Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

13.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 211/37


Appell ippreżentat fit-12 ta’ April 2016 minn Dirk Andres (likwidatur tal-assi ta’ Heitkamp BauHolding GmbH), li kienet Heitkamp BauHolding GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fl-4 ta’ Frar 2016 fil-Kawża T-287/11 – Heitkamp BauHolding GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-203/16 P)

(2016/C 211/48)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Dirk Andres (likwidatur tal-assi ta’ Heitkamp BauHolding GmbH) (rappreżentanti: W. Niemann, S. Geringhoff, P. Dodos, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

tannulla parzjalment is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Frar 2016 fil-Kawża T-287/11, fil-forma tad-dispożittiv tagħha, sa fejn tiċħad ir-rikors (il-punti 2 u 3 tad-dispożittiv) u, filwaqt li tilqa’ t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/527/EU, tas-26 ta’ Jannar 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat C 7/10 (ex CP 250/09 u NN 5/10) implimentata mill-Ġermanja “Skema għar-riport ta’ telf ta’ taxxa fil-każ tar-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà (Sanierungsklausel)” (1);

sussidjarjament, tannulla parzjalment is-sentenza tal-Qorti Ġenerali msemmija fl-ewwel talba tal-appell, fil-forma tad-dispożittiv tagħha, sa fejn tiċħad ir-rikors (il-punti 2 u 3 tad-dispożittiv), u tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka l-aggravji segwenti:

Fl-ewwel lok, l-appellanti tinvoka difetti proċedurali. Il-Qorti Ġenerali ma mmotivatx jew immotivat b’mod kontradittorju l-konklużjonijiet tagħha dwar id-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza, dwar is-selettività tal-miżuri u dwar il-ġustifikazzjoni tagħhom u, barra minn hekk, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti tal-appellanti, kisret id-dritt tagħha għal smigħ xieraq.

Fit-tieni lok, l-appellanti tinvoka ksur tal-Artikolu 107 TFUE u f’dan ir-rigward tibbaża ruħha fuq tliet aggravji:

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ddeterminat b’mod mhux preċiż il-qafas ta’ referenza sa fejn, billi naqset milli tagħmel distinzjoni bejn l-ewwel u t-tieni fażi tal-eżami tas-selettività, ikkunsidrat b’mod żbaljat li r-regola dwar l-esklużjoni tal-eliminazzjoni tat-telf prevista fl-Artikolu 8c(1) tal-Körperschaftsteuergesetz (Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji, iktar ’il quddiem il-“KStG”) kienet tikkostitwixxi l-prinċipju ewlieni u li ż-żamma tat-telf skont is-“Sanierungsklausel” prevista fl-Artikolu 8c(1a) tal-KStG kienet tikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ dan il-prinċipju. B’hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni li s-Sanierungsklausel tikkostitwixxi parti mir-regola fiskali normali tar-riport ta’ telf, skont l-Artikolu 10d tal-Einkommensteuergesetz (Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul), li hija regola ġenerali u li hija bbażata fuq id-dritt kostituzzjonali Ġermaniż.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li s-“Sanierungsklausel” hija ta’ natura selettiva. Il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li s-“Sanierungsklausel” fil-fatt ma tiddefinixxi ebda kamp ta’ applikazzjoni ratione personae iżda, għall-kuntrarju, tapplika għall-impriżi kollha irrispettivament mit-tip u mill-għan tagħhom. Is-“Sanierungsklausel” tapplika, mingħajr ebda distinzjoni, għall-impriżi kollha li jinsabu f’diffikultajiet ekonomiċi. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li kumpanniji li jkunu f’diffikultà u kumpanniji b’saħħithom ma jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli minn aspett fattwali u minn aspett legali fir-rigward tal-għan ewlieni tar-regola tal-eliminazzjoni tat-telf, li huwa li jiġi eskluż ir-riskju tal-użu abbużiv tat-telf. Fil-każijiet tas-“Sanierungsklausel” huwa eskluż, bis-setgħa ta’ standardizzazzjoni tal-leġiżlatur, l-użu abbużiv tat-telf.

It-tielet nett, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li s-“Sanieuringsklausel” ma kinitx ġustifikata. L-appellanti targumenta li s-“Sanierungsklausel” ma hijiex intiża li tiffavorixxi lill-impriżi f’diffikultà iżda hija intiża li tiżgura li dawn l-impriżi jiġu intaxxati skont il-prinċipju tal-kapaċità tal-ħlas li huwa għan inerenti għad-dritt fiskali Ġermaniż. B’mod partikolari, iż-żamma tat-telf hija intiża li l-hekk imsejħa “profitti immaġinarji”, li jirriżultaw mir-rinunzja għal djun marbut ma’ self, jitqiesu li huma eżenti mit-taxxa permezz ta’ tpaċija mat-telf.


(1)  ĠU L 235, p. 26.