Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

8 ta’ Ġunju 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 56 TFUE – Artikolu 36 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq id-dħul – Eżenzjoni fiskali rriżervata għall-interessi mħallsa mill-banek li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet legali – Diskriminazzjoni indiretta – Banek stabbiliti fil-Belġju u banek stabbiliti fi Stat Membru ieħor”

Fil-Kawża C-580/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg West-Vlaanderen, afdeling Brugge (qorti tal-ewwel istanza tal-West-Vlaanderen, distrett ta’ Bruges, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura

Maria Eugenia Van der Weegen,

Miguel Juan Van der Weegen,

Anna Pot,

li qed jaġixxu bħala l-aventi kawża ta’ Johannes Van der Weegen, mejjet,

Anna Pot,

vs

Belgische Staat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ħames Awla, M. Berger (Relatur), A. Borg Barthet u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Settembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. E. Van der Weegen, M. J. Van der Weegen u A. Pot, minn C. Hendrickx u M. Vandendijk, avukati,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn S.D.D’Aiola, espert,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 u 63 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 36 u 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Maria Eugenia Van der Weegen, Miguel Juan Van der Weegen, Anna Pot, li qed jaġixxu bħala l-aventi kawża ta’ Johannes Van der Weegen, u Anna Pot u, min-naħa l-oħra, il-Belgische Staat (l-Istat Belġjan) dwar ir-rifjut tal-benefiċċju ta’ eżenzjoni fiskali tar-remunerazzjoni minn fond ta’ tfaddil fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju.

 Id-dritt Belġjan

3        L-Artikolu 21 tal-Code des impôts sur les revenus (kodiċi tat-taxxa fuq id-dħul, iktar ’il quddiem iċ-“CIR 1992”), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għas-sena fiskali 2010 (id-dħul tas-sena 2009), kien jipprevedi li:

“Id-dħul mill-kapital u mill-beni mobbli ma jinkludix:

[...]

5°      l-ewwel kategorija fiskali ta’ [EUR] 1 730 (ammont bażiku [EUR] 1 250) fis-sena ta’ dħul relatat mal-fondi ta’ tfaddil irċevut, mingħajr ebda stipulazzjoni kuntrattwali dwar terminu jew preavviż, mill-istabbilimenti ta’ kreditu stabbiliti fil-Belġju u rregolati mil-liġi tat-22 ta’ Marzu 1993 dwar l-istat u l-kontroll tal-istabbilimenti ta’ kreditu, filwaqt li għandu jinftiehem li:

–        dawn il-fondi għandhom, barra minn hekk, jissodisfaw il-kriterji ddefiniti mir-Re fuq il-parir tal-Kummissjoni bankarja, finanzjarja u tal-assigurazzjonijiet [...], rigward il-munita li biha huma esposti, rigward il-kundizzjonijiet u l-metodi ta’ irtirar u ta’ ġbid u rigward l-istruttura, il-livell u l-mod ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni tagħhom;

[...]”

4        Fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Ġunju 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-383/10, EU:C:2013:364), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni kienet tikser l-Artikolu 56 TFUE u l-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE.

5        L-Artikolu 170 tal-liġi tal-25 ta’ April 2014 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet differenti (Moniteur belge tas-7 ta’ Mejju 2014, p. 36946, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-25 ta’ April 2014”) emenda kif ġej l-Artikolu 21(5) taċ-CIR 1992:

“Id-dħul mill-kapital u mill-beni mobbli ma jinkludix:

[...]

5°      l-ewwel kategorija fiskali ta’ [EUR] 1 250 (ammont mhux indiċizzat) fis-sena ta’ dħul relatat mal-fondi ta’ tfaddil irċevut, mingħajr ebda stipulazzjoni kuntrattwali dwar terminu jew preavviż, mill-istabbilimenti ta’ kreditu msemmija fl-Artikolu 56(2)(2)(a), filwaqt li għandu jinftiehem li:

–        dawn il-fondi għandhom, barra minn hekk, jissodisfaw il-kriterji ddefiniti mir-Re fuq il-parir tal-Bank nazzjonali tal-Belġju u tal-Awtorità tas-servizzi u tas-swieq finanzjarji, kull wieħed skont il-qasam ta’ kompetenza tiegħu, rigward il-munita li biha huma esposti, rigward il-kundizzjonijiet u l-metodi ta’ irtirar u ta’ ġbid u rigward l-istruttura, il-livell u l-mod ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni tagħhom, jew, għall-fondi rċevuti mill-istabbilimenti ta’ kreditu li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea, dawn il-fondi għandhom jissodisfaw il-kriterji analogi ddefiniti mill-awtoritajiet simili kompetenti tal-Istat Membru ieħor;

[...]”

6        L-espożizzjoni tal-motivi dwar l-emenda tal-Artikolu 21(5) taċ-CIR 1992 tgħid li ġej:

“Il-fatt li l-kundizzjonijiet għandhom ikunu analogi jfisser, qabelxejn, li l-fondi ta’ tfaddil għandhom ikunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet bażiċi msemmija fl-Artikolu 21(5) taċ-CIR 1992; u, barra minn hekk, li dawn għandhom jissodisfaw il-kriterji ddefiniti mill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istat Membru kkonċernat rigward l-munita li biha l-fondi huma esposti, rigward il-kundizzjonijiet u l-metodi ta’ irtirar u ta’ ġbid u rigward l-istruttura, il-livell u l-mod ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni tagħhom. Dawn l-aħħar kriterji għandhom ikunu simili għal dawk fis-seħħ fil-Belġju. Dan ifisser li – mingħajr ma jkunu identiċi – huma għandhom ikollhom portata komparabbli. [...]”

7        Id-Digriet Irjali tas-27 ta’ Awwissu 1993 li jimplementa ċ-CIR 1992 (Moniteur belge tat-13 ta’ Settembru 1993, p. 20096), kif emendat bid-Digriet Irjali tas-7 ta’ Diċembru 2008 (Moniteur belge tat-22 ta’ Diċembru 2008, p. 67513) (iktar ’il quddiem l-“AR/CIR 92”), jipprevedi l-kriterji li l-fondi ta’ tfaddil imsemmija fl-Artikolu 21(5) taċ-CIR 1992 għandhom, barra minn hekk, jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu.

8        L-Artikolu 2 tal-AR/CIR 92 jipprevedi li:

“Sabiex jibbenefikaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 21(5) [taċ-CIR 1992] il-fondi ta’ tfaddil imsemmija f’dan l-Artikolu għandhom jissodisfaw barra minn hekk il-kriterji segwenti:

1°      il-munita tal-fondi ta’ tfaddil għandha tkun l-euro;

2°      ġbid mill-fondi ta’ tfaddil, direttament jew b’rabta ma’ kont kurrenti, jista’ jsir biss għat-tranżazzjonijiet segwenti:

a)      rimbors fi flus kontanti;

b)      trasferiment, għajr permezz ta’ ordni permanenti, lil kont miftuħ f’isem il-proprjetarju tal-fond ta’ tfaddil;

c)      trasferiment lil fond ta’ tfaddil miftuħ mal-istess stabbiliment f’isem il-konjuġi jew f’isem qarib sat-tieni grad tal-proprjetarju tal-fond ta’ tfaddil;

[...]

3°      il-kundizzjonijiet għall-irtirar għandhom jipprevedu l-possibbiltà għall-istabbiliment depożitarju li jissuġġetta l-ġbid ta’ flus għal preavviż ta’ 5 ijiem kalendarji jekk dan jeċċedi [EUR] 1 250 u li jillimitaw tali ġbid għal [EUR] 2 500 f’perijodu ta’ nofs xahar;

4°      a)      ir-remunerazzjoni mill-fondi ta’ tfaddil tinkludi obbligatorjament iżda esklużivament

–        interessi bażiċi; u

–        bonus ta’ lealtà;

b)      l-interessi bażiċi u l-bonus ta’ lealtà għandhom jiġu kkalkulati skont rata ffissata fuq bażi annwali.

Il-fondi għandhom jiġġeneraw interessi bażiċi mhux iktar tard mill-jum kalendarju ta’ wara dak li fih iseħħ it-trasferiment u għandhom jieqfu milli jiġġeneraw interessi mill-jum kalendarju li fih iseħħ l-irtirar.

Għandha sseħħ tpaċija bejn il-ħlasijiet u l-irtirar ta’ flus imwettqa fl-istess jum kalendarju għall-kalkolu tal-interessi bażiċi u tal-bonus ta’ lealtà.

L-interessi bażiċi miksuba għandhom jitħallsu fil-fond darba fis-sena kalendarja b’mod li jiġu ġġenerati, b’deroga tas-subparagrafu 2, interessi bażiċi mill-1 ta’ Jannar tas-sena.

Interessi fuq debitu ma jistgħux jintalbu lil proprjetarju ta’ fond ta’ tfaddil.

Il-bonus ta’ lealtà għandu jingħata għall-fondi li jibqgħu fl-istess kont għal tnax-il xahar konsekuttivi.

Fil-każ ta’ trasferiment minn fond ta’ tfaddil għal ieħor miftuħ f’isem l-istess proprjetarju u mal-istess stabbiliment, għajr permezz ta’ ordni permanenti, iż-żmien li jkun iddekorra għall-għoti tal-bonus ta’ lealtà fir-rigward tal-ewwel fond ta’ tfaddil jibqa’ japplika, bil-kundizzjoni li l-ammont tat-trasferiment ikun iktar minn [EUR] 500 u li l-proprjetarju kkonċernat ma jkunx diġà wettaq tliet trasferiment ta’ dan it-tip, mill-istess fond ta’ tfaddil, matul l-istess sena kalendarja. [...]

c)      ir-rata tal-interessi bażiċi mogħtija minn stabbiliment lill-fondi ta’ tfaddil li huwa jirċievi ma tistax teċċedi l-ogħla waħda miż-żewġ rati segwenti:

–        3 %;

–        ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament fl-għaxar jum tax-xahar li jippreċedi l-perijodu attwali ta’ sitt xhur kalendarji.

Kull żieda fir-rata tal-interessi bażiċi għandha tinżamm għal perijodu ta’ mill-inqas tliet xhur ħlief fil-każ ta’ bidla li tnaqqas ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament.

Bla ħsara għad-dispożizzjoni tal-punt (e) infra, ir-rata tal-bonus ta’ lealtà offert ma tistax:

–        teċċedi b’iktar minn 50 % ir-rata massima tal-interessi bażiċi msemmija fl-ewwel subparagrafu. Jekk dan il-perċentwali ma jkunx ugwali għal multiplu ta’ wieħed minn għaxra ta’ perċentwali, ir-rata massima tal-bonus ta’ lealtà għandu jiġi arrotondat għall-frazzjoni inferjuri ta’ wieħed minn għaxra ta’ perċentwali;

–        tkun inqas minn 25 % tar-rata ta’ interessi bażiċi offerta. Jekk dan il-perċentwali ma jkunx ugwali għal multiplu ta’ wieħed minn għaxra ta’ perċentwali, ir-rata minima tal-bonus ta’ lealtà għandu jiġi arrotondat għall-frazzjoni inferjuri ta’ wieħed minn għaxra ta’ perċentwali;

d)      rata waħda biss ta’ interessi bażiċi għandha tkun applikabbli għal kull fond ta’ tfaddil f’mument speċifiku;

e)      il-bonus ta’ lealtà li jingħata f’mument speċifiku huwa l-istess għall-ħlasijiet il-ġodda u għall-fondi li għalihom jibda jiddekorri perijodu ġdid ta’ lealtà. Bla ħsara għall-applikazzjoni tas-subparagrafu 7 tal-punt 4(b), il-bonus ta’ lealtà applikabbli fil-mument tal-ħlas jew fil-bidu ta’ perijodu ġdid ta’ lealtà għandu jibqa’ applikabbli tul il-perijodu sħiħ ta’ lealtà;

5°      l-istabbiliment depożitarju għandu jeżamina jekk il-limitu previst fl-Artikolu 21(5) taċ-CIR 1992, ikunx intlaħaq kull darba li l-interessi bażiċi u l-bonus ta’ lealtà jiġu kkontabilizzati, u għal dan il-għan għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-ammonti kollha mogħtija tul il-perijodu taxxabbli.”

9        L-amministrazzjoni ppubblikat, f’dan ir-rigward, iċ-ċirkolari Circ. AAFisc Nru 22/2014 (Nru Ci.RH.231/633.479), tat-12 ta’ Ġunju 2014, li, fil-punt 2 tiegħu, intitolat “Kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti mill-fondi ta’ tfaddil barranin koperti mill-eżenzjoni”, tipprevedi li:

“4.      Konformement mal-Artikolu 21(5) taċ-CIR 1992 [...], il-fondi ta’ tfaddil barranin għandhom jissodisfaw kriterji ddefiniti mil-leġiżlatur (jew minn korp pubbliku tal-eżekuttiv li jkun kompetenti sabiex jimplementa l-liġi fiskali) u li kienu s-suġġett ta’ opinjoni preliminari ta’ korpi simili għall-Bank nazzjonali tal-Belġju u għall-Awtorità tas-servizzi u tas-swieq finanzjarji.

5.      Barra minn hekk, dawn il-kriterji għandhom ikunu analogi għall-kriterji ddefiniti fl-Artikolu 2 tal-AR/CIR 92, għal dak li jirrigwarda:

–        il-munita li biha huma esposti;

–        il-kundizzjonijiet u l-metodi ta’ irtirar u ta’ ġbid;

–        u l-istruttura, il-livell u l-mod ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni tagħhom.

Għal iktar dettalji dwar dawn il-kriterji, għandi jiġi kkonsultat l-imsemmi Artikolu 2 tal-AR/CIR 92 [...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10      Johannes Van der Weegen u A. Pot kellhom, għal dak li jirrigwarda s-snin fiskali 2010 sa 2013, ħames fondi ta’ tfaddil ma’ stabbilimenti finanzjarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju. Huma talbu sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni fiskali prevista fl-Artikolu 21(5) taċ-CIR 1992, kif emendat bil-liġi tal-25 ta’ April 2014.

11      Peress li l-ebda wieħed minn dawn l-istabbilimenti ma seta jiddikjara li l-fondi ta’ tfaddil miegħu kienu jissodisfaw kundizzjonijiet analogi għal dawk applikabbli għall-fondi ta’ tfaddil irregolati Belġjani, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-interessi bażiċi u l-bonus ta’ lealtà, l-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani rrifjutaw li d-dħul li joriġina minn dawn il-fondi ta’ tfaddil ikun is-suġġett ta’ eżenzjoni fiskali.

12      Johannes Van der Weegen u Anna Pot ikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju li għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 21(5) taċ-CIR 1992, kif emendat bil-liġi tal-25 ta’ April 2014, mad-dritt tal-Unjoni.

13      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank van eerste aanleg West-Vlaanderen, afdeling Brugge (qorti tal-ewwel istanza tal-West-Vlaanderen, distrett ta’ Bruges, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 21(5) [taċ-CIR 1992], kif emendat bl-Artikolu 170 tal-liġi tal-25 ta’ April 2014 [...], jikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 56 u 63 TFUE kif ukoll l-Artikoli 36 u 40 tal-Ftehim ŻEE sa fejn din id-dispożizzjoni kkritikata, għalkemm tapplika indistintament għall-fornituri ta’ servizzi nazzjonali jew barranin, teħtieġ li jiġu ssodisfatti kundizzjonijiet analogi għal dawk inklużi fl-Artikolu [2] tad-digriet irjali li jimplementa [ċ-CIR 1992] li huma de facto speċifiċi għas-suq Belġjan b’mod li l-fornituri ta’ servizzi barranin huma serjament ostakolati fl-offerta tas-servizzi tagħhom fil-Belġju?”

14      Mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Johannes Van der Weegen miet fl-20 ta’ Jannar 2016. Maria Eugenia Van der Weegen, Miguel Juan Van der Weegen kif ukoll Anna Pot ġew issurrogati fid-drittijiet tiegħu.

 Fuq id-domanda preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

15      Għandu jitfakkar li, fis-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-383/10, EU:C:2013:364), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, billi stabbilixxa u żamm fis-seħħ sistema ta’ tassazzjoni diskriminatorja tal-interessi mħallsa mill-banek mhux residenti, li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ eżenzjoni fiskali rriżervata biss għall-interessi mħallsa mill-banek residenti, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56 TFUE kif ukoll l-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE.

16      Wara din is-sentenza, l-imsemmija sistema inbidlet fis-sens li l-eżenzjoni fiskali issa hija applikabbli wkoll għall-interessi mħallsa mill-banek mhux residenti.

17      Skont iċ-CIR 1992 kif emendat bil-liġi tal-25 ta’ April 2014, sabiex il-proprjetarji tal-fondi jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-benefiċċju ta’ tali eżenzjoni, is-sistema tal-fond ta’ tfaddil ikkunsidrata għandha tissodisfa ċerti kriterji, stabbiliti mil-liġi, bħall-fatt li l-munita għandha tkun l-euro, il-limitazzjonijiet għall-irtirar u għall-ġbid kif ukoll il-mod ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni li għandha tikkonsisti f’interessi bażiċi u f’bonus ta’ lealtà.

18      Iċ-CIR jipprevedi li l-fondi rċevuti minn stabbilimenti ta’ kreditu li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea għandhom jissodisfaw kriterji analogi ddefiniti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor.

19      Skont l-espożizzjoni tal-motivi tal-liġi tal-25 ta’ April 2014, “[i]l-kundizzjonijiet għandhom ikunu analogi [li] jfisser [...] li l-fondi ta’ tfaddil għandhom jkunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet bażiċi msemmija fl-Artikolu 21(5) taċ-CIR 1992”.

20      Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Belġjan ippreċiża li dan it-test għandu jinftiehem fis-sens li l-kundizzjonijiet li għalihom huma suġġetti l-fondi ta’ tfaddil ta’ banek stabbiliti fi Stat Membru li ma huwiex il-Belġju ma għandhomx ikunu identiċi għal dawk li għalihom huma suġġetti l-banek stabbiliti fil-Belġju iżda huwa suffiċjenti li dawn ikunu kundizzjonijiet analogi.

21      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, indipendentement minn din il-kwistjoni, huwa minnu li fond ta’ tfaddil ma’ bank stabbilit fil-Belġju jew ma’ bank stabbilit barra mill-Belġju għandu, f’kull każ, jissodisfa b’mod partikolari żewġ kundizzjonijiet sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni fiskali inkwistjoni.

22      Minn naħa, tali kont ta’ tfaddil għandu jkun suġġett għal ċerti restrizzjonijiet għal dak li jirrigwarda l-metodi u l-kundizzjonijiet ta’ irtirar u ta’ ġbid minn dan il-kont u, min-naħa l-oħra, ir-remunerazzjoni minn tali kont għandha tikkonsisti kemm f’interessi bażiċi kif ukoll f’bonus ta’ lealtà.

23      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq id-domanda preliminari

24      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 56 u 63 TFUE kif ukoll l-Artikoli 36 u 40 tal-Ftehim ŻEE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu sistema nazzjonali ta’ eżenzjoni fiskali, bħal dik prevista fl-Artikolu 21(5) taċ-CIR 1992, kif emendat mil-liġi tal-25 ta’ April 2014, li, għalkemm tapplika indistintament għad-dħul minn fondi ta’ tfaddil ma’ fornituri ta’ servizzi bankarji stabbiliti fil-Belġju jew fi Stat Membru taż-ŻEE, hija rriżervata għad-dħul minn fondi ta’ tfaddil ma’ banek li jissodisfaw kundizzjonijiet li huma, de facto, speċifiċi biss għas-suq nazzjonali.

25      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi kkonstatat qabelxejn li, għakemm tali leġizlazzjoni tista’ taqa’ fl-ambitu taż-żewġ libertajiet fundamentali invokati mill-qorti tar-rinviju, xorta jibqa’ l-fatt li l-eventwali effetti restrittivi ta’ din il-leġiżlazzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital huma l-konsegwenza inevitabbli tar-restrizzjonijiet eventwali imposti fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Issa, meta miżura nazzjonali tkun taffettwa fl-istess ħin diversi libertajiet fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja teżaminaha, bħala prinċipju, fid-dawl ta’ waħda biss minn dawn il-libertajiet jekk jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-oħrajn huma għal kollox sekondarji fir-rigward tal-ewwel waħda u jistgħu jkunu konnessi magħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C-42/07, EU:C:2009:519, punt 47; tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group, C-384/08, EU:C:2010:133, punt 40; kif ukoll id-digriet tat-28 ta’ Settembru 2016, Durante, C-438/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:728, punt 14).

26      Minn dan jirriżulta li s-sistema ta’ eżenzjoni fiskali inkwistjoni għandha tiġi eżaminata esklużivament fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE u tal-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE.

27      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li s-servizzi bankarji jikkostitwixxu servizzi fis-sens tal-Artikolu 57 TFUE. Issa, l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, tostakola l-possibbiltà għal fornitur ta’ servizzi li jeżerċita b’mod effettiv il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-66/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:5, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi sistema fiskali li tapplika indistintament għar-remunerazzjonijiet minn fond ta’ tfaddil imħallsa mill-banek stabbiliti fil-Belġju u għal dawk imħallsa minn banek stabbilti fi Stat Membru ieħor.

29      Madankollu, anki leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika indistintament għas-servizzi kollha, indipendentement mill-post ta’ stabbiliment tal-fornitur, tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi meta din tirriżerva l-benefiċċju ta’ vantaġġ biss għal dawk l-utenti ta’ servizzi li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet li jkunu, de facto, speċifiċi għas-suq nazzjonali u b’hekk iċaħħad lill-utenti ta’ servizzi oħra essenzjalment simili, iżda li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet partikolari previsti minn din il-leġiżlazzjoni, mill-benefiċċju ta’ dan il-vantaġġ. Fil-fatt, kif inhi tali leġiżlazzjoni taffettwa s-sitwazzjoni tal-utenti ta’ servizzi u hija għalhekk ta’ natura li tiskoraġġixxihom milli jużaw numru minn dawn il-fornituri, peress li s-servizzi proposti minn dawn tal-aħħar ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija leġiżlazzjoni, u b’hekk tikkundizzjona l-aċċess għas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments, C-384/93, EU:C:1995:126, punti 26 sa 28 u 35 sa 38, kif ukoll tal-10 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-212/09, EU:C:2011:717, punti 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat qabelxejn jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għalkemm applikabbli indistintament, toħloqx ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, hekk kif tippreċiża ċ-ċirkolari Circ. AAFisc Nru 22/2014, il-fondi għandhom jissodisfaw il-kriterji ddefiniti fl-Artikolu 2 tal-AR/CIR 92 li jipprevedi b’mod partikolari li l-irtirar minn tali fondi għandu jkun limitat sabiex issir distinzjoni bejn dawn tal-aħħar u kont kurrenti u li r-remunerazzjoni minn fondi ta’ tfaddil għandha obbligatorjament u esklużivament tikkonsisti f’interessi bażiċi u f’bonus ta’ lealtà.

32      Mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-persuni kkonċernati waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li fl-Istati Membri taż-ŻEE għajr ir-Renju tal-Belġju ma teżisti ebda sistema dwar il-fondi ta’ tfaddil li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 2 tal-AR/CIR 1992, b’mod partikolari dawk relatati mar-remunerazzjoni minn tali fond. Dan il-metodu ta’ remunerazzjoni jikkostitwixxi, milli jidher, karatteristika speċifika għas-suq bankarju Belġjan.

33      Għaldaqstant, il-leġizlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, għalkemm tapplika indistintament għar-remunerazzjonijiet mill-kontijiet ta’ tfaddil miftuħa ma’ stabbilimenti stabbiliti fil-Belġju u għal dawk miftuħa fi Stati Membri oħra taż-ŻEE, għandha, minn naħa, l-effett li tiskoraġġixxi, de facto, ir-residenti Belġjani milli jirrikorru għal servizzi ta’ banek stabbiliti fi Stati Membri oħra u milli jiftħu jew iżommu kontijiet ta’ tfaddil ma’ dawn il-banek, peress li l-interessi mħallsa minnhom ma jistgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni fiskali kkunsidrata, b’mod partikolari minħabba l-fatt li r-remunerazzjoni minn kontijiet ta’ tfaddil ma tikkonsistix f’rata ta’ interessi bażiċi u f’bonus ta’ lealtà.

34      Min-naħa l-oħra, din il-leġiżlazzjoni hija ta’ natura li tiskoraġġixxi lill-proprjetarji ta’ kont ta’ tfaddil ma’ bank stabbilit fil-Belġju, li jissodisfa l-kundizzjonijiet għal eżenzjoni, milli jittrasferixxu l-flus mfaddla tagħhom f’bank stabbilit fi Stat Membru ieħor u li ma joffrix kontijiet li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet.

35      Għaldaqstant, l-imsemmija leġiżlazzjoni tista’ tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ipprojbit, bħala prinċipju, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE sa fejn hija tissuġġetta għal kundizzjonijiet l-aċċess għas-suq bankarju Belġjan għal fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza.

36      Sussegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk tali ostakolu jistax jiġi ġġustifikat bir-raġunijiet invokati mill-Gvern Belġjan.

37      Għandu jitfakkar li l-miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jistgħu madankollu jiġu ammessi bil-kundizzjoni li jkollhom għan ta’ interess ġenerali, li jkunu adegwati sabiex jiżguraw it-twettiq tiegħu, u li ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-383/10, EU:C:2013:364, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Il-Gvern Belġjan isostni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-konsumaturi. Huwa jippreċiża, għal dan il-għan, li huwa indispensabbli li r-residenti Belġjani jkollhom kont ta’ tfaddil li jservi għal żmien twil, protett, stabbli, suffiċjenti u mingħajr riskju sabiex ikunu jistgħu jiġu koperti l-ispejjeż importanti jew mhux previsti tagħhom.

39      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, hemm il-protezzjoni tal-konsumaturi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-296/12, EU:C:2014:24, punt 47).

40      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, minn naħa, jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tissodisfax tali raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

41      Hija għandha wkoll, min-naħa l-oħra, tiżgura li s-sistema ta’ tassazzjoni inkwistjoni, jekk jiġi preżunt li għandha effettivament tali għan, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq u tosserva il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

42      Fil-fatt, anki jekk jiġi preżunt li s-sistema inkwistjoni tissodisfa raġuni ta’ interess ġenerali, billi ċċaħħad, de facto, lid-dħul kollu minn kontijiet ta’ tfaddil disponibbli fis-suq intern, bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-kontijiet miżmuma ma’ banek stabbiliti fil-Belġju, mill-benefiċċju tal-eżenzjoni, din is-sistema tista’ teskludi kontijiet ta’ tfaddil miftuħa fi stabbilimenti bankarji, b’mod partikolari fi stabbilimenti mhux Belġjani, li jkunu jippermettu li jintlaħaq l-istess għan bħal dak tal-imsemmija sistema, jiġifieri l-protezzjoni tal-konsumaturi. B’mod partikolari, l-ebda wieħed mill-argumenti mressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jitqies li l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 tal-AR/CIR 92 dwar ir-remunerazzjoni minn fondi hija neċessarja sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan.

43      Għaldaqstant, il-protezzjoni tal-konsumaturi ma tistax tiġi invokata sabiex tiġġustifika l-ostakolu kkunsidrat għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

44      Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni hija analoga għal dik stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE, b’tali mod li l-kunsiderazzjonijiet dwar dan tal-aħħar, mogħtija fil-punti 27 sa 43 ta’ din is-sentenza, japplikaw ukoll fir-rigward tal-imsemmi Artikolu 36.

45      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 56 TFUE u l-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi sistema nazzjonali ta’ eżenzjoni fiskali, sa fejn din tal-aħħar, għalkemm tapplika indistintament għad-dħul minn fondi ta’ tfaddil ma’ fornituri ta’ servizzi bankarji stabbiliti fil-Belġju jew fi Stat Membru taż-ŻEE, tissuġġetta għal kundizzjonijiet l-aċċess għas-suq bankarju Belġjan għal fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 56 TFUE u l-Artikolu 36 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi sistema nazzjonali ta’ eżenzjoni fiskali, sa fejn din tal-aħħar, għalkemm tapplika indistintament għad-dħul minn fondi ta’ tfaddil ma’ fornituri ta’ servizzi bankarji stabbiliti fil-Belġju jew fi Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, tissuġġetta għal kundizzjonijiet l-aċċess għas-suq bankarju Belġjan għal fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.