Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
18 ta’ Mejju 2017(*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 314 – Skema ta’ marġni ta’ profitt – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Rifjut mill-awtoritajiet fiskali nazzjonali li l-persuna taxxabbli tibbenefika mid-dritt li tapplika l-iskema ta’ marġni ta’ profitt – Riferimenti fuq il-fatturi kemm tal-applikazzjoni mill-fornitur tal-iskema ta’ marġni ta’ profitt kif ukoll għall-eżenzjoni mill-VAT – Nuqqas ta’ applikazzjoni mill-fornitur tal-iskema ta’ marġni ta’ profitt għall-provvista – Indizji li jindikaw l-eżistenza ta’ irregolaritajiet jew ta’ frodi fil-provvista”
Fil-Kawża C-624/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Novembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura
“Litdana” UAB
vs
Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos,
fil-preżenza ta’:
Klaipėdos apskrities valstybinė mokesčių inspekcija,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn E. Juhász, President tal-Awla, C. Vajda (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,
Avukat Ġenerali : P. Mengozzi,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Jannar 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal “Litdana” UAB, minn P. Gruodis, avukat,
– għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis, D. Stepanienė u D. Kriaučiūnas, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ċiprijott, minn K.-K. Kleanthous Kyriaki u E. Symeonidou, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 11 u 14 tal-Artikolu 226, u tal-Artikolu 314(a) u (d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006 L 347, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/88/UE, tas-7 ta’ Diċembru 2010 (ĠU 2010, L 326, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn “Litdana” UAB u l-Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos (spettorat nazzjonali tat-taxxi fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Litwanja, iktar ’il quddiem l-“ispettorat nazzjonali tat-taxxa”) dwar ir-rifjut ta’ din l-awtorità li tagħtiha d-dritt li tapplika l-iskema tat-taxxa tal-marġni, għall-kalkolu tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fir-rigward tal-bejgħ ta’ vetturi użati mixtrija mingħand impriża Daniża.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Il-premessa 51 tad-Direttiva tal-VAT tistabbilixxi:
“Hu xieraq li tiġi adottata sistema ta’ tassazzjoni tal-Komunità li għandha tkun applikata għall-oġġetti użati, xogħlijiet ta’ l-arti, antikitajiet u oġġetti tal-kollezzjoni, bil-għan li tkun evitata t-taxxa doppja u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn persuni taxxabbli.
4 Skont l-Artikolu 226 ta’ din id-direttiva:
“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet partikolari stabbiliti f’din id-Direttiva, dawn id-dettalji li ġejjin biss huma meħtieġa għall-finijiet ta’ VAT fuq fatturi maħruġa skont l-Artikoli 220 u 221
[...]
11) fil-każ ta’ eżenzjoni, referenza għad-dispożizzjoni applikabbli ta’ din id-Direttiva, jew għad-disposizzjoni nazzjonali korrispondenti, jew għal kwalnukwe referenza oħra li tindika li l-provvista ta’ merkanzija jew servizzi hija eżentata;
[...]
14) fejn wieħed mill-arranġamenti speċjali applikabbli għal merkanzija użata, xogħlijiet tal-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet tiġi applikata, ir-referenza “Skema ta’ marġini - Merkanzija użata”; “Skema ta’ marġini - xogħlijiet tal-arti” jew “Skema ta’ marġini - oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet” rispettivament;
[...]”
5 L-Artikolu 313(1) ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi li:
“Għar-rigward ta’ provvisti ta’ oġġetti użati, xogħlijiet tal-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet magħmula minn negozjanti taxxabbli, l-Istati Membri għandhom japplikaw skema speċjali għall-intaxxar tal-marġni ta’ profitt magħmul minn negozjant taxxabbli, skont id-disposizzjonijiet ta’ din is-Sub-taqsima
6 L-Artikolu 314tal-istess direttiva jipprevedi:
“L-iskema tal-marġni [ta’ profitt] għandha tapplika għall-provvista minn negozjant taxxabbli ta’ merkanzija użata, oġġetti tal-kollezzjoni jew antikitajiet fejn dik il-merkanzija kienet ipprovduta lilu fil-Komunità minn waħda mill-persuni li ġejjin:
(a) persuna mhux taxxabbli;
(b) persuna taxxabbli oħra, sakemm il-provvista tal–merkanzija minn dik il-persuna l-oħra taxxabbli tkun eżentata skont l-Artikolu 136;
(ċ)persuna taxxabbli oħra, sakemm il-provvista tal–merkanzija minn dik il-persuna taxxabbli l-oħra hi koperta mill-eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar ipprovduta fl-Artikoli 282 sa 292 u tinvolvi assi kapitali;
(d) negozjant taxxabbli ieħor, sakemm il-VAT ġie applikat għall-provvista ta’ merkanzija minn dak in-negozjant taxxabbli l-ieħor skont din l-iskema ta’ marġini.”
7 Skont l-Artikolu 315 tad-Direttiva tal-VAT:
“L-ammont taxxabbli fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija kif msemmija fl-Artikolu 314 għandu jkun il–marġni ta’ profitt magħmul min-negozjant taxxabbli, bit-tnaqqis ta’ l-ammont tal-VAT li jirreferi għall-marġni ta’ profitt.
Il-marġni ta’ profitt tan-negozjant taxxabbli għandu jkun ugwali għad-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ mitlub min-negozjant taxxabbli għall-merkanzija u l-prezz tax-xiri.
8 L-Artikolu 323 tad-Direttiva tal-VAT;
“Persuni taxxabbli ma jistgħux inaqqsu mill-VAT li għaliha huma responsabbli l-VAT dovuta jew imħallsa għal merkanzija li ġiet, jew ser tkun, ipprovdut, lilhom minn negozjant taxxabbli, sakemm il-provvista ta’ dik il-merkanzija min-negozjant tkun soġġetta għall-iskema ta’ marġini.
9 L-Artikolu 325 ta’ din id-direttiva jipprevedi:
“In-negozjant taxxabbli ma jistax idaħħal separatament fil-fatturi li hu joħroġ il-VAT relatata mal-provvisti ta’ merkanzija li għalihom japplika l-iskema ta’ marġini.
Id-dritt Litwan
10 L-Artikolu 106 tal-Lietuvos Respublikos pridėtinės vertės mokesčio įstatymas Nru IX-751 (Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja Nru IX-751 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud), tal-5 ta’ Marzu 2002 (Žin., 2002, Nru 35-1271), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-VAT”), jipprevedi:
“1. Persuna taxxabbli għall-VAT li tipprovdi oġġetti użati, oġġetti tal-arti, kollezzjonabbli jew tal-antikwarjat, fis-sens tal-imsemmi artikolu, għandha tikkalkola l-VAT għall-oġġetti użati, xogħlijiet tal-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet ipprovduti skont il-modalitajiet previsti f’din it-taqsima. Id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija taqsima japplikaw għall-persuni taxxabbli għall-VAT li, fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, jeżerċitaw b’mod permanenti l-provvista ta’ oġġetti użati, xogħlijiet tal-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet. Meta l-persuni taxxabbli għall-VAT jipprovdu l-oġġetti tanġibbli u fissi tagħhom stess, huma jiġu kkunsidrati li jikkonformaw, fir-rigward ta’ dawn it-tranżazzjonijiet, mar-rekwiżiti ta’ dan il-paragrafu dwar l-eżerċizzju kostanti tal-provvista tal-oġġetti użati.
2. Id-dispożizzjonijietta’ din it-taqsima japplikaw jekk persuna taxxabbli għall-VATjipprovdu mingħajr VAToġġetti użati, xogħlijiet tal-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u/jew antikitajiet mixtrija fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll oġġetti użati, xogħlijiet tal-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u/jew antikitajiet li għalihom tapplika din is-sistema ta’ tassazzjoni speċjali, jew vetturi użati li għalihom japplikaw waqt ix-xiri tal-Istat Membru fl-Istat Membru ta’ tluq id-dispożizzjonijietprovviżorji speċjali applikabbli għall-vetturi użati f’dan l-Istat Membru. [...] ”
11 Skont l-Artikolu 107(1) u (2) tal-liġi dwar il-VAT jipprevedi:
“1. Meta l-oġġetti msemmija fl-Artikolu 106(2) tal-[liġi dwar il-VAT] jiġu pprovduti, l-ammont taxxabbli huwa l-marġini tal-bejjiegħ, ikklkolat skont il-modalitajiet tal-pargrafu 2 ta’ dan l-artikolu.
2. Il-marġini tal-bejjiegħ huwa kkalkolat bħala d-differenza bejn ir-remunerazzjoni (bl-esklużjoni tal-VAT infisha) li l-bejjiegħ jkun irċieva jew għandu jirċievi għall-oġġetti pprovduti, u l-ammont (li jinkludi l-VAT) li jkun ħallas jew għandu jħallas lill-fornitur tiegħu matul l-akkwist ta’ dawn l-oġġetti.Jekk l-oġġetti importati mill-persuna taxxabbli għall-VAT huma pprovduti, l-ammont tad-dazji tal-importazzjoni, tat-taxxi fuq l-importazzjoni u tal-VAT għall-importazzjoni fuq dawn l-oġġetti tiġi addizzjonalment imnaqqsa.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 Litdana topera attività tal-bejgħ ta’ vetturi użati b’mod kostanti. Matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ottubru 2012, hija akkwistat mingħand Handicare Auto A/S, kumpannija Daniża, vetturi użati li hija reġgħet biegħet lil persuni fiżiċi u ġuridiċi. Il-fatturi kollha dwar il-vetturi użati mixtrija kienu jirreferu għall-Artikoli 69 sa 71 tal-liġi Daniża dwar il-VAT u li indikaw, barra minn hekk, li l-vetturi mibjugħa kienu eżentati mill-VAT. Matul il-bejgħ mill-ġdid, Litdana applikat għall-vetturi inkwistjoni l-iskema ta’ marġni ta’ profitt msemmija fl-Artikolu 106(2) tal-liġi dwar il-VAT.
13 Litdana kienet suġġetta għal spezzjoni fiskali mwettqa mill-Klaipėdos apskrities valstybinė mokesčių inspekcija (spettorat tat-taxxi tad-distrett ta’ Klaipėda, il-Litwanja, iktar ’il quddiem l-“ispezzjoni reġjonali tat-taxxi”) li tirrigwarda l-perijodu mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ottubru 2012 f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-VAT. Din l-ispezzjoni wasslet għal rapport ta’ spezzjoni tat-28 ta’ April 2014, li fih l-ispezzjoni reġjonali tat-taxxi kkonstatat li Litdana kienet applikat mingħajr bażi l-iskema ta’ marġni ta’ profitt għal 25 vettura użata li hija xtrat mingħand Handicare Auto u li hija reġgħet biegħet lil persuni fiżiċi u ġuridiċi, peress li din tal-aħħar ma kinitx applikat l-iskema ta’ marġni ta’ profitt għall-vetturi mibjugħa. Għaldaqstant, l-ispezzjoni reġjonali tat-taxxi eżiġiet li Litdana tħallas ammont ta’ VAT ta’ EUR 15 745.48.
14 Fit-23 ta’ Ġunju 2014, l-ispezzjoni reġjonali tat-taxxi approvat ir-rapport ta’ spezzjoni u ordnat li Litdana tħallas l-ammont ta’ EUR 15 745.48 ta’ VAT u EUR 3 141.76 f’interessi moratorji kif ukoll multa ta’ EUR 1 574.66. Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Awwissu 2014, l-ispettorat nazzjonali tat-taxxa kkonferma din id-deċiżjoni.
15 Litdana ppreżentat rikors quddiem il-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos Vyriausybės (kummissjoni tat-tilwim fiskali mal-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja, iktar ’il quddiem il-“kummissjoni tat-tilwim fiskali”) fid-dawl tal-annullament tad-deċiżjonijiet tal-ispezzjoni reġjonali tat-taxxi u tal-ispettorat nazzjonali tat-taxxa.
16 Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Ottubru 2014, il-kummissjoni tat-tilwim fiskali laqgħet id-deċiżjoni tal-ispettorat nazzjonali tat-taxxa iżda eżentat lil Litdana mill-ħlas tal-interessi moratorji.
17 Litdana appellat minn dawn id-diversi deċiżjonijiet quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja).
18 Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-awtoritajiet fiskali Litwani kienu rrifjutaw li Litdana tapplika l-iskema ta’ marġni ta’ profitt inkunsiderazzjoni biss tal-informazzjoni pprovduta mill-amministrazzjoni fiskali Daniża, skont liema Handicare Auto ma kinitx applikat l-iskema ta’ marġni ta’ profitt għall-provvista tal-vetturi inkwistjoni. Billi għamel dan, minn naħa, l-ispettorat nazzjonali tat-taxxa ma ħax inkunsiderazzjoni li l-fatturi mressqa minn Handicare Auto jindikaw li l-vetturi mibjugħa kienu eżentati mill-VAT u kienu jirreferu għall-Artikoli 69 sa 71 tal-liġi Daniża dwar il-VAT u, min-naħa l-oħra l-kummissjoni tat-tilwim fiskali kkunsidrat li Litdana, billi aġixxiet, kellha l-obbligu li tikkuntattja ma’ Handicare Auto sabiex tikseb il-konferma li dawn il-vetturi kienu nbiegħu skont l-iskema ta’ marġni ta’ profitt jew titlob lill-awtoritajiet fiskali Daniżi jekk din il-kumpannija kinitx ittrażmettiet id-database elettronika tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni fil-qasam tal-VAT (VIES) l-informazzjoni dwar il-vetturi inkwistjoni.
19 Għalhekk, il-kwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju hija dik ta’ jekk persuna taxxabbli, li tkun irċeviet fattura li fiha jkun hemm riferiment kemm għall-iskema ta’ marġni ta’ profitt kif ukoll għall-eżenzjoni mill-VAT, għandhiex id-dritt li tapplika l-imsemmija sistema, imsemmija fl-Artikolu 314 tad-Direttiva tal-VAT, minkejja l-fatt li jirriżulta minn spezzjonijiet sussegwenti mwettqa mill-awtoritajiet fiskali li n-negozjant taxxabbli li jipprovdi l-oġġetti inkwistjoni ma applikax l-istess sistema.
20 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Vilnius), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Hemm lok li tiġi awtorizzata, skont l-[Artikolu] 314(a) u [l-Artikolu] 226(11) tad-Direttiva [tal-VAT] kif ukoll skont [l-Artikolu] 314(d) u [l-Artikolu] 226(14) ta’ din id-direttiva, leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew prassi nazzjonali bbażata fuqha li tipprojbixxi lil persuna taxxabbli tapplika l-iskema ta’ marġni fil-qasam tal-VAT minħabba li, waqt kontroll fiskali mwettaq mill-awtorità tat-taxxa, irriżulta li informazzjoni/data ineżatta dwar l-applikazzjoni tal-iskema ta’ marġni fil-qasam tal-VAT u/jew dwar eżenzjoni mill-VAT kienet tinsab fil-fatturi tal-VAT relatati mal-oġġetti kkunsinnati, filwaqt li l-persuna taxxabbli ma kinitx taf dwar dan u ma setgħetx tkun tafu ?
2) Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 314 tad-Direttiva [tal-VAT] għandhom jinftiehmu u jiġu interpretati fis-sens li, minkejja li l-fattura tal-VAT tindika li l-oġġetti huma eżenti mill-VAT (Artikolu 226(11) tad-Direttiva [tal-VAT]) u/jew li l-bejjiegħ applika l-iskema ta’ marġni sabiex jikkunsinna l-oġġetti (Artikolu 226(14) tad-Direttiva [tal-VAT]), il-persuna taxxabbli tikseb id-dritt li tapplika l-iskema ta’ marġni ta’ VAT biss jekk il-fornitur tal-oġġetti japplika realment l-iskema ta’ marġni u jwettaq debitament l-obbligi tiegħu fil-qasam tal-ħlas tal-VAT (iħallas il-VAT fl-Istat tiegħu abbażi tal-marġni) ?”
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
21 Huwa stabbilit li r-riferiment “Sections 69-71” li tirreferi għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Daniż u li jissemmew fil-fatturi rċevuti minn Litdana għandu jinftiehem bħala li jikkorrispondi, essenzjalment, għar-riferiment “Skema ta’ marġni - Merkanzija użata” li, skont l-Artikolu 226(14) tad-Direttiva tal-VAT, għandha tidher b’mod obbligatorju fil-fatturi, f’każ ta’ applikazzjoni tas-sistema speċjali applikabbli fil-qasam tal-oġġetti użati. Barra minn hekk, ma jirriżultax la mid-deċiżjoni tar-rinviju, u lanqas mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-kwistjoni tal-konformità tal-fatturi rċevuti minn Litdana mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 226 tad-Direttiva tal-VAT ġiet invokata fil-kawża prinċipali.
Fuq id-domandi
22 Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 314 tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li jirrifjutaw lil persuna taxxabbli, li tkun irċeviet fattura li fiha jidhru riferimenti kemm għall-iskema ta’ marġni ta’ profitt kif ukoll għall-eżenzjoni mill-VAT, id-dritt li tapplika l-iskema ta’ marġni jekk jirriżulta minn spezzjoni sussegwenti mwettqa mill-imsemmija awtoritajiet li negozjant taxxabbli li jipprovdi l-oġġetti użati ma kienx effettivament applika din is-sistema għall-provvista ta’ dawn l-oġġetti.
23 Preliminarjament, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ tassazzjoni tal-marġni ta’ profitt imwettaq minn negozjant taxxabbli waqt il-provvista ta’ oġġetti użati, bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi sistema speċjali ta’ VAT li tidderoga mis-sistema ġenerali tad-Direttiva tal-VAT. Għalhekk, l-Artikolu 314 ta’ din id-direttiva, li jidentifika l-każijiet ta’ applikazzjoni ta’ din l-iskema partikolari, għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Bawaria Motors, C-160/11, EU:C:2012:492, punti 28 u 29, kif ukoll l-ġurisprudenza ċċitata).
24 Kif jirriżulta mill-Artikoli 314 u 315 tad-Direttiva tal-VAT, l-iskema ta’ marġni ta’ profitt tippermetti lil negozjant taxxabbli li japplika l-VAT biss fuq il-marġni ta’ profitt li jwettaq matul il-bejgħ tal-oġġett użat, xogħlijiet tal-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet, mixtrija mingħand waħda mill-persuni li jaqgħu taħt l-Artikolu 314(a) sa (d), tad-Direttiva tal-VAT, dan il-marġni ta’ profitt jikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ mitlub min-negozjant taxxabbli għall-oġġett u l-prezz tax-xiri.
25 L-għan tal-iskema ta’ marġni ta’ profitt huwa, kif jirriżulta mill-premessa 51 tad-Direttiva tal-VAT, li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn il-persuni taxxabbli fil-qasam tal-oġġetti użati, xogħlijiet tal-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet (ara, f’dan is-sens is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Auto Nikolovi, C-203/10, EU:C:2011:118, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
26 L-intaxxar fuq il-valur globali tal-provvista ta’ oġġetti użati, xogħlijiet tal-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet minn negozjant taxxabbli filwaqt li l-prezz li bih in-negozjant taxxabbli xtara dawn l-oġġetti jinkludi ammont ta’ VAT tal-input li tħallas minn persuna li taqa’ taħt waħda mill-kategoriji identifikati fl-Artikolu 314(a) sa (d) tal-imsemmija direttiva, u li la din il-persuna u lanqas in-negozjant taxxabbli ma kienu f’pożizzjoni li jnaqqsu, effettivament jimplika tali taxxa doppja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Auto Nikolovi, C-203/10, EU:C:2011:118, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 Ir-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti bil-għan li jippermettu lil persuna taxxabbli sabiex tapplika l-iskema ta’ marġni ta’ profitt huma previsti fl-Artikolu 314 tad-Direttiva tal-VAT. Dan l-artikolu, minbarra li jispeċifika t-tipi ta’ oġġetti li negozjant taxxabbli jista’ jipprovdi taħt l-iskema ta’ marġini indikati, fil-punti(a) sa(d), il-lista ta’ persuni li negozjant taxxabbli għandu jakkwista l-oġġetti mingħandu sabiex ikun jista’ japplika din is-sistema speċjali. Dawn il-persuni differenti għandhom ħaġa komuni li huma ma jistgħux inaqqsu it-taxxa tal-input imħallsa waqt ix-xiri tal-imsemmija oġġetti u għalhekk kellhom ibatu din it-taxxa fl-intier tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Bawaria Motors, C-160/11, EU:C:2012:492, punt 37).
28 F’dan il-każ jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li fil-fatturi li Litdana rċeviet mingħand Handicare Auto kien hemm riferiment kemm għall-iskema ta’ marġni ta’ profitt kif ukoll għall-eżenzjoni mill-VAT. B’hekk fil-fattura Nru 96681, inkluża fil-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u li tikkostitwixxi eżempju tipiku ta’ fattura maħruġa minn Handicare Auto għall-provvisti ta’ oġġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm riferimenti għad-data ta’ ħruġ tal-fattura, għan-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT li bih Handicare Auto wettqet il-provvisti tal-oġġetti, għall-isem u l-indirizz ta’ din il-kumpannija, għall-kwantità u għan-natura tal-oġġetti pprovduti, għall-prezz unitarju, għall-prezz “Total DKK”, għall-ammont tal-VAT ekwivalenti għal “0” u għall-ammont “Total DKK incl. VAT”, ir-riferimenti “Sections 69-71” u “Free of VAT”
29 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-indikazzjoni tar-riferiment li jissemma fil-fatturi maħruġa minn Handicare Auto fir-rigward tal-applikazzjoni tal-iskema ta’ marġni ta’ profitt hija inkorretta, peress li deher ċar, wara investigazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet fiskali, li Handicare Auto qatt ma applikat din is-sistema għall-provvista tal-vetturi użati inkwistjoni. L-imsemmija awtoritajiet iddeduċew li Litdana ma kellhiex id-dritt li tapplika l-iskema ta’ marġni, peress li r-rekwiżiti ta’ applikazzjoni tal-imsemmija sistema ma ġewx sodisfatti, ir-raġuni li minħabba fiha huma talbu sussegwentement lil Litdana sabiex tħallas l-ammont tal-VAT applikabbli.
30 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-każ ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ marġni ta’ profitt imsemmija fl-Artikolu 314(d), tad-Direttiva tal-VAT hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-oġġetti msemmija f’dan l-artikolu ġew ipprovduti lil persuna taxxabbli minn negozjant taxxabbli ieħor li kien applika din l-istess sistema speċjali għall-provvista, kundizzjoni li f’dan il-każ, ma ġietx sodisfatta. Barra minn hekk, ma jirriżulta mkien mill-indikazzjonijiet li jidhru fid-deċiżjoni ta’ rinviju li s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt wieħed mill-każijiet ta’ applikazzjoni ta’ din is-sistema prevista f’dan l-Artikolu 314.
31 Għandu jitfakkar, f’dan il-kuntest, li l-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-partijiet fil-kawża ma jistgħux b’mod frawdolenti jew abbużiv jinvokaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni (is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Schoenimport “Italmoda” Mariano Previti et, C-131/13, C-163/13 u C-164/13, EU:C:2014:2455, punt 43).
32 Il-Qorti tal-Ġustizzja minn dan iddeduċiet, l-ewwel nett, fil-kuntest ta’ ġurisprudenza stabbilita li tirrigwarda d-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT previst mid-direttiva tal-VAT, li huma l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali li għandhom jirrifjutaw il-benefiċċju tad-dritt għat-tnaqqis jekk jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ provi oġġettivi, li dan id-dritt qed jiġi invokat b’mod frawdolenti jew b’mod abbużiv. Imbagħad, hija ddeċidiet, li l-konsegwenza ta’ abbuż jew ta’ frodi huwa relatat, fil-prinċipju, ukoll għall-benefiċċju tad-dritt għall-eżenzjoni għal provvista intra-Komunitarja (ara, f’dan is-sens is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Mecsek-Gabona, C-273/11, EU:C:2012:547, punt 54). Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, li sa fejn rifjut eventwali tal-benefiċċju ta’ dritt ibbażat fuq id-Direttiva tal-VAT jirrifletti l-prinċipju ġenerali skont liema ħadd ma jista jibbenefika b’mod abbużiv jew bi frodi mid-drittijiet previsti mis-sistema legali tal-Unjoni, tali rifjut għandu jinħareġ, b’mod ġenerali, mill-awtoritajiet u mill-qrati nazzjonali, ikun xi jkun id-dritt fil-qasam tal-VAT affettwat mill-frodi, inkluż, għaldaqstant, id-dritt għal rimbors tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Schoenimport “Italmoda” Mariano Previti et, C-131/13, C-163/13 u C-164/13, EU:C:2014:2455, punt 46).
33 Skont ġurisprudenza stabbilita, dan huwa l-każ mhux biss meta titwettaq frodi fiskali mill-persuna taxxabbli stess, iżda wkoll meta persuna taxxabbli tkun taf jew kellha tkun taf li, permezz tat-tranżazzjoni kkonċernata, hija kienet qiegħda tipparteċipa fi tranżazzjoni involuta fi frodi tal-VAT imwettqa mill-fornitur jew minn operatur ieħor li jintervjeni qabel jew wara fil-katina ta’ provvista (ara, fil-qasam tad-dritt għat-tnaqqis, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Bonik, C-285/11, EU:C:2012:774, punti 38 sa 40, fil-qasam ta’ dritt għall-eżenzjoni ta’ provvista intra-Komunitarja, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Mecsek-Gabona, C-273/11, EU:C:2012:547, punt 54, u, fir-rigward tar-rimbors tal-VAT is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Schoenimport “Italmoda” Mariano Previti et, C-131/13, C-163/13 u C-164/13, EU:C:2014:2455, punti 49 u 50).
34 Għalhekk, ma jmurx kontra d-dritt tal-Unjoni li l-operatur ikun meħtieġ jieħu l-miżuri li jistgħu raġonevolment jintalbu minnu sabiex jiżgura li t-tranżazzjoni li huwa jwettaq ma twasslux sabiex jipparteċipa fi frodi fiskali (is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Mecsek-Gabona, C-273/11, EU:C:2012:547, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
35 Min-naħa l-oħra, ma huwiex kompatibbli mas-sistema tad-dritt għat-tnaqqis previst mid-direttiva tal-VAT li tiġi ssanzjonata permezz tar-rifjut ta’ dan id-dritt, persuna taxxabbli li ma kinitx taf u li ma setgħetx tkun taf li t-tranżazzjoni kkonċernata kienet involuta fi frodi mwettqa mill-fornitur jew li tranżazzjoni oħra li kienet parti tal-katina ta’ provvisti, preċedenti jew sussegwenti għal dik imwettqa mill-imsemmija persuna taxxabbli kienet ivvizzjata bi frodi tal-VAT. Fil-fatt, il-ħolqien ta’ sistema ta’ responsabbiltà mingħajr tort imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tat-Teżor Pubbliku (is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Bonik, C-285/11, EU:C:2012:774, punti 41 u 42, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
36 Minn dan jirriżulta li anki jekk ir-rekwiżiti materjali kollha jagħtu dritt għall-eżenzjoni mill-VAT ta’ provvista intra-Komunitarja jew għat-tnaqqis tal-VAT ma ġewx sodisfatti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-benefiċċju tal-imsemmi dritt ma jistax jiġi rrifjutat lil persuna taxxabbli li taġixxi bona fide u li tkun ħadet kull miżura li tista’ raġonevolment tiġi imposta fuqha sabiex jiġi żgurat li t-tranżazzjoni li twettaq ma twassalhiex li tipparteċipa fi frodi fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2007, Teleos et, C-409/04, EU:C:2007:548, punt 68, kif ukoll tas-6 ta’ Settembru 2012, Mecsek-Gabona, C-273/11, EU:C:2012:547, punti 47 sa 50 u 55).
37 Il-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punti 32 sa 35 ta’ din is-sentenza huma rilevanti f’każ ta’ rifjut mill-awtoritajiet nazzjonali tal-benefiċċju tad-dritt li tiġi applikata l-iskema ta’ marġni ta’ profitt, imsemmija fl-Artikolu 314 tad-Direttiva tal-VAT, li fuqha jaqblu l-partijiet u l-persuni kkonċernati kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
38 Id-determinazzjoni tal-miżuri li jistgħu, f’każ bħal dan, ikunu imposti b’mod raġonevoli fuq persuna taxxabbli li tixtieq teżerċita d-dritt mogħti mid-Direttiva tal-VAT sabiex tiżgura ruħha li t-tranżazzjonijiet tagħha ma jkunux involuti fi frodi mwettqa minn operatur fi stadju preċedenti tiddependi essenzjalment miċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C-80/11 u C-142/11, EU:C:2012:373, punti 53, 54 u 59, kif ukoll tas-6ta’ Settembru 2012, Mecsek-Gabona, C-273/11, EU:C:2012:547, punt 53).
39 Meta jkunu jeżistu indizji li jippermettu li tiġi ssuspettata l-eżistenza ta’ irregolaritajiet jew ta’ frodi, operatur informat ikun jista’, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, ikun obbligat jikseb xi informazzjoni dwar operatur ieħor, li mingħandu huwa għandu l-intenzjoni jixtri xi oġġetti jew servizzi, sabiex jiżgura ruħu mill-affidabbiltà tiegħu (ara, b’analoġijais-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C-80/11 u C-142/11, EU:C:2012:373, punt 60).
40 Madankollu l-amministrazzjoni fiskali ma tistax timponi b’mod ġenerali fuq il-persuna taxxabbli li tkun tixtieq teżerċita d-dritt li tapplika l-iskema ta’ marġni ta’ profitt, minn naħa, li tivverifika, b’mod partikolari, li l-emittenti tal-fattura relatata mal-oġġetti li fir-rigward tagħhom qed jintalab l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, sabiex jissodisfa l-obbligi tagħha ta’ dikjarazzjoni u ta’ ħlas tal-VAT, sabiex tiżgura ruħha li ma jeżistux irregolaritajiet jew frodi fil-livell tal-operaturi fi stadju preċedenti, jew, min-naħa l-oħra, li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dokumenti f’dan ir-rigward (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C-80/11 u C-142/11, EU:C:2012:373, punt 61).
41 Fil-fatt, fil-prinċipju, huma l-awtoritajiet fiskali li għandhom iwettqu l-kontrolli neċessarji tal-persuni taxxabbli sabiex ikunu jistgħu jiskopru irregolaritajiet jew frodi tal-VAT kif ukoll jimponu sanzjonijiet fuq l-operatur li jkun wettaq dawn l-irregolaritajiet jew din il-frodi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C-80/11 u C-142/11, EU:C:2012:373, punt 62).
42 B’hekk, il-kwistjoni ta’ jekk Litdana aġixxiet bona fide u ħaditx il-miżuri kollha li jistgħu raġonevolment jiġu imposti fuqha sabiex jiżguraw li t-tranżazzjonijiet li hija kienet wettqet ma kinux involuti fi frodi fiskali għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-prinċipji fil-punti 38 sa 41 ta’ din is-sentenza.
43 Fost il-provi u l-fatti li l-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward jista’ jissemma l-fatt li ma ġiex stabbilit li Litdana kienet taf li Handicare Auto ma kinitx effettivament applikat l-iskema ta’ marġni ta’ profitt għall-provvista inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fi kwalunkwe każ, dan ma jirriżulta bl-ebda mod mid-deċiżjoni ta’ rinviju.
44 Fir-rigward tal-punt ta’ jekk Litdana ħaditx il-miżuri neċessarji kollha sabiex tiżgura ruħha li t-tranżazzjonijiet li hija wettqet ma kinux involuti fi frodi fiskali, il-qorti tar-rinviju tista’, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tagħha, tieħu b’mod partikolari inkunsiderazzjoni l-fatt li l-provvista inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidhru li jiffurmaw parti mill-ambitu ta’ relazzjoni kummerċjali twila bejn Litdana u Handicare Auto, fil-kuntest ta’ liema Litdana fl-imgħoddi ħadet ħsieb li tivverifika, mal-awtoritajiet fiskali, it-tifsira tar-riferiment “Sections 69-71” li jissemma fil-fatturi maħruġa minn Handicare Auto u rċeviet il-konferma tal-imsemmija awtoritajiet li l-fatturi li fihom jidher dan ir-riferiment jipprovdu prova suffiċjenti li tippermettilha li tapplika l-iskema ta’ marġni ta’profitt. Madankollu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità li jiġi impost fuq il-persuna taxxabbli li tivverifika sistematikament, fir-rigward ta’ kull provvista, li l-fornitur effettivament ikun applika l-iskema ta’ marġni ta’ profitt, minn tal-inqas meta ma jeżisti ebda indizju li jippermetti li tiġi ssuspettata l-eżistenza ta’ irregolaritajiet jew ta’ frodi fis-sens tal-punt 39 ta’ din is-sentenza.
45 Fir-rigward tal-punt ta’ jekk, fil-kawża prinċipali, jeżistux indizji li jippermettu li tiġi ssuspettata l-eżistenza ta’ irregolaritajiet jew ta’ frodi, għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Litwan ammetta, matul is-seduta, f’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li s-sempliċi indikazzjoni tar-riferiment “Sections 69-71” li tidher fil-fatturi rċevuti minn Litdana ma tikkostitwixxix, meħuda waħidha, indizju li kellu jqajjem is-suspetti tiegħu fir-rigward tal-eżistenza ta’ irregolaritajiet jew ta’ frodi. Għal dan il-gvern, huwa l-fatt li l-fatturi jinkludu simultanjament ir-riferimenti “Sections 69-71” u “Free of VAT” li jikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ irregolaritajiet jew ta’ frodi, fis-sens tal-punt 39 ta’ din is-sentenza.
46 F’dan ir-rigward, jekk huwa minnu li dan ir-riferiment doppju ma fih l-ebda ambigwità madankollu dan jidher li jirreferi għar-regoli tat-tassazzjoni tal-provvista abbażi tal-marġni ta’ profitt tan-negozjanti taxxabbli kif ukoll għal dawk li jeżentawh mill-VAT, għandu madankollu jiġi rrilevat, li bħalma osservat il-Kummissjoni Ewropea, ma huwiex evidenti li l-imsemmi riferiment doppju għandu n-natura li jqajjem suspetti ta’ operatur informat, mingħajr ma jkun espert fil-qasam tal-VAT, fir-rigward tal-eżistenza ta’ irregolaritajiet jew ta’ frodi mwettqa minn operatur fi stadju preċedenti. Fil-fatt, ma huwiex eskluż li l-persuna taxxabbli tista’ tinterpreta dan ir-riferiment doppju bħala konferma tal-fatt li l-provvista kienet twettqet, skont l-Artikolu 314(d), tad-Direttiva tal-VAT, minn negozjant taxxabbli, sa fejn il-provvista minn dan in-negozjant taxxabbli ieħor kienet ġiet suġġetta għall-VAT konformement għall-iskema ta’ marġni ta’profitt. Kemm ir-riferiment dwar l-eżenzjoni ta’ VAT kif ukoll dak għall-iskema ta’ marġni ta’ profitt jidhru fil-fatturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu wkoll jiġu interpretati mill-persuna taxxabbli, kif irrilevat Litdana matul is-seduta, bħala konferma tal-fatt li huwa biss il-marġni tan-negozjanti taxxabbli li huwa taxxabbli, filwaqt li l-valur tal-oġġetti kkonċernati jibqa’ eżenti, dan il-fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
47 Barra minn hekk, u suġġetta għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ir-riferiment “Free of VAT”, flimkien mar-riferimenti “Sections 69-71” u “Total DKK incl. VAT”, li jidhru f’dawn il-fatturi, jistgħu jiġu interpretati wkoll mill-persuna taxxabbli bħala li jikkonfermaw li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-iskema ta’ marġni ta’ profitt, konformement mal-Artikolu 323 tad-Direttiva tal-VAT, ma jistax inaqqas taxxa tal-input matul l-oġġetti inkwistjoni, jew inkella li jirrigwarda l-provvista suġġetta għall-imsemmija sistema, fil-kuntest ta’ liema, skont l-Artikolu 325 ta’ din id-direttiva, il-fatturi maħruġa minn negozjant taxxabbli ma jistgħux juru separatament il-VAT relatata mal-provvista.
48 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 314 tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li jirrifjutaw lil persuna taxxabbli, li tkun irċeviet fattura li fiha jidhru riferimenti kemm għall-iskema ta’ marġni ta’ profitt kif ukoll għall-eżenzjoni mill-VAT, id-dritt li tiġi applikata l-iskema ta’ marġni ta’ profitt, anki jekk tirriżulta minn stħarriġ sussegwenti mwettaq mill-imsemmija awtoritajiet li negozjant taxxabbli li pprovda l-oġġetti użati ma kienx effettivament applika din is-sistema għall-provvista ta’ dawn l-oġġetti, sakemm ma jiġix stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti li l-persuna taxxabbli ma aġixxietx bonafide jew li ma ħaditx il-miżuri kollha raġonevoli għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tiżgura ruħha li t-tranżazzjoni li twettaq ma kinitx twassalha għall-parteċipazzjoni fi frodi fiskali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
Fuq l-ispejjeż
49 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 314 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE, tat-13 ta’ Lulju 2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li jirrifjutaw lil persuna taxxabbli, li tkun irċeviet fattura li fiha jidhru riferimenti kemm għall-iskema ta’ marġni ta’ profitt kif ukoll għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), id-dritt li tiġi applikata l-iskema ta’ marġni ta’ profitt, anki jekk tirriżulta minn stħarriġ sussegwenti mwettaq mill-imsemmija awtoritajiet li negozjant taxxabbli li pprovda l-oġġetti użati ma kienx effettivament applika din is-sistema għall-provvista ta’ dawn l-oġġetti, sakemm ma jiġix stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti li l-persuna taxxabbli ma aġixxietx bona fide jew li ma ħaditx il-miżuri kollha raġonevoli għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tiżgura ruħha li t-tranżazzjoni li twettaq ma kinitx twassalha għall-parteċipazzjoni fi frodi fiskali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Litwan.