Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

27 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8 u 47 – Direttiva 95/46/KE – Artikoli 1, 7 u 13 – Ipproċessar ta’ data personali – Artikolu 4(3) TUE – Stabbiliment ta’ lista ta’ data personali – Suġġett – Ġbir tat-taxxa – Ġlieda kontra l-frodi fiskali – Stħarriġ ġudizzjarju – Protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali – Issuġġettar ta’ azzjoni ġudizzjarja għal rekwiżit ta’ lment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Ammissibbiltà tal-imsemmija lista bħala prova – Kundizzjonijiet ta’ legalità ta’ pproċessar ta’ data personali – Eżekuzzjoni ta’ funzjoni ta’ interess pubbliku tal-persuna responsabbli mill-ipproċessar”

Fil-Kawża C-73/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (qorti suprema tar-Repubblika Slovakka), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Frar 2016, fil-proċedura

Peter Puškár

vs

Najvyšší súd Slovenskej republiky,

Kriminálny úrad finančnej správy,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Frar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal P. Puškár, minn M. Mandzák, avukat,

għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčíl, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Krämer, A. Tokár u H. Kranenborg, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Marzu 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 1(1), tal-Artikolu 7(e) u tal-Artikolu 13(1)(e) u (f) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), kif ukoll l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 267 TFUE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Peter Puškár u l-Finančné riaditel’stvo Slovenskej republiky (direttorat tal-finanzi tar-Repubblika Slovakka, iktar ’il quddiem id-“direttorat tal-finanzi”) u l-Kriminálny úrad finančnej správy (uffiċċju għall-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja, is-Slovakkja) dwar azzjoni intiża sabiex tordna lil dawn tal-aħħar li jneħħu l-isem ta’ P. Puškár minn lista ta’ persuni kkunsidrati mid-direttorat tal-finanzi bħala mandatarji, stabbilita minn din tal-aħħar fil-kuntest tal-ġbir tat-taxxa u fejn l-aġġornament huwa żgurat mid-direttorat tal-finanzi, l-uffiċċji tat-taxxa li huma suġġetti għaliha kif ukoll l-uffiċċju kontra l-kriminalità finanzjarja (iktar ’il quddiem il-“lista kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 95/46:

“1.   Skond din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuna naturali, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali.

2.   Stati Membri m’għandhomx jirrestrinġu jew jipprojbixxu it-tixrid ħieles ta’ data personali bejn Stati Membri għal raġunijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-protezzjoni mogħtija fil-paragrafu 1.”

4

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jiddikjara:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

a)

‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

b)

‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

[…]

d)

‘Kontrollur’ tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali; meta l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ikunu determinati minn liġijiet jew regolamenti nazzjonali jew tal-Komunità, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għan-nomina tiegħu jistgħu jkunu stabbiliti b’liġijiet nazzjonali jew tal-Komunità;

[…]”

5

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/46, intitolat “Skop [Kamp ta’ applikazzjoni]”, jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar.

2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:

Fil-kors ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali,

[…]”

6

L-Artikolu 6 tal-istess direttiva jiddikjara:

“1.   Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali għandu jkun:

a)

ipproċessat b’mod ġust u skond il-liġi;

b)

miġbura għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessat aktar ipproċessata b’mod li ma jkunx kompatibbli ma’ dawk il-finjiet. Ippoċessar iktar ta’ data għal finijiet storiċi, ta’ statistika jew xjentifiċi m’għandux jitqies bħala inkompatibbli sakemm dak l-Istat Membru jagħti protezzjoni xierqa;

ċ)

adekwat, relevanti u mhux eċċessiv għall-finijiet li għalih jinġab u/jew jiġi iktar ipproċessat;

d)

eżatt u, fejn meħtieġ, jinżamm aġġornat; għandu jsir dak kollu raġjonevoli biex ikun assigurat li data li ma tkunx eżatta jew mhux kompleta, meħud kont tal-finijiet li għalihom kien inġabar jew li għalihom ikun sar iktar ipproċessar, jitħassar jew jissewwa;

e)

miżmum b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data tkun inġabret jew li għalihom tkun iktar ipproċessata. Stati Membri għandhom jistabbilixxu protezzjoni xierqa għal data personali maħżuna għal perijodi itwal għal użu storiku, ta’ statistika jew xjentifiku.

2.   Għandu jkun il-kontrollur li jiżgura li l-paragrafu 1 jitħares.”

7

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

a)

is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu b’mod ċar;

jew

[…]

ċ)

l-ipproċessar ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur,

jew

[…]

e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur jew f’parti terza li lilha jkun żvelat id-data;

jew

f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1).”

8

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46 jipprevedi li:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data li mingħandu tinġabar id-data dwaru nnifsu, għall-inqas bl-informazzjoni li ġejja, ħlief meta huwa jkun diga jaf biha:

a)

l-identità tal-kontrollur jew tar-rappreżentant tiegħu, jekk ikun hemm;

b)

l-għanijiet ta’ l-ipproċessar li għalih id-data tkun maħsuba;

ċ)

informazzjoni oħra bħal

ir-reċipjenti jew il-kategoriji ta’ reċipjenti;

jekk tweġibiet għall-mistoqsijiet ikunux obbligatorji jew voluntarji, kif ukoll dwar x’aktarx ikunu l-konsegwenzi fin-nuqqas ta’ tweġiba,

l-eżistenza tad-dritt tal-aċċess għal u d-dritt ta’ rettifika tad-dejta li tikkonċernah jew tikkonċernaha,

sakemm tkun meħtieġa aktar informazzjoni bħal din, għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom tinġabar id-dejta, sabiex jiġi garantit l-ipproċessar ġust fir-rigward tas-suġġett tad-dejta.”

9

L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva jiddisponi:

“1.   Meta d-data ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data, Stati Membru għandhom jipprovdu li l-kontrollur jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom fil-mument li jibdew ir-reġistrazzjoni tad-data personali, jew jekk ikun maħsub li d-data tiġi żvelata lil parti terza, mhux aktar tard miż-żmien li d-data tkun żvelata l-ewwel darba, jagħtu lis-suġġett tad-data għall-inqas l-informazzjoni li ġejja, ħlief meta huwa jkun diġa jaf biha:

a)

l-identità tal-kontrollur jew tar-rappreżentant tiegħu, jekk ikun hemm;

b)

l-għanijiet ta’ l-ipproċessar;

ċ)

informazzjoni oħra bħal

il-kategoriji tad-data in kwistjoni,

ir-reċipjenti jew il-kategoriji ta’ reċipjenti;

l-eżistenza tad-dritt tal-aċċess għal u d-dritt ta’ rettifika tad-dejta li tikkonċernah jew tikkonċernaha,

sakemm tkun meħtieġa aktar informazzjoni bħal din, għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom tinġabar id-dejta, sabiex jiġi garantit l-ipproċessar ġust fir-rigward tas-suġġett tad-dejta.

[…]”

10

L-Artikolu 12 tal-istess direttiva jiddikjara:

“Stati Membri għandhom jiggarantixxu lil kull suġġett tad-data d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur:

a)

mingħajr restrizzjoni f’perjodi raġjonevoli u mingħajr dewmien jew spejjeż eċċessivi:

konferma jekk data dwaru tkunx qed tiġi pproċessata, u għall-inqas informazzjoni dwar l-għanijiet ta’ l-ipproċessar, il-kategoriji tad-data in kwistjoni, u r-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri li lilhom ikun żvelat id-data,

komunikazzjoni lilu b’mod li tinftiehem tad-data li tkun qed tiġi pproċessata u informazzjoni oħra li jkun hemm dwar l-oriġini tiegħu,

għarfien tar-raġuni għal kull ipproċessar awtomatiku tad-data dwaru, għall-inqas fil-każ ta’ deċiżjonijiet awtomatizzati imsemmija fl-Artikolu 15(1);

b)

skont kif jixraq, ir-rettifika, tħassir jew imblokk ta’ data li l-ipproċessar tiegħu ma jkunx skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, partikolarment minħabba n-natura mhux kompluta jew mhux eżatta tad-data;

(ċ)

notifika lill-partijiet terzi li lilhom id-data tkun żvelata dwar kull rettifika, tħassir jew imblokk li jkunu saru skond (b), sakemm din tkun tista’ ssir jew ma tkunx titlob sforz sproporzjonat.”

11

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46 jipprovdi:

“Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli 6(1), 10, 11(1), 12 u 21 meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil:

[…]

ċ)

sigurtà pubblika;

d)

prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien u prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali jew il-ksur ta’ etika ta’ professjonijiet regolati;

e)

interess ekonomiku jew finanzjarju ta’ importanza għal Stat Membru jew għall-Unjoni Ewopea, magħduda affarijiet monetarji, fiskali [baġitarji] jew ta’ l-estmi [fiskali];

f)

monitoraġġ, spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, ukoll jekk kulltant, ma’ l-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali fil-każi msemmija f’ (ċ), (d) u (e);

[…]”

12

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46 jiddikjara:

“Stati Membri għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data d-dritt:

a)

li, bla ħsara għal dak provdut fil-liġijiet nazzjonali, mill-inqas fil-każi msemmija fl-Artikolu 7(e) u (f), jagħmel oġġezzjoni f’kull żmien kontra l-ipproċessar ta’ data dwaru għal raġunijiet gravi u leġittimi dwar is-sitwazzjoni partikolari tiegħu. Meta jkun hemm oġġezzjoni ġustifikata, l-ipproċessar mibdi mill-kontrollur jista’ ma jibqax [ma jistax jibqa’] juża dak id-data;

[…]”

13

L-Artikolu 17(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   “Stati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jagħtu protezzjoni lil data personali kontra distruzzjoni aċċidentali jew illegali jew telf aċċidentali, tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, partikolarment meta l-ipproċessar ikollu x’jaqsam mat-trasmissjoni ta’ data fuq network, u kontra kull forma oħra illegali ta’ ipproċessar.

Meħud kont ta’ l-iktar teknika avvanzata u n-nefqa biex ikunu implimentati, dawn il-miżuri għandhom jassiguraw livell xieraq ta’ sigurtà kontra r-riskji li l-ipproċessar u n-natura tad-data li għandha tkun protetta iġibu magħhom.”

14

L-Artikolu 22 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Bla ħsara għal kull rimedju amministrattiv li dwaru tista’ ssir dispożizzjoni, inter alia quddiem l-awtorità ta’ superviżjoni msemmija fl-Artikolu 28, qabel ma ssir referenza lill-awtorità ġudizjarja, Stati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt ta’ kull persuna għal rimedju ġudizjarju għal kull ksur tad-drittijiet garantiti lilha bil-liġi nazzjonali li tkun tapplika għall-ipproċessar in kwistjoni.”

15

L-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Qorti tal-Ġustizzja jiddisponi:

“Minbarra t-test tad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi:

a)

espożizzjoni fil-qosor tas-suġġett tal-kawża kif ukoll tal-fatti rilevanti, kif ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju jew, minn tal-inqas, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha jkunu bbażati d-domandi;

b)

il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw għall-kawża ineżami u, jekk ikun il-każ, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti;

c)

espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.”

Id-dritt Slovakk

16

L-Artikolu 19(3) tal-kostituzzjoni tar-Repubblika Slovakka (iktar ’il quddiem il-“kostituzzjoni”), li tagħmel parti mit-Taqsima II intitolata “Drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali”, jiddisponi:

“Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni kontra l-ġbir, il-publikazzjoni jew kull abbuż ieħor dwar id-data dwar il-personalità tiegħu.”

17

L-Artikolu 46(2) u (4) tal-kostituzzjoni jiddikjara:

“2.   Kull min iħossu aggravat fid-drittijiet tiegħu b’deċiżjoni ta’ awtorità pubblika, jista’ jadixxi lill-qorti kompetenti sabiex din teżamina l-legalità ta’ din id-deċiżjoni, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor. Madankollu, l-eżami tad-deċiżjonijiet dwar id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ma jistgħux jiġu esklużi mill-ġurisdizzjoni tal-qorti.

[…]

4.   Il-kundizzjonijiet u modalitajiet tal-protezzjoni ġudizzjarja, kif ukoll il-forom l-oħra tal-protezzjoni ġuridika huma stabbiliti mil-liġi.”

18

L-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 9/2010 dwar l-ilmenti amministrattivi huwa fformulat kif ġej:

“L-ilment amministrattiv huwa att li bih persuna fiżika jew ġuridika […]:

a)

titlob il-protezzjoni tad-drittijiet tagħha jew l-interessi ġuridikament protetti li hija tqis miksura minħabba azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni […] ta’ awtorità pubblika,

b)

tinvoka irregolaritajiet, b’mod partikolari l-ksur tal-liġi, li t-tneħħija tagħha taqa’ taħt il-kompetenza tal-awtorità pubblika kkonċernata.”

19

It-tieni sentenza tal-Artikolu 135(1) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jiddisponi:

“Il-qorti hija wkoll marbuta bid-deċiżjonijiet tal-Ústavný súd
[Slovenskej republiky (qorti kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka)] u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li tindirizza d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.”

20

Skont l-Artikolu 250v(1) u (3) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili:

“1.   Kull persuna fiżika jew ġuridika li tallega li hija leża minħabba ksur tad-drittijiet jew tal-interessi legalment protetti tagħha, minħabba azzjoni illegali minn entità tal-amministrazzjoni pubblika, li ma tikkostitwixxix deċiżjoni, u li tqis li kienet id-destinatarja diretta ta’ dan l-intervent inkwistjoni jew tal-konsegwenzi tiegħu, tista’ titlob protezzjoni ġudizzjarja jekk l-intervent jew il-konsegwenzi tagħha jippersistu jew jekk ikun hemm riskju li jirrepetu ruħhom.

[…]

3.   Ir-rikors huwa ammissibbli sakemm ir-rikorrent ma jkunx eżawrixxa r-rimedji kollha li huwa intitolat għalihom skont leġiżlazzjoni speċifika […]”

21

L-Artikolu 164 tal-Liġi Nru 563/2009 dwar l-amministrazzjoni fiskali (kodiċi tat-taxxi), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali jiddisponi:

“Għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa, l-awtoritajiet tat-taxxa, id-direttorat tal-finanzi u l-ministeru tal-finanzi għandhom is-setgħa jipproċessaw data personali tal-persuni taxxabbli, tar-rappreżentanti tagħhom u ta’ persuni oħra konformement ma’ leġiżlazzjoni speċifika […] id-data personali tista’ tiġi żvelata biss lill-muniċipalità bħala awtorità tat-taxxa, lill-awtoritajiet finanzjarji u lill-ministeru tal-finanzi kif ukoll, fir-rigward tal-ġbir tat-taxxa u tat-twettiq tal-kompiti abbażi ta’ dispożizzjoni partikolari […] lil kwalunkwe persuna, qorti jew istituzzjoni oħra li taġixxi fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali. Fis-sistemi tal-informatika […] jistgħu jiġu pproċessati l-isem u l-kunjom ta’ persuna fiżika, l-indirizz residenzjali tagħha u, f’każ li ma tkunx ġiet attribwita numru ta’ identifikazzjoni fiskali waqt ir-reġistrazzjoni tagħha, n-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali tagħha.”

22

L-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 479/2009 dwar l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti fil-qasam tat-taxxi huwa fformulat kif ġej:

“Id-Direttorat tal-Finanzi u l-uffiċċji tat-taxxi għandhom is-setgħa jipproċessaw data personali konformement ma’ leġiżlazzjoni speċifika […] li tikkonċerna l-persuni fiżiċi msemmija mill-atti meħuda mill-amministrazzjoni fiskali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha skont din il-liġi jew leġiżlazzjoni speċifika; 1) il-lista tad-data personali tinsab fl-anness.”

23

L-Artikolu 4(3)(d), (e) u (o) tal-Liġi Nru 333/2011 dwar l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti fil-qasam tat-taxxi u t-tariffi doganali jiddisponi:

“3.   Id-direttorat tal-finanzi għandu l-kompiti li ġejjin:

[…]

d)

il-ħolqien, l-iżvilupp u l-ġestjoni tas-sistemi tal-informatika tal-amministrazzjoni finanzjarja […]; in-notifikazzjoni lill-ministeru tal-finanzi tal-intenzjoni tiegħu li jeżerċita attivitajiet relatati mat-tfassil u mal-iżvilupp ta’ sistemi tal-informatika;

e)

l-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ reġistru ċentrali tal-operaturi tas-suq u persuni oħra li jeżerċitaw attivitajiet li fir-rigward tagħhom tapplika l-leġiżlazzjoni doganali, u l-garanzija li dan ir-reġistru jkun konformi mar-reġistri korrispondenti tal-Kummissjoni Ewropea, it-tfassil u l-ġestjoni ta’ reġistru ċentrali tal-persuni taxxabbli, iż-żamma u l-aġġornament ta’ databases; it-tfassil u ż-żamma tal-imsemmija reġistri permezz ta’ sistemi tal-informatika tal-amministrazzjoni finanzjarja;

[…]

o)

l-informazzjoni lill-pubbliku dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tiegħu fis-settur tat-taxxi u tal-imposti kif ukoll dwar id-drittijiet u d-dmirijiet skont leġiżlazzjoni speċifika […]”

24

Skont it-termini tal-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 333/2011:

“L-uffiċċju tal-amministrazzjoni finanzjarja għall-ġlieda kontra l-kriminalità għandu juża s-sistemi tal-informatika pprovduti mill-amministrazzjoni finanzjarja billi jiġbor, jipproċessa, jaħżen, jittrażmetti, juża, jipproteġi kif ukoll iħassar informazzjoni u data personali […] li tikkonċerna persuni li kisru l-leġiżlazzjoni fiskali jew doganali jew li fir-rigward tagħhom jeżisti suspett iġġustifikat ta’ ksur kontra leġiżlazzjoni fiskali jew doganali, kif ukoll data li tikkonċerna persuni li, fil-qasam tal-kompetenza tal-amministrazzjoni finanzjarja, iddisturbaw l-ordni pubblika jew li fir-rigward tagħhom jeżisti suspett iġġustifikat ta’ disturb tal-ordni pubblika, kif ukoll informazzjoni oħra relatata ma’ tali ksur tal-leġiżlazzjoni fiskali jew doganali jew relatata mad-disturb tal-ordni pubblika; din l-informazzjoni u d-data personali għandhom jiġu trażmessi u żvelati lid-direttorat tal-finanzi, lill-awtorità fiskali jew lill-uffiċċju doganali, sa fejn dan ikun neċessarju għat-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25

Peress li qies ruħu vittma ta’ ksur tad-drittijiet tal-personalità tiegħu permezz tal-inklużjoni ta’ ismu fuq il-lista kontenzjuża, P. Puškár talab lin-Najvyšší súd Slovenskej republiky (qorti suprema tar-Repubblika Slovakka), permezz ta’ rikors tad-9 ta’ Jannar 2014, segwit b’rikors tad-19 ta’ Novembru 2014, li tordna lid-direttorat tal-finanzi, lill-uffiċċji tat-taxxi kollha suġġetti għal din tal-aħħar u lill-uffiċċju tal-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja li jiġu preklużi milli jinkludu ismu fuq il-lista kontenzjuża jew kull lista oħra simili kif ukoll li jneħħu kull riferiment li tikkonċernah f’dawn il-listi u fis-sistema tal-informatika tal-amministrazzjoni finanzjarja.

26

Skont P. Puškár, id-direttorat tal-finanzi u l-uffiċċju tal-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja, stabbilixxew u jużaw il-lista kontenzjuża, lista ta’ persuni fiżiċi, fl-ammont ta’ 1227 skont l-indikazzjonijiet ta’ P. Puškár, li l-awtoritajiet pubbliċi jiddeskrivu bl-espressjoni “biele kone” (“żwiemel bojod”). Din l-espressjoni kienet użata sabiex tiddeskrivi persuna li tuża mandatarju sabiex jokkupa funzjonijet ta’ amministrazzjoni. Kull persuna fiżika kienet bħala prinċipju assenjata, bin-numru ta’ identifikazzjoni personali u b’numru ta’ identifikazzjoni fiskali, ma’ waħda jew diversi persun(i) ġuridiċ(i), fl-ammont totali ta’ 3369 skont l-indikazzjonijiet ta’ P. Puškár, fi ħdan ta’ liema jew li fihom hija kienet teżerċita l-funzjonijiet tagħha matul perijodu ddeterminat.

27

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-eżistenza tal-lista kontenzjuża kienet ġiet ikkonfermata mill-uffiċċju għall-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja, li ssostni, madankollu li din il-lista kienet tfasslet mid-direttorat tal-finanzi.

28

Skont il-qorti tar-rinviju, il-lista kontenzjuża hija protetta kontra “żvelar jew aċċess mhux awtorizzat” fis-sens tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 95/46, permezz tal-miżuri tekniċi u ta’ organizzazzjoni xierqa. Mandakollu, la fir-risposti tiegħu u lanqas fis-seduta, P. Puškár ma sostna li huwa kiseb il-lista kontenzjuża bil-kunsens legalment meħtieġ tad-direttorat tal-finanzi jew, skont il-każ mill-uffiċċju għall-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja.

29

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li n-Najvyšší súd Slovenskej republiky (qorti suprema tar-Repubblika Slovakka), ċaħdet bħala infondati r-rikorsi ppreżentati minn P. Puškár u żewġ persuni oħra inklużi fil-lista kontenzjuża minħabba raġunijiet marbuta mal-proċedura, jiġifieri l-fatt li dawn ir-rikorrenti ma kinux eżawrixxew ir-rimedji quddiem l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali, jew ukoll għal raġunijiet marbuta mal-mertu.

30

Wara rikorsi kostituzzjonali ppreżenati ulterjorment minn P. Puškár u dawn iż-żewġ persuni oħra, l-Ústavný súd Slovenskej republiky (qorti kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka), filwaqt li bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, iddeċidiet li, billi aġixxiet b’dan il-mod, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (qorti suprema tar-Repubblika Slovakka) kienet kisret diversi drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, jiġifieri, b’mod partikolari, id-dritt għal smigħ xieraq, id-dritt għar-rispett tal-privatezza kif ukoll id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Konsegwentement, l-Ústavný súd Slovenskej republiky (qorti kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka) annullat id-deċiżjonijiet kollha inkwistjoni tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky (qorti suprema tar-Repubblika Slovakka) u rrinvijat il-kawżi quddiem din il-qorti sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi mill-ġdid, filwaqt li fakkritha li hija kienet marbuta mil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-protezzjoni tad-data personali.

31

Issa, skont in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (qorti suprema tar-Repubblika Slovakka), l-Ústavný súd Slovenskej republiky (qorti kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka) ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea relatata mal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data personali.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (qorti suprema tar-Repubblika Slovakka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jgħid li kull persuna li d-drittijiet tiegħu[tagħha] nkisru, f’dan il-każ id-dritt tar-rispett għall-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, kif stabbilit fl-Artikolu 1(1) u d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 95/46/KE, għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 47, jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ tali rimedju quddiem il-qorti amministrattiva għal obbligu fuq ir-rikorrent, sabiex jiddefendi d-drittijiet u l-libertajiet tiegħu, li qabel ikun eżawrixxa r-rimedji disponibbli għalih taħt leġiżlazzjoni speċifika, bħal-liġi Slovakka dwar l-ilmenti amministrattivi?

2)

Fil-każ ta’ ksur allegat tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, li, għall-Unjoni Ewropea, huwa prinċipalment implementat permezz tad-Direttiva 95/46, [u li jimplika] b’mod partikolari:

l-obbligu tal-Istati Membri biex jipproteġu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali [Artikolu 1(1)],

id-dritt tal-Istati Membri li jipproċessaw data personali jekk l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex issir ħidma fl-interess pubbliku [Artikolu 7(e)] jew it-twettiq tal-interess leġittimi segwit mill-kontrollur jew mit-terz jew mit-terzi li d-data tagħha jiġu kkomunikati u id-dritt tal-Istati Membri li jipproċessaw data personali jekk l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex issir ħidma fl-interess pubbliku [Artikolu 7(e)] jew it-twettiq tal-interess leġittimi segwit mill-kontrollur jew mit-terz jew mit-terzi li d-data tagħha jiġu kkomunikati u

setgħa [ta’ restrizzjoni] eċċezzjonali tal-Istati Membri [Artikolu 13(1)(e) u (f)] meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja sabiex tissalvagwardja interess ekonomiku jew finanzjarju importanti ta’ Stat Membru jew tal-Unjoni Ewropea, inklużi fl-oqsma monetarju, baġitarju u fiskali,

jistgħu jkunu interpretati fis-sens li ma jippermettux lil Stat Membru li joħloq, mingħajr il-kunsens tal-persuna kkonċernata, listi ta’ data personali għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa, għalkemm il-ksib ta’ data personali mill-awtoritajiet pubbliċi għall-qirda tal-evażjoni tat-taxxa jippreżenta riskju fih innifsu?

3)

Jista’ jistiqes li lista ta’ istituzzjoni finanzjarja ta’ Stat Membru, li fiha data personali tar-rikorrent u li n-nuqqas ta’ disponibbiltà tagħha huwa ggarantit mill-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex jipproteġu din id-data kontra żvelar jew l-aċċess mhux awtorizzat fis-sens tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 95/46, tikkostitwixxi, sa fejn hija nkisbet mir-rikorrent mingħajr il-kunsens meħtieġ legalment tal-imsemmija istituzzjoni, motiv ta’ prova illegali li l-preżentazzjoni tiegħu għandhu jiġu miċħud mill-qorti nazzjonali skont ir-rekwiżit ta’ smigħ ġust ifformulat, fid-dritt tal-Unjoni, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta?

4)

Qorti nazzjonali taġixxi b’mod konformi mad-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ ġust (li jinsabu b’mod partikolari fl-Artikolu 47 tal-Karta) jekk, wara li kkonstatat li, fil-kawża li biha hija adita, hemm differenzi bejn il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u risposta li ntbagħtet lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea], tiffavorixxi l-pożizzjoni ta’ din tal-aħħar skont il-prinċipju ta’ lealtà stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE u fl-Artikolu 267 TFUE?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

33

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat, abbażi tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, li d-data li tidher fuq il-lista kontenzjuża, jiġifieri, b’mod partikolari, l-ismijiet ta’ ċerti persuni fiżiċi, inkluż P. Puškár, tikkostitwixxi “data personali” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46, peress li tirrigwarda “data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C-73/07, EU:C:2008:727, punt 35, kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2015, Bara et, C-201/14, EU:C:2015:638, punt 29).

34

Kemm il-ġbir tagħhom kif ukoll l-użu tagħhom mill-awtoritajiet fiskali differenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippreżentaw għalhekk in-natura ta’ “pproċessar ta’ data personali” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tal-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et, C-465/00, C-138/01 u C 139/01, EU:C:2003:294, punt 64; tas-16 ta’ Diċembru 2008, Huber, C-524/06, EU:C:2008:724, punt 43, kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2015, Bara et, C-201/14, EU:C:2015:638, punt 29).

35

Il-Gvern Spanjol isostni, madankollu, li dan l-ipproċessar ta’ data personali huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 bl-applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) ta’ din tal-aħħar, skont liema din id-direttiva ma tapplikax, fi kwalunkwe każ, għal operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data personali dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà tal-Istat, inkluż il-ġid ekonomiku tal-Istat meta l-operazzjoni tal-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà tal-Istat, u l-attivitajiet tal-Istat fl-oqsma tad-dritt kriminali.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-attivitajiet imsemmija bħala eżempji mill-imsemmija dispożizzjoni, fi kwalunkwe każ, huma marbuta ma’ attivitajiet li huma speċifiċi għall-Istati jew għall-awtoritajiet Statali, li ma humiex marbuta mal-oqsma ta’ attività tal-individwi (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C-101/01, EU:C:2003:596, punt 43, kif ukoll tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C-73/07, EU:C:2008:727, punt 41).

37

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li l-attivitajiet imsemmija bħala eżempji fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 huma intiżi sabiex jiddefinixxu l-portata tal-eċċezzjoni prevista f’dan l-inċiż, b’tali mod li din l-eċċezzjoni tapplika biss għall-attivitajiet li jissemmew espressament f’dan l-inċiż jew li jistgħu jiġu kklassifikati fl-istess kategorija (ara s-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C-101/01, EU:C:2003:596, punt 44).

38

Sakemm tirrendi inapplikabbli s-sistema ta’ protezzjoni ta’ data personali prevista fid-Direttiva 95/46 u għalhekk tiddevja mill-għan sottostanti tagħha, li tikkonsisti li tiżgura l-protezzjoni tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva għandha tiġi interpretata b’mod strett.

39

Fil-kawża prinċipali, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li d-data inkwistjoni hija miġbura u użata għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa u tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali. B’riżerva tal-verifikazzjonijiet li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward, madankollu ma jidhirx li l-ipproċessar ta’ din id-data għandu bħala għan is-sigurtà pubblika, id-difiża jew is-sigurtà tal-Istat.

40

Barra minn hekk, anki jekk ma jidhirx li huwa eskluż li l-imsemmija data tista’ tiġi użata fil-kuntest ta’ prosekuzzjonijiet kriminali li jistgħu jiġu eżerċitati, fil-każ ta’ ksur fil-qasam fiskali, kontra ċerti persuni li isimhom jidher fuq il-lista kontenzjuża, id-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li ġiet miġbura bil-għan speċifiku tal-eżerċizzju ta’ tali prosekuzzjonijiet kriminali jew fil-kuntest ta’ attivitajiet tal-Istat relatati ma’ oqsma ta’ dritt kriminali.

41

Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-data fiskali tikkostitwixxi “data personali” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Bara et, C-201/14, EU:C:2015:638, punt 29).

42

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 13(1)(e) tad-Direttiva 95/46 tawtorizza lill-Istati Membri jadottaw miżuri leġiżlattivi sabiex jillimitaw il-portata tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikolu 6(1), fl-Artikolu 10, fl-Artikolu 11(1), u fl-Artikoli 12 u 21 tal-imsemmija direttiva, meta din il-limitazzjoni tikkostitwixxi miżura meħtieġa sabiex tissalvagwardja interess ekonomiku jew finanzjarju importanti ta’ Stat Membru tal-Unjoni, inkluż fl-oqsma monetarji, baġetarji u fiskali. Limitazzjoni tal-protezzjoni tad-data kkonferita mid-Direttiva 95/46 għall-finijiet fiskali hija wkoll prevista mill-imsemmija direttiva.

43

Issa, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46 jippreżumi neċessarjament li l-miżuri nazzjonali msemmija fiha, bħalma huma dawk meħtieġa sabiex jiġi ssalvagwardjat l-interess ekonomiku jew finanzjarju importanti ta’ Stat Membru fil-qasam fiskali, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C-203/15 u C-698/15, EU:C:2016:970, punt 73).

44

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, l-ipproċessar ta’ data personali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46.

Fuq l-ewwel domanda

45

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 47 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ azzjoni ġudizzjarja minn persuna li qed tallega li sar ksur tad-dritt tagħha tal-protezzjoni tad-data ggarantit mid-Direttiva 95/46 għall-eżawriment minn qabel tar-rimedji disponibbli quddiem l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali (iktar ’il quddiem ir-“rimedji amministrattivi disponibbli”).

Fuq l-ammissibbiltà

46

P. Puškár u l-Gvern Slovakk jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda preliminari.

47

P. Puškár isostni, b’mod partikolari, li din il-kwistjoni hija ipotetika sa fejn, wara ċ-ċaħda mill-qorti tar-rinviju tal-ewwel rikors tiegħu għar-raġuni li huwa ma kienx ifformula lment amministrattiv, huwa kien eżawrixxa, qabel it-tieni rikors tiegħu quddiem l-imsemmija qorti, ir-rimedji kollha possibbli minn qabel.

48

Bl-istess mod, il-Gvern Slovakk jenfasizza li d-deċiżjoni tar-rinviju ssemmi mill-inqas żewġ proċeduri mibdija minn P. Puškár, mingħajr ma tispeċifika liema waħda hija s-suġġett ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. L-informazzjoni inkluża fid-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk ilment kien ġie ppreżentat skont il-Liġi Nru 9/2010, f’liema każ l-ewwel domanda preliminari tkun inammissibbli minħabba n-natura ipotetika tagħha.

49

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha qiegħda tinstema’ l-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġuridika eventwali, li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sakemm id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija marbuta tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein, C-527/15, EU:C:2017:300, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, YS et, C-141/12 u C-372/12, EU:C:2014:2081, punt 63). Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ulterjorment meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex disponibbli elementi fattwali u legali neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein, C-527/15, EU:C:2017:300, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li n-Najvyšší súd Slovenskej republiky (qorti suprema tar-Repubblika Slovakka) kienet ċaħdet, għall-ewwel, ir-rikorsi ppreżenati minn P. Puškár u żewġ persuni oħra għar-raġuni, b’mod partikolari, li dawn ma kinux eżawrixxew ir-rimedji amministrattivi disponibbli, u li dawn id-deċiżjonijiet kienu ġew annullati mill-Ústavný súd Slovenskej republiky (qorti kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka).

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju ma għandha l-ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

53

Isegwi li l-ewwel domanda preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

54

L-Artikolu 22 tad-Direttiva 95/46 jeżiġi espressament li l-Istati Membri jipprevedu li kull persuna għandha dritt għal rimedju ġudizzjarju għal kull ksur tad-drittijiet iggarantiti lilha bil-liġi nazzjonali applikabbli għall-ipproċessar tad-data personali inkwistjoni.

55

L-imsemmija direttiva, li ma fiha ebda dispożizzjoni li tirregola speċifikament il-kundizzjonijiet li fihom jista’ jiġi eżerċitat dan ir-rimedju, madankollu ma teskludix li d-dritt nazzjonali jistabbilixxi wkoll rimedji quddiem l-awtoritajiet amministrattivi. Għall-kuntrarju, għandu jiġi osservat li l-imsemmi Artikolu 22 jindika espressament li “bla ħsara għal kull rimedju amministrattiv li dwaru tista’ ssir dispożizzjoni, inter alia quddiem l-awtorità ta’ superviżjoni msemmija fl-Artikolu 28 [tad-Direttiva 95/46], qabel ma ssir referenza lill-awtorità ġudizzjarja”, li l-Istati Membri jipprevedu li kull persuna jkollha l-imsemmija azzjoni ġudizzjarja.

56

Madankollu, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 47 tal-Karta jipprekludi li Stat Membru jipprevedi li l-eżawriment tar-rimedji amministrattivi disponibbli jikkostitwixxi kundizzjoni minn qabel għall-introduzzjoni ta’ tali azzjoni ġudizzjarja.

57

Fil-fatt, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-qrati tal-Istati Membri li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali indikat fl-Artikolu 4(3) TUE, għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li jitnisslu favur l-individwi mid-dritt tal-Unjoni, peress li l-Artikolu 19(1) TUE jobbliga, barra minn hekk, lill-Istati Membri jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C-243/15, EU:C:2016:838, punt 50, u tas-26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C-348/16, EU:C:2017:591, punt 29).

58

Dan l-obbligu magħmul lill-Istati Membri jikkorrispondi mad-dritt stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, skont liema kull persuna li ġġarrab ksur tad-drittijiet jew tal-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għandu jkollha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C-682/15, EU:C:2017:373, punt 44, u tas-26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C-348/16, EU:C:2017:591, punt 30).

59

Minn dan isegwi li meta jiddefinixxu l-modalitajiet proċedurali ta’ rimedji legali intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 95/46, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ir-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv u ta’ aċċess għal qorti imparzjali, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et, C-439/14 u C-488/14, EU:C:2016:688, punt 46, kif ukoll tas-26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C-348/16, EU:C:2017:591, punt 31).

60

Il-karatteristiċi tar-rimedju previst fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 95/46, għalhekk għandhom ikunu ddeterminati inkonformità mal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 2015, Tall, C-239/14, EU:C:2015:824, punt 51, u tas-26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C-348/16, EU:C:2017:591, punt 31).

61

F’dan il-każ, huwa stabbilit, fil-kawża prinċipali, li, billi tikkundizzjona l-ammissibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju mressaq minn persuna li qed tallega li sar ksur tad-dritt tagħha tal-protezzjoni tad-data personali ggarantit mid-Direttiva 95/46 għall-eżawriment minn qabel tar-rimedji amministrattivi disponibbli, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tintroduċi stadju addizzjonali għall-aċċess għal qorti. Kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali modalità proċedurali twassal għal dewmien fl-aċċess għal azzjoni ġudizzjarja u tista’ tikkawża spejjeż addizzjonali.

62

L-obbligu tal-eżawriment tar-rimedji amministrattivi disponibbli tikkostitwixxi għalhekk, bħala kundizzjoni preliminari għall-preżentata ta’ azzjoni ġudizzjarja, limitazzjoni għad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta li, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta hija ġġustifikata biss jekk din tkun prevista mil-liġi, jekk din tirrispetta l-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt u jekk, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, din tkun neċessarja u twieġeb b’mod effettiv għall-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew għall-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et, C-439/14 u C-488/14, punt 49).

63

Għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawżi prinċipali, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-bażi legali tal-obbligu tal-eżawriment tar-rimedji amministrattivi disponibbli hija stabbilita fl-Artikolu 250v(3) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili, b’mod li din għandha titqies bħala li hija prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et, C-439/14 u C-488/14, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64

Barra minn hekk, dan l-obbligu jirrispetta l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stabbilita fl-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, l-imsemmi obbligu ma jikkontestax dan id-dritt bħala tali. Ġie impost biss stadju proċedurali addizzjonali sabiex jiġi eżerċitat dan id-dritt.

65

Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk l-obbligu tal-eżawriment tar-rimedji amministrattivi jirrispondix għall-għan ta’ interess ġenerali u jekk, fl-affermattiv, josservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

66

Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Slovakk jirriżulta li r-raġunijiet sottostanti l-preżentata obbligatorja ta’ lment amministrattiv qabel il-preżentata ta’ azzjoni ġudizzjarja huma marbuta, minn naħa, mal-volontà li tippermettti l-awtorità amministrattiva, peress li tilqa’ l-argumenti tar-rikorrent, li tirrimedja iktar malajr għal sitwazzjoni illegali jekk hija tikkonstata l-fondatezza ta’ dan l-ilment, kif ukoll li tevita li tressaq azzjonijiet ġudizzjarji kontra din l-awtorità għall-għarrieda. Min-naħa l-oħra, dawn ir-raġunijiet huma marbuta mal-fatt li tali obbligu jikkontribwixxi għall-effiċjenza tal-proċedura ġudizzjarja fil-każ fejn l-imsemmija awtorità ma taqsamx l-opinjoni tar-rikorrent jew fejn dan tal-aħħar sussegwentement jippreżenta azzjoni ġudizzjarja, għaliex il-qorti tista’ mbagħad toqgħod fuq il-proċess amministrattiv eżistenti.

67

Għalhekk jidher li l-obbligu tal-eżawriment tar-rimedji amministrattivi disponibbli huwa intiż sabiex inaqqas mill-qrati l-kawżi li jistgħu jinstemgħu direttament quddiem l-awtorità amministrattiva kkonċernata kif ukoll sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri ġudizzjarji fir-rigward tal-kawżi li fihom ġiet ippreżentata azzjoni ġudizzjarja minkejja l-fatt li diġà ġie ppreżentat ilment. L-imsemmi obbligu jsegwi, konsegwentement, għanijiet ta’ interessi ġenerali leġittimi.

68

Kif jirriżulta wkoll mill-punt 62 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, l-obbligu tal-eżawriment tar-rimedji amministrattivi disponibbli jidher xieraq sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, peress li ma huwa identifikat l-ebda metodu inqas oneruż minn dan l-obbligu li jista’ jilħaq daqshekk effiċjentement l-imsemmija għanijiet bl-istess mod.

69

Barra minn hekk, jidher li ma jeżistix sproporzjon sinjifikattiv bejn dawn l-għanijiet u l-inkonvenjenzi eventwali kkawżati mill-obbligu tal-eżawriment tar-rimedji amministrattivi disponibbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et, C-317/08 sa C-320/08, EU:C:2010:146, punt 65).

70

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, affermat mill-ġdid fl-Artikolu 47 tal-Karta, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-preżentata ta’ azzjoni ġudizzjarja fil-qasam tas-servizzi tal-kommunikazzjonijiet elettroniċi u tal-konsum u l-implementazzjoni minn qabel ta’ proċeduri ta’ konċiljazzjoni u medjazzjoni extraġudizzjarji meta dawn il-proċeduri ma jwasslux għal deċiżjoni vinkolanti għall-partijiet, ma tikkawżax dewmien sostanzjali għall-bidu ta’ azzjoni ġudizzjarja, tissospendi l-preskrizzjoni tad-drittijiet ikkonċernati u ma tiġġenerax spejjeż, jew spejjeż insinjifikattivi, għall-partijiet, sakemm madankollu l-mezz elettroniku ma jikkostitwixxix l-uniku mezz ta’ aċċess għall-imsemmija proċedura ta’ konċiljazzjoni u li miżuri provviżorji huma possibbli f’każijiet eċċezzjonali fejn minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni dawn ikunu meħtieġa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et, C-317/08 sa C-320/08, EU:C:2010:146, punt 67, kif ukoll tal-14 ta’ Ġunju 2017, Menini u Rampanelli, C-75/16, EU:C:2017:457, punt 61).

71

Dawn il-kundizzjonijiet differenti japplikaw mutatis mutandis għall-obbligu tal-eżawriment tar-rimedji amministrattivi disponibbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

72

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-modalitajiet konkreti tal-eżerċizzju tar-rimedji amministrattivi disponibbli fid-dritt Slovakk ma jaffettwawx b’mod sproporzjonat id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti msemmi fl-Artikolu 47 tal-Karta.

73

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li P. Puškár sostna b’mod partikolari l-eżistenza ta’ inċertezza dwar jekk it-terminu għall-preżentata ta’ azzjoni ġudizzjarja jibdiex jiddekorri minn qabel ma tittieħed deċiżjoni fil-kuntest ta’ azzjoni ppreżentata quddiem l-awtorità amministrattiva kkonċernata. Jekk dan kien il-każ, l-obbligu tal-eżawriment tar-rimedji amministrattivi disponibbli, li jista’ jirrestrinġi l-aċċess għall-protezzjoni ġudizzjarja, ma jkunx konformi mad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti msemmi fl-Artikolu 47 tal-Karta.

74

Fir-rigward tad-dewmien, għandu jitfakkar li l-Artikolu 47(2) tal-Karta jipprevedi d-dritt ta’ kull persuna li l-kawża tagħha tiġi mismugħa fi żmien raġonevoli. Issa jekk dan id-dritt jirrigwarda ċertament il-proċedura ġudizzjarja nnifisha, madankollu, dan ma jistax jiġi mminat minħabba kundizzjoni minn qabel relatata mal-preżentata ta’ azzjoni ġudizzjarja.

75

Fir-rigward tal-ispejjeż li lment amministrattiv imressaq qabel jista’ jiġġenera, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 68 u 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk bħala prinċipju l-Istati Membri jistgħu jimponu tariffa xierqa għall-preżentata ta’ azzjoni quddiem awtorità amministrattiva, tali tariffa madankollu ma għandhiex tkun stabbilita fuq livell li jista’ jikkostitwixxi ostakolu għall-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din it-tariffa tiżdied mal-ispejjeż tal-proċedura ġudizzjarja.

76

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ azzjoni ġudizzjarja minn persuna li qed tallega li sar ksur tad-dritt tagħha tal-protezzjoni tad-data personali ggarantit mid-Direttiva 95/46 għall-eżawriment minn qabel tar-rimedji amministrattivi disponibbli, bil-kundizzjoni li l-modalitajiet konkreti għall-eżerċizzju tal-imsemmija rimedji ma jaffettwawx b’mod sproporzjonat id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti koperta minn din id-dispożizzjoni. Huwa importanti, b’mod partikolari, li l-eżawriment minn qabel tar-rimedji amministrattivi disponibbli, ma joħloqx dewmien sostanzjali għall-preżentata ta’ azzjoni ġudizzjarja, li ma joħloqx is-sospensjoni tal-perijodu ta’ preskrizzjoni tad-drittijiet ikkonċernati u li ma joħloqx spejjeż eċċessivi.

Fuq it-tielet domanda

77

Peremezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 47 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali tiċħad, bħala prova ta’ ksur tal-protezzjoni tad-data personali mogħti mid-Direttiva 95/46, lista, bħal-lista kontenzjuża, ippreżentata mill-persuna kkonċernata u li fiha data personali ta’ din tal-aħħar, fl-ipoteżi fejn din il-persuna kienet kisbet din il-lista mingħajr il-kunsens, legalment meħtieġ, tal-persuna responsabbli mill-ipproċessar ta’ din id-data.

Fuq l-ammissibbiltà

78

Diversi partijiet u persuni interessati ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li t-tielet domanda preliminari hija inammissibbli.

79

Minn naħa, skont P. Puškár u l-Gvern Slovakk, din il-kwistjoni ma tippreżenta ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-legalità tal-provi.

80

Madankollu, argumentazzjoni bħal din ma tistax tintlaqa’.

81

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li P. Puškár qed jitlob l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ miżura tal-awtoritajiet fiskali Slovakki, jiġifieri l-istabbiliment tal-lista kontenzjuża, li biha d-drittijiet mogħtija lilu mid-Direttiva 95/46 huma, skont huwa, miksura.

82

Iċ-ċaħda mill-qorti tar-rinviju tal-prova inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-unika raġuni li P. Puškár kien kiseb dan mingħajr il-kunsens, legalment meħtieġ tal-persuna responsabbli mill-ipproċessar, tikkostitwixxi limitazzjoni għad-dritt għal azzjoni ġudizzjarja ggarantit mill-Artikolu 22 tad-Direttiva 95/46 kif ukoll limitazzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta.

83

Min-naħa l-oħra, il-Gvern Ċek esprima dubji dwar ir-rilevanza tat-tielet domanda għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, sa fejn waħda mill-awtoritajiet amministrattivi parti f’din il-kawża, jiġifieri l-uffiċċju għall-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja, ma tikkontestax l-eżistenza tal-lista kontenzjuża. Il-kawża prinċipali għalhekk ma tqajjimx il-kwistjoni dwar l-eżistenza tal-lista kontenzjuża b’tali mod li ma timponix deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà ta’ din il-lista bħala prova.

84

F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju ma tidhirx li ddeċidiet fuq iċ-ċirkustanzi madwar l-istabbiliment tal-lista kontenzjuża.

85

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

86

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tielet domanda għandha titqies bħala ammissibbli.

Fuq il-mertu

87

Kif ġie rrilevat fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, il-fatt taċ-ċaħda ta’ lista, bħalma hija l-lista kontenzjuża, bħala prova sabiex tipprova ksur tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 95/46 jikkostitwixxi limitazzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta.

88

Mill-punt 62 ta’ din is-sentenza jirriżulta li limitazzjoni bħal din hija ġġustifikata biss konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jekk hija prevista mil-liġi, jekk hija tirrispetta l-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt u jekk, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija tkun neċessarja u twieġeb b’mod effettiv għall-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew għall-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.

89

Għaldaqstant, qabel ma tista’ tiċħad il-lista kontenzjuża bħala prova, il-qorti tar-rinviju għandha, qabel kollox, tiżgura ruħha li din il-limitazzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv hija effettivament prevista mid-dritt nazzjonali.

90

Sussegwentement, din il-qorti għandha teżamina jekk tali ċaħda tiksirx il-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta. F’dan il-kuntest, b’mod partikolari, ikun neċessarju li tiġi vverifikata l-eżistenza tal-lista kontenzjuża u l-fatt li hija tinkludi data personali ta’ P. Puškár li hija kkontestata fil-kuntest tal-kawża prinċipali u, skont il-każ, jekk dan tal-aħħar għandu provi oħra f’dan ir-rigward.

91

Fl-aħħar nett, hija l-imsemmija qorti li għandha tevalwa jek iċ-ċaħda tal-lista kontenzjuża bħala prova hija neċessarja u tirrispondi għall-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew għall-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

92

F’dan ir-rigward, jidher li l-għan intiż sabiex jevita l-użu mhux awtorizzat ta’ dokumenti interni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja tista’ tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali leġittimu (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tat-23 ta’ Ottubru 2002, L-Awstrija vs Il-Kunsill, C-445/00, EU:C:2002:607, punt 12; tat-23 ta’ Marzu 2007, Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten, C-221/06, EU:C:2007:185, punt 19, kif ukoll tad-29 ta’ Jannar 2009, Donnici vs Il-Parlament, C-9/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:40, punt 13). Barra minn hekk, meta lista, bħalma hija l-lista kontenzjuża, għandha tibqa’ kunfidenzjali u tinkludi wkoll data personali ta’ persuni fiżiċi oħra, teżisti l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet ta’ dawn il-persuni.

93

Jekk iċ-ċaħda, bħala prova, ta’ lista, bħalma hija l-lista kontenzjuża, miksuba mingħajr il-kunsens, legalment meħtieġ, tal-awtorità responsabbli mill-ipproċessar tad-data li tidher fuq din il-lista, tidher xierqa sabiex tilħaq dawn l-għanijiet, madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tali ċaħda ma taffettwax b’mod sproporzjonat id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti msemmi fl-Artikolu 47 tal-Karta.

94

Issa, għall-inqas fil-każ fejn il-persuna li d-data personali tagħha tidher fuq il-lista tibbenefika minn dritt ta’ aċċess għal din id-data, tali ċaħda tidher sproporzjonata għal dawn l-istess għanijiet.

95

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46 jiggarantixxi għal kull persuna dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li jikkonċernaw lilha. Barra minn hekk, mill-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li l-persuna responsabbli għall-ipproċessar ta’ din id-data għandha tipprovdi lill-persuni kkonċernati ċerta informazzjoni dwar dan l-ipproċessar.

96

Jekk l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46 jippermetti li jillimita l-portata tad-drittijiet previsti fl-Artikoli 10 sa 12 ta’ din tal-aħħar meta tali limitazzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja sabiex tissalvagwardja b’mod partikolari, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali jew ta’ interess ekonomiku jew finanzjarju importanti ta’ Stat Membru, inkluż fil-qasam fiskali kif ukoll missjoni ta’ monitoraġġ, ta’ spezzjoni jew regolatorja, hija madankollu teżiġi espressament li limitazzjonijiet bħal dawn jittieħdu permezz ta’ miżuri leġiżlattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Bara et, C-201/14, EU:C:2015:638, punt 39).

97

Għalhekk, sabiex tevalwa l-proporzjonalità ta’ ċaħda tal-lista kontenzjuża bħala prova, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha tillimita jew le, permezz tad-data li tidher fuq din il-lista, id-drittijiet ta’ informazzjoni u ta’ aċċess iddikjarati fl-Artikoli 10 sa 12 tad-Direttiva 95/46 u jekk tali limitazzjoni hija, skont il-każ, iġġustifikata. Barra minn hekk, anki meta dan huwa l-każ u li jeżistu elementi li jargumentaw favur l-interess leġittimu tal-kunfidenzjalità possibbli tal-lista inkwistjoni, il-qrati nazzjonali għandhom jivverifikaw każ b’każ jekk dawn jipprevalixxu fuq l-interess tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwu u jekk jeżistux fil-kuntest tal-proċedura quddiem din il-qorti, mezzi oħra sabiex jiżguraw din il-kunfidenzjalità, b’mod partikolari fir-rigward tad-data personali tal-persuni fiżiċi oħra li jidhru fuq din il-lista.

98

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tielet domanda li l-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali tiċħad, bħala prova ta’ ksur tal-protezzjoni tad-data personali mogħti mid-Direttiva 95/46, lista, bħal-lista kontenzjuża, ippreżentata mill-persuna kkonċernata u li fiha data personali ta’ din tal-aħħar, fl-ipoteżi fejn din il-persuna kienet kisbet din il-lista mingħajr il-kunsens, legalment meħtieġ, tal-persuna responsabbli mill-ipproċessar ta’ din id-data, sakemm tali ċaħda ma hijiex prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u li hija tirrispetta l-kontenut essenzjali tad-dritt ta’ rimedju effettiv u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fuq it-tieni domanda

99

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 95/46 u l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu l-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa u tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali bħal dik imwettqa bl-istabbiliment tal-lista kontenzjuża fil-kawża prinċipali, mingħajr il-kunsens tal-persuni kkonċernati.

Fuq l-ammissibbiltà

100

Skont P. Puškár, it-tieni domanda preliminari hija ipotetika u mingħajr interess għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tfittex biss li tkun taf jekk l-ipproċessar tad-data personali mid-direttorat tal-finanzi huwa ammissibbli bħala regola ġenerali, iżda ma tkoprix konkretement il-lista kontenzjuża, li kienet maħsuba mid-direttorat tal-finanzi mingħajr bażi legali.

101

Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat fir-rigward tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza u mill-indikazzjonijiet li jidhru fid-deċiżjoni tar-rinviju, li ma jihdirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

Fuq il-mertu

102

It-tieni domanda għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-Direttiva 95/46 sa fejn, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-għan tagħha, bħalma huwa stabbilit fl-Artikolu 1(1) tagħha, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ proċessar legali tad-data personali skont din id-direttiva huma ssodisfatti, dan l-ipproċessar huwa meqjus li jissodisfa wkoll ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

103

Kif jirriżulta mill-punti 33 u 34 ta’ din is-sentenza, l-istabbiliment ta’ lista, bħalma hija l-lista kontenzjuża, li tinkludi l-ismijiet ta’ ċerti persuni fiżiċi u tassoċjahom ma’ persuna waħda jew diversi persuni ġuridiċi fi ħdan ta’ liema dawn il-persuni fiżiċi jokkupaw funzjonijiet ta’ amministrazzjoni b’mod fittizju, tikkostitwixxi “pproċessar ta’ data personali” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46.

104

Konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tad-Direttiva 95/46 intitolat “Regoli ġenerali dwar il-legalità ta’ l-ipproċessar ta’ data personali”, bla ħsara għad-derogi aċċettati taħt l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, kull proċessar ta’ data għandu, minn naħa, jikkonforma mal-prinċipji dwar il-kwalità tad-data elenkati fl-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva u, min-naħa l-oħra, jissodisfa wieħed mill-prinċipji sabiex l-ipproċessar ta’ data jkun leġittimu, li huma elenkati fl-Artikolu 7 ta’ din l-istess direttiva (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Bara et, C-201/14, EU:C:2015:638, punt 30).

105

Għandu wkoll jitfakkar li jirriżulta mill-għan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni fl-Istati Membri kollha, segwit mill-imsemmija direttiva, li l-Artikolu 7 ta’ din tal-aħħar jipprevedi lista eżawrjenti u limitata tal-każijiet li fihom l-ipproċessar ta’ data personali jista’ jiġi kkunsidrat legali (ara s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, ASNEF u FECEMD, C-468/10 u C-469/10, EU:C:2011:777, punt 30).

106

B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 7(e) jipprevedi li l-ipproċessar ta’ data personali huwa leġittimu jekk “ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur jew f’parti terza li lilha jkun żvelat id-data”.

107

Issa, l-istabbiliment tal-lista kontenzjuża tidher li tista’ taqa’ taħt din id-dispożizzjoni.

108

Fil-fatt, jidher li l-ġbir tat-taxxa u l-ġlieda kontra l-frodi fiskali, li għall-finijiet tagħhom hija stabbilita l-lista kontenzjuża, għandhom jiġu kkunsidrati bħala kompiti ta’ interess pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

109

Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-awtoritajiet Slovakki stabbilixxew din il-lista jew dawk li lilhom ġiet żvelata din il-lista ġew assenjati lilhom l-imsemmija kompiti mil-leġiżlazzjoni Slovakka.

110

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 95/46, jimponi li d-data personali trid tinġabar għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi. Kif jikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 106 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan tal-ipproċessar tad-data personali huwa intrinsikament marbut, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46, mal-kompitu assenjat lill-persuna responsabbli mill-ipproċessar. Konsegwentement, l-assenjament tal-kompiti jrid ikopri b’mod ċar l-iskop tal-ipproċessar ikkonċernat.

111

Hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-istabbiliment tal-lista kontenzjuża hija neċessarja għall-eżekuzzjoni tal-kompiti ta’ interess pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-għan eżatt tal-istabbiliment tal-lista kontenzjuża, tal-effetti ġuridiċi li għalihom huma suġġetti l-persuni li jidhru fuqha u tal-karattru pubbliku jew le ta’ din il-lista.

112

Huwa importanti. f’dan ir-rigward, li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata fuq livell tal-Unjoni teżiġi li d-derogi għall-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet tagħha għandhom isiru fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C-203/15 u C-698/15, EU:C:2016:970, punt 96 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

113

Għalhekk għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk l-istabbiliment tal-lista kontenzjuża u l-inklużjoni fuqha tal-isem tal-persuni kkonċernati huma xierqa sabiex jitwettqu l-għanijiet segwiti minn din il-lista jekk ma jeżistux mezzi inqas restrittivi sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

114

Il-fatt li persuna tkun inkluża fuq il-lista kontenzjuża jista’ jikser ċerti drittijiet tiegħu. Fil-fatt, inklużjoni fuq din il-lista tista’ tagħmel ħsara għar-reputazzjoni tagħha u taffettwa r-relazzjonijiet tagħha mal-awtoritajiet fiskali. Bl-istess mod, din l-inklużjoni tista’ taffettwa l-preżunzjoni tal-innoċenza ta’ din il-persuna, stabbilita fl-Artikolu 48(1) tal-Karta, kif ukoll il-libertà tal-impriża inkluża fl-Artikolu 16 tal-Karta tal-persuni ġuridiċi assoċjati ma’ persuni inklużi fuq il-lista kontenzjuża. Jidher li tali ksur ma jkunx xieraq jekk ikunu jeżistu indikazzjonijiet suffiċjenti sabiex jiġi ssuspettat li l-persuna kkonċernata eżerċitat b’mod fittizzju funzjonijiet ta’ amministrazzjoni ta’ ċerti persuni ġuridiċi assoċjati magħha u b’dan il-mod imminat l-interess pubbliku tal-ġbir tat-taxxi u tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali.

115

Jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-istabbiliment tal-lista kontenzjuża hija neċessarja għall-kompiti ta’ interess pubbliku li huma assenjati lill-persuna responsabbli mill-ipproċessar konformement mal-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46, din għandha wkoll tivverifika li l-kundizzjonijiet ta’ legalità l-oħra ta’ dan l-ipproċessar tad-data personali imposti minn din id-direttiva huma ssodisfatti, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-Artikoli 6 u 10 sa 12 ta’ din tal-aħħar.

116

Barra minn hekk, jekk jeżistu raġunijiet sabiex tillimita, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46, ċerti drittijiet previsti minn dawn l-artikoli tal-aħħar, bħalma huwa d-dritt għall-informazzjoni tal-persuna kkonċernata, limitazzjoni bħal din għandha, kif jirriżulta mill-punt 96 ta’ din is-sentenza, tkun neċessarja għas-salvagwardja tal-interess imsemmi fil-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 13, bħalma huwa, b’mod partikolari, interess ekonomiku u finanzjarju importanti fil-qasam fiskali, u jkun ibbażat fuq miżuri leġiżlattivi.

117

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa u għall-ġlieda kontra l-frodi fiskali bħal dak li ġie implementat bl-istabbiliment tal-lista kontenzjuża fil-kawża prinċipali, mingħajr il-kunsens tal-persuni kkonċernati, bil-kundizzjoni, minn naħa, li dawn l-awtoritajiet kienu ġew assenjati lilhom mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kompiti ta’ interess pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li l-istabbiliment ta’ din il-lista u l-inklużjoni fuqha tal-isem tal-persuni kkonċernati huma effettivament xierqa u neċessarji għall-finijiet tat-twettiq tal-għanijiet segwiti u li jeżistu indikazzjonijiet suffiċjenti sabiex wieħed jippreżumi li l-persuni kkonċernati ġustament jidhru fuq din il-lista u, min-naħa l-oħra, li l-kundizzjonijiet kollha tal-legalità ta’ dan l-ipproċessar ta’ data personali imposti bid-Direttiva 95/46 huma ssodisfatti.

Fuq ir-raba’ domanda

118

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 47 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali, li kkonstatat li, f’kawża li għandha quddiemha, jeżistu diverġenzi bejn il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti tal-Ġustizzja, tiffavorixxi lil din tal-aħħar.

119

Issa, din id-domanda ġiet magħmula mill-qorti tar-rinviju b’mod ġenerali, mingħajr ma ppreċiżat b’mod ċar u konkret f’xiex jikkonsistu d-diverġenzi li hija tevoka.

120

Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari huma stabbiliti espressament fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tagħhom il-qorti tar-rinviju hija meqjusa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha konjizzjoni u li għandha tosserva bir-reqqa. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju għandha tindika r-raġunijiet preċiżi li jkunu wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Din diġà ddeċidiet li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom titlob l-intepretazzjoni kif ukoll fuq ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża mressqa quddiemha (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Milkova, C-406/15, EU:C:2017:198, punti 72 u 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

121

Dawn ir-rekwiżiti jidhru wkoll fir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar il-ftuħ ta’ proċeduri dwar talbiet għal deċiżjonijiet preliminari (ĠU 2016, C 439, p. 1).

122

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-raba’ domanda ma tissodisfax ir-rekwiżiti mfakkra fil-punti preċedenti.

123

Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġustifikazzjoni ta’ talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima li tikkonċerna d-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C-203/15 u C-698/15, EU:C:2016:970, punt 130).

124

Minn dan isegwi li r-raba’ domanda hija inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

125

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ azzjoni ġudizzjarja minn persuna li qed tallega li sar ksur tad-dritt tagħha tal-protezzjoni tad-data personali ggarantit mid-Direttiva 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għall-eżawriment minn qabel tar-rimedji amministrattivi disponibbli, quddiem l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali, bil-kundizzjoni li l-modalitajiet konkreti għall-eżerċizzju tal-imsemmija rimedji ma jaffettwawx b’mod sproporzjonat id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti koperta minn din id-dispożizzjoni. Huwa importanti, b’mod partikolari, li l-eżawriment minn qabel tar-rimedji disponibbli quddiem l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali ma joħloqx dewmien sostanzjali għall-preżentata ta’ azzjoni ġudizzjarja, li ma joħloqx is-sospensjoni tal-perijodu ta’ preskrizzjoni tad-drittijiet ikkonċernati u li ma joħloqx spejjeż eċċessivi.

 

2)

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali tiċħad, bħala prova ta’ ksur tal-protezzjoni tad-data personali mogħti mid-Direttiva 95/46, lista, bħal-lista kontenzjuża, ippreżentata mill-persuna kkonċernata u li fiha data personali ta’ din tal-aħħar, fl-ipoteżi fejn din il-persuna kienet kisbet din il-lista mingħajr il-kunsens, legalment meħtieġ, tal-persuna responsabbli mill-ipproċessar ta’ din id-data, sakemm tali ċaħda ma hijiex prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u li hija tirrispetta l-kontenut essenzjali tad-dritt ta’ rimedju effettiv u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 

3)

L-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa u għall-ġlieda kontra l-frodi fiskali bħal dak li ġie implementat bl-istabbiliment ta’ lista ta’ persuni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mingħajr il-kunsens tal-persuni kkonċernati, bil-kundizzjoni, minn naħa, li dawn l-awtoritajiet kienu ġew assenjati lilhom mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kompiti ta’ interess pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li l-istabbiliment ta’ din il-lista u l-inklużjoni fuqha tal-isem tal-persuni kkonċernati huma effettivament xierqa u neċessarji għall-finijiet tat-twettiq tal-għanijiet segwiti u li jeżistu indikazzjonijiet suffiċjenti sabiex wieħed jippreżumi li l-persuni kkonċernati ġustament jidhru fuq din il-lista u, min-naħa l-oħra, li l-kundizzjonijiet kollha tal-legalità ta’ dan l-ipproċessar ta’ data personali imposti bid-Direttiva 95/46 huma ssodisfatti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.