Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
tad-9 ta’ Frar 2017 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – VAT – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 131 u 138 – Kundizzjonijiet għall-eżenzjoni ta’ kunsinna intra-Komunitarja – Sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni fil-qasam tal-VAT (VIES) – Assenza ta’ iskrizzjoni tax-xerrej – Rifjut tal-benefiċċju tal-eżenzjoni – Ammissibbiltà”
Fil-Kawża C-21/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa) [tribunal ta’ arbitraġġ fil-qasam fiskali (ċentru ta’ arbitraġġ amministrattiv), il-Portugall], permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Jannar 2016, fil-proċedura
Euro Tyre BV - Sucursal em Portugal
vs
Autoridade Tributária e Aduaneira,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn E. Juhász, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,
Avukat Ġenerali : P. Mengozzi,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, R. Campos Laires u M. Figueiredo, bħala aġenti,
– għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u G. Braga da Cruz, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 131 u tal-Artikolu 138(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”), kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Euro Tyre BV - Sucursal em Portugal (iktar ’il quddiem “Euro Tyre”) u l-Autoridade Tributária e Aduaneira (awtorità fiskali u doganali, il-Portugall) dwar ir-rifjut ta’ din l-awtorità li teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) diversi tranżazzjonijiet li Euro Tyre ikklassifikat bħala kunsinni intra-Komunitarji ta’ merkanzija.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva tal-VAT
3 Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT, “[p]ersuna taxxabbli” għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun xi jkun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività. L-“attività ekonomika” hija ddefinita, f’din id-dispożizzjoni, bħala kwalunkwe attività ta’ produtturi, ta’ kummerċjanti jew ta’ persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet jew attivitajiet simili. L-imsemmija dispożizzjoni tippreċiża li għandu b’mod partikolari jitqies li huwa attività ekonomika l-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa.
4 Skont l-Artikolu 131 ta’ din id-direttiva:
“L-eżenzjonijiet ipprovduti fil-Kapitoli 2 sa 9 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità skond kondizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jistabilixxu għall-finijiet li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawk l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni [frodi], evitar [evażjoni] jew abbuż possibbli”.
5 L-Artikolu 138(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:
“L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-provvista ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata lejn destinazzjoni ’l barra mit-territroju tagħhom iżda fil-Komunità, jew mill-bejjiegħ jew f’ismu jew il-persuna li tkun qed takkwista l-merkanzija, għal persuna taxxabbli oħra, jew għal persuna legali mhux taxxabbli li tkun qed taġixxi bħala tali fi Stat Membru ieħor li mhux dak minn fejn bdiet tinbagħat jew tkun ittrasportata il-merkanzija”.
6 L-Artikolu 213(1) ta’ din l-istess direttiva jistipula:
“Kull persuna taxxabbli għandha tiddikjara meta tibda, tbiddel jew twaqqaf l-attività tagħha bħala persuna taxxabbli.
L-Istati Membri għandhom jippermettu, u jistgħu jeħtieġu, li d-dikjarazzjoni ssir b’mezzi elettroniċi, skond kondizzjonijiet li jistabbilixxu”.
7 L-Artikolu 214(1) tad-Direttiva tal-VAT jistipula:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni li ġejjin huma identifikati permezz ta’ numru individwali:
a) kull persuna taxxabbli, bl-eċċezzjoni ta’ dawk imsemmija fl-Artikolu 10(2), li fit-territorju tagħhom twettaq fornimenti ta’ merkanzija jew servizzi li fir-rigward tagħhom tista’ titnaqqas il-VAT, minbarra l-fornimenti ta’ merkanzija jew servizzi li għalihom il-VAT għandha titħallas biss mill-konsumatur jew mill-persuna li għaliha hija intenzjonata l-merkanzija jew is-servizzi, skond l-Artikoli 194 sa 197 u l-Artikolu 199;
b) kull persuna taxxabbli, jew persuna legali li mhix taxxabbli, li tagħmel akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija soġġetta għall-VAT skond l-Artikolu 2(1)(b) u kull persuna taxxabbli jew persuna legali li mhix taxxabbli li teżerċita l-għażla skond l-Artikolu 3(3) li jagħmlu l-akkwisti intra-Komunitarji tagħhom soġġetti għall-VAT;
[...]”.
Ir-Regolamenti (KE) Nru 1798/2003 u (UE) Nru 904/2010
8 Skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003, tas-7 ta’ Ottubru 2003, dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 218/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 392):
“Kull Stat Membru għandu jżomm bażi ta’ informazzjoni elettronika li tinkludi reġistru ta’ persuni li għalihom inħarġu numri ta’ l-identifikazzjoni tal-VAT f’dak l-Istat Membru”.
9 Ir-Regolament Nru 1798/2003 ġie mħassar, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012, bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010, tas-7 ta’ Ottubru 2010, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2010, L 268, p. 1).
10 L-Artikolu 17(1) ta’ dan l-aħħar regolament jipprevedi:
“Kull Stat Membru għandu jaħżen f’sistema elettronika l-informazzjoni li ġejja:
a) l-informazzjoni li hu jiġbor skont il-Kapitolu 6 fit-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE;
b) id-data dwar l-identità, l-attività, l-organizzazzjoni u l-indirizz tal-persuni li lilhom ikun attribwixxa numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT, li tkun inġabret skont l-Artikolu 213 tad-Direttiva [tal-VAT], kif ukoll id-data meta ġie attribwit dak in-numru;
[...]”.
Id-dritt Portugiż
11 Ir-Regime do IVA das Transações Intracomunitárias (sistema tal-VAT fir-rigward tat-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji, iktar ’il quddiem ir-“RITI”) tittrasponi fid-dritt Portugiż ir-regoli dwar it-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji li joħorġu mid-Direttiva tal-VAT.
12 Skont l-Artikolu 14(a) tar-RITI, huma eżentati mill-VAT:
“[I]l-kunsinni ta’ merkanzija mwettqa minn persuna taxxabbli, msemmija fl-Artikolu 2(1)(a), mibgħuta jew ittrasportati mill-bejjiegħ, mix-xerrej jew f’isimhom, mit-territorju nazzjonali lejn Stat Membru ieħor lix-xerrej, meta dan ikun persuna fiżika jew ġuridika irreġistrata għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud fi Stat Membru ieħor, li uża n-numru ta’ identifikazzjoni korrispondenti biex iwettaq ix-xiri u li hemmhekk jinsab suġġett għal sistema ta’ taxxa tal-akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija”.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
13 Euro Tyre hija fergħa Portuġiża ta’ kumpannija rreġistrata taħt id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, Euro Tyre BV. Hija teżerċita attività ta’ importazzjoni, ta’ esportazzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ tajers ta’ diversi ditti lil bejjiegħa bl-imnut stabbiliti fil-Portugall u fi Spanja. Fis-suq Spanjol hija twettaq il-bejgħ tagħha, parzjalment, direttament u, parzjalment, permezz ta’ distributur, jiġifieri Euro Tyre Distribución de Neumáticos SL.
14 Il-kwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda diversi bejgħ, magħmul matul il-perijodu ta’ bejn is-sena 2010 u s-sena 2012, lil Euro Tyre Distribución de Neumáticos. Meta seħħ dan il-bejgħ, din tal-aħħar kienet irreġistrata bħala persuna taxxabbli suġġetta għall-VAT fi Spanja. Min-naħa l-oħra, hija kienet għadha ma hijiex suġġetta, f’dan l-Istat Membru, għas-sistema ta’ taxxa tal-akkwisti intra-Komunitarji u lanqas ma kienet iskritta fis-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni fil-qasam tal-VAT (iktar ’il quddiem is-“sistema VIES”). Kien biss fid-19 ta’ Marzu 2013 li d-dipartimenti tat-taxxa Spanjoli tawha l-istatus ta’ operatur intra-Komunitarju u niżżlu isimha f’din is-sistema, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2012.
15 Euro Tyre iddikjarat l-imsemmi bejgħ bħala kunsinni intra-Komunitarji eżentati abbażi tal-Artikolu 14(a) tar-RITI.
16 Wara kontroll fiskali fir-rigward tas-snin 2010 sa 2012, l-Inspeção Tributária (dipartiment tal-kontroll fiskali, il-Portugall) madankollu qies li l-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni previsti fl-Artikolu 14(a) tar-RITI ma kinux issodisfatti, peress li, meta seħħ il-bejgħ inkwistjoni, Euro Tyre Distribución de Neumáticos ma kinitx irreġistrata għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji fi Spanja u lanqas ma kienet iskritta fis-sistema VIES.
17 Sussegwentement, l-awtorità fiskali u doganali wettqet rettifiki tal-VAT dovuta minn Euro Tyre għas-snin 2010 sa 2012, miżjuda bl-interessi moratorji.
18 Euro Tyre ikkontestat dawn ir-rettifiki. Wara li r-rikorsi amministrattivi u ġerarkiċi tagħha ġew miċħuda, hija ressqet rikors quddiem il-qorti tar-rinviju. Quddiem din il-qorti hija ssostni li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 14(a) tar-RITI, li tgħid li x-xerrej għandu jkun suġġett għal sistema ta’ taxxa tal-akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija u jkun iskritt fis-sistema VIES, hija r-riżultat ta’ traspożizzjoni żbaljata tad-Direttiva tal-VAT. Fil-fatt, tali kundizzjoni ma hijiex prevista fl-Artikolu 138 ta’ din id-direttiva u l-iktar l-iktar tikkostitwixxi rekwiżit ta’ natura formali impost biss mir-Repubblika Portugiża.
19 Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-eżenzjoni tal-kunsinni intra-Komunitarji, prevista fl-Artikolu 138(1) tad-Direttiva tal-VAT, tistax tkun suġġetta għall-kundizzjoni li x-xerrej li jkollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fi Stat Membru ieħor, li ma jkunx dak tat-tluq tal-ispedizzjoni jew tat-trasport tal-merkanzija, ikun irreġistrat, fl-ewwel Stat Membru, għal tranżazzjonijiet intra-Komunitarji u li jkun iskritt fis-sistema VIES.
20 F’dan ir-rigward, din il-qorti tosserva li, mix-xahar ta’ Ġunju 2010, Euro Tyre Distribución de Neumáticos kienet irreġistrata għall-finijiet tal-VAT fi Spanja għal tranżazzjonijiet nazzjonali, taħt numru ta’ identifikazzjoni li kien jidher fuq il-fatturi kollha relatati mal-bejgħ inkwistjoni kif ukoll fid-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi relatati magħhom. Min-naħa l-oħra, meta seħħ dan il-bejgħ, din il-kumpannija, persuna taxxabbli suġġetta għall-VAT, ma kinitx suġġetta għas-sistema ta’ taxxa tal-akkwisti intra-Komunitarji u ma kinitx iskritta fis-sistema VIES. Euro Tyre kienet konxja minn dan il-fatt iżda kienet tistenna li d-dipartimenti fiskali Spanjoli jagħtu, b’effett retroattiv, l-istatus ta’ operatur intra-Komunitarju lil Euro Tyre Distribución de Neumáticos. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni fiskali Portugiża kienet qieset li f’dan il-każ Euro Tyre la kienet wettqet frodi u lanqas evażjoni fiskali.
21 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa) [tribunal ta’ arbitraġġ fil-qasam fiskali (ċentru ta’ arbitraġġ amministrattiv), il-Portugall] iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikoli 131 u 138(1) tad-Direttiva [tal-VAT] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru tirrifjuta li tagħti eżenzjoni tal-VAT fir-rigward ta’ provvista intra-Komunitarja ta’ oġġetti, lil bejjiegħ residenti f’dan l-Istat Membru, minħabba li jirriżulta li x-xerrej, residenti fi Stat Membru ieħor ma huwiex irreġistrat fil-VIES, u lanqas ma jaqa’ taħt sistema ta’ tassazzjoni tal-akkwiżizzjonijiet [akkwisti] intra-Komunitarji ta’ oġġetti, minkejja li jkollu, fil-mument tat-tranżazzjoni, numru ta’ identifikazzjoni validu, għal skopijiet ta’ VAT, f’dan l-Istat Membru l-ieħor, liema numru jkun intuża fil-fatturi tat-tranżazzjonijiet, meta r-rekwiżiti materjali ta’ provvista intra-Komunitarja jkunu vverifikati b’mod kumulattiv, jiġifieri, meta d-dritt li persuna tiddisponi mill-oġġett bħala proprjetarju jkun ġie ttrasferit mix-xerrej u l-fornitur juri li dan l-oġġett intbagħat jew ġie ttrasportat lejn Stat Membru ieħor u li, f’din l-ispedizzjoni jew dan it-trasport, l-istess oġġett ikun ħareġ fiżikament mit-territorju tal-Istat Membru ta’ provvista minn xerrej taxxabbli jew persuna ġuridika li tkun qed taġixxi bħala tali fi Stat Membru li ma huwiex dak li minnu ħarġu l-oġġetti?
2) Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludi interpretazzjoni tal-Artikolu 138(1) tad-Direttiva [tal-VAT] fis-sens li l-eżenzjoni tiġi rrifjutata f’sitwazzjoni li fiha bejjiegħ residenti fi Stat Membru, kien jaf li x-xerrej, residenti fi Stat Membru ieħor, minkejja li għandu numru ta’ identifikazzjoni validu, għal skopijiet ta’ VAT, f’dan l-Istat Membru l-ieħor, ma kienx irreġistrat fil-VIES u lanqas ma kien jaqa’ taħt sistema ta’ tassazzjoni tal-akkwiżizzjonijiet [akkwisti] intra-Komunitarji ta’ oġġetti, iżda kellu l-aspettattiva li kien se jiġi rreġistrat bħala operatur intra-Komunitarju b’mod retroattiv?”
Fuq id-domandi preliminari
22 Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 131 u l-Artikolu 138(1) tad-Direttiva tal-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru milli tirrifjuta li teżenta kunsinna intra-Komunitarja mill-VAT, minħabba li, meta sseħħ din il-kunsinna, ix-xerrej, residenti fit-territorju tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni u detentur ta’ numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT validu għal tranżazzjonijiet f’dan l-Istat, la jkun iskritt fis-sistema VIES u lanqas ma jkun suġġett għal sistema ta’ taxxa tal-akkwisti intra-Komunitarji. L-imsemmija qorti tistaqsi wkoll dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 138(1) tad-Direttiva tal-VAT, interpretat fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jipprekludix tali rifjut meta l-bejjiegħ kien konxju miċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tax-xerrej fir-rigward tal-applikazzjoni tal-VAT u kien konvint li, iktar ’il quddiem, ix-xerrej ser ikun irreġistrat bħala operatur intra-Komunitarju b’effett retroattiv.
23 Għandu qabel kollox jitfakkar li l-Artikolu 138(1) tad-Direttiva tal-VAT jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jeżentaw il-kunsinni ta’ merkanzija li jissodisfaw il-kundizzjonijiet enumerati fih (sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2014, Traum, C-492/13, EU:C:2014:2267, punt 46).
24 L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-kunsinna ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata lejn destinazzjoni ’l barra mit-territorju tagħhom iżda fil-Komunità, jew mill-bejjiegħ jew f’ismu jew il-persuna li tkun qed takkwista l-merkanzija, għal persuna taxxabbli oħra, jew għal persuna legali mhux taxxabbli li tkun qed taġixxi bħala tali fi Stat Membru ieħor li mhux dak minn fejn bdiet tinbagħat jew tkun ittrasportata l-merkanzija.
25 Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżenzjoni tal-kunsinna intra-Komunitarja ta’ merkanzija tkun applikabbli biss meta d-dritt li wieħed jiddisponi minn din il-merkanzija bħala proprjetarju jkun ġie ttrasferit lix-xerrej, meta l-bejjiegħ jistabbilixxi li din il-merkanzija tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata fi Stat Membru ieħor u meta, wara li tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata, l-istess merkanzija tkun telqet fiżikament mit-territorju tal-Istat Membru tal-kunsinna (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Mecsek-Gabona, C-273/11, EU:C:2012:547, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
26 F’dan il-każ, mill-atti tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-domandi magħmula huma bbażati fuq il-premessa li tgħid li r-rekwiżiti materjali ta’ kunsinna intra-Komunitarja fis-sens tal-Artikolu 138(1) tad-Direttiva tal-VAT, kif imfakkra fil-punti 24 u 25 ta’ din is-sentenza, kienu ssodisfatti. L-eżenzjoni mill-VAT ġiet irrifjutata biss għar-raġuni li x-xerrej ma kienx, meta seħħ il-bejgħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, irreġistrat għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji fi Spanja u ma kienx iskritt fis-sistema VIES. Ix-xerrej kellu biss, f’dan l-Istat Membru, numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT validu għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet fl-imsemmi Stat u mhux għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji.
27 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, ċertament, fl-arranġamenti tranżitorji ta’ taxxa applikabbli għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni, l-identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli suġġetti għall-VAT permezz tan-numri individwali hija intiża sabiex tiffaċilita d-determinazzjoni tal-Istat Membru li fih iseħħ il-konsum finali tal-merkanzija kkunsinnata (sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2012, Mecsek-Gabona, C-273/11, EU:C:2012:547, punt 57, u tal-14 ta’ Marzu 2013, Ablessio, C-527/11, EU:C:2013:168, punt 19). Fil-fatt, l-Artikolu 214(1)(b) tad-Direttiva tal-VAT jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw il-miżuri kollha neċessarji sabiex tkun identifikata b’numru individwali, b’mod partikolari, kull persuna taxxabbli, jew persuna ġuridika li ma tkunx persuna taxxabbli, li twettaq akkwisti intra-Komunitarji.
28 L-iskrizzjoni tal-persuni taxxabbli li jwettqu tranżazzjonijiet intra-Komunitarji fis-sistema VIES ukoll hija ta’ ċerta importanza f’dan il-kuntest. Din is-sistema hija intiża li tippermetti lill-operaturi jiksbu l-konferma tan-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-imsieħba kummerċjali tagħhom u li l-amministrazzjonijiet fiskali nazzjonali jikkontrollaw t-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji u jsibu eventwali irregolaritajiet. Għalhekk, l-imsemmija sistema tissodisfa r-rekwiżit, previst fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1798/2003 u, sa mill-1 ta’ Jannar 2012, fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 904/2010, li jimponi li l-Istati Membri jkollhom bażi ta’ informazzjoni elettronika li tinkludi reġistru ta’ persuni li għalihom inħarġu numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT.
29 Madankollu, la l-Artikolu 138(1) tad-Direttiva tal-VAT u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jsemmu, fost ir-rekwiżiti materjali ta’ kunsinna intra-Komunitarja enumerati b’mod eżawrjenti, l-obbligu li x-xerrej ikollu numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Mecsek-Gabona, C-273/11, EU:C:2012:547, punt 59) u lanqas, a fortiori, l-obbligu li dan tal-aħħar ikun irreġistrat għall-finijiet tat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji u li jkun iskritt fis-sistema VIES.
30 Bil-kontra ta’ dak li essenzjalment sostnew il-Gvernijiet tal-Portugall u tal-Polonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tali obbligi lanqas ma jistgħu jiġu dedotti mir-rekwiżit li jgħid li x-xerrej għandu jkun persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali fi Stat Membru li ma jkunx dak li minnu tintbagħat jew tiġi ttrasportata l-merkanzija (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, VSTR, C-587/10, EU:C:2012:592, punt 40).
31 Fil-fatt, id-definizzjoni ta’ persuna taxxabbli, stipulata fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT, tikkonċerna biss persuna li, b’mod indipendenti u jkun fejn ikun il-post, twettaq attività ekonomika, irrispettivament mill-iskopijiet jew mir-riżultati ta’ din l-attività, mingħajr ma’ din il-kwalità ma tkun suġġetta għall-fatt li din il-persuna jkollha numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, VSTR, C-587/10, EU:C:2012:592, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata), jekk ikun il-każ, speċifiku għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji, jew li l-imsemmija persuna tkun iskritta fis-sistema VIES. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li persuna taxxabbli taġixxi f’din il-kwalità meta hija twettaq tranżazzjonijiet fil-kuntest tal-attività taxxabbli tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, VSTR, C-587/10, EU:C:2012:592, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
32 Għaldaqstant, la l-fatt li x-xerrej jikseb numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT validu għall-finijiet tat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji u lanqas l-iskrizzjoni tiegħu fis-sistema VIES ma jikkostitwixxu rekwiżiti sostantivi għall-eżenzjoni mill-VAT ta’ kunsinna intra-Komunitarja. Dawn huma biss rekwiżiti formali, li ma jistgħux jimminaw id-dritt tal-bejjiegħ għall-eżenzjoni mill-VAT sa fejn ir-rekwiżiti materjali ta’ kunsinna intra-Komunitarja huma ssodisfatti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2012, Mecsek-Gabona, C-273/11, EU:C:2012:547, punt 60; tas-27 ta’ Settembru 2012, VSTR, C-587/10, EU:C:2012:592, punt 51, kif ukoll tal-20 ta’ Ottubru 2016, Plöckl, C-24/15, EU:C:2016:791, punt 40).
33 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni konkreta fid-Direttiva tal-VAT fir-rigward tal-provi li l-persuni taxxabbli huma obbligati jipproduċu sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-VAT, huma l-Istati Membri li għandhom jiffissaw, skont l-Artikolu 131 ta’ din id-direttiva, il-kundizzjonijiet li taħthom il-kunsinni intra-Komunitarji huma eżenti sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u sempliċi tal-imsemmija eżenzjonijiet kif ukoll li tiġi pprevenuta kull frodi, evażjoni jew abbuż eventwali. Madankollu, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt li jiffurmaw parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2012, Mecsek-Gabona, C-273/11, EU:C:2012:547, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-9 ta’ Ottubru 2014, Traum, C-492/13, EU:C:2014:2267, punt 27).
34 Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura nazzjonali tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat il-ġbir eżatt tat-taxxa jekk din essenzjalment tkun tissuġġetta d-dritt għall-eżenzjoni mill-VAT għall-osservanza ta’ obbligi formali, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti sostantivi u, b’mod partikolari, mingħajr ma tistaqsi jekk dawn ġewx issodisfatti. Fil-fatt, it-tranżazzjonijiet għandhom jiġu ntaxxati b’teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi oġġettivi tagħhom (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2016, Plöckl, C-24/15, EU:C:2016:791, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
35 Issa, f’dak li jikkonċerna l-karatteristiċi oġġettivi ta’ kunsinna intra-Komunitarja, mill-punti 23 sa 25 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, jekk kunsinna ta’ merkanzija tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 138(1) tad-Direttiva tal-VAT, din il-kunsinna tiġi eżentata mill-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2016, Plöckl, C-24/15, EU:C:2016:791, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
36 Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali jeżiġi li l-eżenzjoni mill-VAT tingħata jekk dawn il-kundizzjonijiet sostantivi jkunu ssodisfatti, anki jekk ċerti rekwiżiti formali ma jkunux ġew issodisfatti mill-persuni taxxabbli (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2016, Plöckl, C-24/15, EU:C:2016:791, punt 39).
37 Għaldaqstant, l-amministrazzjoni ta’ Stat Membru ma tistax bħala prinċipju tirrifjuta l-eżenzjoni mill-VAT ta’ kunsinna intra-Komunitarja biss għar-raġuni li x-xerrej la jkun iskritt fis-sistema VIES u lanqas ma jkun suġġett għal sistema ta’ taxxa tal-akkwisti intra-Komunitarji.
38 Għalhekk, għandu jiġi osservat li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżistu biss żewġ każijiet fejn in-nuqqas ta’ osservanza ta’ rekwiżit formali jista’ jwassal għat-telf tad-dritt għall-eżenzjoni mill-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2016, Plöckl, C-24/15, EU:C:2016:791, punt 43).
39 Minn naħa, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jistax jiġi invokat, għall-finijiet tal-eżenzjoni mill-VAT, minn persuna taxxabbli li intenzjonalment ipparteċipat fi frodi fiskali li qiegħdet f’periklu l-funzjonament tas-sistema komuni tal-VAT (ara s-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2016, Plöckl, C-24/15, EU:C:2016:791, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
40 Għandu jiġi osservat li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li l-operatur ikun meħtieġ jaġixxi in bona fide u jieħu l-miżuri li jistgħu raġonevolment jintalbu minnu sabiex jiżgura li t-tranżazzjoni li huwa jwettaq ma twasslux sabiex jipparteċipa fi frodi fiskali ma jmurx kontra d-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Mecsek-Gabona, C-273/11, EU:C:2012:547, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fl-ipoteżi li l-persuna taxxabbli kkonċernata kienet taf jew messha kienet taf li t-tranżazzjoni li għamlet kienet involuta fi frodi mwettqa mix-xerrej u li ma kinitx ħadet il-miżuri raġonevoli kollha li setgħet tieħu sabiex tevita din il-frodi, hija għandha tiġi rrifjutata l-benefiċċju tad-dritt għal eżenzjoni (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Mecsek-Gabona, C-273/11, EU:C:2012:547, punt 54).
41 F’dan il-każ, is-sempliċi fatt, indikat mill-qorti tar-rinviju, li l-bejjiegħ, minn naħa, kien jaf bil-fatt li, meta twettqu t-tranżazzjonijiet, ix-xerrej la kien iskritt fis-sistema VIES u lanqas ma kien suġġett għal sistema ta’ taxxa tal-akkwisti intra-Komunitarji u li, min-naħa l-oħra, kien konvint li, iktar ’il quddiem, ix-xerrej ser ikun irreġistrat bħala operatur intra-Komunitarju b’effett retroattiv, ma jistax jippermetti li l-awtorità fiskali nazzjonali tirrifjuta l-eżenzjoni mill-VAT. Fill-fatt, mill-atti tal-proċess mibgħuta mill-qorti tar-rinviju u indikat fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li f’dan il-każ la kien hemmm frodi u lanqas ma kien hemm evażjoni fiskali min-naħa ta’ Euro Tyre.
42 Min-naħa l-oħra, il-ksur ta’ rekwiżit formali jista’ jwassal għar-rifjut tal-eżenzjoni mill-VAT jekk dan il-ksur ikollu l-effett li jxekkel milli tiġi prodotta l-prova ċerta li r-rekwiżiti sostantivi ġew issodisfatti (ara s-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2016, Plöckl, C-24/15, EU:C:2016:791, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 F’dan il-każ, hekk kif dan jirriżulta, essenzjalment, mill-punt 26 ta’ din is-sentenza, id-domandi magħmula huma bbażati fuq il-premessa li tgħid li r-rekwiżiti materjali ta’ kunsinna intra-Komunitarja fis-sens tal-Artikolu 138(1) tad-Direttiva tal-VAT kienu ssodisfatti. Barra minn hekk, minn ebda element tal-fajl mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li l-ksur tar-rekwiżit formali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ipprekluda l-kostatazzjoni li dan kien il-każ. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki meħtieġa f’dan ir-rigward.
44 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 131 u l-Artikolu 138(1) tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru milli tirrifjuta li teżenta mil-VAT kunsinna intra-Komunitarja biss minħabba li, meta sseħħ din il-kunsinna, ix-xerrej, residenti fit-territorju tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni u detentur ta’ numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT validu għal tranżazzjonijiet f’dan l-Istat, la jkun iskritt fis-sistema VIES u lanqas ma jkun suġġett għal sistema ta’ taxxa tal-akkwisti intra-Komunitarji, dejjem sakemm ma jkun hemm ebda indizju serju li jissuġġerixxi l-eżistenza ta’ frodi u sakemm ikun stabbilit li r-rekwiżiti sostantivi tal-eżenzjoni huma ssodisfatti. F’dan il-każ, l-Artikolu 138(1) tad-Direttiva tal-VAT, interpretat fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jipprekludix ukoll tali rifjut meta l-bejjiegħ kien konxju miċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tax-xerrej fir-rigward tal-applikazzjoni tal-VAT u kien konvint li, iktar ’il quddiem, ix-xerrej ser ikun irreġistrat bħala operatur intra-Komunitarju b’effett retroattiv.
Fuq l-ispejjeż
45 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 131 u l-Artikolu 138(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru milli tirrifjuta li teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud kunsinna intra-Komunitarja biss minħabba li, meta sseħħ din il-kunsinna, ix-xerrej, residenti fit-territorju tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni u detentur ta’ numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud validu għal tranżazzjonijiet f’dan l-Istat, la jkun iskritt fis-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u lanqas ma jkun suġġett għal sistema ta’ taxxa tal-akkwisti intra-Komunitarji, dejjem sakemm ma jkun hemm ebda indizju serju li jissuġġerixxi l-eżistenza ta’ frodi u sakemm ikun stabbilit li r-rekwiżiti sostantivi tal-eżenzjoni huma ssodisfatti. F’dan il-każ, l-Artikolu 138(1) ta’ din id-direttiva, interpretat fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jipprekludix ukoll tali rifjut meta l-bejjiegħ kien konxju miċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tax-xerrej fir-rigward tal-applikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u kien konvint li, iktar ’il quddiem, ix-xerrej ser ikun irreġistrat bħala operatur intra-Komunitarju b’effett retroattiv.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.