regolament Nru 883/2004 tiddependi biss fuq is-sitwazzjoni oġġettiva li fiha jkun tinsab il-ħaddiem ikkonċernat. Issa, l-applikazzjoni frawdolenti tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 883/2004 twassal sabiex l-assigurati soċjali jingħataw dritt ta’ għażla bi ksur tan-natura imperattiva tar-regoli ta’ kunflitt.
65 Fir-rigward tal-prinċipju ġenerali fraus omnia corrumpit, ir-Renju tal-Belġju, waqt li jibbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll fuq id-duttrina, isostni li Stat Membru ma jistax jadotta miżuri ta’ eżekuzzjoni tar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 li jiksru tali prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant meta jiġu ffaċċjati b’sitwazzjonijiet frawdolenti, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali għandhom jkunu awtorizzati jadottaw miżuri korrettivi immedjati.
66 Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-ilment ibbażat fuq ksur tad-deċiżjoni A1, ir-Renju tal-Belġju, filwaqt li jagħmel riferiment għas-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1992, Knoch (C-102/91, EU:C:1992:303), isostni li din id-deċiżjoni ma tikkostitwixxix att ta’ natura normattiva u li, konsegwentement, l-inosservanza tagħha ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.
67 Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament Nru 883/2004, ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-awtoritajiet u l-qrati Belġjani huma awtorizzati, fil-kuntest ta’ applikazzjoni korretta tar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009, jirrifjutaw “il-benefiċċju tal-vantaġġ offrut” mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 883/2004, meta dan il-benefiċċju jiġi invokat b’mod frawdolenti. F’dan ir-rigward, ir-Renju tal-Belġju jiċħad l-argument invokat mill-Kummissjoni li l-eżistenza ta’ proċeduri ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni u l-forza vinkolanti taċ-ċertifikati A1 iwaqqfu l-applikazzjoni tal-prinċipju fraus omnia corrumpit.
68 Fir-rigward ta’ ksur possibbli tal-prinċipju li skontu l-benefiċjarji tar-Regolament Nru 883/2004 huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss, ir-Renju tal-Belġju jsostni li huwa possibbli li, f’każ ta’ frodi, l-istituzzjoni allegatament kompetenti ma tkun qatt ħarġet l-imsemmi ċertifikat A1, li l-ħaddiem ma jkunx suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat u li fir-realtà ma jibbenefika minn ebda protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali. F’tali ipoteżi, ma jkunx hemm ksur ikkaratterizzat ta’ dan il-prinċipju. Barra minn hekk, il-kostruzzjonijiet frawdolenti jwasslu għal sitwazzjonijiet ta’ kompetizzjoni żleali u ta’ dumping soċjali. B’hekk, l-applikazzjoni tal-Artikoli 23 u 24 tal-liġi-programm tiggarantixxi “dritt għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u vantaġġi soċjali” fis-sens tal-Artikolu 34(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
69 Anki fil-każ li l-persuna kkonċernata tkun diġà suġġetta għas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru tal-istituzzjoni tal-ħruġ, l-issuġġettar għas-sigurtà soċjali Belġjana ma twassalx għal issuġġettar doppju peress li l-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament Nru 987/2009 jipprovdi espressament li, f’każ ta’ diżgwid bejn żewġ Stati Membri dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, il-persuna kkonċernata tkun suġġetta provviżorjament għal-leġiżlazzjoni ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ Stati Membri. F’tali każ, għandha tipprevali l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih il-persuna teżerċita effettivament attività ekonomika, dment li din tkun taħdem fi Stat Membru wieħed biss.
70 Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009, ir-Renju tal-Belġju kkunsidra li, peress li l-applikazzjoni tas-sistema tal-kunflitti tal-liġijiet stabbilita bir-Regolament Nru 883/2004 tiddependi fuq is-sitwazzjoni oġġettiva li jkun jinsab fiha l-ħaddiem ikkonċernat, f’każ li l-awtoritajiet kompetenti u l-qrati li jkollhom ġurisdizzjoni jikkonstataw li ċertifikat A1 huwa falz jew li aġir frawdolenti wassal għall-ħruġ tal-tali dokument, il-preżunzjoni ta’ regolarità tal-afflijazzjoni tal-ħaddiema kkollokati għanda titqies bħala kkonfutata.
71 Barra minn hekk, skont ir-Renju tal-Belġju, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma esprimietx ruħha fuq il-kwistjoni dwar jekk tali dokumenti jorbutx, b’mod assolut, lill-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u lill-qrati tal-Istat Membru li fih ikunu kkollokati l-ħaddiema, anki jekk dawn id-dokumenti jkunu foloz jew ikunu nkisbu b’mod frawdolenti. Għaldaqstant huwa tal-opinjoni li, meta jiġi pprovat li ċ-ċertifikati A1 nkisbu b’mod frawdolenti jew li huma foloz, dawn id-dokumenti ma għandhomx jibbenefikaw mill-preżunzjoni ta’ regolarità tal-afflijazzjoni tal-ħaddiema kkollokati u, konsegwentement, jorbtu lill-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u l-qrati tal-Istat Membru li fih ikunu kkollokati l-persuni kkonċernati.
72 Fl-aħħar, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-proċeduri ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni, previsti fl-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004 u fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009, ir-Renju tal-Belġju jikkontesta l-argument imressaq mill-Kummissjoni li l-użu ta’ dawn il-proċeduri huwa l-uniku strument li jista’ jaffaċċja każijiet ta’ frodi, bl-esklużjoni ta’ strumenti oħra, għalkemm ma hijiex eskluża l-applikazzjoni parallela ta’ proċeduri ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni.
73 Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ttenni l-ilmenti mqajma fir-rikors tagħha u żżomm ferma d-dikjarazzjoni li l-Artikoli 23 u 24 tal-liġi-programm jippermettu l-annullament taċ-ċertifikat A1 f’każ ta’ frodi peress li l-applikazzjoni ta’ dawn l-Artikoli twassal għal tibdil tal-leġiżlazzjoni applikabbli.
74 Fir-rigward tal-prinċipju ġenerali fraus omnia corrumpit, il-Kummissjoni tikkonferma li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod espliċitu, fis-sentenza tal-10 ta’ Frar 2000, FTS (C-202/97, EU:C:2000:75, punt 53), li l-Istati Membri ma għandhomx is-setgħa li jiddeċiedu unilateralment li dokument stabbilit mill-Istat Membru li minnu joriġina l-ħaddiem ikkollokat huwa ivvizzjat bi frodi.
75 Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11(1) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 883/2004, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament Nru 987/2009, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-Renju tal-Belġju, japplika fl-ipoteżijiet li fihom ma tkun ġiet iddeterminata l-ebda leġiżlazzjoni applikabbli. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tkun żgurata kopertura tranżitorja għall-persuni kkonċernati u mhux li tiġi imposta kopertura sekondarja obbligatorja bi ksur tal-Artikolu 11(1) tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 883/2004.
76 Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004 u tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009, il-Kummissjoni tispeċifika li r-rikors tagħha ma huwiex intiż sabiex iwaqqaf lir-Renju tal-Belġju milli jiġġieled kontra l-abbuż jew il-manuvri frawdolenti, iżda sabiex jiggarantixxi li jiġu osservati l-proċeduri implementati bir-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009. Issa, fl-eżerċizzju tad-dritt, bl-adozzjoni tal-Artikoli 23 u 24 tal-liġi-programm, li jadotta unilateralment deċiżjonijiet dwar l-issuġġettar għal-leġiżlazzjoni Belġjana tal-ħaddiema kkollokati peress li l-ispetturi u l-istituzzjonijiet proprji tiegħu tas-sigurtà soċjali “kkonfermaw” jew “ipprovaw” każ ta’ frodi, ir-Renju tal-Belġju kiser dawn ir-regolamenti, inkluż il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li, bħala prinċipju ġenerali, jibqa’ applikabbli anki f’każ ta’ suspett ta’ frodi jew ta’ abbuż.
77 Fl-aħħar, fir-rigward tad-deċiżjoni A1, il-Kummissjoni tfakkar li din tal-aħħar tipprevedi b’mod iddettaljat il-modalitajiet tal-proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni stabbilta mill-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 883/2004 u mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009. L-Artikolu 23 tal-liġi-programm ifakkar barra minn hekk l-osservanza neċessarja tal-imsemmija proċedura. Madankollu, skont il-Kummissjoni, id-dritt unilaterali li din id-dispożizzjoni flimkien mal-Artikolu 24 ta’ din l-istess liġi, tagħti lill-istituzzjonijiet Belġjani, jippermetti speċifikament lir-Renju tal-Belġju li ma josservax il-modalitajiet tal-istess proċedura, kif speċifikati fid-deċiżjoni A1.
78 Ir-Renju tal-Belġju, fil-kontroreplika, jikkontesta b’mod partikolari l-qari tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 987/2009 mwettaq mill-Kummissjoni. Skont dan l-Istat Membru, ma jirriżultax mit-test ta’ dan id-dispożizzjoni li din tal-aħħar tista’ tiġi applikata biss f’każ li ma tkunx għadha ġiet iddeterminata l-ebda leġiżlazzjoni applikabbli. Din id-dispożizzjoni hija applikabbli minn meta jinqala’ diżgwid, bejn l-istituzzjonijiet jew l-awtoritajiet taż-żewġ Stati Membri jew iktar, dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Issa, meta l-awtoritajiet kompetenti jew il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni jkunu jridu japplikaw l-Artikoli 23 u 24 tal-liġi-programm, jiġifieri fil-każijiet rari li fihom tiġi pprovata l-frodi, ikun hemm, pereżempju, diżgwid dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
79 Fir-rigward tal-ilmenti bbażati fuq ksur tal-Artikoli 11 u 12 kif ukoll tal-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004 u tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009, jeħtieġ li jiġi rrilevat, preliminarjament, li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2004 li jiddeterminaw il-leġiżlazzjoni applikabbli intiża b’mod partikolari sabiex il-persuni kkonċernati jkunu suġġetti għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed, b’tali mod li jiġu evitati il-kumulazzjonijiet ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minnhom. Dan il-prinċipju huwa sanċit b’mod partikolari fl-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2012, Hudzinski et Wawrzyniak, C-611/10 u C-612/10, EU:C:2012:339, punt 41 kif ukoll, tat-12 ta’ Frar 2015, Bouman, C-114/13, EU:C:2015:81, punt 33).
80 L-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi li l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiem ikkollokat hija dik, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni, tal-Istat Membru li fih il-persuna li timpjega lil dan il-ħaddiem tkun teżerċita normalment l-attività tagħha u mhux dik tal-Istat Membru li fih il-ħaddiem ikun ikkollokat.
81 L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih il-persuna li timpjega normalment teżerċita l-attivitajiet tagħha għandhom jipprovdu ċ-ċertifikat A1 lill-ħaddiem ikkollokat li għandu l-għan li jikkonferma l-kwalità ta’ assigurat ta’ dan il-ħaddiem f’dan l-Istat Membru.
82 L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009 jiddikjara, fir-rigward tal-valur legali tad-dokumenti stabbiliti mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru li jikkonfermaw is-sitwazzjoni ta’ persuna għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009, kif ukoll tal-atti ġustifikattivi marbuta magħhom, li l-imsemmija dokumenti jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra sakemm ma jiġux irtirati jew iddikjarati invalidi mill-Istat Membru fejn ikunu ġew stabbiliti.
83 Skont l-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004, f’każ ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li jistgħu jpoġġu f’dubju d-drittijiet tal-persuni koperti minn dan tal-aħħar, l-istituzzjoni tal-Istat Membru kompetenti jew tal-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna kkonċernata għandha tidħol f’kuntatt mal-istituzzjoni tal-Istat Membru kkonċernat. Fl-assenza ta’ soluzzjoni f’terminu raġonevoli, l-awtoritajiet ikkonċernati jistgħu jressqu l-każ quddiem il-Kummissjoni amministrattiva.
84 Hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004 essenzjalment jirriproduċi l-kontenut tal-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71. Issa, ir-Regolament Nru 883/2004 jżomm fis-seħħ ir-regola tal-issuġġettar tal-ħaddiem ikkollokat għal-leġiżlazzjoni tal-Istat li fih il-persuna li timpjegah normalment teżerċita l-attività tagħha u peress li l-għanijiet segwiti mill-imsemmija regolamenti huma identiċi, jeħtieġ li jsir riferiment, b’analoġija, għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja marbuta mar-Regolament Nru 1408/71.
85 Skont l-imsemmija ġuridprudenza, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih il-persuna li tħaddem normalment teżerċita l-attività tagħha għandha tiddikjara fiċ-ċertifikat A1 li l-iskema tagħha tas-sigurtà soċjali għandha tibqa’ applikabbli għall-ħaddiema kkollokati matul il-perijodu ta’ kollokament. B’dan il-mod, minħabba l-prinċipju li l-ħaddiema għandhom ikunu affiljati fi skema waħda biss ta’ sigurtà soċjali, iċ-ċertifikat A1 neċessarjament jimplika li l-iskema ta’ sigurtà tal-Istat Membru li fih ikun ikkollokat il-ħaddiem ma tistax tapplika (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2000, FTS, C-202/97, EU:C:2000:75, punt 49, u tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere, C-2/05, EU:C:2006:69, punt 21).
86 Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE u l-għanijiet segwiti mill-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004 u mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009 jiġi ppreġudikat, jekk l-Istat Membru li fih ikunu kkollokati l-ħaddiema jadotta leġiżlazzjoni li tawtorizza lill-istituzzjoniijet tiegħu li jikkunsidraw b’mod unilaterali li ma humiex marbuta bil-kontenut tal-imsemmi ċertifikat u jissuġġettaw lil dawn il-ħaddiema wkoll għall-iskema tiegħu ta’ sigurtà soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2000, FTS, C-202/97, EU:C:2000:75, punt 52, tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere, C-2/05, EU:C:2006:69, punt 23 u tas-6 ta’ Frar 2018, Altun et, C-359/16, EU:C:2018:63, punt 38).
87 Konsegwentement, iċ-ċertifikat A1, sa fejn joħloq preżunzjoni ta’ regolarità tal-affiljazzjoni tal-ħaddiema kkollokati fl-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-impriża li tkun ikkollokat lil dawn il-ħaddiema, jorbot, fil-prinċipju, lill-istituzzjoni komptenti tal-Istat Membru li fih ikunu kkollokati dawn il-ħaddiema (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2000, FTS, C-202/97, EU:C:2000:75, punt 53, tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere, C-2/05, EU:C:2006:69, punt 24, u tas-27 ta’ April 2017, A-Rosa Flussschiff, C-620/15, EU:C:2017:309, punt 41).
88 Is-soluzzjoni kuntrarja tkun tali li tikser il-prinċipju ta’ affiljazzjoni tal-persuni impjegati fi skema waħda biss ta’ sigurtà soċjali, u tkun ta’ ħsara għall-prevedibbiltà tal-iskema applikabbli u, b’hekk, għaċ-ċertezza legali. Fil-fatt, f’każijiet fejn ikun diffiċli li tiġi ddeterminata l-iskema applikabbli, kull waħda mill-istituzzjonijiet kompetenti taż-żewġ Stati Membri kkonċernati jkollha t-tendenza li tikkunsidra, għad-detriment tal-ħaddiema kkonċernati, li l-iskema ta’ sigurtà soċjali tagħha tkun applikabbli għalihom (sentenzi tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere, C-2/05, EU:C:2006:69, punt 25, u tas-27 ta’ April 2017, A-Rosa Flussschiff, C-620/15, EU:C:2017:309, punt 42).
89 Madankollu, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE jobbliga lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li toħroġ iċ-ċertifikat A1 li twettaq evalwazzjoni korretta tal-fatti rilevanti għall-applikazzjoni tar-regoli marbuta mad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali u, għaldaqstant, li tiggarantixxi l-korrettezza tal-kontenut ta’ dan iċ-ċertifikat (sentenzi tas-27 ta’ April 2017, A-Rosa Flussschiff, C-620/15, EU:C:2017:309, punt 39, u tas-6 ta’ Frar 2018, Altun et, C-359/16, EU:C:2018:63, punt 37).
90 Barra minn hekk, hija din l-istituzzjoni li għandha tikkunsidra mill-ġdid il-fondatezza ta’ dan il-ħruġ, u jekk ikun il-każ, li tirtira dan iċ-ċertifikat A1 meta l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu kkollokati l-ħaddiema turi dubji dwar l-eżattezza tal-fatti li huma l-bażi tal-imsemmi dokument u, għalhekk, tal-fatti li jinsabu fih, b’mod partikolari għaliex dawn ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Frar 2018, Altun et, C-359/16, EU:C:2018:63, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
91 Fl-ipoteżi li l-istituzzjonijiet ikkonċernati ma jaslux għal qbil bejniethom, partikolarment dwar l-evalwazzjoni tal-fatti marbuta ma’ sitwazzjoni speċifika, huma jistgħu jressqu l-każ quddiem il-kummissjoni amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Frar 2018, Altun et, C-359/16, EU:C:2018:63, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
92 Jekk din ta’ l-aħħar ma tasalx biex tirrikonċilja l-perspettivi tal-istituzzjonijiet kompetenti fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli f’dak il-każ, l-Istat Membru li fih huma kkollokati l-ħaddiema kkonċernati dejjem jista’, u dan bla ħsara għar-rimedji possibbli ta’ natura ġuridika li jeżistu fl-Istat Membru li għalih tappartjeni l-istituzzjoni li ħarġet iċ-ċertifikat, jiftaħ proċeduri għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, skont l-Artikolu 259 TFUE, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżamina, meta jsir tali rikors, il-kwistjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-imsemmija ħaddiema u, b’hekk, l-eżattezza tal-kontenut taċ-ċertifikat A1 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Frar 2018, Altun et, C-359/16, EU:C:2018:63, punt 45).
93 B’hekk, f’każ ta’ żball, anki manifest, ta’ evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u anki jekk ikun il-każ li l-kundizzjonijiet tal-attività tal-ħaddiema kkonċernati ma jkunux jidħlu manifestament fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-dispożizzjoni li abbażi tagħha jkun inħareġ iċ-ċertifikat A 1, għandha tiġi osservata l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jiġi riżolt tilwim possibbli bejn l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri kkponċernati marbuta mal-validità u l-eżattezza ta’ ċertifikat A 1 (sentenza tas-6 ta’ Frar 2018, Altun et, C-359/16, EU:C:2018:63, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
94 Li kieku kellu jiġi aċċettat li l-Istat Membru li fih ikun ikkollokat il-ħaddiem jista’ jadotta leġiżlazzjoni li tawtorizza lill-istituzzjonijiet propji tiegħu li b’mod unilaterali jiddikjaraw invalidu ċertifikat A1 billi jiftħu proċeduri quddiem qorti ta’ dan l-istess Stat Membru, dan jista’ jikkomprometti s-sistema bbażata fuq il-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri. Għaldaqstant, sakemm ma jiġix irtirat jew iddikjarat invalidu, iċ-ċertifikat A1 għandu, fil-prinċipju, jiġi rrispettat fis-sistema ġuridika interna tal-Istat Membru li fih jiġu kkollokati l-ħaddiema kkonċernati u, b’hekk, jorbot l-istituzzjonijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere, C-2/05, EU:C:2006:69, punti 30 u 31).
95 Konsegwentement, leġiżlazzjoni, bħall-Artikoli 23 u 24 tal-liġi-programm, li tawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju tal-Belġju li jissuġġettaw b’mod unilaterali ħaddiem għal-leġiżlazzjoni Belġjana fil-qasam tas-sigurtà soċjali tmur kontra l-prinċipju tal-affiljazzjoni tal-ħaddiema impjegati għal skema ta’ sigurtà soċjali waħda, stabbilit fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 883/2004, kif ukoll kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali li jirrikjedi, b’mod partikolari, li l-leġiżlazzjoni għandha tkun ċara, preċiża u prevedibbli fl-effetti tagħha, partikolarment meta din jista’ jkollha konsegwenzi sfavorevoli fil-konfront tal-individwi u l-impriżi (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Test Claimants in the Franked Investment Income Group Litigation, C-362/12, EU:C:2013:834, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
96 Barra minn hekk, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni lanqas ma hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 883/2004 u 987/20009 li jirregolaw il-proċedura li għandha tiġi segwita f’każ ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, b’mod partikolari meta l-Istat Membru li fih ikun ikkollokat il-ħaddiem iqis li ma humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004.
97 Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument invokat mir-Renju tal-Belġju li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru huma, fil-preżenza ta’ frodi stabbilit, awtorizzati li jirrifjutaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004.
98 Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament jew tar-Regolament Nru 987/2009 ma tinkludi awtorizzazzjoni sabiex l-Istati Membri jipprovdu unilateralment, b’mezzi leġiżlattivi, għan-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004 f’każ ta’ frodi jew ta’ abbuż, b’tali mod li għandu japplika anki f’tali każijiet, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li huwa sanċit fl-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009.
99 Ċertament, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-individwi ma jistgħux b’mod frawdolenti jew abbużivament jipprevalixxu ruħhom minn regoli tal-Unjoni, peress li l-prinċipju tal-projbizzjoni tal-frodi u tal-abbuż tad-dritt, espress minn din il-ġurisprudenza, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-osservanza tiegħu hija meħtieġa mill-individwi. Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri l-operazzjonijiet li jitwettqu bil-għan li jibbenefikaw b’mod frawdolenti jew abbużivament mill-vantaġġi previsti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-6 ta’ Frar 2018, Altun et, C-359/16, EU:C:2018:63, punti 48 u 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
100 F’dan ix-xenarju, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li meta, fil-kuntest ta’ djalogu previst fl-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004, l-istituzzjoni tal-Istat Membru li fih ġew ikkollokati l-ħaddiema tadixxi lill-istituzzjoni li tkun ħarġet iċ-Ċertifikati A1 b’elementi konkreti li jagħtu x’wieħed jaħseb li dawn iċ-ċertifikati nkisbu b’mod frawdolenti, hija t-tieni istituzzjoni, skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, li għandha teżamina mill-ġdid, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-fondatezza tal-ħruġ tal-imsemmija ċertifikati u, jekk ikun il-każ, li tirtirahom, (sentenza tas-6 ta’ Frar 2018, Altun et, C-359/16, EU:C:2018:63, punt 54).
101 Jekk din l-aħħar istituzzjoni tastjeni milli tipproċedi għal tali eżami mill-ġdid f’terminu raġonevoli, l-imsemmija provi għandhom ikunu jistgħu jiġu invokati fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja bil-għan li tinkiseb mill-qorti tal-Istat Membru li fih ġew ikkollokati l-ħaddiema li tinjora ċ-ċertifikati inkwistjoni (sentenza tas-6 ta’ Frar 2018, Altun et, C-359/16, EU:C:2018:63, punt 55)
102 F’każ bħal dak, il-qorti nazzjonali tista’ teskludi ċ-ċertifikati A1 ikkonċernati u għandha tiddetermina jekk il-persuni ssuspettati li użaw ħaddiema kkollokati koperti minn ċertifikati miksuba b’mod frawdolenti jistgħux jinżammu responsabbli abbażi tad-dritt nazzjonali applikabbli (sentenza tas-6 ta’ Frar 2018, Altun et, C-359/16, EU:C:2018:63, punt 60).
103 Madankollu, il-persuni li huma akkużati, fil-kuntest ta’ tali proċedura, li użaw ħaddiema kkollokati bl-iskuża ta’ ċertifikati miksuba b’mod frawdolenti għandhom madankollu jkollhom il-possibbiltà li jikkontestaw il-provi li fuqhom hija bbażata din il-proċedura, bl-osservanza tal-garanziji marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq, qabel ma l-qorti nazzjonali tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, li teskludi dawn iċ-ċertifikati u tiddeċiedi fuq ir-responsabbiltà tal-imsemmija persuni skont id-dritt nazzjonali applikabbli (sentenza tas-6 ta’ Frar 2018, Altun et, C-359/16, EU:C:2018:63, punt 56).
104 Issa, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fil-każ odjern, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kontenzjuża ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet deskritti fil-punti 100 u 101 tas-sentenza odjerna.
105 Fil-fatt, minn naħa, din il-leġiżlazzjoni ma tipprevedi l-ebda obbligu sabiex tinbeda proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni prevista mir-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija leġiżlazzjoni ma ma hijiex limitata sabiex tagħti lil qorti nazzjonali waħda s-setgħa li tikkonstata l-eżistenza ta’ frodi u li, għal din ir-raġuni, tinjora ċertifikat A 1 iżda tipprovdi li, lil hinn minn kull proċedura ġudizzjarja, l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali Belġjani kif ukoll l-ispetturi soċjali Belġjani għandhom jiddeċiedu li jissuġġettaw il-ħaddiema kkollokati għal-leġiżlazzjoni Belġjana fil-qasam tas-sigurtà soċjali.
106 Fit-tieni lok, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li Stat Membru ma jistax jiġġustifika l-ineżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu skont it-Trattat biċ-ċirkustanza li l-Istati Membri l-oħra ukoll jonqsu mill-obbligi tagħhom. Fil-fatt, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni stabbilit mit-Trattat FUE, l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri ma tistax tiġi suġġetta għal kundizzjoni ta’ reċiproċità. L-Artikoli 258 u 259 TFUE jipprovdu r-rimedji adegwati sabiex jiġu indirizzati nuqqasijiet tal-Istati Membri li jwettqu l-obbligi tagħhom naxxenti mit-Trattat FUE (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-118/07, EU:C:2009:715, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
107 Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument li l-kwadru legali tal-irtirar taċ-ċertifikati A1 huwa bażiku u frammentarju b’tali mod li l-Istati Membri jaffaċċjaw diffikultajiet meta jkollhom jadottaw miżuri immedjati sabiex jissanzjonaw il-frodi, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, għalkemm ma huwiex eskluż li l-proċedura ta’ kooperazzjoni u ta’ konċiljazzjoni mhux dejjem tiffunzjona b’mod sodisfaċenti u mingħajr intoppi fil-prattika, madankollu l-Istati Membri ma jistgħux madankollu mid-diffikultajiet possibbli li jinqalgħu sabiex tinġabar l-informazzjoni rikjesta u mill-karenzi li jistgħu jimmaterjalizzaw fil-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet kompetenti tagħhom, jisiltu ġustifikazzjoni għall-inosservanza tal-obbligi tagħhom naxxenti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-383/10, EU:C:2013:364, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
108 Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument invokat mir-Renju tal-Belġju li, anki fil-każ li l-persuna kkonċernata tkun diġà suġġetta għas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru tal-istituzzjoni tal-ħruġ, l-issuġġettar għas-sigurtà soċjali Belġjana ma twassalx għal issuġġettar doppju sa fejn, skont l-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament Nru 987/2009 peress li l-persuna kkonċernata tiġi ssuġġettata provviżorjament għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih hija effettivament teżerċita attività ta’ xogħol bħala impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li tali interpretazzjoni tirrendi l-Artikolu 5(2) sa (4) tal-istess regolament mingħajr ebda skop. Fil-fatt, fil-preżenza ta’ dokument stabbilit skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament u f’każ ta’ diżgwid dwar dan id-dokument bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri differenti, għandha tiġi applikata l-proċedura prevista mill-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu filwaqt li hija eskluża l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 987/2009.
109 F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li jintlaqgħu l-ilmenti tal-Kummissjoni bbażati fuq in-nuqqas tar-Renju tal-Belġju li jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 11(1), l-Artikolu 12(1) kif ukoll l-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004 kif ukoll skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009.
110 Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tad-deċiżjoni A1, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li tali deċiżjoni, filwaqt li tista’ tipprovdi għajnuna lill-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkarigati japplikaw id-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, ma hijiex ta’ natura li tobbliga lil dawn l-istituzzjonijiet li jsegwu ċerti metodi jew li jadottaw ċerti interpretazzjonijiet meta huma jipproċedu bl-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1992, Knoch, C-102/91, EU:C:1992:303, punt 52, kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 1992, Grisvard u Kreitz, C-201/91, EU:C:1992:368, punt 25).
111 Għaldaqstant, peress li d-deċiżjoni A1 ma hijiex ta’ natura normattiva, ma jistax jiġi allegat li r-Renju tal-Belġju, bl-adozzjoni tal-Artikoli 23 u 24 tal-liġi-programm, kiser din id-deċiżjoni.
112 F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq ksur tad-deċiżjoni A1.
113 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi adotta l-Artikoli 23 u 24 tal-liġi-programm, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 11(1), l-Artikolu 12(1) kif ukoll l-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004 kif ukoll skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009.
Fuq l-ispejjeż
114 Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li ġie kkonstatat li r-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, dan għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż kif mitluba mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Billi adotta l-Artikoli 23 u 24 tal-liġi-programm, tas-27 ta’ Diċembru 2012, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 11(1), l-Artikolu 12(1) kif ukoll l-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 465/2012, tat-22 ta’ Mejju 2012, kif ukoll skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlement Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.
2) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
3) Ir-Renju tal-Belġju huwa kkundannat għall-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.