Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

13.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 211/23


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (Il-Polonja) fit-22 ta’ Frar 2016 – Polbud – Wykonawstwo sp. z o.o.

(Kawża C-106/16)

(2016/C 211/29)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Najwyższy

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellanti: Polbud – Wykonawstwo sp. z o.o.

Domandi preliminari

1)

L-Artikoli 49 u 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprekludu lil Stat Membru, li fih kienet ġiet inizjalment ikkostitwita kumpannija kummerċjali (kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata), milli japplika dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirrendu t-tħassir mir-reġistru kummerċjali dipendenti fuq ix-xoljiment tal-kumpannija wara li jkun sar l-istralċ tagħha, f’każ li l-kumpannija tkun ġiet ikkostitwita mill-ġdid fi Stat Membru ieħor skont deċiżjoni tal-azzjonisti favur il-kontinwazzjoni tal-personalità ġuridika miksuba fl-Istat Membru ta’ kostituzzjoni inizjali?

2)

F’każ li r-risposta għal dik id-domanda tkun waħda negattiva: L-Artikoli 49 u 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistgħu jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżit fid-dritt nazzjonali li l-proċeduri għall-istralċ tal-kumpannija għandhom isiru – inklużi t-terminazzjoni ta’ kull negozju pendenti, l-irkupru ta’ djun, l-eżekuzzjoni tal-obbligi u l-bejgħ tal-attiv tal-kumpannija, is-sodisfazzjon tal-kredituri jew il-provvista ta’ garanziji favurihom, is-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni finanzjarja dwar l-istat attwali ta’ dawn l-atti, u l-indikazzjoni tal-persuna li ser tiġi fdata bil-kotba u d-dokumenti – qabel ix-xoljiment tal-kumpannija, liema xoljiment iseħħ fil-mument tat-tħassir tagħha mir-reġistru kummerċjali, huwa miżura li hija adegwata, neċessarja u proporzjonata għal interess pubbliku li jimmerita protezzjoni fil-forma ta’ salvagwardja tal-kredituri, tal-azzjonisti f’minoranza u tal-impjegati tal-kumpannija migranti?

3)

L-Artikoli 49 u 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-restrizzjonijiet għal-libertà tal-istabbiliment jinkludu sitwazzjoni li fiha – għall-finijet tal-konverżjoni f’kumpannija ta’ Stat Membru ieħor – kumpannija tittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat tagħha lejn l-Istat Membru l-ieħor mingħajr ma tibdel il-post tal-istabbiliment prinċipali tagħha, li jibqa’ fl-Istat ta’ kostituzzjoni inizjali?