Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

25.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 145/25


Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Frar 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-98/16)

(2016/C 145/31)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: W. Roels u D. Triantafyllou, bħala aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li, billi adottat u żammet fis-seħħ leġiżlazzjoni li tipprevedi rata ta’ taxxa tas-suċċessjoni vantaġġjuża għal legati devoluti favur entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ stabbiliti fi Stati Membri oħra tal-UE/taż-ŻEE suġġetta għal klawżola ta’ reċiproċità, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 63 TFUE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE;

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-leġiżlazzjoni Griega tipprevedi koeffiċjent fiskali mnaqqas għal legati devoluti favur persuni ġuridiċi (filantropiċi, eċċ.) mingħajr skop ta’ qligħ. Madankollu, ir-rata mnaqqsa hija applikabbli għal legati magħmula biss għall-persuni ġuridiċi barranin ekwivalenti, jekk l-Istati Membri kkonċernati jirrikonoxxu huma wkoll trattament iktar favorevoli għal legati magħmula favur persuni ġuridiċi mingħajr skop ta’ qligħ Griegi (jiġifieri, suġġetta għal klawżola ta’ reċiproċità).

Din il-leġiżlazzjoni fiha diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuni ġuridiċi (mingħajr skop ta’ qligħ) tal-Istati Membri l-oħra tal-UE u taż-ŻEE, li tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital (Artikolu 63 TFUE).

Din ir-restrizzjoni ma hijiex koperta mill-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 65 TFUE.

Hija ma tistax tiġi ġġustifikata mill-fatt li ttaffi l-baġit nazzjonali permezz tal-attivitajiet ta’ entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ (raġuni finanzjarja mhux aċċettabbli).

Fl-aħħar nett, il-prinċipju ta’ reċiproċità ma jistax jiġġustifika ksur tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital permezz ta’ diskriminazzjoni.