Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
7 ta’ Marzu 2017 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Punt 6 tal-Anness III – Validità – Proċedura – Emenda ta’ proposta għal direttiva tal-Kunsill wara opinjoni mogħtija mill-Parlament – Assenza ta’ konsultazzjoni ġdida mal-Parlament – Artikolu 98(2) – Validità – Esklużjoni tal-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT għall-provvista ta’ kotba diġitali b’mod elettroniku – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Komparabbiltà ta’ żewġ sitwazzjonijiet – Provvista ta’ kotba diġitali b’mod elettroniku u fuq kull tip ta’ mezz fiżiku”
Fil-Kawża C-390/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Trybunał Konstytucyjny (qorti kostituzzjonali, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Lulju 2015, fil-proċedura mibdija minn
Rzecznik Praw Obywatelskich (RPO)
fil-preżenza ta’:
Marszałek Sejmu Rzeczypospolitej Polskiej,
Prokurator Generalny,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta u L. Bay Larsen, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský (Relatur), J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, M. Safjan, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund, C. Vajda u S. Rodin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2016,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għar-Rzecznik Praw Obywatelskich (RPO), minn A. Bodnar, Rzecznik Praw Obywatelskich, kif ukoll M. Wróblewski u A. Grzelak, bħala aġenti,
– għall-Prokurator Generalny, minn R. Hernand, bħala aġent,
– għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna kif ukoll minn A. Miłkowska u K. Maćkowska, bħala aġenti,
– għall-Gvern Elleniku, minn K. Georgiadis u S. Papaïoannou, bħala aġenti,
– għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn E. Moro u E. Chatziioakeimidou kif ukoll minn K. Pleśniak, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 98(2) u tal-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/47/KE, tal-5 ta’ Mejju 2009 (ĠU 2009, L 116, p. 18) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/112 emendata”).
2 Din it-talba tressqet wara l-preżentata, mir-Rzecznik Praw Obywatelskich (ombudsman, il-Polonja), ta’ rikors intiż li jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ konformità mal-kostituzzjoni Pollakka ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jeskludu l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għall-provvista ta’ kotba u ta’ pubblikazzjonijiet diġitali oħra b’mod elettroniku.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Is-Sitt Direttiva
3 L-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/4/KE, tad-19 ta’ Jannar 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 341), kien jipprevedi li:
“Ir-rata standard tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandha tiġi ffissata minn kull wieħed mill-Istati Membri bħala perċentaġġ fuq l-ammont taxxabbli u għandha tkun l-istess għall-provvista ta’ l-oġġetti u għall-provvista tas-servizzi. Mill-1 ta’ Jannar, 2001 sal-31 ta’ Diċembru, 2005, dan il-perċentaġġ ma jistax ikun inqas minn 15 %.
[...]
L-Istati Membri jistgħu wkoll japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsin. Dawn ir-rati għandhom jiġu ffissati bħala perċentaġġ ta’ l-ammont taxxabbli, li ma jistax ikun inqas minn 5 %, u għandu japplika biss għall-provvisti tal-kategoriji ta’ l-oġġetti u tas-servizzi speċifikati fl-Anness H.”
4 Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/38/KE, tas-7 ta’ Mejju 2002, li temenda temporanjament id-Direttiva 77/388/KEE fir-rigward tal-aġġustamenti fit-taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli fuq is-servizzi tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni u xi servizzi forniti b’mezzi elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 358):
“Id-Direttiva 77/388/KEE hi hawnhekk emendata temporanjament kif ġej:
1. fl-Artikolu 9:
(a) fil-paragrafu (2)(e), il-virgola għandha tibdel il-punt ta’ l-aħħar u jiżdiedu l-inċiżi li ġejjin:
– ‘[...]
– servizzi forniti b’mezzi elettroniċi, fost ħwejjeġ oħra, dawk deskritti fl-Anness L’[;]
[...]
2. fl-Artikolu 12(3)(a), ir-raba’ subparagrafu li ġej għandu jkun miżjud:
– ‘It-tielet subparagrafu m’għandux japplika għas-servizzi msemmija fl-aħħar inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(e).’”
5 Is-Sitt Direttiva tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2006/112, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007.
Id-Direttiva 2006/112
6 L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112 emendata jipprevedi li:
“‘Provvista ta’ merkanzija’ għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli.”
7 L-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li:
“‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix[xix] provvista ta’ merkanzija.”
8 Skont l-Artikolu 25 tal-imsemmija direttiva:
“Provvista ta’ servizzi tista’ tikkonsisti, inter alia, f’waħda mit-Transazzjonijiet li ġejjin:
(a) l-assenjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli kemm jekk hija u kemm jekk mhix soġġetta għal att li jistabbilixxi titolu;
[...]”
9 L-Artikolu 96 tad-Direttiva 2006/112 emendata jipprevedi li:
“L-Istati Membri għandhom japplikaw rata standard ta’ VAT, li għandha tiġi ffissata minn kull Stat Membru bħala persentaġġ ta’ l-ammont taxxabbli u li għandha tkun l-istess għall-provvista ta’ merkanzija u għall-provvista ta’ servizzi.”
10 L-Artikolu 98(1) u (2) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:
“1. L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa.
2. Ir-rati mnaqqsa għandhom japplikaw biss għall-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III.
Ir-rati mnaqqsa m’għandhomx japplikaw għas-servizzi fornuti b’mezzi elettroniċi.”
11 Il-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112, fil-verżjoni tagħha qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2009/47, kien jipprevedi li:
“[I]l–provvista, inkluż b’self mil-libreriji, ta’ kotba (inklużi opuskoli, fuljetti u oġġetti simili stampati, kotba għat-tfal bl-istampi, tat-tpinġija jew tat-tpinġija bil-kulur, mużika stampata jew f’forma ta’ manuskritt, mapep u mapep idrografiċi jew mapep simili), gazzetti u rivisti, li mhumiex materjal iddedikat kollu kemm hu jew b’mod sostanzjali għar-reklamar”.
12 Fis-7 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112 fir-rigward ta’ rati mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud [KUMM (2008)428 finali, iktar ’il quddiem il-“proposta għal direttiva”], li kienet tipprevedi li l-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112, fil-verżjoni tagħha qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2009/47, jiġi ssostitwit bit-test li ġej:
“[F]orniment, inkluż b’self minn libreriji, ta’ kotba (inklużi brochures, leaflets [...] [u] materjal stampat ieħor, kotba tat-tfal, ta’ l-istampi, tat-tpinġija jew tal-kulur, mużika stampata jew f’forma ta’ manuskritt, mapep u ċarts idrografiċi jew ċarts simili[)], kif ukoll audio books[,] CD, CD-ROMs jew kull bażi [mezz] fiżika simili li b’mod predominanti tirriproduċi l-istess kontenut ta’ tagħrif bħall-kotba stampati [...], gazzetti u ġurnali, minbarra materjal li b’mod predominanti jew kompletament huma maħsuba għar-riklamar”.
13 Permezz ta’ riżoluzzjoni leġiżlattiva tad-19 ta’ Frar 2009, il-Parlament Ewropew approva, wara li emendaha, il-proposta għal direttiva. L-ebda waħda mill-emendi adottati mill-Parlament ma kienet tirrigwarda t-test propost mill-Kummissjoni għall-finijiet tas-sostituzzjoni tal-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112, fil-verżjoni tagħha qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2009/47.
14 Fil-5 ta’ Mejju 2009, il-Kunsill approva t-test definittiv tad-Direttiva 2009/47. Il-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 emendata issa huwa fformulat kif ġej:
“[I]l-provvista, inkluż b’self mil-libreriji, ta’ kotba dwar [fuq] il-mezzi fiżiċi kollha ta’ appoġġ (inklużi opuskoli, fuljetti u oġġetti simili stampati, kotba għat-tfal bl-istampi, tat-tpinġija jew tat-tpinġija bil-kulur, mużika stampata jew f’forma ta’ manuskritt, mapep u mapep idrografiċi jew mapep simili), gazzetti u rivisti, li m’humiex materjal iddedikat kollu kemm hu jew b’mod sostanzjali għar-reklamar”.
Id-dritt Pollakk
15 Skont l-Artikolu 146 kif ukoll l-Artikolu 41(2) u (2a) tal-Ustawa o podatku od towarów i usług (liġi dwar it-taxxa fuq il-beni u s-servizzi), tal-11 ta’ Marzu 2004, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (Dz. U. tal-2011, Nru 177, pożizzjoni 1054, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-VAT”), moqrija flimkien mal-pożizzjonijiet 72 sa 75 tal-Anness 3 ta’ din il-liġi kif ukoll mal-pożizzjonijiet 32 sa 35 tal-Anness 10 tal-imsemmija liġi, il-provvista ta’ pubblikazzjonijiet stampati jew fuq mezz fiżiku hija suġġetta għal rata mnaqqsa tal-VAT. Min-naħa l-oħra, it-trażmissjoni ta’ pubblikazzjonijiet b’mod elettroniku ma tibbenefikax minn rata mnaqqsa tal-VAT.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
16 Permezz ta’ rikors ippreżentat fis-6 ta’ Diċembru 2013, l-ombudsman talab lit-Trybunał Konstytucyjny (qorti kostituzzjonali, il-Polonja) tikkonstata n-nuqqas ta’ konformità mal-kostituzzjoni Pollakka, minn naħa, tal-pożizzjonijiet 72 sa 75 tal-Anness 3 tal-liġi dwar il-VAT, moqrija flimkien mal-Artikolu 41(2) ta’ din il-liġi, kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-pożizzjonijiet 32 sa 35 tal-Anness 10 tal-imsemmija liġi, moqrija flimkien mal-Artikolu 41(2a) ta’ din l-istess liġi, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu l-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa tal-VAT biss għall-pubblikazzjonijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni fuq mezz fiżiku, bl-esklużjoni tal-pubblikazzjonijiet trażmessi b’mod elettroniku.
17 Matul il-proċedura fil-kawża prinċipali, il-Marszałek Sejmu Rzeczypospolitej Polskiej (president tal-kamra inferjuri tal-parlament tar-Repubblika tal-Polonja) u l-Prokurator Generalny (uffiċċju tal-prosekutur, il-Polonja) enfasizzaw li, peress li d-dispożizzjonijiet tal-liġi Pollakka inkwistjoni ġew adottati sabiex l-Artikolu 98(2) u l-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 emendata jiġu trasposti fid-dritt nazzjonali, il-leġiżlatur Pollakk ma setax jitbiegħed minnhom mingħajr ma jikser l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. L-istess opinjoni ġiet sostnuta mill-membri tal-Gvern Pollakk li ġew mistiedna mill-qorti tar-rinviju sabiex jesprimu l-opinjoni tagħhom f’din il-kawża.
18 Il-qorti tar-rinviju tqis li hemm madankollu raġunijiet li jqiegħdu inkwistjoni l-validità ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 emendata.
19 L-ewwel nett, din il-qorti tosserva li d-Direttiva 2009/47, li minnha jirriżulta l-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 emendata, tista’ tkun ivvizzjata b’difett proċedurali, sa fejn dan il-punt huwa differenti, fil-formulazzjoni tiegħu, mit-test tal-proposta għal direttiva li kienet intbagħtet lill-Parlament.
20 It-tieni nett, l-imsemmija qorti tqis li l-Artikolu 98(2) tad-Direttiva 2006/112 emendata, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, jista’ jmur kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Fil-fatt, filwaqt li l-kotba diġitali mqiegħda għad-dispożizzjoni fuq mezz fiżiku u dawk trażmessi b’mod elettroniku għandhom karatteristiċi analogi u jissodisfaw l-istess bżonnijiet tal-konsumaturi, l-imsemmi Artikolu 98(2) jawtorizza l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT biss fir-rigward tal-provvista ta’ kotba diġitali fuq mezz fiżiku.
21 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Trybunał Konstytucyjny (qorti kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Il-punt 6 tal-Anness III tad-[Direttiva 2006/112 emendata] [...] huwa invalidu għar-raġuni li l-proċedura leġiżlattiva kienet ivvizzjata bi ksur tal-forom proċedurali essenzjali [sostanzjali] minħabba li l-Parlament Ewropew ma ġiex ikkonsultat?
2) L-Artikolu 98(2) tal-imsemmija Direttiva 2006/112 [emendata], moqri flimkien mal-punt 6 tal-Anness III ta’ din l-istess direttiva, huwa invalidu għar-raġuni li jippreġudika l-prinċipju ta’ newtralità fiskali minħabba li jeskludi l-applikazzjoni tar-rati mnaqqsa tat-taxxa għall-kotba elettroniċi u għall-pubblikazzjonijiet elettroniċi l-oħra?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
22 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk il-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 emendata huwiex invalidu għar-raġuni li l-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tiegħu kienet ivvizzjata bi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. Fil-fatt, peress li l-formulazzjoni tal-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 emendata hija differenti mit-test li jinsab fil-proposta għal direttiva li abbażi tagħha l-Parlament ġie kkonsultat, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan tal-aħħar kellux jiġi kkonsultat mill-ġdid.
23 F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 93 TKE, li sar l-Artikolu 113 TFUE, li jipprevedi proċedura leġiżlattiva speċjali, il-Parlament kellu jiġi kkonsultat qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2009/47 u, konsegwentement, qabel is-sostituzzjoni, minn din id-direttiva, tal-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112.
24 Fil-fatt, il-konsultazzjoni regolari mal-Parlament, fil-każijiet previsti mit-Trattat KE, li sar it-Trattat FUE, tikkostitwixxi formalità proċedurali sostanzjali li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha twassal għan-nullità tal-att ikkonċernat (sentenza tal-10 ta’ Mejju 1995, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-417/93, EU:C:1995:127, punt 9).
25 Il-parteċipazzjoni effettiva tal-Parlament fil-proċess leġiżlattiv, skont il-proċeduri previsti mit-Trattat, tirrappreżenta, fil-fatt, element essenzjali tal-bilanċ istituzzjonali mfittex minn dan it-Trattat, u dan sa fejn il-kompetenza tal-Parlament tikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipju demokratiku fundamentali li jipprovdi li l-popli għandhom jipparteċipaw fl-eżerċizzju tal-poter permezz ta’ assemblea rappreżentattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 1995, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-21/94, EU:C:1995:220, punt 17, u tal-10 ta’ Ġunju 1997, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-392/95, EU:C:1997:289, punt 14).
26 L-obbligu ta’ konsultazzjoni mal-Parlament, matul il-proċedura leġiżlattiva, fil-każijiet previst mit-Trattat, jimplika li dan għandu jiġi kkonsultat mill-ġdid kull darba li t-test adottat finalment, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, jitbiegħed, fis-sustanza stess tiegħu, minn dak li dwaru l-Parlament ikun diġà ġie kkonsultat, bl-eċċezzjoni tal-każijiet fejn l-emendi jikkorrispondu, essenzjalment, għal xewqa espressa mill-Parlament innifsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-280/93, EU:C:1994:367, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 emendata jitbiegħedx, fis-sustanza stess tiegħu, mit-test li kien jinsab fil-proposta għal direttiva li abbażi tagħha ġie kkonsultat il-Parlament.
28 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-proposta għal direttiva kienet tipprevedi li l-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 kellu jibda jsemmi, fost il-provvisti ta’ beni u ta’ servizzi li jistgħu jkunu suġġetti għal rati mnaqqsa tal-VAT, “[il-]forniment, inkluż b’self minn libreriji, ta’ kotba (inklużi brochures, leaflets [...][u] materjal stampat ieħor, kotba tat-tfal, ta’ l-istampi, tat-tpinġija jew tal-kulur, mużika stampata jew f’forma ta’ manuskritt, mapep u ċarts idrografiċi jew ċarts simili[)], kif ukoll audio books[,] CD, CD-ROMs jew kull bażi [mezz] fiżika simili li b’mod predominanti tirriproduċi l-istess kontenut ta’ tagħrif bħall-kotba stampati [...], gazzetti u ġurnali, minbarra materjal li b’mod predominanti jew kompletament huma maħsuba għar-riklamar”.
29 Madankollu, il-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 emendata jirreferi għall-“provvista, inkluż b’self mil-libreriji, ta’ kotba dwar [fuq] il-mezzi fiżiċi kollha ta’ appoġġ (inklużi opuskoli, fuljetti u oġġetti simili stampati, kotba għat-tfal bl-istampi, tat-tpinġija jew tat-tpinġija bil-kulur, mużika stampata jew f’forma ta’ manuskritt, mapep u mapep idrografiċi jew mapep simili), gazzetti u rivisti, li m’humiex materjal iddedikat kollu kemm hu jew b’mod sostanzjali għar-reklamar”.
30 Mill-approssimizzazzjoni tal-formulazzjonijiet rispettivi tal-proposta għal direttiva u tal-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 emendata jirriżulta li dan il-punt huwa differenti mill-imsemmija proposta inkwistjoni sa fejn dan ma jsemmix, bħala tipi ta’ mezzi fiżiċi li jistgħu jagħtu lok għall-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT, l-“audio books[, is-]CD [u s-]CD-ROMs”, elenkati mill-imsemmija proposta, u lanqas ma jsemmi espressament il-kotba “li b’mod predominanti [...] [jirriproduċu] l-istess kontenut ta’ tagħrif bħall-kotba stampati”, kuntrarjament għall-imsemmija proposta, iżda jirreferi għall-provvista ta’ kotba fuq “il-mezzi fiżiċi kollha ta’ appoġġ”.
31 Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott minn dawn id-differenzi li l-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 emendata jitbiegħed, fis-sustanza stess tiegħu, mit-test li kien jinsab fil-proposta għal direttiva.
32 Fil-fatt, peress li din il-proposta kienet tkopri wkoll il-kotba pprovduti fuq “kull bażi [mezz] fiżika simili” għall-kotba stampati, għall-kotba awdjo, is-CD u s-CD-ROM, il-lista fl-imsemmija proposta ma għandhiex titqies li hija limitattiva, iżda li hija intiża li turi li kienu koperti t-tipi kollha ta’ mezzi fiżiċi konċepibbli, l-istess kif ġie adottat finalment mill-Kunsill fil-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 emendata.
33 Huwa minnu li l-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 emendata ma jippreċiżax espressament li, sabiex tiġi applikata rata mnaqqsa tal-VAT, il-mezzi fiżiċi kkonċernati għandhom jirriproduċu prinċipalment l-istess informazzjoni bħal dik li tinsab fil-kotba stampati. Madankollu, peress li din il-formulazzjoni tindika li huma kkonċernati biss il-“kotba”, liema kunċett jindika, fis-sens ordinarju tal-kelma, xogħol stampat, jirriżulta li, sabiex jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, il-mezzi kkonċernati għandhom jirriproduċu prinċipalment l-istess informazzjoni bħal dik li tinsab fil-kotba stampati.
34 Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat, kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 53 tas-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-502/13, EU:C:2015:143), li t-test tal-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 emendata huwa biss semplifikazzjoni redazzjonali tat-test li kien jinsab fil-proposta għal direttiva u li s-sustanza tiegħu nżammet kollha kemm hi.
35 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ma kellux l-obbligu li jikkonsulta mill-ġdid mal-Parlament.
36 Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 emendata ma huwiex invalidu għar-raġuni li l-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tiegħu kienet ivvizzjata bi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali.
Fuq it-tieni domanda
37 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 98(2) tad-Direttiva 2006/112 emendata, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, huwiex invalidu għar-raġuni li jikser il-prinċipju ta’ newtralità fiskali billi jeskludi l-applikazzjoni tar-rati mnaqqsa tal-VAT għall-provvista ta’ kotba elettroniċi u ta’ pubblikazzjonijiet elettroniċi oħra.
Osservazzjonijiet preliminari
38 L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, anki jekk il-qorti tar-rinviju tirreferi, fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha, għall-prinċipju ta’ newtralità fiskali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-qorti tqajjem essenzjalment il-kwistjoni tal-validità tal-Artikolu 98(2) tad-Direttiva 2006/112 emendata, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
39 It-tieni nett, għalkemm, fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi, minbarra l-kotba elettroniċi, il-“pubblikazzjonijiet elettroniċi l-oħra”, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li d-dubji espressi minn din il-qorti jirrigwardaw esklużivament l-eżistenza ta’ inugwaljanza eventwali fit-trattament, mid-Direttiva 2006/112 emendata, tal-provvista ta’ kotba diġitali skont jekk dawn tal-aħħar jiġux trażmessi permezz ta’ mezz fiżiku jew b’mod elettroniku.
40 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 98(2) tad-Direttiva 2006/112 emendata, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, huwiex invalidu għar-raġuni li, billi jeskludi kull possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa tal-VAT għall-provvista ta’ kotba diġitali b’mod elettroniku, l-imsemmi artikolu jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
41 Qabelxejn għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C-580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 51, u tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C-477/14, EU:C:2016:324, punt 35).
– Fuq it-trattament ta’ sitwazzjonijiet komparabbli
42 Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti, kif ukoll in-natura eventwalment komparabbli tagħhom, għandhom jiġu stabbiliti u evalwati fid-dawl tal-għan u tal-iskop tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, bil-kundizzjoni li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan il-għan, il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C-127/07, EU:C:2008:728, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
43 F’dan il-każ, it-trattament iddifferenzjat imsemmi mill-qorti tar-rinviju jirriżulta mill-impossibbiltà għall-Istati Membri li jipprevedu l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT għall-provvista ta’ kotba diġitali b’mod elettroniku, filwaqt li l-applikazzjoni ta’ tali rata hija awtorizzata għal dak li jirrigwarda l-provvista ta’ kotba diġitali fuq kull tip ta’ mezz fiżiku. Konsegwentement, l-elementi li jikkaratterizzaw dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, kif ukoll in-natura eventwalment komparabbli tagħhom, għandhom jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tal-għanijiet li l-leġiżlatur ried jilħaq meta dan tal-aħħar ippermetta lill-Istati Membri japplikaw rata mnaqqsa tal-VAT għall-provvista ta’ kotba diġitali fuq kull tip ta’ mezz fiziku.
44 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa tal-VAT għall-provvista ta’ kotba stampati kienet prevista, għall-ewwel darba, mid-Direttiva tal-Kunsill 92/77/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, li tissupplimenta s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li temenda d-Direttiva 77/388/KEE (approssimazzjoni tar-rati tal-VAT) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 202), li, permezz tal-Artikolu 1 tagħha, inkludiet fis-Sitt Direttiva l-Anness H, dwar il-lista tal-provvisti ta’ beni u ta’ servizzi li jistgħu jkunu suġġetti għal rati mnaqqsa tal-VAT, li l-punt 6 tiegħu ġie riprodott fil-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112, fil-verżjoni tagħha qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2009/47. Din il-possibbiltà ġiet estiża minn din tal-aħħar għall-provvista ta’ kotba fuq “il-mezzi fiżiċi kollha ta’ appoġġ”.
45 Kif issemmi l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tagħha, l-għan li fuqu hija bbażata l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT għall-provvista ta’ kotba jikkonsisti fil-promozzjoni tal-qari, kemm jekk tal-letteratura, ta’ xogħlijiet speċjalizzati, ta’ gazzetti jew ta’ rivisti.
46 Għaldaqstant, billi tippermetti lill-Istati Membri japplikaw rati mnaqqsa tal-VAT għall-provvista ta’ kotba fuq kull tip ta’ mezz fiżiku, id-Direttiva 2006/112 emendata għandha titqies li tipprova tilħaq tali għan.
47 Tali konklużjoni hija barra minn hekk ikkorroborata mill-fatt li l-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 emendata jeskludi l-possibbiltà li tiġi applikata rata mnaqqsa tal-VAT għall-provvista tal-“materjal iddedikat kollu kemm hu jew b’mod sostanzjali għar-reklamar”. Fil-fatt, tali materjal huwa kkaratterizzat mill-fatt li huwa ma jipprova jilħaq l-ebda għan imsemmi fil-punt 45 ta’ din is-sentenza.
48 Madankollu, sabiex tali għan ikun jista’ jintlaħaq, dak li jgħodd huwa li ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jaċċedu b’mod effettiv għall-kontenut tal-kotba, u mhux il-metodu tal-provvista, li ma għandux rwol determinanti f’dan ir-rigward.
49 Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-għan imfittex mill-Artikolu 98(2) tad-Direttiva 2006/112 emendata, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, il-provvista ta’ kotba diġitali fuq kull tip ta’ mezz fiżiku, minn naħa, u l-provvista ta’ kotba diġitali b’mod elettroniku, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu sitwazzjonijiet komparabbli.
50 Din il-konklużjoni ma titqiegħedx inkwistjoni miċ-ċirkustanza li, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112 emendata, il-provvista ta’ ktieb diġitali fuq mezz fiżiku tikkostitwixxi, bħala prinċipju, provvista ta’ beni, filwaqt li, skont l-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 25 ta’ din id-direttiva, il-provvista ta’ ktieb diġitali b’mod elettroniku tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi. Fil-fatt, peress li r-regoli tal-VAT huma intiżi, bħala prinċipju, li jintaxxaw bl-istess mod il-konsum ta’ beni u dak ta’ servizzi, din il-klassifikazzjoni ma tidhirx li hija determinanti fir-rigward tal-għan imfittex mill-Artikolu 98(2) tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Anness III ta’ din l-istess direttiva, imfakkar fil-punt 45 ta’ din is-sentenza.
51 Konsegwentement, sa fejn l-Artikolu 98(2) tad-Direttiva 2006/112 emendata, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, għandu l-effett li jeskludi l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT għall-provvista ta’ kotba diġitali b’mod elettroniku filwaqt li tali applikazzjoni hija awtorizzata għall-provvista ta’ kotba diġitali fuq kull tip ta’ mezz fiżiku, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jitqiesu li jistabbilixxu differenza fit-trattament bejn żewġ sitwazzjonijiet li madankollu huma komparabbli fid-dawl tal-għan li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jilħaq.
– Fuq il-ġustifikazzjoni
52 Meta tiġi kkonstatata differenza fit-trattament bejn żewġ sitwazzjonijiet komparabbli, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jinkisirx jekk din id-differenza tkun debitament iġġustifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C-127/07, EU:C:2008:728, punt 46).
53 Dan huwa l-każ, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta d-differenza fit-trattament tkun relatata ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mill-miżura li għandha l-effett li tistabbilixxi tali differenza u meta hija tkun proporzjonata ma’ dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible, C-101/12, EU:C:2013:661, punt 77, u tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel, C-356/12, EU:C:2014:350, punt 43).
54 F’dan il-kuntest, huwa mifhum li l-leġiżlatur tal-Unjoni, meta jadotta miżura ta’ natura fiskali, għandu jagħmel għażliet ta’ natura politika, ekonomika kif ukoll soċjali, u joħloq ġerarkija tal-interessi diverġenti jew iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Konsegwentement, huwa għandu jingħata, f’dan il-kuntest, setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza għandu jkun limitat għal dak tal-iżball manifest [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C-491/01, EU:C:2002:741, punt 123, kif ukoll tas-17 ta’ Ottubru 2013, Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka, C-203/12, EU:C:2013:664, punt 35].
55 F’dan il-każ, għandu jitfakkar li d-differenza fit-trattament ikkonstatata fil-punt 51 ta’ din is-sentenza tirriżulta mill-Artikolu 98(2) tad-Direttiva 2006/112 emendata, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, li jeskludi l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT għall-provvista tas-servizzi elettroniċi kollha u, konsegwentement, għall-provvista ta’ kotba diġitali b’mod elettroniku, kuntrarjament għall-provvista ta’ kotba, jekk ikun il-każ, diġitali, fuq kull tip ta’ mezz fiżiku.
56 F’dan ir-rigward, mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2002/38 jirriżulta li l-emendi proposti mill-Kummissjoni kkostitwixxew, għal dak li jirrigwarda l-intaxxar ta’ servizzi pprovduti b’mod elettroniku, l-ewwel pass lejn l-implementazzjoni ta’ politika ġdida fil-qasam tal-VAT, intiża li tissemplifika u ssaħħaħ is-sistema tal-VAT b’mod li jiġu inkoraġġuti t-tranżazzjonijiet kummerċjali legali fis-suq intern. Fil-fatt, minn dan ix-xogħol preparatorju jirriżulta li l-kummerċ elettroniku jirrappreżenta potenzjal sinjifikattiv għall-ħolqien tal-ġid u tal-impjiegi fl-Unjoni, u li l-implementazzjoni ta’ ambjent regolatorju ċar u preċiż tikkostitwixxi kundizzjoni preliminari essenzjali għall-ħolqien ta’ sens ta’ fiduċja li jattira lill-impriżi sabiex jinvestu u jwettqu atti tal-kummerċ.
57 Kif spjegaw il-Kunsill u l-Kummissjoni bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja u waqt is-seduta, l-esklużjoni tal-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT għall-provvista ta’ kotba diġitali b’mod elettroniku, li tinsab fl-Artikolu 98(2) tad-Direttiva 2006/112 emendata, għandha titqies li tagħmel parti minn sistema partikolari tal-VAT għall-kummerċ elettroniku. Fil-fatt, mill-ispjegazzjonijiet ta’ dawn l-istituzzjonijiet jirriżulta li tqies neċessarju li s-servizzi pprovduti b’mod elettroniku jkunu suġġetti għal regoli ċari, sempliċi u uniformi sabiex ir-rata tal-VAT applikabbli għal dawn is-servizzi tkun tista’ tiġi stabbilita b’ċertezza u, għalhekk, tiġi ffaċilitata l-ġestjoni ta’ din it-taxxa mill-persuni taxxabbli u mill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali.
58 Issa, in-natura legalment ammissibbli ta’ tali għan ma tistax raġonevolment titqiegħed inkwistjoni.
59 Fil-fatt, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li fuqu huwa bbażat l-imsemmi għan, jirrikjedi li leġiżlazzjoni tal-Unjoni tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu mingħajr ambigwità l-portata tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu l-passi meħtieġa b’għarfien sħiħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-582/08, EU:C:2010:429, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
60 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet il-leġittimità tal-għan li jikkonsisti, għal leġiżlatur, fl-istabbiliment ta’ regoli ġenerali li jistgħu jiġu applikati faċilment mill-operaturi ekonomiċi u kkontrollati mingħajr diffikultà mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Frar 2015, Sopora, C-512/13, EU:C:2015:108, punt 33).
61 Għal dak li jirrigwarda l-kapaċità tal-miżura, li tinsab fl-Artikolu 98(2) tad-Direttiva 200/112 emendata, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, li tilħaq l-għan imfittex, kif dan tal-aħħar ġie ppreċiżat fil-punti 56 u 57 ta’ din is-sentenza, ma jidhirx li l-evalwazzjoni li wettaq il-leġiżlatur tal-Unjoni eċċediet is-setgħa diskrezzjonali tiegħu.
62 Fil-fatt, billi eskluda l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT għas-servizzi pprovduti b’mod elettroniku, il-leġiżlatur tal-Unjoni evita li l-persuni taxxabbli u l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali jkollhom jeżaminaw, għal kull tip ta’ servizz elettroniku pprovdut, jekk dan jaqax taħt waħda mill-kategoriji ta’ servizzi li jistgħu jibbenefikaw minn tali rata skont l-Anness III tad-Direttiva 2006/112 emendata.
63 Għaldaqstant, il-miżura inkwistjoni għandha titqies li hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan intiż li tiġi stabbilita b’ċertezza r-rata tal-VAT applikabbli għas-servizzi pprovduti b’mod elettroniku u b’hekk tiġi ffaċilitata l-ġestjoni ta’ din it-taxxa mill-persuni taxxabbli u mill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali.
64 Għal dak li jirrigwarda r-rekwiżit, marbut mal-kundizzjoni ta’ proporzjonalità, li tintgħażel il-miżura l-inqas stretta meta mqabbla mal-miżuri l-oħra xierqa prevedibbli u li l-inkonvenjenzi kkaġunati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija, għandu jiġi osservat li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ possibbilment jissepara l-provvista ta’ kotba diġitali b’mod elettroniku mis-servizzi elettroniċi kollha u, konsegwentement, jippermetti l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT għal dawn il-kotba.
65 Madankollu, tali soluzzjoni tista’ tmur kontra l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni relatat man-neċessità li jinstab rimedju għall-inċertezza legali kkawżata mill-iżviluppi perpetwi li għalihom huma suġġetti s-servizzi elettroniċi kollha, li hija r-raġuni għalfejn il-leġiżlatur tal-Unjoni eskluda dawn is-servizzi kollha mil-lista tat-tranżazzjonijiet li jistgħu jibbenefikaw minn rata mnaqqsa tal-VAT skont l-Anness III tad-Direttiva 2006/112 emendata.
66 F’dan ir-rigward, li kieku l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li japplikaw rata mnaqqsa tal-VAT għall-provvista ta’ kotba diġitali b’mod elettroniku, kif huwa permess għall-provvista ta’ tali kotba fuq kull tip ta’ mezz fiżiku, dan ikollu l-effett li jippreġudika l-koerenza ġenerali tal-miżura mixtieqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni li tikkonsisti fl-esklużjoni tas-servizzi elettroniċi kollha mill-possibbiltà li tiġi applikata rata mnaqqsa tal-VAT.
67 Għal dak li jirrigwarda l-eventwalità li l-possibbiltà li tiġi applikata rata mnaqqsa tal-VAT tiġi estiża għas-servizzi elettroniċi kollha, għandu jiġi osservat li l-adozzjoni ta’ tali miżura kienet tintroduċi, b’mod ġenerali, inugwaljanza fit-trattament bejn is-servizzi mhux elettroniċi, li ma jibbenefikawx, bħala prinċipju, minn rata mnaqqsa tal-VAT, u s-servizzi elettroniċi.
68 Konsegwentement, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jqis, fil-kuntest tal-marġni diskrezzjonali tiegħu, li l-ebda waħda miż-żewġ miżuri teoretikament possibbli ma kienu xierqa sabiex jintlaħqu l-varji għanijiet imfittxija minnu.
69 Għandu jingħad ukoll li mill-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2002/38, kif ukoll mill-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE, tat-12 ta’ Frar 2008, li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-post tal-forniment [provvista] ta’ servizzi (ĠU 2008, L 44, p. 11), jirriżulta li l-Kunsill ippreveda li jeżamina mill-ġdid is-sistema ta’ tassazzjoni speċifika tas-servizzi pprovduti b’mod elettroniku, sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-esperjenza miksuba. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħabbret, f’komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT [COM (2016)148 final], l-intenzjoni tagħha li teżamina t-tfassil ta’ abbozz ta’ direttiva li temenda d-Direttiva 2006/112 emendata.
70 F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-differenza fit-trattament li tirriżulta mill-Artikolu 98(2) tad-Direttiva 2006/112 emendata, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, bejn il-provvista ta’ kotba diġitali b’mod elettroniku u l-provvista ta’ kotba diġitali fuq kull tip ta’ mezz fiżiku għandha titqies li hija debitament iġġustifikata.
71 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 98(2) tad-Direttiva 2006/112 emendata, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, li għandu l-effett li jeskludi l-possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa tal-VAT għall-provvista ta’ kotba diġitali b’mod elettroniku, filwaqt li jawtorizzahom japplikaw rata mnaqqsa tal-VAT għall-provvista ta’ kotba diġitali fuq kull tip ta’ mezz fiżiku, ma jiksirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta.
72 Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-eżami tad-domandi preliminari ma żvela ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 emendata jew tal-Artikolu 98(2) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Anness III tagħha.
Fuq l-ispejjeż
73 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:
L-eżami tad-domandi preliminari ma żvela ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/47/KE, tal-5 ta’ Mejju 2009, jew tal-Artikolu 98(2) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Anness III tagħha.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk