Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fis-6 ta’ Diċembru 2016 (1)

Kawża C-690/15

Wenceslas de Lobkowicz

vs

Ministère des Finances et des Comptes publics

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour administrative d’appel de Douai (Franza)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Uffiċjal tal-Unjoni Ewropea – Affilijazzjoni obbligatorja mal-iskema tas-sigurtà soċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Finanzjament ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali nazzjonali – Dħul minn immobbli – Suġġettar – Kontribuzzjoni soċjali ġenerali (KSĠ) – Imposta soċjali– Kontribuzzjonijiet addizzjonali”





I –    Introduzzjoni

1.        Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-fatt li uffiċjal tal-Unjoni Ewropea jkun suġġett għal kontribuzzjonijiet u imposti soċjali fl-Istat Membru li tiegħu huwa resident fiskali minħabba dħul minn immobbli li jirċievi f’dan l-Istat Membru?

2.        Fil-qosor, din hija d-domanda li qed tqajjem il-Cour administrative d’appel de Douai (qorti amministrattiva tal-appell ta’ Douai, Franza) f’din il-kawża.

3.        Din it-talba taqa’ taħt il-kuntest ta’ tilwima bejn Wenceslas de Lobkowicz, uffiċjal irtirat tal-Kummissjoni Ewropea mis-sena 2016, u l-ministère des Finances et des Comptes publics (ministeru tal-finanzi u tal-kontijiet pubbliċi, Franza) dwar l-issuġġettar tiegħu għal kontribuzzjonijiet u imposta soċjali, għas-snin mill-2008 sal-2011 fuq dħul minn immobbli li rċieva fi Franza.

4.        Hekk kif jidher mill-motivazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari, din it-talba taqa’ wkoll taħt il-qafas tas-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddeċidiet li ħaddiem ta’ nazzjonalità Olandiża, residenti fiskali fi Franza, u li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (2) ma setax ikun suġġett f’dan l-Istat Membru għall-kontribuzzjonijiet u għall-imposti soċjali, parzjalment identiċi u parzjalment analogi għal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ibbażati fuq dħul mill-patrimonju tal-imsemmi ħaddiem.

5.        Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistieden għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi jekk is-soluzzjoni applikata fis-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123) hijiex trasponibbli għas-sitwazzjoni ta’ uffiċjal tal-Unjoni, fejn huwa stabbilit li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

6.        Skont l-Artikolu 12 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattati UE, FUE u KEEA (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”), l-uffiċjali u l-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni huma suġġetti għal taxxa għall-benefiċċju tal-Unjoni fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa lilhom minnha. Ikunu eżenti minn taxxi nazzjonali fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa mill-Unjoni.

7.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Protokoll jipprovdi li, fl-applikazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul, it-taxxa fuq il-ġid u t-taxxa tas-suċċessjoni u fl-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet dwar il-ħelsien mit-taxxa doppja magħmulin bejn l-Istati Membri tal-Unjoni, uffiċjali u membri tal-persunal oħra tal-Unjoni li, unikament minħabba fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom fis-servizz tal-Unjoni, jistabbilixxu r-residenza tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru li ma jkunx il-pajjiż ta’ domiċilju tagħhom għal finijiet ta’ taxxa, meta jidħlu fis-servizz tal-Unjoni, jiġu kkunsidrati bħala li jkunu żammew id-domiċilju tagħhom f’dan l-aħħar pajjiż.

8.        L-Artikolu 14 tal-Protokoll jipprovdi li l-iskema ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni hija stabbilita permezz ta’ regolament.

9.        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1240/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 (4) (iktar ’il quddiem “ ir-Regolamenti tal-Persunal ”) b’mod partikolari, jipprevedi, li l-uffiċjali jikkontribwixxu għall-iskemi tas-sigurtà soċjali u tal-pensjoni komuni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

10.      Il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Benefiċċji tas-sigurtà soċjali”, fl-Artikoli 72 sa 84 tar-Regolamenti tal-Persunal jispeċifika l-kontribuzzjoni, li tikkonsisti f’perċentwali tas-salarju bażiku, tal-uffiċjali sabiex jiġu ffinanzjati riskji differenti koperti mill-iskemi komuni. Dan l-istess kapitolu tar-Regolamenti tal-Persunal jelenka l-benefiċċji soċjali u tal-irtirar li jibbenefikaw minnhom l-uffiċjali u l-membri tal-familja tagħhom.

11.      L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprevedi li dan ir-regolament għandu japplika għal-leġiżlazzjonijiet kollha relatati mal-oqsma tas-sigurtà soċjali li jikkonċernaw il-benefiċċji tal-mard u tal-maternità, il-benefiċċji tal-invalidità, inklużi dawk maħsuba sabiex tinżamm jew tittejjeb il-kapaċità għall-qligħ, il-benefiċċji tax-xjuħija, il-benefiċċji tas-superstiti, il-benefiċċji rigward inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard ikkaġunat mix-xogħol, allowances fil-każ ta’ mewt, u benefiċċji tal-qgħad u l-benefiċċji tal-familja.

12.      L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprevedi li, bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika r-regolament għandhom ikunu suġġetti unikament għal-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. L-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 b’mod partikolari jispeċifika li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 14 sa 17, persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat, ukoll jekk tkun tirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

13.      Mill-1 ta’ Mejju 2010, dan ir-regolament ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (5) li l-Artikoli 3 u 11 tiegħu jikkorrispondu sostanzjalment mal-Artikoli 4 u 13 tar-Regolament Nru 1408/71.

B –    Id-dritt Franċiż

14.      Skont l-Artikolu  L. 136-6 tal-kodiċi dwar is-sigurtà soċjali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, il-persuni fiżiċi fiskalment domiċiljati fi Franza fis-sens tal-Artikolu 4B tal-kodiċi ġenerali tat-taxxi huma suġġetti għal kontribuzzjoni fuq id-dħul mill-patrimonju bbażata fuq l-ammont nett miżmum għall-istabbiliment tat-taxxa fuq id-dħul, b’mod partikolari, dħul minn immobbli.

15.      Skont l-Artikolu 1600-0 C tal-kodiċi ġenerali tat-taxxi, li jidher fid-diversi dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi relatati mal-“[k]ontribuzzjoni soċjali ġenerali li tinġabar favur il-Fond Nazzjonali tal-allowances tal-familja, il-fondi ta’ solidarjetà għax-xjuħija u l-iskemi obbligatorji tal-assigurazzjoni tal-mard ” (iktar ’il quddiem il-“KSĠ”), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, il-persuni fiżiċi fiskalment domiċiljati fi Franza fis-sens tal-Artikolu 4B, huma, kif huwa stipulat fl-Artikolu L. 136-6 tal-kodiċi dwar is-sigurtà soċjali, suġġetti għal kontribuzzjoni fuq id-dħul mill-patrimonju kkalkolat fuq l-ammount nett miżmum għall-istabbiliment tat-taxxa fuq id-dħul, b’mod partikolari, dħul minn immobbli.

16.      Skont l-Artikolu 1600-0 Fa tal-kodiċi ġenerali tat-taxxi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, minbarra dan l-imsemmija persuni huma suġġetti, skont l-Artikolu L. 245-14 tal-kodiċi tas-sigurtà soċjali, għal “imposta soċjali” ta’ 2 % fuq dan l-istess dħul kif ukoll kontribuzzjoni addizzjonali ta’ 0.3 %, skont l-Artikolu L. 14-10-4 tal-kodiċi tal-azzjoni soċjali u tal-familji, u għal kontribuzzjoni addizzjonali ta’ 1.1 %, skont l-Artikolu L.262-24 tal-kodiċi tal-azzjoni soċjali u tal-familji.

III – Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.      W. de Lobkowicz, li huwa ċittadin Franċiż, kien uffiċjal fis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea mis-sena 1979 sad-data tal-irtirar tiegħu jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2016. Skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari l-Artikolu 72 tiegħu, huwa affiljat b’mod obbligatorju mal-iskema tas-sigurtà soċjali tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni.

18.      Skont l-Artikolu 13 tal-Protokoll, W. de Lobkowicz huwa fiskalment domiċiljat fi Franza. Huwa jirċievi hemmhekk dħul minn immobbli li bejn is-snin 2008 u 2011, kien suġġett għall-KSĠ, għall-kontribuzzjoni għar-rimbors tad-dejn soċjali (iktar ’il quddiem il-“ KRDS” ), għall-imposta soċjali ta’ 2 % kif ukoll għall-kontribuzzjonijiet addizzjonali għal din it-taxxa bir-rati ta’ 0.3 % u ta’ 1.1 %.

19.      Wara r-rifjut tal-amministrazzjoni li tilqa’ t-talba tiegħu ta’ eżenzjoni mill-ħlas tal-imsemmija kontribuzzjonijiet u tal-imsemmija imposta, W de Lobkowicz ippreżenta rikors quddiem it-Tribunal administratif de Rouen (qorti amministrattiv ta’ Rouen, Franza).

20.      Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2013, din il-qorti ddikjarat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ammonti relatati mal-KRDS, li sadanittant ġew irrimborsati mill-amministrazzjoni (6), u ċaħdet il-kumplament tat-talbiet ta’ W. de Lobkowicz.

21.      W de Lobkowicz ippreżenta appell kontra din is-sentenza quddiem il-Cour administrative d’appel de Douai (qorti amministrattiva tal-appell ta’ Douai).

22.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva, l-ewwel nett, li l-kontribuzzjonijiet u l-imposta inkwistjoni jikkostitwixxu taxxi fis-sens tad-dritt nazzjonali, b’tali mod li l-fondatezza tagħhom ma tistax terġa’ tiġi eżaminata minħabba ċ-ċirkustanza li W. de Lobkowicz ma jibbenefika minn ebda korrispettiv dirett relatat magħhom.

23.      Sussegwentement, hija tfakkar li, għalkemm jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123) li l-imposti fiskali fuq id-dħul mill-patrimonju li għandhom rabta diretta u rilevanti ma’ ċerti oqsma tas-sigurtà soċjali, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 883/2004, l-uffiċjali tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom, li huma b’mod obbligatorju affiljati mal-iskema tas-sigurtà soċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “ħaddiema” fis-sens ta’ dawn ir-regolamenti (7). Għalhekk, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004 ma humiex applikabbli għalihom.

24.      Fl-aħħar nett, anki jekk jiġi presuppost li l-uffiċjal tal-Unjoni għandu l-kwalità ta’ “ħaddiem” fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45 TFUE, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li dan l-artikolu ma jistipula ebda kriterju ġenerali għat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-finanzjament tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali jew benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja.

25.      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Prinċipju tad-dritt tal-Unjoni jipprekludi li uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea jiġi suġġett għall-[KSĠ], għall-imposta soċjali u għall-kontribuzzjonijiet addizzjonali għal din l-imposta, bir-rati ta’ 0.3 % u ta’ 1 .1 %, fuq dħul min immobbli miksub fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea?”

26.      W. de Lobkowicz, il-Gvern Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub dwar din id-domanda. Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern Franċiż talab li l-Qorti tal-Ġustizzja tiltaqa’ f’Awla Manja għal dawn il-proċeduri. W. de Lobkowicz, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni nstemgħu fl-osservazzjonijiet orali tagħhom fis-seduta tat-18 ta’ Ottubru 2016.

IV – Analiżi

A –    Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari u fuq ir-riformulazzjoni tad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja

27.      L-ewwel nett, il-Gvern Franċiż isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija manifestament inammissibbli sa fejn il-qorti tar-rinviju kellha tagħmel domanda relatata mal-Artikolu 45 TFUE mingħajr ma tispeċifika la n-nazzjonalità tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u lanqas jekk dan tal-aħħar għamilx użu mid-dritt għal moviment liberu tiegħu.

28.      Fl-opinjoni tiegħi, din l-oġġezzjoni ma tistax tintlaqa’.

29.      Hija verità li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jaqgħu id-domandi li hija tagħmel jew, tal-inqas, tesponi l-ipoteżijiet fattwali li dawn id-domandi huma bbażati fuqhom (8).

30.      Bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret diversi drabi, dan ir-rekwiżit għandu għan doppju. Minn naħa, għandu l-għan li jippermetti li tiġi pprovduta interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u risposta li jkunu utli għall-qorti tar-rinviju. Min-naħa l-oħra, l-għan li lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-persuni kkonċernati l-oħra tingħata l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, peress li, skont din id-dispożizzjoni, id-deċiżjonijiet tar-rinviju biss jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati (9).

31.      F’dan il-każ, dan ir-rinviju bl-ebda mod ma huwa affettwat min-nuqqasijiet allegati fir-rigward tiegħu mill-Gvern Franċiż. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma tista tirrifjuta li tirrispondi għad-domanda magħmula minħabba li s-sitwazzjoni fl-oriġini tal-kawża prinċipali hija limitata għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed.

32.      Ċertament, nammetti, bħalma jsostni l-Gvern Franċiż, li l-kwalità biss ta’ uffiċjali tal-Unjoni ma tagħtix ipso jure l-istatus ta’ ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE minħabba li dan l-istatus jiddependi mill-użu konkret tad-dritt għall-moviment liberu (10). Madankollu, f’dan il-każ, jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-istess gvern, ippreżentati sussidjarjament, li huwa paċifiku li W. de Lobkowicz beda l-funzjonijiet tiegħu mal-Kummissjoni fil-Belġju, u konsegwentement eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu sabiex jeżerċita attività professjonali fi Stat Membru ieħor li ma kienx Franza. Barra minn hekk, il-fatt li W. de Lobkowicz huwa residenti fiskali fi Franza skont l-Artikolu 13 tal-Protokoll ifisser li, fil-mument tad-dħul fis-servizz tiegħu mal-Kummissjoni fi Brussell (il-Belġju) fl-1979, huwa kien domiċiljat f’dan l-Istat Membru (11). F’dawn il-kundizzjonijiet, il-fatt li l-qorti tar-rinviju ma tinfurmax lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-nazzjonalità ta’ W. de Lobkowicz huwa irrilevanti.

33.      Fi kwalunkwe każ, l-oġġezzjoni mqajma mill-Gvern Franċiż hija bbażata fuq il-premessa mhux preċiża li d-domanda preliminari, kif dan il-gvern ifformulaha mill-ġdid, tirrigwarda esklużivament l-Artikolu 45 TFUE.

34.      Issa, fl-opinjoni tiegħi u hekk kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, rigward il-formulazzjoni tad-domanda preliminari, li għandha l-għan li jsir magħruf jekk “prinċipju” tad-dritt tal-Unjoni jipprekludix, jekk ikun il-każ, l-issuġġettar ta’ uffiċjal tal-Unjoni għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet u imposti soċjali fl-Istat Membru tad-domiċilju fiskali tiegħu, huwa possibbli li din id-domanda titqies minn perspettiva oħra, jiġifieri dik tal-interpretazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal flimkien, jekk ikun il-każ, mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, kif espress fl-Artikolu 4(3) TUE, jew kif se nelabora iktar ’il quddiem, li jiġi stabbilit, bl-interpretazzjoni tal-Artikolu 14 tal-Protokoll u tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, il-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam soċjali.

35.      Kif turi l-ġurisprudenza, id-domanda preliminari għaldaqstant tibqa’ rilevanti mill-perspettiva tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, indipendentement mill-punt dwar jekk l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal tal-Unjoni kkonċernat użax id-dritt tiegħu għal moviment liberu (12).

36.      Fl-opinjoni tiegħi, isegwi li, anki jekk jiġi presuppost li l-ommissjonijiet li jagħmel riferiment għalihom il-Gvern Franċiż jiġu pprovati, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax la tiddikjara l-inammissibbiltà tad-domanda preliminari u lanqas ma tista’ tirrifjuta li tirrispondiha minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.

37.      Ċertament, l-ommissjoni min-naħa tal-qorti nazzjonali li tidentifika dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni li qed tfittex l-interpretazzjoni tagħha, xi drabi tista’ toħloq diffikultajiet tali li twassal sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta li tirrispondi d-domanda preliminari magħmula fuq il-mertu (13). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ spiss titwassal, fl-isfond tal-elementi kollha kkomunikati mill-qorti tar-rinviju, u b’intenzjoni ewlenija, b’konformità mal-Artikolu 267 TFUE, li tipprovdi risposta utli għad-domanda magħmula lilha għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma għamlitx riferiment għalihom fit-test tad-domanda tagħha (14). Din is-sitwazzjoni tqum, b’mod partikolari, meta d-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja ma tinvoka ebda regola speċifika ta’ dritt tal-Unjoni, iżda tagħmel riferiment, b’mod ġeneriku, għat-Trattat jew għad-dritt tal-Unjoni fit-totalità tiegħu (15). Għalhekk, quddiem domandi fformulati b’mod mhux preċiż, vag jew mhux adattat, il-Qorti tal-Ġustizzja tirriżerva d-dritt li tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju u mill-proċess fil-kawża prinċipali, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jitolbu interpretazzjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni tas-suġġett tat-tilwima (16).

38.      Fil-kawża prinċipali, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kwalità tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u tas-soluzzjoni applikata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123), li l-qorti tar-rinviju rreferiet għaliha diversi drabi, inqis xieraq li d-domanda preliminari tiġi rriformulata fis-sens li hija intiża sabiex isir magħruf jekk, b’analoġija għar-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 883/2004, jeżistix prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali li jirriżulta kemm mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, kif ukoll minn dik tal-Protokoll u tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, jekk ikun il-każ, b’rabta mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, u li jipprekludi li uffiċjal ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea jkun suġġett għall-kontribuzzjonijiet u għall-imposti soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali abbażi tad-dħul minn immobbli miġbur fl-Istat Membru tad-domiċilju fiskali ta’ dan l-uffiċjal.

B –    Fuq il-mertu

39.      Il-punt ta’ tluq tar-risposta għad-domanda prelimari, bħal dik li qed nissuġġerixxi li tiġi rriformulata, jinsab, fl-opinjoni tiegħu, fl-eżami tas-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123). Nipproponi sussegwentement li jiġi vverifikat jekk is-soluzzjoni applikata f’din is-sentenza hijiex trasponibbli għall-kawża prinċipali.

1.      Is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123)

40.      Kif diġà invokajt, G. de Ruyter kien ċittadin Olandiż, impjegat minn kumpannija Olandiża, iżda kien domiċiljat fiskalment fi Franza. Fis-snin bejn l-1997 u l-2004, huwa rċieva vitalizji b’titolu oneruż b’sorsi mill-Olanda, li kienu kkunsidrati mill-amministrazzjoni fiskali Franċiża bħala dħul mill-patrimonju u li għalhekk kienu suġġetti, għall-kontribuzzjonijiet ta’ KSĠ u ta’ KRDS, għall-imposta soċjali ta’ 2% kif ukoll għall-kontribuzzjoni addizzjonali ta’ 0.3% fuq din l-imposta.

41.      G. de Ruyter ikkontesta l-issuġġettar tiegħu għal dawn il-kontribuzzjonijiet u imposti soċjali quddiem il-qrati amministrattivi Franċiżi. Huwa sostna, b’riferiment għas-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2000, Il-Kummmissjoni vs Franza (C-34/98, EU:C:2000:84) u tal-15 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C-169/98, EU:C:2000:85) (17) li, mill-fatt tal-assenjazzjoni speċifika tagħhom għall-finanzjament tal-iskemi obbligatorji Franċiżi ta’ sigurtà soċjali, dawn il-kontribuzzjonijiet u imposti soċjali kienu jmorru kontra l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ uniċità ta’ leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

42.      Ma hemmx dubju fl-ispirtu tal-qorti nazzjonali [il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat Franċiż)] li adixxiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-imsemmija kontribuzzjonijiet u imposti soċjali kienu jagħmlu parti mill-finanzjament tal-iskemi obbligatorji Franċiżi tas-sigurtà soċjali. Min-naħa l-oħra, il-Conseil d’État staqsa jekk il-fatt, minn naħa, li l-kontribuzzjonijiet u imposti inkwistjoni, bid-differenza tas-sitwazzjonijiet li taw lok għas-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C-34/98, EU:C:2000:84) u tal-15 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C-169/98, EU:C:2000:85), kienu bbażati mhux fuq dħul minn attività professjonali u minn dħul sostitut iżda fuq dħul mill-patrimonju tal-persuna taxxabbli kkonċernata, indipendentement mill-eżerċizzju ta’ kull attività ekonomika u, min-naħa l-oħra, li dawn il-kontribuzzjonijiet u l-imposti ma jagħtu dritt għal ebda benefiċċju jew vantaġġ mogħti permezz ta’ skema tas-sigurtà soċjali, kienx jippermetti li madankollu jitqiesu bħala li għandhom rabta diretta u rilevanti ma’ certi oqsma tas-sigurtà soċjali b’tali mod li jaqgħu effettivament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71.

43.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet fl-affermattiv għal din id-domanda.

44.      L-ewwel nett, hija fakkret li l-element determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 jibqa’ fir-rabta diretta u rilevanti biżżejjed li d-dispożizzjoni nazzjonali għandha tippreżenta mal-liġijiet li jirregolaw l-oqsma tas-sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, indipendentement miċ-ċirkustanza li imposta speċifika tista’ tiġi kklassifikata bħala “taxxa” skont id-dritt nazzjonali (18).

45.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet il-ġurisprudenza tagħha (19) li l-eżistenza jew l-assenza ta’ korrispettiv ta’ benefiċċji ma għandhiex rilevanza għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, peress li l-kriterju determinanti huwa dak tal-assenjazzjoni speċifika ta’ kontribuzzjoni għall-finanzjament ta’ skema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru (20).

46.      Hija sussegwentement iddeċidiet li l-konkluzjoni li kienet waslet għaliha fis-sentenzi tagħha tal-15 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C-34/98, EU:C:2000:84, punti 36 u 37) u tal-15 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C-169/98, EU:C:2000:85, punti 34 u 35) f’dak li jirrigwarda d-dħul minn attività u d-dħul sostitut, kellha tiġi trasposta f’dak li jikkonċerna l-imposti li huma bbażati fuq id-dħul mill-patrimonju, peress li ma huwiex ikkontestat li l-prodott ta’ dawn l-imposti jiġi assenjat direttament u speċifikament għall-finanzjament ta’ ċerti oqsma tas-sigurtà soċjali fi Franza (21).

47.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-element determinanti ma huwiex l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol iżda li l-persuna tkun assigurata, b’mod obbligatorju jew fakultattiv, kontra riskju wieħed jew iktar fil-kuntest ta’ skema ġenerali jew partikolari tas-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71 (22).

48.       Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fl-isfond b’mod partikolari tan-natura kompleta tas-sistema ta’ regoli dwar il-kunflitt prevista mir-Regolament Nru 1408/71, b’mod partikolari l-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali previst fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, li għandu l-għan li jiġu evitati l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni simultanja ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u li jitħassru l-inugwaljanzi tat-trattament fir-rigward ta’ persuni li jiċċaqilqu ġewwa l-Unjoni, l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 ma tistax tkun limitata għad-dħul li dawn il-persuni jirċievu mir-relazzjonijiet ta’ xogħol tagħhom, taħt piena li jinħolqu differenzi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament skont l-oriġini ta’ dan id-dħul li huma jirċievu (23). “Fil-fatt, obbligu impost fuq residenti ta’ Stat Membru li huma affiljati mas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor sabiex jiffinanzjaw ukoll, anki jekk biss parzjalment, is-sigurtà soċjali tal-Istat ta’ residenza, joħloq b’dan il-mod trattament inugwali fir-rigward tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, peress li r-residenti l-oħra kollha ta’ dan l-aħħar Stat Membru huma biss obbligati jikkontribwixxu għall-iskema tas-sigurtà soċjali tiegħu”(24).

49.      Isegwi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li peress li G. de Ruyter ma jaqa’ taħt ebda waħda mill-eċċezzjonijiet espliċiti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, huwa ma jistax jiġi suġġett għall-kontribuzzjonijiet u għall-imposti inkwistjoni, kemm f’dak li jikkonċerna d-dħul li jirriżulta minn relazzjoni ta’ xogħol, kif ukoll dak id-dħul li jirriżulta mill-patrimonju tiegħu, billi tali konstatazzjonijiet ma jistgħux jiġu kkontestati minħabba l-fatt li dan id-dħul tal-aħħar għadu ma kienx suġġett għal taxxa li tieħu l-forma ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fl-Istat Membru tal-impjieg (25).

50.      Għalhekk, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment huwa bbażat fuq l-osservanza assoluta tar-regola antikumulu tal-leġiżlazzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tar-regola ta’ kunflitt hekk kif dawn ir-regoli huma previsti fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, jiġifieri, fil-prattika, il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ impjieg. Kif indikat l-Avukat Ġenerali Sharpston fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawża de Ruyter (C-623/13, EU:C:2014:2307), li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għalih fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, l-issuġġettar ta’ G. de Ruyter għall-kontribuzzjonijiet u għall-imposta inkwistjoni f’din il-kawża “ikun ifisser li ma tkunx qed titqies il-projbizzjoni tal-kumulu tal-leġiżlazzjonijiet li tinsab fl-Artikolu 13(1) u r-regola ta’ konflitt stabbilita fl-Artikolu 13(2)(a), ta’ dak ir-regolament (51) . Jekk il-vitalizji li G. de Ruyter irċieva fil-Pajjiżi l-Baxxi kinux fil-fatt suġġetti għal kontribuzzjonijiet soċjali hemmhekk hija, għalhekk, irrilevanti ” (26).

51.      Raġunament analogu jista’ jiġi żviluppat f’din il-kawża?

52.      Il-Gvern Franċiż isostni li dan ma jistax ikun il-każ. Fil-fatt, skont dan il-gvern, billi ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 883/2004, uffiċjal tal-Unjoni ma jkunx jista’ jinvoka l-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali peress li dan il-prinċipju ma għandux ekwivalenti la fid-dritt primarju, b’mod partikolari fl-Artikolu 45 TFUE, u lanqas fid-dritt sekondarju tal-Unjoni.

53.      Għalkemm l-argument tal-Gvern Franċiż ma huwiex għalkollox impreċiż, fl-opinjoni tiegħi, dan jonqos milli jieħu inkunsiderazzjoni element ġuridiku essenzjali, jiġifieri, l-eżistenza tal-iskema komuni tas-sigurtà soċjali tal-uffiċjali tal-Unjoni, prevista mir-Regolamenti tal-Persunal. It-teħid inkunsiderazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u l-osservanza ta’ dawn tal-aħħar mill-Istati Membri fl-opinjoni tiegħi, jaqblu sabiex iqarrbu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni ta’ W. de Lobkowicz ma’ dik ta’ G. de Ruyter.

2.      Fuq l-estensjoni tas-soluzzjoni applikata fis-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123) għall-kawża prinċipali

54.      Mhux qed jiġi kkontestat li l-KSĠ u l-kontribuzzjonijiet u l-imposti l-oħra inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma assenjati speċifikament u direttament għall-finanzjament ta’ oqsma differenti tas-sigurtà soċjali fi Franza u bħala tali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 883/2004 (27).

55.      Barra minn hekk, huwa paċifiku li d-dħul minn immobbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kkunsidrat fid-dritt nazzjonali bħala dħul mill-patrimonju, bħal fil-każ tal-vitalizji li kienu inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123).

56.      Huwa paċifiku wkoll, kif semmejt qabel, li uffiċjal tal-Unjoni, bħal W. de Lobkowicz, ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 883/2004 (28).

57.      Dan il-fatt, li jiddistingwi din il-kawża minn dik li tat lok għas-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123), wassal lill-partijiet ikkonċernati sabiex jikkonċentraw l-osservazzjonijiet tagħhom u ma jaqblux dwar il-kwistjoni jekk il-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali kienx joriġina direttament mill-Artikolu 45 TFUE. Il-Kummissjoni u W. de Lobkowicz jallegaw li dan huwa l-każ u li, għalhekk, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123) tista’ tiġi trasposta għal din il-kawża abbażi tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE. Kif diġà semmejt, il-Gvern Franċiż jiddefendi argument oppost u jallega li l-ħaddiema biss li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 883/2004 jistgħu jieħdu vantaġġ mis-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123) peress li l-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli huwa stabbilit unikament minn dawn ir-regolamenti.

58.      Minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni, imtennija matul is-seduta, sabiex tfittex l-indizji ġurisprudenzjali li jistgħu jiġġustifikaw it-teżi tagħha li tali prinċipju jirriżulta effettivament u direttament mill-Artikolu 45 TFUE, jidhirli li dan id-dibattitu diġà ġie deċiż, fis-sens oppost, mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-16 ta’ Jannar 1992, Il-Kummissjoni vs Franza (C-57/90, EU:C:1992:10). Fil-fatt, f’din il-kawża li kienet tikkonċerna s-sitwazzjoni ta’ benefiċjarji ta’ allowance tal-irtirar kmieni jew ta’ rtirar komplementari li ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża diġà opponew lil xulxin dwar il-kwistjoni jekk il-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali kienx jikkostitwixxi prinċipju diġà eżistenti għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71, li kien joriġina mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema(29). B’mod iktar speċifiku, filwaqt li ammettiet li n-nuqqas allegat kien jikkonċerna lill-benefiċjarji ta’ skemi li, f’dak iż-żmien ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 1408/71, il-Kummissjoni sostniet li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’sentenzi ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, kienet interpretat l-Artikoli 48 u 51 tat-Trattat KEE (li issa saru l-Artikoli 45 u 48 TFUE) fis-sens tal-eżistenza ta’ prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli (30). Għall-kuntrarju tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz ippreżentati f’din il-kawża (C-57/90, mhux ippubblikata, EU:C:1991:345), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni. Filwaqt li kkonstatat li l-benefiċjarji tal-iskemi inkwistjoni ma kinux jaqgħu taħt sitwazzjonijiet irregolati b’mod partikolari mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, il-Qorti tal-Ġustizzja minn dan iddeduċiet li “il-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli ma jistax jiġi invokat favur tagħhom” (31) u minn dan ikkonkludiet li r-Repubblika Franċiża ma “naqsitx milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont it-Trattat KEE, u b’mod partikolari, ma aġixxietx bi ksur ta’ […] l-Artikolu 13(1),” tar-Regolament Nru 1408/71 (32).

59.      Sal-lum, il-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ma kkontestatx din is-sentenza. Il-fatt, imsemmi mill-Kummissjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja regolament tfakkar li l-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali “jinsab stabbilit b’mod partikolari” fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 (33) fl-opinjoni tiegħi, jikkostitwixxi sempliċement tfakkira li dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmi regolament jipprevedu wkoll tali prinċipju (34).

60.      Reċentement, barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni sabiex ittenni, fis-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, Hoogstad (C-269/15, EU:C:2016:802, punt 37), li l-prinċipju tal-uniċitá tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali jirregola biss is-sitwazzjonijiet li jagħmel riferiment għalihom l-Artikolu 13(2), kif ukoll l-Artikoli 14 sa 17 tar-Regolament Nru 1408/71, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jiddeterminaw ir-regoli ta’ kunflitt li għandhom jiġu applikati fil-każijiet differenti inkwistjoni.

61.      Is-sentenzi ċċitati waqt is-seduta mill-Kummissjoni wkoll ma jippermettux li jiġi sostnut li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet affermat b’mod mhux ambigwu li l-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali jirriżulta direttament mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati mal-moviment liberu tal-ħaddiema.

62.      Dan ċertament huwa minnu fir-rigward tas-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 1964, Nonnenmacher (92/63, EU:C:1964:40, p. 574). Fil-fatt, din is-sentenza, li ngħatat qabel is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 1992, Il-Kummissjoni vs Franza (C-57/90, EU:C:1992:10) u li tinterpreta r-rabtiet bejn l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 3, tal-25 ta’ Settembru 1958, dwar is-sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti (35) u l-Artikoli 48 u 51 tat-Trattat KEE, speċifikat, minn naħa, li ma tistax tiġi stabbilita mingħajr test projbizzjoni ta’ kumulu bejn żewġ leġiżlazzjonijiet nazzjonali ddestinati għall-ħaddiema u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 3 (u mhux l-Ar tikoli 48 u 51 tat-Trattat KEE) ma kienx jipprojbixxi l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru minbarra dak fejn taħdem il-persuna kkonċernata ħlief sa fejn tobbliga lil din tal-aħħar sabiex tikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ istituzzjoni tas-sigurtà soċjali li ma tistax tagħtiha iżjed vantaġġi għall-istess riskju u għall-istess perijodu.

63.      Dan japplika wkoll fir-rigward tas-sentenza tal-15 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C-169/98, EU:C:2000:85). Il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament ikkonstatat f’din is-sentenza ksur mir-Repubblika Franċiża tal-Artikoli 48 u 52 tat-Trattat KE (li saru l-Artikoli 45 u 49 TFUE). Madankollu, din il-konstatazzjoni segwiet u rreferiet għal dik imwettqa fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkonfermatx li l-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali kien jirriżulta mill-artikoli ċċitati iktar ’il fuq tat-Trattat KE. Hija llimitat ruħha sabiex tiddeċiedi li l-issuġġettar għall-KSĠ tad-dħul minn attività u tad-dħul sostitut tal-ħaddiema impjegati u l-ħaddiema indipendenti li kienu jirrisjedu fi Franza iżda li ma kinux suġġetti għal-leġiżlazzjoni Franċiża tas-sigurtà soċjali kien jikkostitwixxi, minħabba r-rekwiżit ta’ kontribuzzjoni għall-finanzjament tas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru li ma kinux affiljati miegħu, kemm ksur tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll inugwaljanza fit-trattament li jmur kontra l-moviment liberu tal-ħaddiema, għall-istess raġuni tal-eżistenza tal-imsemmi artikolu (36). Għalhekk, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 48 u 52 tat-Trattat KE ma kienx jidher li huwa awtonomu għalkollox meta mqabbel ma’ dak tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71. Fi kwalunkwe każ, kif se nispeċifika fil-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-projbizzjoni fuq Stat Membru tar-rekwiżit li ħaddiem jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ iskema tas-sigurtà soċjali li l-ħaddiem ma jkunx affiljat magħhom ma tirriżultax awtomatikament mill-konstatazzjoni preċedenti li s-sitwazzjoni inkwistjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

64.      Għalhekk, għalkemm il-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali ċertament jikkontribwixxi sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-ħaddiema ġewwa l-Unjoni filwaqt li dawn tal-aħħar jiġu suġġetti għal leġiżlazzjoni waħda fil-qasam tas-sigurtà soċjali, (37) dan il-prinċipju ma jirriżultax, f’dan l-istadju tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, direttament mill-Artikolu 45 TFUE jew, skont il-formula użata mill-Kummissjoni, ma huwiex “inerenti” għal din id-dispożizzjoni.

65.      Fid-dawl ta’ dan, ma jistax jiġi eskluż li l-argument bejn il-partijiet ikkonċernati f’din il-kawża prinċipali dwar l-oriġini tal-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali jirriżulta li huwa, definittivament, konfużjoni tas-sens li l-Kummissjoni tagħti lil din l-espressjoni. Fil-fatt jidher, fl-isfond b’mod partikolari fid-dawl tas-sottomissjonijiet orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Kummissjoni tqis din l-espressjoni bħala sinonima tal-projbizzjoni magħmula lill-Istati Membri li jeħtieġu mill-ħaddiema migranti li huma jħallsu kontribuzzjonijiet soċjali lill-fondi li ma jinfdux, jiġifieri mingħajr ebda korrispettiv f’termini ta’ benefiċċji soċjali, jew li jobbligaw lil dawn tal-aħħar jipparteċipaw fil-finanzjament ta’ skemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali li ma humiex affiljati magħhom, jiġifieri mingħajr ma jkollhom l-iċken tama li minnhom jieħdu kwalunkwe vantaġġ. Hija verità, kif targumenta l-Kummissjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikjedi l-osservanza ta’ tali projbizzjoni mill-Istati Membri, tant li xi drabi tiddeduċi direttament dispożizzjonijiet mit-Trattat fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni (38). Madankollu, din il-projbizzjoni ma għandhiex tiġi konfuża mal-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja imponiet ukoll l-osservazzjoni tiegħu f’sitwazzjonijiet fejn il-ħaddiema migranti inkwistjoni kienu rregolati b’mod simultanju minn diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali (39).

66.      Il-projbizzjoni, magħmula fuq l-Istati Membri, li jimponu kontribuzzjoni doppja, mingħajr vantaġġ supplimentari, jew li jobbligaw lill-ħaddiem migrant sabiex jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ skema tas-sigurtà soċjali li ma huwiex affiljat magħha u li għaldaqstant ma tista’ ttih ebda benefiċċju, fl-opinjoni tiegħi tikkostitwixxi d-denominatur komuni ta’ din il-ġurisprudenza, indipendentement mill-fatt li s-sitwazzjoni inkwistjoni hija rregolata mir-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 883/2004 jew li hija ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar.

67.      Fi kliem ieħor, din il-projbizzjoni tirriżulta kemm mill-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli, kif ukoll, peress li dan il-prinċipju ma huwiex applikabbli direttament, mir-rekwiżit li jitneħħew l-inugwaljanzi fit-trattament bejn il-ħaddiema migranti u l-ħaddiema li jaħdmu f’pajjiżhom (40).

68.      Fl-aħħar nett, hija din il-projbizzjoni li hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-kontribuzzjonijiet u l-imposti soċjali li qed jintalbu mingħand W. de Lobkowicz huma intiżi direttament u speċifikament għall-finanzjament tal-oqsma differenti tal-iskema Franċiża tas-sigurtà soċjali li W. de Lobkowicz ma huwiex affiljat magħha, peress li dan tal-aħħar kien unikament u obbligatorjament affiljat mal-iskema komuni tal-assigurazzjoni għall-mard (iktar ’il quddiem l-“iSKAM”) stabbilita mir-Regolamenti tal-Persunal.

69.      Fl-isfond ta’ dan, fl-opinjoni tiegħi, iċ-ċirkustanza li s-sitwazzjoni ta’ W.de Lobkowicz hija rregolata mir-Regolamenti tal-Persunal ma tistax tiġi la injorata u lanqas sottoevalwata. B’mod partikolari, fl-opinjoni tiegħi, ma għandhiex twassal sabiex tagħti privileġġ lill-eżami tad-domanda preliminari mill-perspettiva tal-Artikolu 45 TFUE, iżda speċifikament mill-perspettiva tar-Regolamenti tal-Persunal.

70.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 14 tal-Protokoll u mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva sabiex tistabbilixxi l-iskema tas-sigurtà soċjali tal-uffiċjali tagħha u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ din l-iskema.

71.      Ir-Regolamenti tal-Persunal imorru lil hinn sew mis-sistema ta’ koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali prevista bir-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 883/2004 peress li jistabbilixxu skema komuni vera ta’ assigurazzjoni għall-mard u skema tal-pensjoni favur uffiċjali tal-Unjoni. Fil-fatt, dawn huma skemi ta’ affiljazzjoni obbligatorji tal-uffiċjali tal-Unjoni mad-dħul tagħhom fis-servizz, li jikkonċernaw l-oqsma tas-sigurtà soċjali essenzjali li, kieku kienet kwistjoni tal-kopertura ta’ ħaddiema migranti oħra skont leġiżlazzjonijiet nazzjonali, mingħajr l-iċken dubju kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 883/2004 (41), u dawn jissarfu wkoll bil-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-imsemmija skemi (42).

72.      Ċertament l-Istati Membri, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom rigward it-tmexxija tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom, huma obbligati li josservaw id-dritt tal-Unjoni (43), b’mod partikolari, l-Protokoll li għandu l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati (44), u r-Regolamenti tal-Persunal li, infakkar, ġew stabbiliti permezz ta’ regolament ta’ portata ġenerali, huma obbligatorji fl-elementi kollha tagħhom u huma applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE (45).

73.      Din hija r-raġuni għalfejn Stat Membru li jissuġġetta uffiċjal tal-Unjoni għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li huma bbażati fuq is-salarji ta’ dan l-uffiċjal ikun qed jikser b’mod manifest il-kompetenza tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li tirriżulta mill-Artikolu 14 tal-Protokoll u mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal. Mill-perspettiva tal-uffiċjal tal-Unjoni kkonċernat, tali suġġettar jista’ jiddiswadih milli jaċċetta impjieg fis-servizz tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, billi jobbligah ikompli jħallas kontribuzzjonijiet lill-iskema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru tal-oriġini tiegħu, mingħajr ebda korrispettiv (46), filwaqt li mill-perspettiva ta’ dawn l-istituzzjonijet, din is-sitwazzjoni twassal sabiex jitfixel il-funzjonament tajjeb tagħhom, bi ksur tad-dmir ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza leali, li l-osservazzjoni tiegħu hija kompitu tal-Istati Membri, u li jinkludi l-obbligu tal-iffaċilitar tat-twettiq tal-missjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (47).

74.      L-istess japplika fil-każ ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tolqot is-salarji u r-remunerazzjoni ta’ uffiċjal tal-Unjoni permezz ta’ kontribuzzjonijiet u ta’ imposti li huma intiżi direttament u speċifikament għall-finanzjament tal-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru, indipendentement mill-fatt li dawn il-kontribuzzjonijiet u imposti jkunu kklassifikati bħala “taxxi” fid-dritt nazzjonali (48) u ma jagħtu ebda dritt għal benefiċċji jew vantaġġi soċjali skont il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-imsemmi Stat Membru (49). Fil-fatt, fir-rigward tal-protokoll u tar-Regolamenti tal-Persunal, uffiċjal tal-Unjoni ma jistax jiġi suġġett, minħabba s-salarji tiegħu, għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru, inkluża dik tal-Istat Membru fejn huwa residenti fiskali skont l-Artikolu 13 tal-Protokoll.

75.      Il-kompetenza esklużiva tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jistabbilixxu r-regoli u l-modalitajiet tal-iskemi tal-assigurazzjoni għall-mard u tal-pensjoni tal-uffiċjali tagħhom hija intiża mhux biss sabiex tiffaċilita r-reklutaġġ ta’ dawn tal-aħħar iżda wkoll li tiżguralhom kopertura soċjali kompleta u omoġenja u li tistabbilixxi l-livell tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-imsemmija skemi, indipendentement mil-liġijiet li jirregolaw is-sigurtà soċjali applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom. L-attribuzzjoni ta’ tali kompetenza favur l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għalhekk għandha wkoll bħala għan li tiggarantixxi ugwaljanza fit-trattament fost l-uffiċjali tal-Unjoni ta’ nazzjonalitajiet differenti, b’mod partikolari sabiex jiġi evitat, jekk ikun il-każ, li dawn ikunu jistgħu jiġu mġiegħla jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ diversi skemi tas-sigurtà soċjali jew li jħallsu kontribuzzjonijiet fihom.

76.      Inqis għalhekk li l-Artikolu 14 tal-Protokoll u d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal fil-qasam tas-sigurtà soċjali jissodisfaw, fir-rigward tal-uffiċjali tal-Unjoni, funzjoni tal-inqas analoga ma’ dawk tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004 f’dak li jirrigwarda l-ħaddiema migranti l-oħra, funzjoni li tikkonsisti, b’mod partikolari, fil-projbizzjoni tal-kumulu tal-iskemi tas-sigurtà soċjali u tal-obbligu ta’ parteċipazzjoni fil-finanzjament u/jew fil-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet lil tali skemi mingħajr ma jkun jista’ jittieħed ebda vantaġġ minnhom.

77.      Din l-analiżi hija kkorroborata mill-fatt li, għall-kuntrarju tal-uffiċjali (u tal-membri tal-persunal temporanju) tal-Unjoni, il-membri tal-persunal bil-kuntratt ta’ din tal-aħħar, li t-tul tal-kuntratti tagħhom ma setax, bħala prinċipju, ikun itwal minn tliet snin fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 1408/71, kif emendat bir-Regoalment (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009 (50), u tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 883/2004 (51). Għalkemm il-membri tal-persunal bil-kuntratt ċertament jibbenefikaw minn dritt tal-għażla, huwa dejjem il-każ li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, li jidħol fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-servizz, ma jistax iwassal għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali ħlief ta’ Stat Membru wieħed. Għalhekk, skont id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti ċċitati iktar ’il fuq, membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Unjoni, resident fiskali fi Franza, li jagħżel l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Istat ta’ impjieg tiegħu, pereżempju dik tar-Renju tal-Belġju, għandu, bħal fil-każ tal-ħaddiema l-oħra li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 u Nru 883/2004, jiġi eżentat mill-oneru li jipparteċipa, anki parzjalment, fil-finanzjament tal-iskema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru tar-residenza fiskali tiegħu, li ma mhuwiex affiljat magħha, b’konformità mas-soluzzjoni applikata fis-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123, punti 38 sa 40), inkluż, għalhekk fir-rigward tad-dħul mill-patrimonju miġbur minn dan il-membru tal-persunal.

78.      Issa, ukoll fir-rigward tal-artikolazzjoni bejn ir-Regolamenti tal-Persunal, li nfakkar, imorru lura għas-sena 1968, u r-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 883/2004, jidher għalkollox improbabbli li, fost il-kategorija tal-ħaddiema migranti, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jeskludi l-uffiċjali u l-membri tal-persunal temporanju tal-Unjoni mill-benefiċċju tal-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali, peress li huwa mifhum li din il-leġiżlazzjoni hija kkostitwita, fil-każ tagħhom, mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal. Għall-kuntrarju, dawn l-uffiċjali u l-membri tal-persunal temporanju tal-Unjoni ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti minħabba li huma diġà koperti mill-iSKAM li r-Regolamenti tal-Persunal stabbilixxew.

79.      F’dawn il-kundizzjonijiet, inqis li r-raġunament li jiġġustifika s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123, punti  38 sa 40), japplika wkoll għas-sitwazzjoni ta’ uffiċjal tal-Unjoni bħal dik ta’ W. de Lobkowicz. Fil-fatt, kieku dan ma kienx il-każ, dan l-uffiċjal, residenti fiskali fi Franza skont l-Artikolu 13 tal-Protokoll, ma kienx biss jiġi mġiegħel iħallas kontribuzzjonijiet lill-iSKAM b’applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda wkoll li barra minn hekk jiffinanzja, anki jekk parzjalment, l-oqsma differenti tal-iskema Franċiża tas-sigurtà soċjali, filwaqt li r-residenti Franċiżi l-oħra li ma eżerċitawx il-moviment liberu tagħhom jikkontribwixxu biss għall-iskema Franċiża.

80.      Fl-opinjoni tiegħi, dan ir-raġunament ma huwiex invalidat mill-oġġezzjonijiet tal-Gvern Franċiż li l-kontribuzzjonijiet u l-imposti inkwistjoni bl-ebda mod ma jinkludu korrispettiv dirett f’termini ta’ benefiċċji soċjali minħabba l-klassifikazzjoni tagħhom bħala “taxxi” fid-dritt nazzjonali u li d-dħul mill-patrimonju inkwistjoni ma jkun milqut minn ebda oneru analogu.

81.      Fil-fatt, kif argumentaw kemm W. de Lobkowicz kif ukoll il-Kummissjoni, dawn l-oġġezzjonijiet diġà ġew eżaminati u skartati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tal-15 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C-169/98, EU:C:2000:85, punti 31 sa 38) u tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123, punt 41).

82.      Rigward iktar partikolarment it-tieni oġġezzjoni mqajma mill-Gvern Franċiż, inżid li, għalkemm ma huwiex ikkontestat li r-Repubblika Franċiża hija awtorizzata teżerċita l-kompetenza fiskali tagħha fuq id-dħul minn immobbli ta’ W. de Lobkowicz, peress li dan id-dħul ma jistax barra minn hekk jieħu vantaġġ mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tal-Protokoll, xorta jibqa’ l-fatt li din il-kompetenza għandha tiġi eżerċitata fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Issa, sa fejn, il-kontribuzzjonijiet u l-imposti inkwistjoni f’din il-kawża, indipendentement mill-klassifikazzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali, huma speċifikament u direttament assenjati għall-finanzjament tas-sigurtà soċjali Franċiża, huma għandhom jitqiesu bħala li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza esklużiva tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jistabbilixxu l-iskema komuni ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-uffiċjali tagħha, li kif diġà sostnejt, jipprekludi li Stat Membru jobbliga lill-imsemmija uffiċjali li jiffinanzjaw, anki parzjalment, l-iskema tas-sigurtà soċjali proprja tiegħu, mingħajr l-iċken tama li dawn l-individwi, kuntrarjament għar-residenti l-oħrajn affiljati mal-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ dak l-Istat Membru, jibbenefikaw minn kwalunkwe vantaġġ.

V –    Konklużjoni

83.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula mill-Cour administrative d’appel de Douai (qorti amministrattiva tal-appell ta’ Douai, Franza) tkun is-segwenti:

Il-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali, bħal dak li jirriżulta mill-Artikolu 14 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattati UE, FUE u KEEA, u mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1240/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li uffiċjal ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, għalkollox suġġett għall-iskema komuni ta’ assigurazzjoni għall-mard prevista mill-istess regolament, ikun suġġett, fl-Istat Membru tar-residenza fiskali tiegħu, għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet u imposti assenjati speċifikament u direttament għall-finanzjament tas-sigurtà soċjali tal-imsemmi Stat Membru li jkunu bbażati fuq id-dħul minn immobbli li jkun irċieva f’dan l-Istat Membru, b’tali mod li dan l-Istat Membru ma jkunx jista’ jeħtieġ minn dawn l-uffiċjali li jiffinanzjaw, anki parzjalment, l-iskema tas-sigurtà soċjali proprja tiegħu, mingħajr l-iċken tama li dawn l-individwi, kuntrarjament għar-residenti l-oħrajn affiljati mal-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ dak l-Istat Membru, jibbenefikaw minn kwalunkwe vantaġġ.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Fil-verżjoni tiegħu emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5 Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1608/98, tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 308).


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 5.


4 – ĠU 2010, L 338, p. 7.


5 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72.


6 – Mill-osservazzjonijiet ippreżentati minn W. de Lobkowicz jirriżulta li l-eżenzjoni mill-ħlas tal-ammonti relatati mal-KRDS ingħatat wara li ġie emendat l-Artikolu L. 136-1 tal-kodiċi tas-sigurtà soċjali kif ukoll is-sentenza tal-Conseil d’État (Kunsill tal-Istat, Franza) tal-4 ta’ Mejju 2011, Ministre du Budget vs Cousin (ECLI:FR:CESSR:2011:330551.20110504) li skont it-termini tagħha, din il-qorti ddeċidiet li l-persuni fiskalment domiċiljati fi Franza biss setgħu jiġu suġġetti għall-KRDS, ukoll meta tkun ibbażata fuq id-dħul mill-patrimonju, kif ukoll għal skema obbligatorja Franċiża tal-assigurazzjoni għall-mard. Madankollu jidhirli li l-istituzzjoni ta’ dan l-aħħar kriterju kienet irriżultat minn “inċident lingwistiku” u ġiet abbandunata mil-liġi tal-finanzi tas-sigurtà soċjali għas-snin 2012, mhux applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali: ara, f’dan ir-rigward, ir-rapport ta’ Matt, J. L.; Impôt sur le revenu, Contribution sociale généralisée: Quelle réformes?, Conseil des prélèvements obligatoires, Paris, 2015, p. 15, disponibble fis-sit:https://www.ccomptes.fr/


7–      Il-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward tirreferi għas-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, Ferlini (C-411/98, EU:C:2000:530) dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71.


8 – Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Novembru 2013, Mlamali (C-257/13, mhux ippubblikat, EU:C:2013:763, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9 – Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Novembru 2013, Mlamali (C-257/13, mhux ippubblikat, EU:C:2013:763, punti 18 u  24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


10 – Ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2004, My (C-293/03, EU:C:2004:821, punti 39 sa 43). Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Wojciechowski (C-408/14, EU:C:2015:393, punt 25).


11 – Din hija r-raġuni għalfejn, fir-rigward tal-uffiċjali tal-Unjoni, id-domiċilju fiskali jikkostitwixxi, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Franċiż, element li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk din il-persuna taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE. L-Artikolu 13 tal-Protokoll effettivament jiddependi fuq finzjoni ġuridika li skontha l-uffiċjali u l-membri tal-persunal fis-servizz tal-istituzzjonijiet iżommu, matul il-karriera kollha tagħhom, id-domiċilju fiskali tagħhom, jiġifieri ċ-ċentru tal-interessi tagħhom, fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kienu ddomiċiljati fil-mument tad-dħul fis-servizz tagħhom.


12 – Ara, fir-rigward tal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni jew tat-teħid inkunsiderazzjoni parzjali tas-snin ta’ xogħol imwettqa miċ-ċittadini Belġjani fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni għall-finijiet tal-ftuħ tad-drittijiet għall-pensjoni fil-Belġju, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2004, My (C-293/03, EU:C:2004:821), digriet tad-9 ta’ Lulju 2010, Ricci u Pisaneschi (C-286/09, mhux ippubblikat, EU:C:2010:420) u s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Wojciechowski (C-408/14, EU:C:2015:591). Ara wkoll, rigward l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ xogħol imwettqa minn membru tal-persunal bil-kuntratt ta’ nazzjonalità Belġjana ta’ istituzzjoni tal-Unjoni għall-finijiet tal-ammissibbiltà għall-benefiċċju ta’ allowances tal-qgħad fil-Belġju, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2015  Melchior (C-647/13, EU:C:2015:54).


13 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Gullotta u Farmacia di Gullotta Davide & C. (C-497/12, EU:C:2015:168, punt 89). Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Crono Service et (C-419/12 u C-420/12, EU:C:2014:81).


14 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter-Coulais (C-152/03, EU:C:2006:123, punt 29) u tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ (C-115/08, EU:C:2009:660, punt 81). Jekk l-informazzjoni fil-proċess li huwa kkomunikat lill-Qorti tal-Ġustizzja tawtorizzaha, din il-fakultà li tiddisponi minnha din tal-aħħar li tirriformula d-domanda preliminari tippermetti wkoll prevenzjoni ta’ repetizzjoni li altrimenti tkun probabbli tat-talba għal deċiżjoni preliminari u għaldaqstant tibbaża wkoll fuq raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju. Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Gysen (C-449/06, EU:C:2007:663, punt 43).


15 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1984 1984, Haug-Adrion (251/83, EU:C:1984:397, punti 9 sa 11) u tas-26 ta’ Settembru 1996, Arcaro (C-168/95, EU:C:1996:363, punt 21 sa 23).


16 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1984, Haug-Adrion (251/83, EU:C:1984:397, punt 9), tas-26 ta’ Settembru 1996, Arcaro (C-168/95, EU:C:1996:363, punt 21) u tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group (C-384/08, EU:C:2010:133, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17 – L-ewwel miż-żewġ sentenzi kienet titratta l-KRDS filwaqt li t-tieni kienet titratta l-KSĠ.


18 – Sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123, punti 23 u 24).


19 – Sentenzi tal-15 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C-34/98, EU:C:2000:84, punti 39 u 40) u tal-15 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C-169/98, EU:C:2000:85, punti 37 u 38).


20 – Sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123, punt 26).


21 – Sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123, punt 28).


22 – Sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123, punt 31).


23 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123, punti 35, 37 u 38).


24 – Sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25 – Sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123, punti 40 u  41).


26 – Fil-punt 56 ta’ dawn l-istess konklużjonijiet, l-Avukat Ġenerali Sharpston ikklassifikat ir-regola ta’ antikumulu tal-iskemi, li tidher fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71, bħala “regola assoluta” li tbati biss l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikoli 14(ċ) u 14(f) ta’ dan ir-regolament.


27 – Hemm lok li jiġi rrilevat li, filwaqt li s-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123) kienet tikkonċerna l-KSĠ, l-imposta soċjali ta’ 2% kif ukoll kontribuzzjoni addizzjonali bir-rata ta’ 0.3%, din il-kawża tikkonċerna, barra minn hekk, il-kontribuzzjoni addizzjonali bir-rata ta’ 1.1% fejn dan id-dħul, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, huwa assenjat lill-fondi nazzjonali ta’ solidarjetà attiva u għandu, skont din il-qorti, jitqies bħala li jaqa’ wkoll taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 883/2004.


28 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Ferlini (C-411/98, EU:C:2000:530, punt 41) u tas-16 ta’ Diċembru 2004, My (C-293/03, EU:C:2004:821, punt 35).


29 – Sentenza tas-16 ta’ Jannar 1992, Il-Kummissjoni vs Franza (C-57/90, EU:C:1992:10, punti 8 sa 10).


30 – Sentenza tas-16 ta’ Jannar 1992, Il-Kummissjoni vs Franza (C-57/90, EU:C:1992:10, punti 8 u 9).


31 – Sentenza tas-16 ta’ Jannar 1992, Il-Kummissjoni vs Franza (C-57/90, EU:C:1992:10, punt 14).


32 – Sentenza tas-16 ta’ Jannar 1992, Il-Kummissjoni vs Franza (C-57/90, EU:C:1992:10, punt 21) (il-korsiv miżjud minni). Ara, ukoll, b’mod identiku, is-sentenza tas-6 ta’ Frar 1992 Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-253/90, EU:C:1992:58, punt 18).


33 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2012, Hudzinski u Wawrzyniak (C-611/10 u C-612/10, EU:C:2012:339, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34 – Ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1408/71, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2006, Piatkowski (C-493/04, EU:C:2006:167, punt 21) u tas-16 ta’ Mejju 2013, Wencel (C-589/10, EU:C:2013:303, punt 47).


35 – ĠU 1958, p. 561.


36 – Ara, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C-169/98, EU:C:2000:85, punti 42 sa 45).


37 – Ara, b’mod partikolari f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, Allard (C-249/04, EU:C:2005:329, punt 32).


38 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 1996 (C-53/95, EU:C:1996:58, punti 13 u 14), tal-15 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C-169/98, EU:C:2000:85, punti 42 u 45), tad-19 ta’ Marzu 2002, Hervein et (C-393/99C-394/99, EU:C:2002:182, punt 49), tal-21 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Ċipru (C-515/14, EU:C:2016:30, punt 40) u tas-6 ta’ Ottubru 2016, Adrien et (C-466/15, EU:C:2016:749, punt 30). Il-parti l-kbira ta’ dawn is-sentenzi ġew iċċitati mill-Kummissjoni waqt is-seduta bħala sostenn għat-teżi tagħha li l-Artikolu 45 TFUE kien jinkludi l-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali.


39 – Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 2002, Hervein et (C-393/99 u C-394/99, EU:C:2002:182, punti 49, 61 u 64), tad-9 ta’ Marzu 2006, Piatkowski (C-493/04, EU:C:2006:167, punti 34 sa 36) u tas-6 ta’ Ottubru 2016, Adrien et (C-466/15, EU:C:2016:749, punt 30). Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża de Ruyter (C-623/13, EU:C:2014:2307, punt 58).


40 – F’dan ir-rigward, interessanti li jiġi nnutat li, fis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2016, Adrien et (C-466/15, EU:C:2016:749, punt 30), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet in-natura li toħloq ostakoli tal-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni f’din il-kawża u għaldaqstant il-kuntrarjetà tagħha għall-Artikolu 45 TFUE fiċ-ċirkustanza biss li l-membri tal-persunal temporanju tal-Unjoni kkonċernati kienu jsibu ruħhom li jkollhom iħallsu “ kontribuzzjonijiet li ma jitħallsux lura ” lill-iskema ta’ affiljazzjoni ta’ pensjoni nazzjonali li baqgħu affiljati magħha skont id-dritt tal-għażla mogħti minn din il-leġiżlazzjoni favur uffiċjali nazzjonali kkollokati.


41 – Bħala tfakkira, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal fil-qasam tas-sigurtà soċjali japplikaw, skont il-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, permezz ta’ analoġija, għall-membri tal-persunal temporanju.


42 – Ara, rispettivament, rigward tal-iSKAM, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u, inkwantu għall-iskema tal-pensjoni, l-Artikolu 83(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.


43 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 2003, Kristiansen (C-92/02, EU:C:2003:652, punt 31), tal-4 ta’ Frar 2015, Melchior (C-647/13, EU:C:2015:54, punt 21) u tal-10 ta’ Settembru  2015, Wojciechowski (C-408/14, EU:C:2015:591, punt 35).


44 – Ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 2/13, tat-18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 161).


45 – Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2013, Gardella (C-233/12, EU:C:2013:449, punt 30) u tal-10 ta’ Settembru 2015, Wojciechowski (C-408/14, EU:C:2015:591, punt 36). Ara wkoll rigward l-iskema applikabbli għall-membri tal-persunal l-oħra, is-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2003, Kristiansen (C-92/02, EU:C:2003:652, punt 32).


46 – Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Ċipru (C-515/14, EU:C:2016:30, punt 45)


47 – Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Ċipru (C-515/14, EU:C:2016:30, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).


48 – Barra minn hekk, fil-każ partikolari tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju tal-Unjoni, il-fatt li tali kontribuzzjonijiet u imposti, ibbażati fuq id-dħul provenjenti mill-attività professjonali tagħhom fis-servizz tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jiġu kklassifikati bħala “taxxi” fid-dritt nazzjonali xorta jikser il-projbizzjoni prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 12 tal-Protokoll li jgħid li dawn il-persuni huma eżentati mit-taxxi nazzjonali fuq is-salarji, pagi u emolumenti mħallsa mill-Unjoni.


49 – Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C-169/98, EU:C:2000:85, punti 32, 37 u  38) u tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123, punti 24 u 26).


50 – ĠU 2009 L 284, p. 43.


51 – Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma fformulati kif ġej: “Fir-rigward ta’ disposizzjonijiet stabbiliti fl-iskema applikabbli għall-impjegati awżiljarji tal-Komunitajiet Ewropej, minbarra dawk id-disposizzjonijiet dwar allowances marbutin mal-familja, dawn l-impjegati jistgħu jagħżlu li jkunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn huma mpjegati, għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li għaliha kienu suġġetti eżattament qabel jew għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li huma ċittadini tiegħu. Dan id-dritt għal għażla, li jista’ jintuża darba biss, għandu jkollu effett mill-ewwel jum ta' l-impjieg.” Infakkar li qabel il-ħolqien, fl-iskema applikabbli għall-membri tal-persunal l-oħra, tal-kategorija ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt, l-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 1408/71 kien immirat għall-kategorija ta’ membri tal-persunal awżiljarju.