Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
16 ta’ Marzu 2017 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud – Artikolu 4(3) TUE – Sitt Direttiva – Għajnuna mill-Istat – Proċedura ta’ ħelsien mid-dejn ta’ persuni fiżiċi fi stat ta’ falliment (esdebitazione) – Nuqqas ta’ eżiġibbiltà tad-dejn ta’ VAT”
Fil-Kawża C-493/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (qorti ta’ kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Settembru 2015, fil-proċedura
Agenzia delle Entrate
vs
Marco Identi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. De Bellis, avvocato dello Stato,
– għall-Gvern Spanjol, minn M. A. Sampol Pucurull, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros kif ukoll minn L. Lozano Palacios u F. Tomat, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE u tal-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Agenzia delle Entrate (aġenzija tat-taxxi, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali”) u Marco Identi fir-rigward ta’ avviż ta’ taxxa relatat mat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u mat-taxxa reġjonali fuq l-attivitajiet produttivi għas-sena 2003.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva tal-VAT
3 Skont l-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, huma suġġetti għall-VAT il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, kif ukoll l-importazzjonijiet ta’ oġġetti.
4 L-Artikolu 22 tas-Sitt Direttiva jipprovdi:
“[...]
4. Kull persuna taxxabbli għandha tissottometti prospett f’intervall li għandu jkun stabbilit minn kull Stat Membru [...]
[...]
5. Kull persuna taxxabbli għandha tħallas l-ammont net tat-taxxa fuq il-valur miżjud meta jissottometti l-prospett. L-Istati Membri jistgħu, madanakollu, jiffissaw data differenti għall-ħlas ta’ l-ammont u jistgħu jitolbu ħlas temporanju.
[...]
8. [L]-Istati Membri jistgħu jimponu obbligazzjonijet oħrajn li huma jqisu neċessarji għall-imposizzjoni ġusta u l-ġbir tat-taxxa u għall-prevenzjoni ta’ frodi.
[...]”
Id-dritt Taljan
5 Id-decreto legislativo n. 5 (Digriet leġiżlattiv Nru 5), tad-9 ta’ Jannar 2006 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 13, tas-16 ta’ Jannar 2006), introduċa l-proċedura ta’ ħelsien mid-dejn (esdebitazione), billi emenda l-Artikoli 142 sa 144 tal-legge fallimentare (liġi fuq il-fallimenti), approvata permezz tar-regio decreto n. 267 (Digriet Irjali Nru 267), tas-16 ta’ Marzu 1942 (GURI Nru 81, tas-6 ta’ April 1942), u emendat bid-decreto legislativo n. 169 (Digriet Leġiżlattiv Nru 169), tat-12 ta’ Settembru 2007 (GURI Nru 241, tas-16 ta’ Ottubru 2007) (iktar ’il quddiem il-“Liġi fuq il-fallimenti”).
6 Skont l-Artikolu 142 tal-Liġi fuq il-fallimenti, intitolat “Ħelsien mid-dejn”:
“Il-ħelsien mid-dejn residwu għandu jiġi aċċettat fil-konfront ta’ debitur li jkun persuna fiżika, fir-rigward ta’ kredituri ddikjarati fil-kuntest tal-proċedura kollettiva li ma tħallsux, bil-kundizzjoni li:
1) ikun ikkoopera mal-korpi inkarigati mill-proċedura, billi jipprovdi l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha utli għall-konstatazzjoni tal-passiv u billi jaġixxi b’diliġenza għall-finijiet tal-iżvolġiment pożittiv tal-operazzjonijiet;
2) ma jkun bl-ebda mod dewwem jew ikkontribwixxa għad-dewmien tal-iżvolġiment tal-proċedura;
3) ma jkunx kiser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48;
4) ma jkunx ibbenefika diġà mid-dispożittiv ta’ ħelsien mid-dejn fl-għaxar snin li jippreċedu t-talba;
5) ma jkunx approprja l-assi b’mod indebitu jew espona passiv ineżistenti, ikkawża jew aggrava d-diżekwilibriju, b’mod li jikkomprometti r-rikostruzzjoni tal-patrimonju u s-sitwazzjoni tan-negozju, u lanqas ma jkun irrikorra għall-kreditu b’mod abbużiv;
6) ma jkunx ġie kkundannat, permezz ta’ sentenza li tkun saret res judicata, għal falliment frawdolenti, delitt kontra l-ekonomija pubblika, l-industrija u l-kummerċ, jew għal kull delitt ieħor imwettaq b’rabta mal-eżerċizzju tal-attività tal-impriża, ħlief jekk tali delitti jkunu ġew irriabilitati. Fil-każ fejn ikunu fis-seħħ proċeduri kriminali għal wieħed minn dawn id-delitti, il-qorti għandha tissospendi l-istanza sakemm jiġu deċiżi l-proċeduri kriminali.
Il-ħelsien mid-dejn ma jistax jingħata jekk il-kredituri ddikjarati fil-kuntest tal-proċedura kollettiva ma jkunux ġew sodisfatti minn tal-inqas parzjalment.
Għandhom jibqgħu esklużi mill-ħelsien mid-dejn:
a) l-obbligi ta’ manutenzjoni u alimentari u, fi kwalunkwe każ, l-obbligi li jirriżultaw minn relazzjonijiet indipendenti mill-attività tal-impriża,
b) id-dejn marbut mal-kumpens għad-danni li jirriżultaw mir-responsabbiltà mhux kuntrattwali, mas-sanzjonijiet kriminali u amministrattivi ta’ natura pekunjarja li ma jkunx aċċessorju għad-dejn estint.
Id-drittijiet li għandhom il-kredituri fir-rigward ta’ kodebituri, garanti tad-debitur jew debituri suġġetti għal azzjoni ta’ rkupru, ma humiex affettwati mid-dispożittiv.”
7 L-Artikolu 143 tal-Liġi fuq il-fallimenti, intitolat “Proċedura ta’ ħelsien mid-dejn”, jipprevedi:
“[I]l-qorti, permezz ta’ digriet ta’ għeluq tal-proċedura kollettiva jew fuq talba tad-debitur ippreżentata matul is-sena segwenti, wara li tkun ivverifikat il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 142 u fid-dawl tal-aġir kollaborattiv tad-debitur, wara li tkun ikkonsultat lill-amministratur ġudizzjarju u l-kumitat tad-debituri, għandha tiddikjara mhux eżiġibbli fil-konfront tad-debitur iddikjarat fallut id-dejn li ma tħallasx kollu kemm hu fil-kuntest tal-proċedura kollettiva. [...]
Id-debitur, il-kredituri li ma tħallsux lura kompletament, l-uffiċċju tal-prosekutur u kull persuna oħra kkonċernata għandhom id-dritt li jikkontestaw id-digriet imsemmi iktar ’il fuq, konformement mal-Artikolu 26.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
8 Permezz ta’ digriet tal-14 ta’ April 2008, it-Tribunale di Mondovì (qorti ta’ Mondovi, l-Italja) aċċettat ħelsien mid-dejn fil-konfront ta’ M. Identi, parti fi sħab in akkomandita mal-kumpannija PVA di Identi Marco e C. Sas fi stralċ, fejn huwa nnifsu ġie ddikjarat fallut taħt titolu personali. Wara li ngħata dan id-digriet, l-amministrazzjoni fiskali bagħtet lil M. Identi avviż ta’ taxxa relatat mal-VAT u tat-taxxa reġjonali fuq l-attivitajiet produttivi għas-sena 2003.
9 Quddiem il-Corte suprema di cassazione (qorti ta’ kassazzjoni, l-Italja), l-amministrazzjoni fiskali titlob il-kassazzjoni tas-sentenza tal-Commissione tributaria regionale del Piemonte (kummissjoni fiskali reġjonali ta’ Piemonte, l-Italja), tas-26 ta’ Marzu 2012, li kkonfermat deċiżjoni tal-ewwel istanza li tikkonstata l-illegalità ta’ dan l-avviż ta’ taxxa u ċaħdet l-appell ippreżentat mill-amministrazzjoni fiskali kontra din id-deċiżjoni.
10 Il-qorti ta’ rinviju tesponi li l-proċedura ta’ ħelsien mid-dejn, applikabbli għad-debitur, persuna fiżika, imprenditur kummerċjali ddikjarat fallut, għandha bħala għan li tippermetti lill-benefiċjarju tagħha “jerġa’ jibda mill-bidu” wara li jiġi annullat id-dejn preċedenti kollu tiegħu fir-rigward tal-kredituri ddikjarati fil-kuntest tal-proċedura kollettiva, li ma jkunx tħallas fi tmiem din il-proċedura, sabiex dan id-debitur jerġa’ jsir attur ekonomiku attiv mingħajr ma jkun limitat fl-inizjattivi jew fil-kapaċità tiegħu li joħloq il-ġdid minħabba l-oneru ta’ dan id-dejn. Il-qorti fallimentari, f’formazzjoni ġudikanti kolleġġjali, għandha tiddeċiedi jekk id-debitur jiġix ammess biex jibbenefika minn din il-proċedura wara li jkun sema’ l-opinjonijiet mhux vinkolanti tal-amministratur ġudizzjarju u tal-kumitat tad-debituri u wara li jkun ivverifika b’mod partikolari jekk il-kundizzjonijiet previsti mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 142 ġewx sodisfatti.
11 Il-qorti ta’ rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-proċedura ta’ ħelsien mid-dejn mad-dritt tal-Unjoni. Skont din il-qorti, tirriżulta l-kwistjoni dwar jekk, bħal fil-kuntest tal-proċedura ta’ arranġament mal-kredituri inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-7 ta’ April 2016, Degano Traporti (C-546/14, EU:C:2016:206), kunsiderazzjonijiet ta’ natura prattika, ikkonstatati b’mod ġudizzjarju, bħall-insolvenza tad-debitur meritevoli, jew il-possibbiltà li jiġi rkuprat biss parzjalment id-kreditu ta’ VAT, jistgħux jiġġustifikaw li jkun hemm rinunzja totali jew parzjali ta’ dan il-kreditu.
12 Il-qorti tar-rinviju tqis li, billi telenka b’mod eżawrjenti, fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 142, tal-Liġi fuq il-fallimenti, id-dejn li minnu d-debitur ma jistax jinħeles, mingħajr ma ssemmi l-krediti fiskali, il-leġiżlatur nazzjonali qies li l-persuna li tista’ tibbenefika mill-proċedura ta’ ħelsien mid-dejn għandha tinħeles ukoll mid-dejn fiskali. Madankollu hemm lok, fil-fehma tagħha, li jiġi vverifikat jekk l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura għad-dejn ta’ VAT tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni.
13 Hija żżid tgħid li tirriżulta wkoll il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex kompatibbli mar-regoli tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kompetizzjoni, meta din il-leġiżlazzjoni tiffavorixxi r-ritorn fil-ħajja ekonomika ta’ persuni ammessi sabiex jibbenefikaw minn din il-proċedura meta mqabbla ma’ persuni oħra ddikjarati falluti, li huma ineliġibbli ex lege.
14 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte suprema di cassazione (qorti ta’ kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni, fil-qasam tal-VAT, ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tmiem tad-dejn tal-VAT fir-rigward tal-persuni ammessi għall-proċedura ta’ ħelsien mid-dejn irregolata mill-Artikoli 142 u 143 ta[l-Liġi fuq il-fallimenti]?”
Fuq id-domanda preliminari
15 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva kif ukoll ir-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li dejn ta’ VAT jiġi ddikjarat mhux eżiġibbli b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi proċedura ta’ ħelsien mid-dejn li permezz tagħha qorti tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tiddikjara mhux eżiġibbli d-dejn ta’ persuna fiżika li ma jkunx ġie llikwidat ma tmiem il-proċedura ta’ falliment li għaliha kienet suġġetta din il-persuna.
16 Jeħtieġ li jitfakkar li mill-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva kif ukoll mill-Artikolu 4(3) TUE jirriżulta li l-Istat Membri għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi xierqa kollha sabiex jiżguraw il-ġbir tal-VAT kollu dovut fuq it-territorju tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, Degano Trasporti, C-546/14, EU:C:2016:206, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).
17 Fil-kuntest tas-sistema komuni tal-VAT, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-osservanza tal-obbligi li għalihom huma suġġetti l-persuni taxxabbli filwaqt li jibbenefikaw, f’dan ir-rigward, minn ċertu flessibbiltà fir-rigward, b’mod partikolari, tal-mod ta’ kif għandhom jagħmlu użu mill-mezzi għad-dispożizzjoni tagħhom (sentenza tas-7 ta’ April 2016, Degano Trasporti, C-546/14, EU:C:2016:206, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).
18 Madankollu din il-flessibbiltà hija limitata bl-obbligu li jiġi ggarantit ġbir effikaċi tar-riżorsi proprji tal-Unjoni u biex ma jinħolqux differenzi sinjifikattivi fil-mod ta’ kif jiġu trattati l-persuni taxxabbli, kemm fi ħdan wieħed mill-Istati Membri kif ukoll fl-Istati Membri kollha. Id-Direttiva tal-VAT għandha tiġi interpretata konformement mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT, li skontha operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess operazzjonijiet ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti fir-rigward tal-ġbir tal-VAT. Kull azzjoni tal-Istati Membri li tirrigwarda l-ġabra tal-VAT għandha tosserva dan il-prinċipju (sentenza tas-7 ta’ April 2016, Degano Trasporti, C-546/14, EU:C:2016:206 punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
19 Ir-riżorsi proprji tal-Unjoni jinkludu b’mod partikolari, skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom, tas-7 ta’ Ġunju 2007, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 163, p. 17), id-dħul li joriġina mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi għall-bażi armonizzata tal-VAT iddeterminata skont ir-regoli tal-Unjoni. Għalhekk teżisti rabta diretta bejn il-ġbir tad-dħul mill-VAT b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni applikabbli u t-tqegħid għad-dispożizzjoni mill-baġit tal-Unjoni tar-riżorsi mill-VAT korrispondenti, peress li kull lakuna fil-ġbir ta’ dawn tal-ewwel potenzjalment tikkawża tnaqqis fit-tieni (sentenza tas-7 ta’ April 2016, Degano Trasporti, C-546/14, EU:C:2016:206 punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi ddeterminat jekk il-possibbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jiġi ddikjarat mhux eżiġibbli dejn ta’ VAT b’applikazzjoni tal-proċedura ta’ ħelsien mid-dejn inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmurx kontra l-obbligu tal-Istati Membri li jiggarantixxu l-ġbir tal-VAT kollha dovuta fit-territorju tagħhom kif ukoll il-ġbir effikaċi tar-riżorsi proprji tal-Unjoni. Sabiex dan ikun jista’ jsir, hemm lok li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmija proċedura.
21 Qabel kollox, jidher li l-proċedura ta’ ħelsien tad-dejn, kif deskritta mill-qorti tar-rinviju u esposta fil-punti 5 sa 7 ta’ din is-sentenza, hija intiża sabiex tippermetti lil persuna ddikjarata falluta li tiġi meħlusa mid-dejn li, fi tmiem tal-proċedura ta’ falliment li għaliha kienet suġġetta din il-persuna, ma jkunx ġie llikwidat, sabiex din il-persuna tkun tista’ tkompli attività imprenditorjali. Fl-istess waqt jew wara l-proċedura ta’ falliment, l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ ħelsien tad-dejn għaldaqstant tassumi li l-patrimonju tad-debitur ġie llikwidat għal kollox u li t-tqassim bejn il-kredituri tal-assi li jirriżulta minn din il-likwidazzjoni ma jkunx ippermetta li jiġi llikwidat id-dejn kollu. Barra minn hekk, il-ħelsien mid-dejn jingħata biss, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 142 tal-Liġi fuq il-fallimenti, jekk il-kredituri ddikjarati fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment ikunu ġew issodisfatti minn tal-inqas parzjalment.
22 Sussegwentement, il-proċedura ta’ ħelsien mid-dejn tapplika biss għall-persuni fiżiċi li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet, iddikjarati fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 142 tal-Liġi fuq il-fallimenti, li huma relatati mal-aġir tad-debitur qabel il-ftuħ tal-proċedura kollettiva u matulha. Minn dawn il-kundizzjonijiet jirriżulta b’mod partikolari li d-debitur, minn naħa, ma għandux ikun ibbenefika diġà minn tali proċedura matul l-għaxar snin li jippreċedu t-talba, ma għandux ikun ġie ssuġġettat għal kundanni minħabba falliment frawdolenti, delitt ekonomiku jew b’rabta mal-eżerċizzju tal-attività imprenditorjali, u lanqas ma għandu jkun approprja b’mod indebitu l-assi tal-impriża, organizza l-insolvenza tagħha jew aggravaha permezz ta’ użu abbużiv ta’ kreditu u, min-naħa l-oħra, għandu jkun wera kooperazzjoni u diliġenza matul il-proċedura kollettiva. Għaldaqstant dawn il-kundizzjonijiet jidhru li, essenzjalment, jirrigwardaw l-integrità u l-lealtà tad-debitur, u wkoll li jkunu tali li jirriżervaw il-benefiċċju tal-proċedura ta’ ħelsien mid-dejn għad-debituri in bona fide.
23 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-iżvolġiment tal-proċedura, l-Artikolu 143 tal-Liġi fuq il-fallimenti jipprevedi, l-ewwel nett, li l-qorti adita għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 142 tal-imsemmija liġi ġewx sodisfatti, it-tieni nett, li l-amministratur ġudizzjarju u l-kumitat tal-kredituri għandhom jiġu kkonsultati u, fl-aħħar nett, it-tielet nett, li l-kredituri li ma ġewx għal kollox issodisfatti, l-uffiċċju tal-prosekutur u kull persuna oħra kkonċernata jistgħu jippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni tal-imsemmija qorti li tiddikjara mhux eżiġibbli d-dejn li ma tħallasx kollu kemm hu fil-kuntest tal-proċedura kollettiva. B’hekk, il-proċedura ta’ ħelsien mid-dejn timplika eżami skont il-każ, imwettaq minn organu korp ġudizzjarju. Barra minn hekk hija tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat, kreditur tal-VAT, minn naħa, li joħroġ opinjoni dwar it-talba tad-debitur biex jibbenefika minn din il-proċedura, qabel ma tingħata d-deċiżjoni dwar din it-talba, u, min-naħa l-oħra, li jippreżenta rikors, jekk ikun il-każ, kontra d-deċiżjoni li tiddikjara mhux eżiġibbli dejn ta’ VAT mhux imħallas kollu kemm hu, li jwassal għal stħarriġ ġudizzjarju ieħor.
24 Minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li, bħall proċedura ta’ arranġament mal-kredituri eżaminata fis-sentenza tas-7 ta’ April 2013, Degano Trasporti (C-546/14, EU:C:2016:206), il-proċedura ta’ ħelsien mid-dejn inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija suġġetta għal kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni li joffru garanziji b’mod partikolari fir-rigward tal-irkupru tal-krediti ta’ VAT u li, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, hija ma tikkostitwixxix rinunzja ġenerali u mingħajr distinzjoni għall-ġbir tal-VAT u mhijiex kuntrarja għall-obbligu tal-Istati Membri li jiggarantixxu l-ġbir tal-VAT kollu dovut fuq it-territorju tagħhom kif ukoll il-ġbir effikaċi tar-riżorsi proprji tal-Unjoni (ara s-sentenza tas-7 ta’ April 2016, Degano Trasporti, C-546/14, EU:C:2016:206, punt 28).
25 Fir-rigward tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, għandu jitfakkar li l-kwalifika ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat” tirrikjedi, skont ġurisprudenza stabbilita, li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, dan għandu joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C-524/14 P, EU:C:2016:971, punt 40, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C-20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
26 Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar is-selettività tal-vantaġġ li tikkostitwixxi l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, minn ġurisprudenza daqstant stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni teħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali speċifika, il-miżura nazzjonali inkwistjoni tkun tali li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li, fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u li għaldaqstant jirċievu trattament differenzjat li essenzjalment jista’ jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C-20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
27 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-fatt li huma biss il-persuni taxxabbli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ miżura li jistgħu jibbenefikaw minnha ma jistax, fih innifsu, jagħti natura selettiva lil din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, 3M Italia, C-417/10, EU:C:2012:184, punt 42, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C-20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981, punt 59).
28 F’dan il-każ, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi fuq il-fallimenti li jirregolaw il-proċedura ta’ ħelsien mid-dejn, il-persuni li ma jingħatawx id-dritt li jibbenefikaw minn din il-proċedura, jew għaliex ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-proċedura, jew għaliex il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 142 tal-imsemmija liġi ma jkunux ġew sodisfatti, ma jkunux f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli għal dik tal-persuni li lilhom jingħata l-imsemmi benefiċċju fir-rigward tal-għan imfittex minn dawn id-dispożizzjonijiet, li huwa, hekk kif jirriżulta mill-punti 10 u 12 kif ukoll mill-punti 21 u 22 ta’ din is-sentenza, li persuna fiżika ddikjarata falluta, debitur in bona fide, tkun tista’ tkompli mill-ġdid attività imprenditorjali billi tinħeles mid-dejn li, fi tmiem ta’ proċeduri ta’ falliment li għalihom kienet suġġetta din il-persuna, ma jkunx ġie llikwidat.
29 Għaldaqstant, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra mfakkra fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, ħelsien mid-dejn bħal dak previst mil-Liġi fuq il-fallimenti ma huwiex tali li jiġi kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat.
30 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva kif ukoll ir-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li dejn ta’ VAT jiġi ddikjarat mhux eżiġibbli skont leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi proċedura ta’ ħelsien mid-dejn li permezz tagħha qorti tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tiddikjara mhux eżiġibbli d-dejn ta’ persuna fiżika li ma jkunx ġie llikwidat fi tmiem il-proċeduri ta’ falliment li għalihom din il-persuna kienet suġġetta.
Fuq l-ispejjeż
31 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif ukoll ir-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li dejn ta’ taxxa fuq il-valur miżjud jiġi ddikjarat mhux eżiġibbli skont leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi proċedura ta’ ħelsien mid-dejn li permezz tagħha qorti tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tiddikjara mhux eżiġibbli d-dejn ta’ persuna fiżika li ma jkunx ġie llikwidat fi tmiem il-proċeduri ta’ falliment li għalihom din il-persuna kienet suġġetta.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.