Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
18 ta’ Mejju 2017 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Artikoli 94(1) u 96 – Proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità – Responsabbiltà tal-prinċipal – Artikoli 203, 204 u 206(1) – Tnissil tad-dejn doganali – Tneħħija mis-sorveljanza doganali – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ wieħed mill-obbligi li jirriżultaw mill-użu ta’ proċedura doganali – Distruzzjoni totali jew telf irrimedjabbli tal-merkanzija bħala riżultat tan-natura reali tal-merkanzija jew minħabba ċirkustanzi imprevedibbli jew forza maġġuri – Artikolu 213 – Responsabbiltà in solidum għall-ħlas tad-dejn doganali – Direttiva 2006/112/KE – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Artikolu 2(1) kif ukoll Artikoli 70 u 71 – Fatt taxxabbli u eżiġibbiltà tat-taxxa – Artikoli 201, 202 u 205 – Persuni li għandhom iħallsu t-taxxa – Konstatazzjoni mill-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni ta’ defiċit fit-trasport tal-merkanzija – Apparat ta’ tbattil fil-parti ta’ isfel tal-vagun b’tank magħluq inkorrettament jew bi ħsara”
Fil-Kawża C-154/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākās tiesas Administratīvo lietu departaments (qorti suprema, dipartiment għall-affarijiet amministrattivi, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Marzu 2016, fil-proċedura
“Latvijas Dzelzceļš” VAS
vs
Valsts ieņēmumu dienests,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Latvjan, minn G. Bambāne u D. Pelše, kif ukoll minn I. Kalniņš, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Grønfeldt kif ukoll minn M. Wasmeier u A. Sauka, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 94(1), 96, 203, 204, 206(1) u 213 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005 (ĠU 2005, L 117, p. 13) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), kif ukoll tal-Artikoli 70, 71, 201, 202 u 205 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006 L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn VAS „Latvijas Dzelzceļš” (iktar ’il quddiem “LDz”), kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li taġixxi bħala prinċipal fis-sens tal-Kodiċi Doganali, u l-Valsts ieņēmumu dienests (awtorità tat-taxxa, il-Latvja) (iktar ’il quddiem il-“VID”) dwar il-ħlas ta’ dejn doganali u tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq l-importazzjoni.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Il-Kodiċi Doganali
3 Skont il-punti 9, 10, 12 sa 14, 19 u 21 tal-Artikolu 4 tal-Kodiċi Doganali:
“Għall-iskopijiet ta’ dan il-Kodiċi, huma applikabbli definizzjonijiet li ġejjin:
[...]
(9) ‘Dejn doganali’ tfisser l-obbligazzjoni fuq persuna li tħallas l-ammont ta’ dazji fuq l-importazzjoni (dejn doganali fuq l-importazzjoni) […] li japplika għal merkanzija speċifika skond id-dispożizzjonijiet tal-Komunità li huma fis-seħħ.
(10) ‘Dazji fuq l-importazzjoni’ tfisser:
– dazji doganali u ħlasijiet li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali li għandhom jitħallsu fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija,
[...]
[…]
(12) ‘Debitur’ tfisser kull persuna responsabbli għall-ħlas ta’ dejn doganali.
(13) ‘Sorveljanza mill-awtoritajiet doganali’ tfisser azzjoni meħuda b’mod ġenerali minn dawk l-awtoritajiet bil-għan li jiżguraw illi r-regoli doganali u, fejn xieraq, dispożizzjonijiet oħra applikabbli għal merkanzija soġġetta għal sorveljanza doganali jiġu osservati.
(14) ‘Kontrolli doganali’ tfisser atti speċifiċi magħmula mill-awtoritajiet doganali sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta’ regoli doganali u ta’ liġijiet oħrajn li jirregolaw id-dħul, il-ħruġ, it-transitu, it-trasferiment u l-użu aħħari ta’ merkanzija trasportata bejn it-territorju doganali tal-Komunità u pajjiżi terzi u l-preżenza ta’ merkanzija li ma jkollhiex status Komunitarju; tali atti jistgħu jinkludu l-eżami ta’ merkanzija, il-verifika ta’ data f’dikjarazzjonijiet u ta’ l-eżistenza u l-awtentiċità ta’ dokumenti elettroniċi jew miktuba, l-eżami tal-kontijiet ta' impriżi u ta’ dokumenti oħra, l-ispezzjoni ta’ mezzi ta’ trasport, l-ispezzjoni ta’ bagalji u ta’ merkanzija oħra li tinġarr minn jew fuq persuni u t-twettiq ta’ inkjesti uffiċjali u ta’ atti simili oħra.
[...]
(19) ‘Preżentazzjoni ta’ merkanzija lid-dwana’ tfisser in-notifika lill-awtoritajiet doganali, bil-mod stipulat, tal-wasla ta’ merkanzija fl-uffiċċju doganali jew f’kull post ieħor indikat jew approvat mill-awtoritajiet doganali.
[...]
(21) ‘Detentur tal-proċedura’ tfisser il-persuna li f’isimha tkun saret id-dikjarazzjoni doganali jew il-persuna li lilha jkunu ġew trasferiti d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-persuna fuq imsemmija fir-rigward ta’ proċedura doganali.”
4 L-Artikolu 37 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi li:
“1. Merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità għandha, mill-ħin tad-dħul tagħha, tkun soġġetta għal sorveljanza doganali. Tista’ tkun soġġetta għal kontrolli doganali skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ.
2. Għandha tibqa’ taħt dik is-sorveljanza għaż-żmien neċessarju biex jiġi stabbilit l-istatus doganali tagħha, jekk ikun xieraq, u fil-każ ta’ merkanzija mhux tal-Komunità u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 82(1), sakemm l-istatus doganali tagħha jinbidel, tidħol f’żona ħielsa jew maħżen ħieles jew tkun esportata mill-ġdid jew meqruda skond l-Artikolu 182.”
5 L-Artikolu 38(1)(a) tal-imsemmi kodiċi jistabbilixxi li:
“Merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità għandha titwassal mill-persuna li ddaħħalha fil-Komunità mingħajr dewmien, mir-rotta speċifikata mill-awtoritajiet doganali u skond l-istruzzjonijiet tagħhom, jekk ikun hemm:
(a) fl-uffiċċju doganali nominat mill-awtoritajiet doganali jew f’xi post ieħor nominat jew approvat minn dawk l-awtoritajiet”.
6 L-Artikolu 40 tal-istess kodiċi huwa fformulat kif ġej:
Il-merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità għandha tkun preżentata lid-dwana mill-persuna li ġabitha f’dak it-territorju jew, jekk xieraq, mill-persuna li tassumi r-responsabbiltà għat-trasport tal-merkanzija wara li tkun hekk daħlet [...]”
7 L-Artikolu 59(2) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi li:
“Merkanzija tal-Komunità dikjarata għal proċedura ta’ esportazzjoni, proċessar tal-ħruġ [passiv], ġarr jew magażinaġġ doganali għandha tkun soġġetta għas-sorveljanza doganali mill-ħin ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali sa dak il-ħin li tħalli t-territorju doganali tal-Komunità jew tinqered jew id-dikjarazzjoni doganali tiġi invalidata.”
8 L-Artikolu 91(1)(a) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi li:
“Il-proċess ta’ transitu estern għandu jippermetti l-moviment minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Komunità ta’:
(a) merkanzija mhux tal-Komunità, mingħajr ma dik il-merkanzija tkun soġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni u ħlasijiet oħra jew għal miżuri ta’ politika kummerċjali”.
9 Skont l-Artikolu 92 tal-imsemmi kodiċi:
“1. Il-proċedura ta’ transitu estern għandha tintemm u l-obbligazzjonijiet tad-detentur għandhom ikunu mwettqa meta l-prodotti mqiegħda taħt il-proċedura u d-dokumenti meħtieġa jkunu ingħataw lill-uffiċju doganali tad-destinazzjoni skond id-dispożizzjonijiet tal-proċedura in kwistjoni.
2. L-awtoritajiet doganali għandhom iwettqu l-proċedura meta jkunu f’pozizzjoni li jistbilixxu, fuq il-bażi ta’ paragun tad-data disponibbli għall-uffiċju tat-tluq u dik disponibbli lill-uffiċju doganali tad-destinazzjoni, li l-proċedura tkun intemmet korrettement.”
10 L-Artikolu 94(1) tal-istess kodiċi jistabbilixxi li:
“Il-prinċipal għandu jipprovdi garanzija sabiex jizgura l-ħlas ta’ kull dejn doganali jew tariffi ieħor li jistgħu jinħolqu fir-rigward tal-prodotti.”
11 Skont l-Artikolu 96 tal-Kodiċi Doganali:
“1. Il-prinċipal għandu jkun id-detentur tal-proċedura taħt il-proċedura ta’ transitu estern tal-Komunità. Għandu jkun responsabbli għal:
(a) preżentazzjoni tal-merkanzija intatta fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni fit-terminu taż-żmien preskritt u bl-osservanza dovuta tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet doganali sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni;
(b) l-osservanza tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-proċedura tat-transitu tal-Komunità.
2. Minkejja [Bla ħsara għal] l-obbligazzjonijiet tal-prinċipal skond il-paragrafu 1, min iġorr jew jircevi merkanzija u jaċċetta merkanzija meta jkun jaf li qegħda tiċċaqalaq taħt transitu tal-Komunità għandu wkoll ikun responsabbli għall-produzzjoni tal-merkanzija intatta fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni fit-terminu taż-żmien preskritt u bl-osservanza dovuta tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet doganali sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni.”
12 L-Artikolu 202(1)(a) tal-imsemmi kodiċi jistabbilixxi li:
“Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz ta’:
(a) l-introduzzjoni kontra l-liġi fit-territorju doganali tal-Komunità ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni
[...]”
13 L-Artikolu 203 tal-istess kodiċi jipprevedi li:
“1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:
– tat-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni.
2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali.
3. Id-debituri għandhom ikunu:
– il-persuna li tkun neħħiet il-merkanzija minn taħt is-sorveljanza doganali,
– kull persuna li tkun ipparteċipat f’dik it-tneħħija u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li l-merkanziji kienu qed jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali, u
– kull persuna li akkwistat jew żammet il-merkanziji konċernati u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf fil-ħin li akkwistat jew irċeviet il-merkanziji li kienu tneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali,
u
– fejn ikun xieraq, il-persuna li tkun meħtieġa li tissodisfa l-obbligazzjonijiet li jinqalgħu mill-ħażna temporanja tal-merkanziji jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha kienu tqiegħdu dawk il-merkanziji.”
14 Skont l-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali:
“1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:
(a) tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ wieħed mill-obbligi li jinqalgħu, fir-rigward ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-ħażna temporanja tagħhom jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha jkunu tqiegħdu
[…]
f’każijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 203 ħlief meta jiġi stabbilit li dawk in-nuqqasijiet m’għandhom ebda effett sinifikanti fuq l-operazzjoni korretta tal-ħażna temporanja jew proċedura doganali konċernata.
2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors jew fil-mument meta l-obbligazzjoni li n-nuqqas ta’ l-eżekuzzjoni tagħha tagħti lok għad-dejn doganali ma tiġix issodisfata jew fil-mument meta l-merkanziji jitqiegħdu taħt il-proċedura doganali involuta fejn jiġi stabbilit sussegwentement li kondizzjoni li tirregola t-tqegħid tal-merkanziji taħt l-imsemmija proċedura jew l-għoti ta’ rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta’ dazju fuq l-importazzjoni bis-saħħa ta’ l-użu finali tal-merkanziji ma ġietx fil-fatt issodisfata.
3. Id-debitur għandu jkun il-persuna li tkun meħtieġa, skond iċ-ċirkostanzi, jew li tesegwixxi l-obbligazzjonijiet li joħorġu, fir-rigward ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-ħażna temporanja tagħhom jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha jkunu tqegħdu, jew li tħares il-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tqegħid tal-merkanziji taħt dik il-proċedura.”
15 L-Artikolu 206(1) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi li:
“Permezz ta’ deroga mill-Artikoli 202 u 204(1)(a), ebda dejn doganali fuq l-importazzjoni m’għandu jitqies li hu dovut fir-rigward ta’ merkanziji speċifiċi fejn il-persuna interessata tipprova li n-nuqqas ta’eżekuzzjoni ta’ l-obbligazzjonijiet li joħorġu:
– mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 38 sa 41 u t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 177, jew
– miż-żamma tal-merkanziji konċernati f’ħażna temporanja, jew
– mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha tqiegħdu l-merkanziji,
li jirrizulta mid-distruzzjoni totali jew telf għal kollox [irrimedjabbli] ta’ l-imsemmija merkanziji bħala riżultat tan-natura reali tal-merkanziji jew ċirkostanzi imprevedibbli jew forza maġġuri, jew bħala konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet doganali.
Għall-iskop ta’ dan il-paragrafu, il-merkanziji għandhom ikunu mitlufa għal kollox meta jsiru mhux tajbin għall-użu minn xi persuna.”
16 Skont l-Artikolu 213 tal-imsemmi kodiċi:
“Fejn diversi persuni jkunu responsabbli għall-ħlas ta’ dejn doganali wieħed, dawn għandhom ikunu responsabbli solidalment u separatament għal dak id-dejn.”
Ir-Regolament Nru 2454/93
17 L-Artikolu 360(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 414/2009, tat-30 ta’ April 2009 (ĠU 2009, L 125, p. 6), jipprevedi li:
“Il-trasportatur għandu jkun meħtieġ li jniżżel fid-Dokument ta’ Akkumpanjament fit-Tranżitu – Dokument ta’ Akkumpanjament fit-Tranżitu/Sigurtà u jippreżentah flimkien mal-konsenja lill-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab il-mezz ta’ trasport:
[...]
(e) fil-każ ta’ kull inċident jew aċċident li jista’ jaffettwa l-abbilità tal-prinċipal jew tal-kurrier [trasportatur] li jikkonforma ma’ l-obligazzjonijiet tiegħu.”
Id-Direttiva tal-VAT
18 Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-VAT:
“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:
[...]
(d) l-importazzjoni ta’ merkanzija.”
19 L-Artikolu 60 ta’ din id-direttiva jipprevedi li:
“Il-post ta’ importazzjoni ta’ merkanzija għandu jkun l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab il-merkanzija meta tidħol fil-Komunità.”
20 L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li:
“Bħala deroga mill-Artikolu 60, fejn, malli tidħol fil-Komunità, merkanzija li mhijiex f’ċirkolazzjoni ħielsa titqiegħed taħt wieħed mill-arranġamenti jew sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 156, jew taħt arranġamenti għal importazzjoni temporanja b’eżenzjoni totali minn dazju ta’ importazzjoni, jew taħt arranġamenti ta’ transitu esterni, il–post ta’ importazzjoni ta’ tali merkanzija għandu jkun l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-merkanzija ma tibqax koperta minn dawk l-arranġamenti jew sitwazzjonijiet.”
21 Skont l-Artikolu 70 tal-istess direttiva:
“L-avveniment li jagħti lok għal ħlas għandu jseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta meta l-merkanzija tkun impurtata.”
22 L-Artikolu 71 tad-Direttiva tal-VAT jistabbilixxi li:
“1. Meta, mad-dħul fil-Komunità, il-merkanzija titqiegħed [...] taħt arranġamenti ta’ importazzjoni temporanji b’eżenzjoni totali tad-dazju fuq l-importazzjoni, jew taħt arranġamenti ta’ trażitu esterni, l-avveniment li jagħti lok għal ħlas iseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta biss meta l-merkanzija ma tibqax taħt dawk l-arranġamenti jew sitwazzjonijiet.
Madankollu, meta l-merkanzija impurtata tkun soġġetta għad-dazji doganali, jew għal imposti agrikoli jew għal xi piżijiet li għandhom effett ekwivalenti li ġew stabbiliti skont politika komuni, l-avveniment li jagħti lok għal ħlas għandu jseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta meta jseħħ l-avveniment li jagħti lok għal ħlas fir-rigward ta’ dawk id-dazji u dawk id-dazji jsiru dovuti.
2. Meta merkanzija impurtata ma tkunx soġġetta għall-ebda mid-dazji msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom, rigward l-avveniment li jagħti lok għal ħlas u l-mument meta l-VAT issir dovuta, japplikaw id-dispożizzjonijiet li jkun hemm fis-seħħ li jirregolaw id-dazji doganali.”
23 Skont l-Artikolu 201 ta’ din id-direttiva:
“Ma’ l-importazzjoni, il-VAT għandha titħallas mill-persuna jew mill-persuni nominati jew rikonoxxuti bħala responsabbli mill-Istat Membru ta’ l-importazzjoni.”
24 L-Artikolu 202 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li:
“Il-VAT għandha titħallas mill-persuna li tikkawza li l-merkanzija koperta minn arranġamenti jew sitwazzjonijiet elenkati fl-Artikoli 156, 157, 158, 160 u 161 li ma jibqgħux ikunu koperti.”
25 L-Artikolu 205 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:
“Fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 193 sa 200 u l-Artikoli 202, 203 u 204, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi persuna li mhix il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT għandha tkun responsabbli in solidum għall-ħlas tal-VAT.”
Id-dritt Latvjan
26 Il-paragrafu 2.2 tal-Artikolu 2 tal-Likums par pievienotās vērtības nodokli (liġi dwar il-VAT), tad-9 ta’ Marzu 1995 (Latvijas Vēstnesis, 1995, Nru 49), li kienet fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2012, kien jipprevedi li:
“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din il-liġi, kull importazzjoni ta’ merkanzija hija suġġetta għat-taxxa.”
27 L-Artikolu 12(2) ta’ din il-liġi kien jistabbilixxi li:
“Meta tiġi importata merkanzija, it-taxxa hija dovuta minn kull persuna li tirrilaxxa l-merkanzija għal ċirkulazzjoni libera. It-taxxa fuq il-merkanzija importata ssir eżiġibbli mill-mument li jsiru eżiġibbli d-dazji doganali [...]”.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
28 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-25 ta’ Frar 2011, LDz, fil-kwalità tagħha bħala prinċipal, qiegħdet grupp ta’ vaguni b’tank taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità, fis-sens tal-Artikolu 91 tal-Kodiċi Doganali, billi ppreżentat nota ta’ kunsinna ferrovjarja. Il-merkanzija fi tranżitu, jiġifieri s-solvent, kellha tiġi ttrasportata mit-trasportatur tagħha, Baltijas Tranzīta Serviss, lejn l-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni, f’dan il-każ il-post ta’ kontroll doganali tal-port ta’ Ventspils (il-Latvja).
29 Waqt it-trasport ta’ din il-merkanzija fit-territorju Latvjan, ġie kkonstatat li s-solvent kien qed inixxi mill-apparat ta’ tbattil fil-parti ta’ isfel ta’ wieħed mill-vaguni b’tank. Fit-28 ta’ Frar u fl-1 ta’ Marzu 2011, tfasslu żewġ rapporti standard, jiġifieri rapport ta’ kontroll u rapport li jikkonstata l-istat tekniku ta’ dan il-vagun b’tank, dwar id-difetti tat-tank ikkonċernat u dwar il-miżuri meħuda sabiex tiġi evitata ħsara. Fl-1 ta’ Marzu 2011, ġie rrapportat ukoll f’rapport ta’ konstatazzjoni ta’ ħsara li 2 448 kilogramma (kg) ta’ merkanzija kienet nieqsa mit-tank ikkonċernat.
30 Fl-10 ta’ Marzu 2011, l-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni kkonstata defiċit fit-trasport tal-merkanzija ta’ 2 448 kg dovut għall-fatt li l-apparat ta’ tbattil fil-parti ta’ isfel tal-vaguni b’tank inkwistjoni ma kienx ingħalaq korrettament jew kien bi ħsara. Fl-assenza ta’ għoti lill-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni ta’ dokument dwar il-preżentazzjoni tal-merkanzija nieqsa u dwar l-għeluq regolari tal-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità u, fl-assenza ta’ provi li d-defiċit fit-trasport tal-merkanzija kien jirriżulta minn att tal-kunsinnatur, il-VID adottat deċiżjoni li permezz tagħha hija kkalkolat id-dejn doganali ta’ LDz fl-ammont ta’ 63.26 lats Latvjani (LVL) (madwar EUR 90.01), u d-dejn tal-VAT ta’ din il-kumpannija fl-ammont ta’ LVL 228.02 (madwar EUR 324.44). LDz ikkontestat din id-deċiżjoni. Id-direttur ġenerali tal-VID ikkonferma din tal-aħħar permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Settembru 2011.
31 Għalhekk LDz ressqet kawża quddiem l-Administratīvā rajona tiesa (qorti amministrattiva distrettwali, il-Latvja) li permezz tagħha talbet l-annullament ta’ din l-aħħar deċiżjoni, billi tosserva li, f’dan il-każ, diversi persuni setgħu kienu responsabbli in solidum għall-ħlas tad-dejn doganali inkwistjoni, b’mod partikolari l-persuni responsabbli għall-eżekuzzjoni teknika tat-trasport u għall-istabbiliment korrett tar-rapport ta’ konstatazzjoni ta’ ħsara. Barra minn hekk, LDz issostni li l-VID ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li d-defiċit fit-trasport tal-merkanzija kien jirriżulta mid-distruzzjoni totali jew mit-telf irrimedjabbli tal-merkanzija kkonċernata, bħala riżultat tan-natura reali ta’ din il-merkanzija jew minħabba ċirkustanzi imprevedibbli jew forza maġġuri.
32 Permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Awwissu 2013, l-imsemmija qorti ċaħdet ir-rikors ta’ LDz.
33 Permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2014, l-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali, il-Latvja) ċaħdet l-appell ippreżentat minn LDz kontra s-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza.
34 Fil-kuntest tal-eżami tal-appell ta’ kassazzjoni ppreżentat minn LDz, l-Augstākās tiesas Administratīvo lietu departaments (qorti suprema, dipartiment għall-affarijiet amministrattivi, il-Latvja) tesprimi, qabelxejn, dubji dwar il-kwistjoni dwar jekk huwiex korrett li l-VID u l-qrati ta’ grad inferjuri applikaw, f’dan il-każ, l-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali, dwar it-tneħħija ta’ merkanzija mis-sorveljanza doganali. Din il-qorti tindika f’dan ir-rigward, minn naħa, li l-VID tqis li l-punt 2.2 tal-“Manwal dwar it-Tranżitu” tad-Direttorat Ġenerali “Tassazzjoni u Unjoni Doganali” tal-Kummissjoni (dokument ta’ ħidma Taxud/2033/2008-LV Rev. 4), tal-15 ta’ Settembru 2009, japplika f’kull każ fejn defiċit fit-trasport tal-merkanzija huwa kkonstatat mill-uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni, filwaqt li, min-naħa l-oħra, LDz tinsisti fuq konstatazzjonijiet li jistabbilixxi, f’dan il-każ, tnixxija tas-solvent mit-tank ikkonċernat għal raġuni ta’ natura teknika, u ssemmi l-atti intiżi sabiex il-ħsara tiġi rrimedjata.
35 F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, għandux pjuttost jiġi applikat l-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mad-deroga prevista fl-Artikolu 206(1) ta’ dan il-kodiċi, li jippermetti li ma jiġix ikkalkolat id-dejn doganali fuq l-importazzjoni jekk tiġi stabbilita d-distruzzjoni totali tal-merkanzija, li teskludi d-dħul tagħha fis-sistema ekonomika tal-Unjoni Ewropea.
36 Sussegwentement, din il-qorti tfakkar li l-kwistjoni tal-eżenzjoni mill-ħlas tad-dazji fuq l-importazzjoni hija marbuta ma’ dik tal-eżenzjoni mill-VAT. F’dan ir-rigward, hija titlaq mill-prinċipju li jgħid li, peress li l-applikazzjoni tal-Kodiċi Doganali ma tirrikjedix li jiġu kkalkolati d-dazji doganali fuq l-importazzjoni għal merkanzija li tkun inqerdet waqt li kienet taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità, u li, minħabba dan il-fatt, ma setgħetx tiġi integrata fis-sistema ekonomika tal-Unjoni, lanqas il-VAT ma għandha titħallas.
37 Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti tosserva li, minkejja li jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar mill-Artikolu 94(1) u mill-Artikolu 96(1) tal-Kodiċi Doganali li l-prinċipali huwa responsabbli għall-ħlas tad-dejn doganali u li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fil-ġurisprudenza tagħha, l-importanza tar-responsabbiltà tal-prinċipal fil-kuntest tas-salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istati Membri, jibqgħu numru ta’ domandi dwar il-portata tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali li jipprevedu r-responsabbiltà ta’ persuni oħra, għal dak li jirrigwarda kemm l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità kif ukoll il-ħlas tad-dejn doganali. Fil-fatt, kemm bis-saħħa tal-Artikolu 203 ta’ dan il-kodiċi kif ukoll skont l-Artikolu 204 tiegħu, iċ-ċirku ta’ persuni li jistgħu jinżammu responsabbli minħabba t-tnixxija kkonċernata jista’ jmur lil hinn mill-prinċipal waħdu.
38 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākās tiesas Administratīvo lietu departaments (qorti suprema, dipartiment għall-affarijiet amministrattivi), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 203(1) [tal-Kodiċi Doganali] għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika f’kull każ fejn il-volum totali tal-merkanzija ma jkunx ġie ippreżentat lill-uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni tal-proċedura ta’ tranżitu estern, inkluż meta d-distruzzjoni totali jew it-telf irrimedjabbli tal-merkanzija jiġu pprovati b’mod soddisfaċenti?
2) Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-prova soddisfaċenti tad-distruzzjoni totali tal-merkanzija u, għaldaqstant, tal-fatt li huwa eskluż li l-merkanzija tidħol fis-sistema ekonomika tal-Istat Membru, tista’ tagħti lok għall-applikazzjoni tal-Artikoli 204(1)(a) u 206 [tal-Kodiċi Doganali], mingħajr ma [jiġi kkalkolat dejn doganali li jirrigwarda] l-volum ta’ merkanzija mitlufa [meqruda] taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern [tal-Komunità] [...]?
3) Jekk l-Artikoli 203(1), 204(1)(a) u 206 [tal-Kodiċi Doganali] għandu [għandhom] jiġu interpretati fis-sens li dazju fuq l-importazzjoni għandu jiġi kkalkolat fuq il-volum ta’ merkanzija meqruda matul il-proċedura ta’ tranżitu estern [tal-Komunità], l-Artikoli 2(1)(d), 70 u 71 tad-[Direttiva tal-VAT] għandu jiġi interpretat [għandhom jiġu interpretati] fis-sens li, flimkien mad-dazji fuq l-importazzjoni, hija wkoll dovuta [l-VAT], anki jekk jiġi eskluż il-fatt li l-merkanzija tidħol effettivament fis-sistema ekonomika tal-Istat Membru?
4) L-Artikolu 96 [tal-Kodiċi Doganali] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipal jibqa’ suġġett għall-ħlas tad-dejn doganali li jirriżulta mill-proċedura ta’ tranżitu estern [tal-Komunità], sew jekk it-trasportatur ikunx osserva l-obbligi msemmija fl-Artikolu 96(2) tal-imsemmi [kodiċi], sew jekk le?
5) L-Artikoli 94(1), 96(1) u 213 [tal-Kodiċi Doganali] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-uffiċċju doganali ta’ Stat Membru għandu l-obbligu li jżomm responsabbli in solidum lill-persuni kollha li, flimkien mal-prinċipal, għandhom, fil-każ inkwistjoni, jitqiesu bħala persuni responsabbli għall-ħlas tad-dejn doganali konformement mad-dispożizzjonijiet [ta’ dan il-kodiċi]?
6) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, u jekk il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru torbot bħala prinċipju l-obbligu ta’ ħlas [tal-VAT] relatata mal-importazzjoni ta’ oġġett mal-proċedura ta’ rilaxx għal ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija, l-Artikoli 201, 202 u 205 tad-[Direttiva tal-VAT] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istat Membru għandu l-obbligu li jżomm responsabbli in solidum lill-persuni kollha li għandhom, f’każ speċifiku, jitqiesu bħala persuni responsabbli għall-ħlas [tal-VAT] konformement mad-dispożizzjonijiet [tal-Kodiċi Doganali]?
7) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ħames u/jew għas-sitt domanda, l-Artikoli 96(1) u 213 [tal-Kodiċi Doganali] kif ukoll l-Artikoli 201, 202 u 205 tad-[Direttiva tal-VAT] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, jekk l-uffiċċju doganali kien iġġustifikat li, għall-finijiet tal-ħlas tad-dejn doganali, iżomm responsabbli in solidum lil waħda mill-persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa flimkien mal-prinċipal, dan jista’ fih innifsu jiġġustifika li dan tal-aħħar jiġi eżentat mill-obbligu li jħallas id-dejn doganali?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
39 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika fil-każ fejn il-volum totali tal-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità ma jkunx ġie ppreżentat lill-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni previst fil-kuntest ta’ din il-proċedura, minħabba d-distruzzjoni totali jew it-telf irrimedjabbli ta’ parti minn din il-merkanzija pprovat b’mod sodisfaċenti.
40 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali, it-tneħħija mis-sorveljanza doganali ta’ merkanzija suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni toħloq dejn doganali fuq l-importazzjoni.
41 Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “tneħħija mis-sorveljanza doganali”, li jinsab fl-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri kull att jew ommissjoni li jkollhom bħala riżultat li jimpedixxu, anki għal żmien qasir, li l-awtoritajiet doganali kompetenti jkollhom aċċess għal merkanzija taħt sorveljanza doganali u li jwettqu l-kontrolli previsti mill-Artikolu 37(1) tal-Kodiċi Doganali (sentenzi tal-1 ta’ Frar 2001, D. Wandel, C-66/99, EU:C:2001:69, punt 47, kif ukoll tat-12 ta’ Ġunju 2014, SEK Zollagentur, C-75/13, EU:C:2014:1759, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 Għaldaqstant, kull irtirar, li ma jkunx awtorizzat mill-awtorità doganali kompetenti, ta’ merkanzija suġġetta għas-sorveljanza doganali tal-post ta’ depożitu awtorizzat, kemm jekk mhux intenzjonali kif ukoll jekk intenzjonali, bħal serq, jikkostitwixxi tneħħija ta’ merkanzija mis-sorveljanza doganali, fis-sens tal-Artikolu 203(1) tal-imsemmi kodiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Frar 2001, D. Wandel, C-66/99, EU:C:2001:69, punt 48 u 50; tat-12 ta’ Frar 2004, Hamann International, C-337/01, EU:C:2004:90, punt 36, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2013, Harry Winston, C-273/12, EU:C:2013:466, punti 30 u 33). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li merkanzija mqiegħda f’ħażna temporanja għandha titqies li tneħħiet mis-sorveljanza doganali jekk jiġi ddikjarat li din qiegħda fi proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità, iżda ma ħallietx il-ħażna u ma ġietx ippreżentata lill-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni, filwaqt li d-dokumenti ta’ tranżitu ġew ippreżentati lil dan tal-aħħar (sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, SEK Zollagentur, C-75/13, EU:C:2014:1759, punt 33).
43 F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni kkonstata defiċit fit-trasport tal-merkanzija, jiġifieri tas-solvent, ta’ 2 448 kg dovut għall-fatt li l-apparat ta’ tbattil fil-parti ta’ isfel tal-vagun b’tank inkwistjoni ma kienx ingħalaq korrettament jew kien bi ħsara. F’dan ir-rigward, skont il-qorti tar-rinviju, l-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali) ma stabbilixxietx b’mod iktar preċiż iċ-ċirkustanzi li fihom intilfet din il-merkanzija.
44 Irrispettivament minn dan, il-qorti tar-rinviju tipproċedi fuq l-ipoteżi ta’ distruzzjoni totali jew ta’ telf irrimedjabbli tal-merkanzija.
45 F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 37(1) tal-Kodiċi Doganali, merkanzija suġġetta għas-sorveljanza doganali tista’ tiġi suġġetta għal kontrolli doganali.
46 Tali kontrolli doganali għandhom b’mod partikolari l-għan, skont il-punt 14 tal-Artikolu 4 ta’ dan il-kodiċi, li jiggarantixxu l-applikazzjoni korretta tar-regoli doganali u jistgħu jinkludu, fost oħrajn, l-eżami tal-merkanzija, il-verifika ta’ data li tinsab fid-dikjarazzjonijiet u l-verifika tal-eżistenza u tal-awtentiċità ta’ dokumenti kif ukoll il-kontroll ta’ mezzi ta’ trasport.
47 Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 41 u 42 ta’ din is-sentenza, l-għibien ta’ parti mill-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità jista’, bħala prinċipju, jikkostitwixxi t-tneħħija tagħha mis-sorveljanza doganali, fis-sens tal-Artikolu 203(1) tal-imsemmi kodiċi, sa fejn, f’tali każ, l-awtoritajiet doganali huma effettivament preklużi milli jaċċedu għal din il-parti tal-merkanzija u jwettqu l-kontrolli previsti fl-Artikolu 37(1) tal-istess kodiċi.
48 Madankollu, l-applikazzjoni tal-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali hija ġġustifikata meta l-għibien tal-merkanzija jinvolvi riskju li din tiġi integrata, mingħajr approvazzjoni doganali, fis-sistema ekonomika tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2005, Honeywell Aerospace, C-300/03, EU:C:2005:43, punt 20, kif ukoll tal-15 ta’ Mejju 2014, X, C-480/12, EU:C:2014:329, punti 35 u 36).
49 Issa, dan ma huwiex il-każ tal-għibien ta’ merkanzija minħabba id-distruzzjoni totali tagħha jew it-telf irrimedjabbli tagħha, fejn dan tal-aħħar huwa ddefinit, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 206(1) tal-Kodiċi Doganali, bħala l-impossibbiltà li l-merkanzija tintuża minn xi ħadd, fil-każ ta’ tnixxija ta’ likwidu, bħas-solvent inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minn tank waqt it-trasport tiegħu. Fil-fatt, merkanzija li ma għadhiex teżisti jew li ma tista’ tintuża minn ħadd ma tistax, għal din ir-raġuni biss, tiġi integrata fis-sistema ekonomika tal-Unjoni.
50 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tapplikax fil-każ fejn il-volum totali tal-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità ma jkunx ġie ppreżentat lill-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni previst fil-kuntest ta’ din il-proċedura, minħabba d-distruzzjoni totali jew it-telf irrimedjabbli ta’ parti minn din il-merkanzija pprovat b’mod sodisfaċenti.
Fuq it-tieni domanda
51 Permezz tat-tieni domanda tagħha, magħmula fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 204(1)(a) u 206 tal-Kodiċi Doganali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw fil-każ fejn il-volum totali tal-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità ma jkunx ġie ppreżentat lill-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni previst fil-kuntest ta’ din il-proċedura, minħabba d-distruzzjoni totali jew it-telf irrimedjabbli ta’ parti minn din il-merkanzija pprovat b’mod sodisfaċenti.
52 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabelxejn, li l-Artikoli 203 u 204 tal-Kodiċi Doganali għandhom kampijiet ta’ applikazzjoni distinti. Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 204 ta’ dan il-kodiċi jirriżulta li dan l-artikolu jista’ japplika biss fil-każijiet li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 203 tal-imsemmi kodiċi, li l-applikabbiltà tiegħu għall-fatti inkwistjoni għandha tiġi eżaminata l-ewwel (sentenzi tat-12 ta’ Frar 2004, Hamann International, C-337/01, EU:C:2004:90, punti 28 sa 30, kif ukoll tad-29 ta’ Ottubru 2015, B & S Global Transit Center, C-319/14, EU:C:2015:734, punti 25 sa 27).
53 Issa, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, peress li l-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali ma japplikax f’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt l-Artikolu 204(1)(a) ta’ dan il-kodiċi.
54 Skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, f’każijiet għajr dawk koperti mill-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali, ta’ wieħed mill-obbligi li jirriżultaw, fir-rigward ta’ merkanzija suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha tkun ġiet imqiegħda, joħloq dejn doganali fuq l-importazzjoni.
55 Għal dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità, il-preżentazzjoni għal skopijiet doganali, lill-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni, ta’ merkanzija intatta, tagħmel parti minn dawn l-obbligi skont l-Artikolu 96(1)(a) ta’ dan il-kodiċi.
56 Għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-preżentazzjoni lill-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni ta’ volum ta’ merkanzija inferjuri għal dak iddikjarat taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità lill-uffiċċju doganali tat-tluq, wara d-distruzzjoni totali jew it-telf irrimedjabbli ta’ parti minnha, ma tistax titqies bħala l-preżentazzjoni ta’ merkanzija intatta, fis-sens tal-Artikolu 96(1)(a) tal-imsemmi kodiċi.
57 Minn dan jirriżulta li tali preżentazzjoni għandha tiġi kklassifikata, fis-sens tal-Artikolu 204(1)(a) tal-istess kodiċi, bħala n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ wieħed mill-obbligi marbuta mal-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità, li joħloq, bħala prinċipju, id-dejn doganali fuq l-importazzjoni għall-parti tal-merkanzija li ma tkunx ġiet ippreżentata lill-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni.
58 Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 206(1) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi li, b’deroga għall-Artikolu 204(1)(a) ta’ dan il-kodiċi, ebda dejn doganali fuq l-importazzjoni ma għandu jinħoloq fir-rigward ta’ merkanzija speċifika, meta l-persuna kkonċernata tipproduċi l-prova li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha din il-merkanzija tkun tqiegħdet jirriżulta mid-distruzzjoni totali jew mit-telf irrimedjabbli tal-imsemmija merkanzija bħala riżultat tan-natura reali tal-merkanzija jew minħabba ċirkustanzi imprevedibbli jew forza maġġuri.
59 Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk it-tnixxija ta’ likwidu, bħal solvent, minn tank, dovuta għall-fatt li l-apparat ta’ tbattil fil-parti ta’ isfel tal-vagun b’tank inkwistjoni ma kienx ingħalaq korrettament jew kien bi ħsara, tistax tiġi klassifikata bħala ċirkustanza imprevedibbli jew forza maġġuri.
60 F’dan ir-rigward, hemm lok li titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, peress li l-kunċett ta’ “forza maġġuri” ma huwiex identiku fl-oqsma differenti ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, it-tifsira tiegħu għandha tiġi stabbilita skont il-kuntest legali li fih jopera (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, Société Pipeline Méditerranée u Rhône, C-314/06, EU:C:2007:817, punt 25, kif ukoll tal-14 ta’ Ġunju 2012, CIVAD, C-533/10, EU:C:2012:347, punt 26).
61 Fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni doganali, il-kunċetti ta’ “forza maġġuri” u ta’ “ċirkustanzi imprevedibbli” huma t-tnejn li huma kkaratterizzati b’element oġġettiv, li jirrigwarda l-eżistenza ta’ ċirkustanzi anormali u estranji għall-operatur, u b’element suġġettiv, li jinvolvi l-obbligu, għall-persuna kkonċernata, li tipproteġi ruħha kontra l-konsegwenzi tal-avveniment anormali billi tieħu miżuri xierqa mingħajr ma tagħmel sagrifiċċji eċċessivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, Société Pipeline Méditerranée et Rhône, C-314/06, EU:C:2007:817, punt 24; tal-14 ta’ Ġunju 2012, CIVAD, C-533/10, EU:C:2012:347, punt 28; id-digriet tal-21 ta’ Settembru 2012, Noscira vs UASI, C-69/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:589, punt 39; id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2014, Faktor B. i W. Gęsina vs Il-Kummissjoni, C-138/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2256, punt 19, kif ukoll is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C-659/13 u C-34/14, EU:C:2016:74, punt 192).
62 Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 206(1) tal-Kodiċi Doganali jikkostitwixxi deroga għar-regola stabbilita fl-Artikolu 204(1)(a) tiegħu, il-kunċetti ta’ “forza maġġuri” u ta’ “ċirkustanzi imprevedibbli”, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, CIVAD, C-533/10, EU:C:2012:347, punt 24; tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C-659/13 u C-34/14, EU:C:2016:74, punti 190 u 191, kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2017, Vilkas, C-640/15, EU:C:2017:39, punt 56).
63 Issa, fid-dawl tal-kriterji fformulati fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li tnixxija ta’ solvent, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fl-ipoteżi fejn din ġiet ikkawżata mill-għeluq inkorrett ta’ apparat ta’ tbattil, ma għandux jitqies bħala ċirkustanza anormali jew estranja għall-operatur attiv fil-qasam tat-trasport ta’ sustanzi likwidi, iżda pjuttost bħala l-konsegwenza ta’ nuqqas tad-diliġenza normalment meħtieġa fil-kuntest tal-attività ta’ dan l-operatur, b’tali mod li la l-element oġġettiv u lanqas l-element suġġettiv, li jikkaratterizzaw il-kunċetti ta’ “forza maġġuri” u ta’ “ċirkustanzi imprevedibbli”, imsemmija f’dak il-punt ma huma, f’dan il-każ, issodisfatti.
64 Għal dak li jirrigwarda l-ipoteżi ta’ ħsara fl-apparat ta’ tbattil, ma jistax jiġi eskluż li din iċ-ċirkustanza tkun ta’ natura li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-punt 61 ta’ din is-sentenza jekk jirriżulta li din hija anormali u estranja għal tali operatur u jekk il-konsegwenzi tagħha ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha eżerċitata. Madankollu, hija il-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dawn il-kriterji humiex issodisfatti. Fil-kuntest ta’ din il-verifika, dik il-qorti għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-osservanza, minn operaturi bħall-prinċipal u t-trasportatur, tar-regoli u tar-rekwiziti fis-seħħ għal dak li jirrigwarda l-istat tekniku ta’ tankijiet u s-sigurtà tat-trasport ta’ sustanzi likwidi bħal solvent.
65 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 204(1) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-volum totali tal-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità ma jkunx ġie ppreżentat lill-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni previst fil-kuntest ta’ din il-proċedura, minħabba d-distruzzjoni totali jew it-telf irrimedjabbli ta’ parti minn din il-merkanzija pprovat b’mod sodisfaċenti, din is-sitwazzjoni, li tikkostitwixxi n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ wieħed mill-obbligi marbuta ma’ din il-proċedura, jiġifieri dak li tiġi ppreżentata merkanzija intatta lill-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni, toħloq, bħala prinċipju, dejn doganali fuq l-importazzjoni għall-parti tal-merkanzija li ma tkunx ġiet ippreżentata lil dan l-uffiċċju. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk ċirkustanza bħal ħsara fl-apparat ta’ tbattil tissodisfax, f’dan il-każ, il-kriterji li jikkaratterizzaw il-kunċetti ta’ “forza maġġuri” u ta’ “ċirkustanzi imprevedibbli”, fis-sens tal-Artikolu 206(1) tal-Kodiċi Doganali, jiġifieri jekk jirriżultax li din hija anormali u estranja għal operatur attiv fil-qasam tat-trasport ta’ sustanzi likwidi, u jekk il-konsegwenzi tagħha ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha eżerċitata. Fil-kuntest ta’ din il-verifika, dik il-qorti għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-osservanza, mill-operaturi bħall-prinċipal u t-trasportatur, tar-regoli u tar-rekwiziti fis-seħħ għal dak li jirrigwarda l-istat tekniku ta’ tankijiet u s-sigurtà tat-trasport ta’ sustanzi likwidi bħal solvent.
Fuq it-tielet domanda
66 Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(d) kif ukoll l-Artikoli 70 u 71 tad-Direttiva tal-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-VAT hija dovuta għall-parti totalment meqruda jew irrimedjabbilment mitlufa ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità.
67 Skont l-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT, l-importazzjonijiet ta’ oġġetti huma suġġetti għall-VAT. L-Artikolu 70 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-prinċipju li l-fatt taxxabbli jseħħ u l-VAT issir eżiġibbli malli l-merkanzija tiġi importata. Għaldaqstant, l-Artikolu 71(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li, meta l-oġġetti jaqgħu, wara d-dħul tagħhom fl-Unjoni, taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità, il-fatt taxxabbli u l-eżiġibbiltà tal-VAT iseħħu biss fil-mument meta dawn l-oġġetti joħorġu minn din il-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Harry Winston, C-273/12, EU:C:2013:466, punt 40).
68 Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li d-distruzzjoni totali jew it-telf irrimedjabbli ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità jistgħu jwasslu għas-seħħ tal-fatt taxxabbli u għall-eżiġibbiltà tal-VAT biss jekk dawn jistgħu jiġu assimilati mal-ħruġ ta’ tali merkanzija minn din il-proċedura.
69 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li peress li l-VAT hija min-natura tagħha taxxa fuq il-konsum, hija tapplika għall-oġġetti u għas-servizzi li jidħlu fis-sistema ekonomika tal-Unjoni u jistgħu jkunu suġġetti għal konsum (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2013, Tulică u Plavoşin, C-249/12 u C-250/12, EU:C:2013:722, punt 35, kif ukoll tat-2 ta’ Ġunju 2016, Eurogate Distribution u DHL Hub Leipzig, C-226/14 u C-228/14, EU:C:2016:405, punt 65).
70 Għaldaqstant, il-ħruġ ta’ merkanzija mill-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità, li jwassal għas-seħħ tal-fatt taxxabbli u għall-eżiġibbiltà tal-VAT, għandu jinftiehem li jkopri l-integrazzjoni ta’ tali merkanzija fis-sistema ekonomika tal-Unjoni, li hija eskluża fil-każ ta’ merkanzija ineżistenti jew li ma tista’ tintuża minn ħadd (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2010, Dansk Transport og Logistik, C-230/08, EU:C:2010:231, punti 93 u 96).
71 Konsegwentement, sa fejn merkanzija totalment meqruda jew irrimedjabbilment mitlufa waqt li kienet tinsab taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità ma tistax tiġi integrata fis-sistema ekonomika tal-Unjoni u, għalhekk, ma tistax toħroġ minn din il-proċedura, din la ma tista’ titqies li ġiet “importata”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT, u lanqas ma tista’ tkun suġġetta għall-VAT f’dan ir-rigward.
72 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 2(1)(d) kif ukoll l-Artikoli 70 u 71 tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-VAT ma hijiex dovuta għall-parti totalment meqruda jew irrimedjabbilment mitlufa ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità.
Fuq ir-raba’ domanda
73 Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 96(1)(a) flimkien mal-Artikolu 204(1)(a) u (3) tal-Kodiċi Doganali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-prinċipal huwa responsabbli għall-ħlas tad-dejn doganali maħluq fir-rigward ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità, minkejja li t-trasportatur ma jkunx osserva l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 96(2) ta’ dan il-kodiċi, b’mod partikolari dak li jippreżenta din il-merkanzija intatta lill-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni, fit-terminu preskritt.
74 Skont l-Artikolu 96(1)(a) flimkien mal-Artikolu 204(1)(a) u (3) tal-imsemmi kodiċi, il-fatt li ma tiġix ippreżentata għal skopijiet doganali, lill-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni, merkanzija intatta mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità joħloq dejn doganali fuq l-importazzjoni. Skont l-Artikolu 204(3) tal-istess kodiċi, id-debitur tad-dejn doganali huwa l-persuna li għandu jeżegwixxi l-obbligi involuti fl-użu ta’ din il-proċedura.
75 Għaldaqstant, skont l-Artikolu 96(1) tal-Kodiċi Doganali, huwa l-prinċipal li għandu jippreżenta għal skopijiet doganali l-imsemmija merkanzija lill-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni. Skont l-Artikolu 96(2) ta’ dan il-kodiċi, bla ħsara għall-obbligi tal-prinċipal, it-trasportatur tal-imsemmija merkanzija huwa wkoll obbligat li jippreżentaha intatta lill-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni.
76 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 204 tal-imsemmi kodiċi huwa intiż li jiżgura applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni doganali. Fil-fatt, skont l-Artikoli 96(1) u 204(1) tal-istess kodiċi, il-prinċipal, fil-kwalità tiegħu ta’ proprjetarju tal-proċedura ta’ tranżitu estern, huwa d-debitur tad-dejn doganali li jirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet dwar din il-proċedura. Ir-responsabbiltà hekk imputata lill-prinċipal hija intiża li tiżgura applikazzjoni diliġenti u uniformi tad-dispożizzjonijiet dwar din il-proċedura u l-iżvolġiment tajjeb tal-operazzjonijiet ta’ tranżitu, fl-interess tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, DSV Road, C-234/09, EU:C:2010:435, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
77 Bl-istess mod, din ir-responsabbiltà hija indipendenti mill-bona fide tal-prinċipali u mill-fatt li l-ksur tal-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità jirriżulta minn fatt li huwa estranju għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ April 2008, Militzer & Münch, C-230/06, EU:C:2008:186, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
78 Barra minn hekk, l-imsemmija responsabbiltà ma titqegħidx inkwistjoni minħabba l-fatt li hija testendi wkoll, bis-saħħa tal-Artikolu 96(2) tal-Kodiċi Doganali, għal persuni oħra, bħat-trasportatur ta’ merkanzija, sa fejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi dwar il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità ma jipprevedu ebda eżenzjoni f’dan ir-rigward favur il-prinċipal. Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 96(2) tal-imsemmi kodiċi jirriżulta li l-obbligu tat-trasportatur ta’ merkanzija li jippreżentaha intatta lill-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni tibqa’ “[m]inkejja [bla ħsara għal] l-obbligazzjonijiet tal-prinċipal” f’dan ir-rigward.
79 Minn dan jirriżulta li l-prinċipal huwa responsabbli għall-ħlas tad-dejn doganali maħluq fir-rigward ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità, anki jekk it-trasportatur ma jkunx osserva l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 96(2) tal-istess kodiċi.
80 Madankollu, din il-konklużjoni ma timplikax neċessarjament li l-prinċipal huwa l-unika persuna responsabbli għall-ħlas ta’ dan id-dejn doganali.
81 Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punti 74 u 75 ta’ din is-sentenza, jekk it-trasportatur ikun naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jippreżenta intatta merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern lill-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni, huwa għandu jitqies, minħabba dan il-fatt, li huwa d-debitur tad-dejn doganali, li jimplika li, skont l-Artikolu 213 tal-Kodiċi Doganali, huwa responsabbli in solidum, flimkien mal-prinċipal, għall-ħlas ta’ dan id-dejn.
82 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li l-Artikolu 96(1)(a) flimkien mal-Artikolu 204(1)(a) u (3) tal-Kodiċi Doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-prinċipal huwa responsabbli għall-ħlas tad-dejn doganali maħluq fir-rigward ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità, anki jekk it-trasportatur ma jkunx osserva l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 96(2) ta’ dan il-kodiċi, b’mod partikolari dak li jippreżenta din il-merkanzija intatta lill-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni, fit-terminu preskritt.
Fuq il-ħames domanda
83 Permezz tal-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 96(1)(a) u (2), l-Artikolu 204(1)(a) u (3) kif ukoll l-Artikolu 213 tal-Kodiċi Doganali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità doganali ta’ Stat Membru għandha l-obbligu li tiddikjara r-responsabbiltà in solidum tat-trasportatur li, b’mod parallel mal-prinċipal, għandu jitqies bħala responsabbli għall-ħlas tad-dejn doganali.
84 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 213 tal-Kodiċi Doganali jikkonferma l-prinċipju ta’ responsabbiltà in solidum fil-każ ta’ diversi debituri għall-istess dejn doganali, mingħajr la ma hija prevista regola iktar preċiża dwar l-implementazzjoni ta’ din ir-responsabbiltà in solidum f’dispożizzjonijiet oħra ta’ dan il-kodiċi u lanqas fid-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, Berel et, C-78/10, EU:C:2011:93, punti 42 u 43).
85 Issa, min-natura stess tar-responsabbiltà in solidum jirriżulta li kull debitur huwa responsabbli għall-ammont totali tad-dejn u li l-kreditur jibqa’, bħala prinċipju, liberu li jitlob il-ħlas ta’ dan id-dejn lil debitur wieħed jew iktar tal-għażla tiegħu.
86 Hekk kif jirriżulta mill-punti 76 sa 79 u 82 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 96(1)(a) u l-Artikoli 204(1)(a) u 204(3) tal-Kodiċi Doganali, il-prinċipal huwa responsabbli għall-ħlas tad-dejn doganali maħluq fir-rigward ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità, anki jekk it-trasportatur ma jkunx osserva l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 96(2) ta’ dan il-kodiċi.
87 Minn dan jirriżulta li l-Kodiċi Doganali, billi timponi din ir-responsabbiltà oġġettiva tal-prinċipal, tistabbilixxi mekkaniżmu ġuridiku bażiku li jiffaċilita, b’mod partikolari, l-iżvolġiment tajjeb tal-operazzjonijiet ta’ tranżitu, fl-interess tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, DSV Road, C-234/09, EU:C:2010:435, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
88 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum previst fl-Artikolu 213 ta’ dan il-kodiċi jikkostitwixxi strument ġuridiku supplimentari mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, sabiex tiġi msaħħa l-effikaċja tal-azzjonijiet tagħhom fil-qasam tal-irkupru tad-dejn doganali u tal-protezzjoni tar-riżorsi proprji tal-Unjoni (sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, Berel et, C-78/10, EU:C:2011:93, punt 48).
89 Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-awtorità doganali ta’ Stat Membru hija, ċertament, obbligata li tiddikjara r-responsabbiltà tal-prinċipal. Madankollu, min-natura tal-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum imsemmi fil-punt 85 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din l-awtorità għandha l-possibbiltà, iżda mhux l-obbligu, li tiddikjara r-responsabbiltà in solidum tat-trasportatur.
90 Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-fatt li l-awtorità doganali ta’ Stat Membru ma titlobx, fir-rigward ta’ din ir-responsabbiltà in solidum, lit-trasportatur iħallas id-dejn doganali bl-ebda mod ma jippreġudika d-dritt tal-prinċipal li jressaq azzjoni kontra t-trasportatur.
91 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda hija li l-Artikolu 96(1)(a) u (2), l-Artikolu 204(1)(a) u (3) kif ukoll l-Artikolu 213 tal-Kodiċi Doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità doganali ta’ Stat Membru ma għandhiex l-obbligu li tiddikjara r-responsabbiltà in solidum tat-trasportatur li, b’mod parallel mal-prinċipal, għandu jitqies bħala responsabbli għall-ħlas tad-dejn doganali.
Fuq is-sitt u s-seba’ domanda
92 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ħames domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għas-sitt u għas-seba’ domanda.
Fuq l-ispejjeż
93 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 203(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tapplikax fil-każ fejn il-volum totali tal-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità ma jkunx ġie ppreżentat lill-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni previst fil-kuntest ta’ din il-proċedura, minħabba d-distruzzjoni totali jew it-telf irrimedjabbli ta’ parti minn din il-merkanzija pprovat b’mod sodisfaċenti.
2) L-Artikolu 204(1) tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 648/2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-volum totali tal-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità ma jkunx ġie ppreżentat lill-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni previst fil-kuntest ta’ din il-proċedura, minħabba d-distruzzjoni totali jew it-telf irrimedjabbli ta’ parti minn din il-merkanzija pprovat b’mod sodisfaċenti, din is-sitwazzjoni, li tikkostitwixxi n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ wieħed mill-obbligi marbuta ma’ din il-proċedura, jiġifieri dak li tiġi ppreżentata merkanzija intatta lill-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni, toħloq, bħala prinċipju, dejn doganali fuq l-importazzjoni għall-parti tal-merkanzija li ma tkunx ġiet ippreżentata lil dan l-uffiċċju. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk ċirkustanza bħal ħsara fl-apparat ta’ tbattil tissodisfax, f’dan il-każ, il-kriterji li jikkaratterizzaw il-kunċetti ta’ “forza maġġuri” u ta’ “ċirkustanzi imprevedibbli”, fis-sens tal-Artikolu 206(1) tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 648/2005, jiġifieri jekk jirriżultax li din hija anormali u estranja għal operatur attiv fil-qasam tat-trasport ta’ sustanzi likwidi, u jekk il-konsegwenzi tagħha ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha eżerċitata. Fil-kuntest ta’ din il-verifika, dik il-qorti għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-osservanza, minn operaturi bħall-prinċipal u t-trasportatur, tar-regoli u tar-rekwiziti fis-seħħ għal dak li jirrigwarda l-istat tekniku ta’ tankijiet u s-sigurtà tat-trasport ta’ sustanzi likwidi bħal solvent.
3) L-Artikolu 2(1)(d) kif ukoll l-Artikoli 70 u 71 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-VAT ma hijiex dovuta għall-parti totalment meqruda jew irrimedjabbilment mitlufa ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità.
4) L-Artikolu 96(1)(a) flimkien mal-Artikolu 204(1)(a) u (3) tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 648/2005, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-prinċipal huwa responsabbli għall-ħlas tad-dejn doganali maħluq fir-rigward ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità, anki jekk it-trasportatur ma jkunx osserva l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 96(2) ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari dak li jippreżenta din il-merkanzija intatta lill-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni, fit-terminu preskritt.
5) L-Artikolu 96(1)(a) u (2), l-Artikolu 204(1)(a) u (3) kif ukoll l-Artikolu 213 tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 648/2005, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità doganali ta’ Stat Membru ma għandhiex l-obbligu li tiddikjara r-responsabbiltà in solidum tat-trasportatur li, b’mod parallel mal-prinċipal, għandu jitqies bħala responsabbli għall-ħlas tad-dejn doganali.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.