Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

27 ta’ April 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ħaddiema migranti – Sigurtà soċjali – Leġiżlazzjoni applikabbli – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 14(2)(a) – Regolament (KEE) Nru 574/72 – Artikolu 12a(1a) – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera – Persunal li jinnaviga – Persuni kkollokati fi Stat Membru ieħor – Fergħa Svizzera – Ċertifikat E 101 – Valur probatorju”

Fil-Kawża C-620/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni, Franza) permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura

A-Rosa Flussschiff GmbH

vs

Union de recouvrement des cotisations de sigurtà sociale et d’allocations familialesd’Alsace (Urssaf), aventi kawża tal-Urssaf tal-Bas-Rhin,

Sozialversicherungsanstalt des Kantons Graubünden,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, E. Regan, A. Arabadjiev, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Ottubru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A-Rosa Flussschiff GmbH, minn M. Schlingmann, avukat,

–        għall-Union de recouvrement des cotisations de sécurité sociale u d’allocations familiales d’Alsace (Urssaf), aventi kawża tal-Urssaf tal-Bas-Rhin, minn J.-J. Gatineau, avukat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u C. David, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, L. Van den Broeck u J. Van Holm, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn G. Hodge u E. Creedon kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn N. Donnelly, adviser,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn N. Ioannou, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Jannar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità kif ukoll tal-Artikolu 12a(1a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tagħhom emendati u aġġornati permezz tar-Regolament (KE) tal-Kunsill  Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3) kif emendati bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, (ĠU L 2005, L 117, p. 1) (iktar ’il quddiem, rispettivament, ir-Regolament Nru 1408/71” u r-“Regolament Nru 574/72”).

2        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn A-Rosa Flussschiff GmbH (iktar ’il quddiem “A-Rosa”), minn naħa, u l’Union de recouvrement des cotisations de sécurité sociale et d’allocations familiales (URSSAF) d’Alsace (l-Unjoni għall-irkupru ta’ kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali u ta’ allowance tal-familja tal-Alsace, Franza), aventi kawża tal-Urssaf tal-Bas-Rhin (Franza) u, min-naħa l-oħra, is-Sozialversicherungsanstalt des Kantons Graübunden (Istituzzjoni ta’ assigurazzjoni soċjali tad-distrett awtonomu ta’ Grisons, l-Isvizzera, iktar ’il quddiem l-“istituzzjoni Svizzera”) fir-rigward ta’ rkupru, notifikat mill-URSSAF lil A-Rosa, dwar nuqqas ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet lis-sistema Franċiża tas-sigurtà soċjali għall-perijodu mill-1 ta’ April 2005 sat-30 ta’ Settembru 2007.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 1408/71

3        L-Artikoli 13 sa 17a tar-Regolament Nru 1408/71 jaqgħu taħt it-Titolu II ta’ dak ir-regolament li huwa intitolat “Determinazzjoni tal-Leġislazzjoni Applikabbli”.

4        Wara li, fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 13 jistabbilixxi r-regola li l-persuni li għalihom japplika dan ir-regolament għandhom ikunu suġġetti, bħala prinċipju, għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss, jipprevedi:

“2.      Suġġetti għall-Artikolu 14 sa 17:

a)      persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[…]”

5        Taħt it-titolu “Regoli speċjali applikabbli għall-persuni, minbarra l-baħrin, ingaġġati fi mpieg imħallas”, l-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“L-Artikolu 13(2)(a) japplika suġġett għall-eċċezzjonijiet u ċ-ċirkustanzi li ġejjin:

1.      (a)      Persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru minn impriża li magħha normalment ikollu x’jaqsam li tkun ippostjata minn dik l-impriża fit-territorju ta’ Stat ieħor biex twettaq xogħol hemm minn dik l-impriża tkompli tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru, basta li t-tul antiċipat ta’ dak ix-xogħol ma jkunx jaqbeż tnax-il xahar u li ma tkunx intbagħtet hemm biex tieħu post persuna oħra li tkun temmet iż-żmien tal-postazzjoni tagħha;

[…]

2)      Persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar tkun suġġetta għal-leġislazzjoni li tkun determinata kif ġej:

(a)      Persuna li tifforma parti minn ‘personnel’ vjaġġanti jew tat-titjir ta’ impriża li, b’kera jew b’għoti jew inkella minn jedda, topera servizzi ta’ trasport internazzjonali għall-passiġġieri jew għall-merċa bit-tren, fuq it-triq, bl-ajru jew fuq il-kanali u li għandha l-uffiċċju tagħha reġistrat jew post tan-negozju fit-territorju ta’ Stat Membru tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat ta’ l-aħħar, bir-restrizzjonijiet li ġejjin:

i)      fejn l-imsemmija impriża jkollha fergħa jew rappreżentazzjoni permanenti fit-territorju ta’ Stat Membru għajr dak li fih għandha l-uffiċċju reġistrat jew il-post tan-negozju, persuna impjegata minn tali fergħa jew rappreżentazzjoni permanenti tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab it-tali fergħa jew rappreżentazzjoni permanenti;

[…]”

6        Skont l-Artikolu 80(1) tal-istess regolament:

“Ikun hemm marbuta mal-Kummissjoni Kummissjoni Amministrattiva għas-Sigurtà Soċjali għall-Ħaddiema Migranti (hawn taħt imsejħa ‘Il-Kummissjoni Amministrattiva’) magħmula minn rappreżentant tal-gvern ta’ kull Stat Membru, assistit, fejn meħtieġ, minn kunsillieri esperti […]”

7        Skont l-Artikolu 81(a) tar-Regolament Nru 1408/71, il-Kummissjoni Amministrattiva hija responsabbli, b’mod partikolari, li tittratta kull kwistjoni amministrattiva jew ta’ interpretazzjoni li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

8        L-Artikolu 84a(3) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Fil-każ ta’ diffikultajiet fl-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li jistgħu jipperikolaw id-drittijiet ta’ persuna koperta minnu, l-istituzzjoni ta’ l-Istat kompetenti jew ta’ l-Istat ta’ residenza tal-persuna involuta għandha tikkuntattja l-istituzzjoni jew l-istituzzjonijiet ta’ l-Istat jew Stati Membri konċernati. Jekk ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni f’perijodu raġonevoli, l-awtoritajiet konċernati jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tintervjeni.”

9        Ir-Regolament 1408/71 ġie mħassar u ssostitwit, mill-1 ta’ Mejju 2010, bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

 Ir-Regolament Nru 574/72

10      Taħt it-titolu “L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regolament sabiex tiġi stabbilita l-leġislazzjoni applikabbli”, it-Titolu III tar-Regolament Nru 574/72 jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 13 sa 17 tar-Regolament Nru 1408/71.

11      B’mod partikolari, l-Artikolu 12a(1a) tar-Regolament Nru 574/72 jipprevedi li l-istituzzjoni indikata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tibqa’ tapplika skont l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, toħroġ ċertifikat imsejjaħ “Ċertifikat E 101”, li jiċċertifika li l-ħaddiem ikkonċernat huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru.

12      Ir-Regolament 574/72 ġie mħassar u ssostitwit, mill-1 ta’ Mejju 2010, bir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

 Id-Deċiżjoni Nru 181 tal-Kummissjoni Amministrattiva, tat-13 ta’ Diċembru 2000

13      Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 81(a) tar-Regolament Nru 1408/71, il-Kummissjoni Amministrattiva adottat id-Deċiżjoni Nru 181, tat-13 ta’ Diċembru 2000, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 14(1), 14a(1), u 14b(1) u (2) tar-Regolament Nru 1408/71 (ĠU 2001, L 329, p. 73).

14      Skont il-punt 6 ta’ din id-deċiżjoni “iċ-ċertifikat E 101 għandu, bħala preferenza, jinħareġ qabel il-bidu tal-perijodu kkonċernat, madankollu huwa jista’ jinħareġ ukoll matul dan il-perijodu, jew saħansitra wara l-iskadenza tiegħu, f’liema każ ikollu effett retroattiv.”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

15      Il-punt 7 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Id-dmir ta’ kooperazzjoni li jsir riferiment għalih fil-punt 5(d) ta’ din id-deċiżjoni jimponi wkoll li:

a)      l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat li jibgħat li jipproċedi b’evalwazzjoni korretta tal-fatti rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 14(1), 14a(1), u 14b(1) u (2) tar-Regolament [Nru 1408/71] u 11, u 11a, tar-Regolament [Nru 574/72] u għaldaqstant, tiżgura li l-informazzjoni li tinsab fiċ-ċertifikat E 101 hija kompleta;

b)      L-istituzzjoni kompetenti tal-Istat tal-impjieg u tal-Istati Membri l-oħra kollha jikkunsidraw ruħhom bħala marbuta biċ-Ċertifikat 101 sakemm ma tkunx irtirata jew iddikjarata invalida mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat li jibgħat;

ċ)      l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat li jibgħat jikkunsidra mill-ġdid il-fondatezza għall-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat u, skont il-każ, li jirtira ċ-ċertifikat imsemmi meta l-istituzzjoni tal-Istat tal-impjieg jesprimi dubji fuq il-korrettezza tal-fatti abbażi tal-imsemmi ċertifikat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      Il-punt 9 tal-istess deċiżjoni jipprevedi:

“Meta l-istituzzjonijiet kompetenti ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim, huma jistgħu jissottomettu lill-Kummissjoni Amministrattiva, permezz tar-rappreżentant tal-gvern tagħhom, nota li tiġi eżaminata fl-ewwel laqgħa wara l-għoxrin jum wara s-sottomissjoni tagħha bil-ħsieb li tirrikonċilja l-fehmiet opposti dwar il leġiżlazzjoni applikabbli għall-każ.”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni

17      L-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Ġunju 1999, approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, tal-4 ta’ April 2002, dwar il-konklużjoni ta’ seba’ Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 89, iktar ’il quddiem il-“Ftehim KE-Svizzera”), jipprovdi:

“B’mod partikolari, il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu, skont l-Anness II, għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

18      L-Anness II tal-Ftehim KE-Svizzera, dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, jipprovdi fl-Artikolu 1 tiegħu:

“1.      Il-Partijiet kontraenti jaqblu, fir-rigward tal-koordinazzjoni ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali, li japplikaw bejniethom l-atti Komunitarji li għalihom qiegħda ssir referenza kif kienu fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tal-ftehim u kif emendati, bis-Sezzjoni A ta’ dan l-Anness, jew ir-regoli ekwivalenti għal dawn l-atti.

2.      It-terminu ‘Stat(i) Membru(i)’ li jinsab fl-atti li għalihom issir riferenza msemmija fit-Taqsima A ta’ dan l-Anness huwa kkunsidrat li jirreferi, barra mill-Istati koperti mill-atti tal-Komunità inkwistjoni, għall-Isvizzera.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

19      It-Taqsima A tal-imsemmi anness tagħmel riferiment b’mod partikolari għar-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72.

20      Permezz tad-Deċiżjoni Nru 1/2012 tal-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim KE-Svizzera, tal-31 ta’ Marzu 2012, li ssostitwixxa l-Anness II tal-imsemmi ftehim dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2012, L 103, p. 51) li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ April 2012, it-Taqsima A tal-imsemmi anness ġiet aġġornata u issa tirreferi għar-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009.

21      Madankollu, il-fatti preċedenti għad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni, bħal dawk relatati mal-kawża prinċipali, jibqgħu rregolati mir-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72, bl-applikazzjoni tal-punti 3 u 4, Taqsima A tal-Anness II, tal-Ftehim KE-Svizzera, kif emendat bid-Deċiżjoni Nru 1/2012, li dejjem jirreferi għar-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 574/72 “meta jkun hemm każijiet ikkonċernati li seħħew fil-passat”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22      A-Rosa, li s-sede tagħha huwa stabbilit fil-Ġermanja tmexxi b’mod partikolari żewġ vapuri tal-kruċiera fir-Rhône u fis-Saône (Franza), li abbord tagħhom jaħdmu rispettivament 45 u 46 impjegati staġjonali, ċittadini ta’ Stati Membri li ma jinkludux lil Franza u li għandhom funzjonijiet ta’ lukanda. Iż-żewġ vapuri jinnavigaw esklużivament f’ibħra interni Franċiżi.

23      A-Rosa għandha fergħa stabbilita fl-Isvizzera li l-attività tagħha tikkonsisti fl-immaniġġjar tal-aspetti kollha ta’ attività ta’ vapuri, tal-ġestjoni, tal-amministrazzjoni kif ukoll tar-riżorsi umani, jiġifieri fir-rigward tal-persunal impjegat fuq dawn il-vapuri. F’dan ir-rigward, il-kuntratti ta’ xogħol kollha tal-impjegati staġjonali hawn fuq imsemmija huma suġġetti għad-dritt Svizzeru.

24      Wara spezzjoni fuq dawn iż-żewġ vapuri, imwettqa fis-7 ta’ Ġunju 2007, l-URSSAF irrilevat xi irregolaritajiet fl-assigurazzjoni soċjali ta’ ħaddiema impjegati li jokkupaw funzjonijiet ta’ lukanda. Din il-konstatazzjoni tat lok għal irkupru, notifikat lil A-Rosa fit-22 ta’ Ottubru 2007, għall-ammont ta’ EUR 2 024 123 bħala arretrati tal-kontribuzzjonijiet lis-sistema Franċiża ta’ sigurtà soċjali, għall-perijodu bejn l-1 ta’ April 2005 u t-30 ta’ Settembru 2007.

25      Matul l-ispezzjonijiet, A-Rosa pproduċiet l-ewwel lott ta’ ċertifikati E 101, għas-sena 2007, maħruġa mill-istituzzjoni Svizzera, skont l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71.

26      A-Rosa kkontestat dan l-irkupru quddiem it-tribunal des affaires de sécurité sociale du Bas-Rhin (Franza) (qorti għall-kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali tal-Bas Rhin, Franza). Dan ir-rikors ġie miċħud b’sentenza tad-9 ta’ Frar 2011. Din il-qorti fil-fatt kkunsidrat li l-attività ta’ A-Rosa kienet kompletament ibbażata fuq it-territorju Franċiż u li kienet eżerċitata b’mod abitwali, stabbli u kontinwu, b’tali mod li A-Rosa ma setgħetx tibbaża fuq l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1408/71, invokat minn din tal-aħħar fil-kuntest tar-rikors tagħha, peress li din id-dispożizzjoni tirregola s-sitwazzjoni partikolari tal-kollokament ta’ ħaddiema.

27      A-Rosa appellat minn din is-sentenza quddiem il-cour d’appel de Colmar (qorti tal-appell ta’ Colmar, Franza).

28      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Mejju 2011, l-URSSAF ressqet talba għall-irtirar taċ-ċertifikati E 101 lill-istituzzjoni Svizzera, billi rrilevat, b’mod partikolari, li dawn iċ-ċertifikati ma kellhomx ikunu bbażati fuq l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, peress li l-attività tal-vapuri inkwistjoni ġiet eżerċitata b’mod permanenti u esklużivament fi Franza, b’mod li l-impjegati ngaġġati speċifikament sabiex joperaw abbord il-vapur kellhom ikunu suġġetti għal dikjarazzjonijiet perijodiċi quddiem l-organi ta’ protezzjoni soċjali Franċiżi.

29      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Awwissu 2011, l-istituzzjoni Svizzera wieġbet għal din it-talba, billi indikat, b’mod partikolari, li kienet imponiet obbligu fuq A-Rosa li tnaqqas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali konformement mad-dritt tal-pajjiż rispettiv għall-persuni li effettivament jaħdmu fi Stat Membru wieħed biss tal-Unjoni u billi talbet lill-URSSAF, fid-dawl tal-fatt li fir-rigward tas-sena 2007, l-kontribuzzjonijiet kollha tas-sigurtà soċjali li jikkonċernaw dawn il-persuni kienu mnaqqsa u mħallsa fl-Isvizzera fl-2007 għal persuni li jagħtu lok għall-ilment, li jirrinunzjaw għal korrezzjoni retroattiva tal-issuġġettar tal-istituzzjoni għad-dispożizzjonijiet legali Franċiżi.

30      Matul il-proċedura tal-appell, A-Rosa pproduċiet it-tieni lott ta’ ċertifikati E 101, għas-snin 2005 u 2006, maħruġa wkoll mill-istituzzjoni Svizzera skont l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71.

31      L-appell ippreżentat minn A-Rosa kien miċħud fil-parti kbira tiegħu permezz ta’ sentenza tal-cour d’appel de Colmar (qorti tal-appell ta’ Colmar, Franza) b’sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013. F’dan ir-rigward, jekk din il-kumpannija invokat il-benefiċċju taċ-ċertifikati E 101 li hija kienet ippreżentat, din il-qorti, wara li rrilevat li tali ċertifikati ma kinux inħarġu skont l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, li bbażat fuqu A-Rosa, iżda fuq l-Artikolu 14(2)(a) ta’ dan ir-regolament, u li l-imsemmija ċertifikati kienu ġew ipprovduti minn A-Rosa f’żewġ lottijiet, l-ewwel wieħed, matul l-ispezzjonijiet tal-URSSAF u t-tieni wieħed, wara d-deċiżjoni tat-tribunal des affaires de sécurité sociale du Bas-Rhin (qorti għall-kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali tal-Bas Rhin, Franza), ikkonstatat li l-ħaddiema impjegati li r-remunerazzjoni tagħhom kienet is-suġġett ta’ rkupru kienu jeżerċitaw l-attività tagħhom fuq it-territorju Franċiż biss, b’tali mod li A-Rosa ma ġġustifikatx eċċezzjonijiet li kienu jippermettulha tevita l-prinċipju territorjali stabbilit fl-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71.

32      A-Rosa appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni, Franza). Din tal-aħħar, mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-cour d’appel de Colmar (qorti tal-appell ta’ Colmar, Franza), tistaqsi dwar jekk il-ħruġ ta’ ċertifikat E 101 mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru, fuq il-bażi tal-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, huwa suġġett għall-effetti li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja s-soltu tagħti lil tali ċertifikat, meta l-modalitajiet li taħthom il-ħaddiem impjegat ikkonċernat mill-imsemmi ċertifikat jeżerċita l-attività tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor manifestament ma jaqawx fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-regoli derogatorji tal-Artikolu 14.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-effett marbut maċ-ċertifikat E 101 maħruġ, skont l-Artikoli 11(1), u 12a(1a) tar-Regolament Nru 574/72 [...] mill-istituzzjoni indikata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu dwar is-sigurtà soċjali tibqa’ tapplika għas-sitwazzjoni tal-ħaddiem impjegat, huwa impost, minn naħa, fuq l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet tal-Istat ospitanti, u min-naħa l-oħra, fuq il-qrati tal-istess Stat Membru, meta jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet tal-attività tal-ħaddiem impjegat ma jaqgħux manifestament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-regoli derogatorji tal-Artikolu 14(1) u (2), tar-Regolament Nru 1408/71?”

 Fuq id-domanda preliminari

34      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-l-Artikolu 12a(1a) tar-Regolament Nru 574/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċertifikat E 101 maħruġ mill-istituzzjoni stabbilita mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jorbot kemm l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru li fih twettaq ix-xogħol kif ukoll il-qrati ta’ dan l-Istat Membru, anki jekk jiġi kkonstatat minn dawn tal-aħħar li l-kundizzjonijiet tal-attività tal-ħaddiem ikkonċernat manifestament ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1408/71.

35      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali biss għandha ġurisdizzjoni li tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja biss hija awtorizzata tagħti deċiżjonijiet fuq l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali u legali kif deskritta mill-qorti tar-rinviju, sabiex tagħti lil din tal-aħħar l-informazzjoni utli għas-soluzzjoni tal-kawża li tressqet quddiemha (sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Kratzer, C-423/15, EU:C:2016:604, punt 27).

36      Għalhekk, huwa abbażi tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju li għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula minnha, kif ifformulata mill-ġdid fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, din tal-aħħar għalhekk ma tippreġudikax il-kwistjoni ta’ jekk il-ħaddiema kkonċernati jaqgħux jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71 u lanqas fil-leġiżlazzjoni applikabbli għal dawn il-ħaddiema.

37      Għandu jitfakkar li ċ-ċertifikat E 101 għandu l-għan, bħall-leġiżlazzjoni sostantiva prevista fl-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, li jiġu ffaċilitati l-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere, C-2/05, EU:C:2006:69, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Fl-imsemmi ċertifikat, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih hija stabbilita l-impriża ta’ impjieg tal-ħaddiema kkonċernati tiddikjara li l-iskema ta’ sigurtà soċjali tagħha tibqa’ applikabbli għal dawn tal-aħħar. B’dan il-mod, minħabba l-prinċipju li l-ħaddiema għandhom ikunu assigurati ma’ skema waħda biss ta’ sigurtà soċjali, dan iċ-ċertifikat neċessarjament jimplika li l-iskema tal-pajjiż l-ieħor ma tistax tapplika (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere, C-2/05, EU:C:2006:69, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, jimponi fuq l-istituzzjoni li toħroġ iċ-ċertifikat id-dmir li tagħmel evalwazzjoni korretta tal-fatti rilevanti għall-applikazzjoni tar-regoli relatati mad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar is-sigurtà soċjali u, b’hekk, li tiggarantixxi l-eżattezza tal-indikazzjonijiet li jidhru fuq iċ-ċertifikat E 101 (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere, C-2/05, EU:C:2006:69, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Għal dak li jikkonċerna l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih ġie mwettaq ix-xogħol, jirriżulta wkoll mill-obbligi ta’ kooperazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 4(3) TUE li dawn l-obbligi ma jkunux ġew osservati – u l-għanijiet tal-Artikoli 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-Artikolu 12a(1a) tar-Regolament Nru 574/72 ikunu ġew esklużi – jekk l-istituzzjoni tal-imsemmi Stat Membru kellha tikkunsidra li hija ma hijiex marbuta bl-indikazzjonijiet taċ-Ċertifikat E 101 u jissuġġettaw lil dawn il-ħaddiema għall-iskema ta’ sigurtà soċjali tagħhom ukoll (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2000, Banks et, C-178/97, EU:C:2000:169, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Konsegwentement, iċ-ċertifikat E 101, sa fejn joħloq preżunzjoni ta’ regolarità tal-affiljazzjoni tal-ħaddiem ikkonċernat mal-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru li fih hi stabbilita l-impriża li timpjegah, jorbot lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih dan il-ħaddiem iwettaq ix-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2000, Banks et, C-178/97, EU:C:2000:169, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Soluzzjoni kuntrarja tkun tali li tikser il-prinċipju ta’ affiljazzjoni tal-persuni impjegati ma’ skema waħda biss ta’ sigurtà soċjali, u tkun ta’ ħsara għall-prevedibbiltà tal-iskema applikabbli u, għalhekk, għaċ-ċertezza legali. Fil-fatt, f’każijiet fejn ikun diffiċli li tiġi ddeterminata l-iskema applikabbli, kull waħda mill-istituzzjonijiet kompetenti taż-żewġ Stati Membri kkonċernati jkollha t-tendenza li tikkunsidra, għad-detriment tal-ħaddiema kkonċernati, li l-iskema ta’ sigurtà soċjali tagħha tkun applikabbli għalihom (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere, C-2/05, EU:C:2006:69, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Għaldaqstant, sakemm iċ-ċertifikat E 101 ma jiġix irtirat jew iddikjarat invalidu, l-istituzzjoni kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih iwettaq ix-xogħol il-ħaddiem għandha tqis il-fatt li dan tal-aħħar huwa diġà suġġett għall-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali tal-Istat fejn l-impriża li timpjegah hija stabbilita u din l-istituzzjoni ma tistax, konsegwentement, tissuġġetta lill-ħaddiem inkwistjoni għall-iskema ta’ sigurtà soċjali tagħha (sentenza tat-30 ta’ Marzu 2000, Banks et, C-178/97, EU:C:2000:169, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Madankollu, hija l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li jkun ħareġ iċ-ċertifikat E 101 li għandha tikkunsidra mill-ġdid il-korrettezza ta’ dan il-ħruġ u, jekk ikun il-każ, tirtira ċ-ċertifikat meta l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih il-ħaddiem iwettaq ix-xogħol ikollha xi dubji dwar l-eżattezza tal-fatti li fuqhom huwa bbażat l-imsemmi ċertifikat u, għalhekk, tal-indikazzjonijiet li jidhru fuqu, b’mod partikolari għar-raġuni li dawn ma jikkorrispondux mar-rekwiżiti tal-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2000, Banks et, C-178/97, EU:C:2000:169, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Fil-każ li l-istituzzjonijiet ikkonċernati ma jiftiehmux b’mod partikolari fuq l-evalwazzjoni tal-fatti partikolari għal sitwazzjoni speċifika u, konsegwentement, fuq il-kwistjoni jekk din taqax taħt l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, huma jistgħu jitolbu l-għajnuna tal-Kummissjoni Amministrattiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere, C-2/05, EU:C:2006:69, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Jekk din ta’ l-aħħar ma tasalx biex tirrikonċilja l-perspettivi tal-istituzzjonijiet kompetenti fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan il-każ, huwa għall-inqas ammissibbli għall-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-ħaddiem ikkonċernat wettaq ix-xogħol, u dan, bla ħsara għar-rimedji possibbli ta’ natura ġuridika li jeżistu fl-Istat Membru li għalih tappartjeni l-istituzzjoni li ħarġet iċ-ċertifikat, jista’ jiftaħ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, skont l-Artikolu 259 KE, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżamina, meta jsir tali rikors, il-kwistjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-imsemmija ħaddiema u, għalhekk, l-eżattezza tal-indikazzjonijiet inklużi fiċ-ċertifikat E 101 (sentenza tal-10 ta’ Frar 2000, FTS, C-202/97, EU:C:2000:75, punt 58).

47      Li kieku kellu jiġi aċċettat li l-istituzzjoni nazzjonali kompetenti tista’, billi tiftaħ proċedimenti quddiem qorti tal-Istat Membru ospitanti tal-ħaddiem ikkonċernat u li għaliha tappartjeni, tikseb dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ ċertifikat E 101, dan jista’ jikkomprometti s-sistema bbażata fuq il-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere, C-2/05, EU:C:2006:69, punt 30).

48      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sakemm dan ma jiġix irtirat jew iddikjarat bħala invalidu, iċ-ċertifikat E 101 huwa obbligatorju fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru li fih il-ħaddiem impjegat jittrasferixxi ruħu sabiex iwettaq xogħol, u, għaldaqstant, jorbot l-istituzzjonijiet ta’ dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, sentenza tas-26 ta’ Jannar 2006, Herbosch Kiere, C-2/05, EU:C:2006:69, punt 31).

49      Minn dan jirriżulta li qorti ta’ l-Istat Membru ospitanti ma hijiex awtorizzata tivverifika l-validità ta’ ċertifikat E 101 għal dak li jirrigwarda l-attestazzjoni tal-elementi li fuq il-bażi tagħhom ikun inħareġ dan iċ-ċertifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Herbosch Kiere, C-2/05, EU:C:2006:69, punt 32).

50      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, sa fejn iċ-ċertifikat E 101 huwa obbligatorju għal din l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, xejn ma jiġġustifika l-fatt li l-persuna li titlob is-servizzi ta’ ħaddiem ma taġixxix fuq l-imsemmi ċertifikat. Jekk hija jkollha dubji dwar il-validità taċ-ċertifikat, din il-persuna għandha madankollu tinforma lill-istituzzjoni inkwistjoni b’dan (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, X u van Dijk, C-72/14C-197/14, EU:C:2015:564, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Għalhekk, ċertifikat E 101 maħruġ minn istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru, konformement mal-Artikolu 12a(1a), tar-Regolament Nru 574/72, filwaqt li, skont l-istituzzjonijiet u l-qrati tal-Istat Membru fejn ix-xogħol huwa mwettaq, il-ħaddiema kkonċernati ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, jorbot kemm dawn l-istituzzjonijiet u dawn il-qrati kif ukoll il-persuna li titlob is-servizzi ta’ dawn il-ħaddiema.

52      Il-fatt li l-ħaddiema kkonċernati manifestament ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 14 ma jibdel bl-ebda mod il-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

53      Fil-fatt, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeterminat, permezz tal-ġurisprudenza tagħha, li l-proċedura li għandha tiġi segwita għar-riżoluzzjoni tat-tilwim possibbli bejn l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri kkonċernati dwar il-validità jew l-eżattezza ta’ ċertifikat E 101, l-istituzzjonijiet tal-Istati għandhom japplikaw ir-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72, inkluża l-Konfederazzjoni Svizzera, konformement mal-Ftehim KE-Svizzera, għandhom josservaw din il-proċedura, anki jekk jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet tal-attività tal-ħaddiema kkonċernati ma taqax manifestament fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dispożizzjoni li abbażi tagħha inħareġ iċ-ċertifikat E 101.

54      F’dan il-kuntest, l-argumenti invokati mill-Gvern Franċiż u mill-URSSAF kemm dwar l-ineffettività tal-imsemmija proċedura u n-neċessità ta’ prevenzjoni tal-kompetizzjoni żleali kif ukoll id-dumping soċjali ma jistgħu bl-ebda mod jiġġustifikaw il-ksur ta’ din il-proċedura lanqas, a fortiori, id-deċiżjoni li jiġi eskluż ċertifikat E 101 maħruġ mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor.

55      Dawn l-argumenti lanqas ma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ġġustifikati sabiex jemendaw, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

56      Fil-fatt, qabel kollox, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, jirriżulta mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-awtoritajiet Franċiżi ma eżawrewx it-triq tad-djalogu mal-istituzzjoni Svizzera u lanqas ma pprovaw jirreferu għall-Kummissjoni Amministrattiva, b’tali mod li l-fatti li taw lok għal din it-tilwima ma humiex ta’ natura li jesponu l-allegati nuqqasijiet tal-proċedura ddeterminata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew li juru l-impossibbiltà li jiġu riżolti sitwazzjonijiet possibbli ta’ kompetizzjoni żleali jew dumping soċjali, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 75 u 82 tal-konklużjonijiet tiegħu.

57      Sussegwentement, għandu jiġi osservat li d-Deċiżjoni 181 approvat il-prinċipji legali li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar iċ-ċertifikat 101, inkluż l-obbligu li jissottomettu lill-Kummissjoni Amministrattiva d-differenzi possibbli dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-fatti li huma l-bażi tal-ħruġ ta’ ċertifikat E 101.

58      Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni jipprevedi, fl-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-każ ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni jew applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li jistgħu jikkontestaw id-drittijiet ta’ persuna koperta minnu, fl-ewwel lok, it-triq tad-djalogu bejn l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati u, fit-tieni lok, jirrikorru għand il-Kummissjoni Amministrattiva.

59      Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 987/2009, attwalment fis-seħħ, ikkodifika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi stabbilixxa n-natura vinkolanti taċ-ċertifikat E 101 u l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-istituzzjoni tal-ħruġ għall-evalwazzjoni tal-validità tal-imsemmi ċertifikat, u billi rrepeta espliċitament il-proċedura kkontestata mill-Gvern Franċiż u mill-URSSAF bħala mezz għar-riżoluzzjoni tat-tilwim kemm dwar l-eżattezza tad-dokumenti stabbiliti mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru kif ukoll fuq id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiem ikkonċernat.

60      Fl-aħħar nett, il-fatt li, f’dan il-każ, l-Istat tal-ħruġ taċ-ċertifikati E 101 hija l-Konfederazzjoni Svizzera u li, għaldaqstant, rikors possibbli ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jistgħux jinbdew fir-rigward ta’ dan l-Istat, kif isostni l-Gvern Franċiż, ma jaffettwax in-natura vinkolanti taċ-ċertifikati E 101 inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Ftehim KE-Svizzera jipprevedi s-sistema tiegħu għar-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn il-partijiet kontraenti, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu.

61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 12a(1a) tar-Regolament Nru 574/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċertifikat E 101 maħruġ mill-istituzzjoni stabbilita mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jorbot kemm l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru li fih twettaq ix-xogħol kif ukoll il-qrati ta’ dan l-Istat Membru, anki jekk jiġi kkonstatat minn dawn tal-aħħar li l-kundizzjonijiet tal-attività tal-ħaddiem ikkonċernat manifestament ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1408/71.

 Fuq l-ispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tiddeċiedi:

L-Artikolu 12a(1a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċertifikat E 101 maħruġ mill-istituzzjoni stabbilita mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata mir-Regolament Nru 118/97,kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, jorbot kemm l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru li fih twettaq ix-xogħol kif ukoll il-qrati ta’ dan l-Istat Membru, anki jekk jiġi kkonstatat minn dawn tal-aħħar li l-kundizzjonijiet tal-attività tal-ħaddiem ikkonċernat manifestament ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1408/71.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.