Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
26 ta’ April 2018 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa reġjonali fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar – Libertà ta’ stabbiliment – Protezzjoni tal-ambjent u ppjanar tat-territorju – Għajnuna mill-Istat – Miżura selettiva”
Fil-Kawżi C-236/16 u C-237/16,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-10 u tal-11 ta’ Marzu 2016, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ April 2016, fil-proċeduri
Asociación Nacional de Grandes Empresas de Distribución (ANGED)
vs
Diputación General de Aragón,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C.G. Fernlund, J.-C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev u E. Regan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Lulju 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Asociación Nacional de Grandes Empresas de Distribución (ANGED), minn J. Pérez-Bustamante Köster u F. Löwhagen, abogados, kif ukoll minn J. M. Villasante García, procurador,
– għad-Diputación General de Aragón, minn I. Susín Jiménez Ignacio, letrado, u J. A. Morales Hernández-San, procurador,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Gossement, P. Němečková u G. Luengo, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Novembru 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 54 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 107(1) TFUE.
2 Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn l-Asociación Nacional de Grandes Empresas de Distribución (ANGED) u d-Diputación General de Aragón (il-Gvern Reġjonali ta’ Aragón, Spanja) dwar il-legalità ta’ taxxa li għaliha huma suġġetti l-istabbilimenti kummerċjali kbar li jinsabu fil-Komunità Awtonoma ta’ Aragón.
Id-dritt Spanjol
3 Il-Ley de las Cortes de Aragón 13/2005, de medidas fiscales y administrativas en materia de tributos cedidos y tributos propios de la Comunidad Autónoma de Aragón (il-Liġi tal-Parlament ta’ Aragón Nru 13/2005, dwar Miżuri Fiskali u Amministrattivi fil-Qasam ta’ Drittijiet Ittrasferiti lil u ta’ Drittijiet Proprji tal-Komunità Awtonoma ta’ Aragón), tat-30 ta’ Diċembru 2005 (BOA Nru 154, tal-31 ta’ Diċembru 2005, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 13/2005”), stabbilixxiet, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2006, taxxa fuq id-dannu ambjentali kkawżat mis-superfiċi ta’ bejgħ kbar (iktar ’il quddiem l-“IDMGAV”).
4 L-Artikolu 28 ta-Liġi Nru 13/2005 jispeċifika li din it-taxxa hija intiża li tintaxxa l-attività tal-istabbilimenti kummerċjali għaliex tikkawża diversi vjaġġi b’vetturi u, għalhekk, għandha impatt negattiv fuq l-ambjent u t-territorju tal-Komunità Awtonoma ta’ Aragón.
5 L-Artikolu 29 tal-Liġi Nru 13/2005 jindika li stabbiliment kummerċjali huwa meqjus li għandu superfiċi ta’ bejgħ kbira meta s-superfiċi ta’ bejgħ miftuħa għall-pubbliku tkun ta’ iktar minn 500 m2.
6 L-Artikolu 32 tal-Liġi Nru 13/2005 jispeċifika li huma responsabbli għall-ħlas tal-IDMGAV il-“proprjetarji tal-attività u tal-kummerċ li jikkawżaw il-ħsara ambjentali suġġetta għat-taxxa”.
7 L-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 13/2005 jipprevedi li huma eżentati mill-imsemmija taxxa l-istabbilimenti kummerċjali li l-attività prinċipali tagħhom tikkonsisti fil-bejgħ tal-prodotti segwenti: makkinarju, vetturi, għodda u provvisti industrijali; materjal għall-kostruzzjoni, tagħmir sanitarju, bibien u twieqi, mibjugħa esklużivament lil professjonisti; mixtliet għall-ġonna u għall-kultivazzjoni; għamara mibjugħa fl-istabbilimenti individwali, “tradizzjonali” u speċjalizzati; vetturi bil-mutur, fi swali ta’ espożizzjoni ta’ konċessjonarji u f’garaxxijiet tat-tiswija; karburanti.
8 L-Artikolu 34 ta’ din il-liġi jispeċifika l-modalitajiet tal-kalkolu tal-valur taxxabbli u l-Artikolu 35 tagħha jiffissa l-modalitajiet tal-kalkolu ta’ din it-taxxa, li jipprevedu b’mod partikolari l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ibbażat fuq il-post fejn jinsab l-istabbiliment meta l-valur taxxabbli jaqbeż l-2 000 m2. Minn dan jirriżulta li l-ammont tat-taxxa dovut ikun 0 meta dan il-valur taxxabbli jkun ta’ 2 000m2 jew inqas.
9 Is-sistema legali ta’ din it-taxxa kienet speċifikata sussegwentement permezz ta’ dispożizzjonijiet simili tad-Decreto 1/2007 del Gobierno de Aragón, por el que se aprueba el Reglamento de desarrollo parcial de la Ley 13/2005 (id-Digriet Nru 1/2007 tal-Gvern Reġjonali ta’ Aragón li Japprova r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Parzjali tal-Liġi Nru 13/2005) (BOA Nru 8, tal-20 ta’ Jannar 2007, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 1/2007”).
It-tilwimiet fil-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
10 Matul is-sena 2007, l-ANGED, assoċjazzjoni li tiġbor fi ħdanha, fuq livell nazzjonali, l-impriżi ta’ distribuzzjoni kbar, ippreżentat quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Aragón (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Aragón, Spanja) rikors intiż għall-annullament tad-Digriet Nru 1/2007. Qabel dan ir-rikors kienet ippreżentat rikors, fl-2006, quddiem dik il-qorti kontra l-orden del Departamento de Economía, Hacienda y Empleo de la Diputación General de Aragón (l-Ordni tad-Dipartiment tal-Finanzi, tal-Ekonomija u tal-Impjieg tal-Gvern Reġjonali ta’ Aragón), tat-12 ta’ Mejju 2006 (BOA Nru 57, tat-22 ta’ Mejju 2006) li jiddetermina d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tat-taxxi ambjentali maħluqa permezz tal-Liġi Nru 13/2005 u li japprova l-formoli ta’ dikjarazzjoni, il-ħlasijiet bin-nifs u l-kalkolu tat-taxxa mill-persuna taxxabbli stess.
11 Dik il-qorti ssospendiet id-deċiżjonijiet tagħha fiż-żewġ kawżi fl-istennija tal-eżitu ta’ rikorsi ppreżentati quddiem it-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja) minn grupp ta’ deputati u mill-Gvern Spanjol fir-rigward tal-Liġi li tistabbilixxi l-IMDGAV. Wara s-sentenza ta’ ċaħda ta’ dawn ir-rikorsi mogħtija mit-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali), it-Tribunal Superior de Justicia de Aragón (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Aragón) ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-ANGED kontra d-Digriet Nru 1/2007 u laqgħet parzjalment dak ippreżentat kontra l-Ordni tat-12 ta’ Mejju 2006. L-ANGED għalhekk ippreżentat appell minn dawn iż-żewġ sentenzi quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja).
12 L-ANGED ressqet ukoll ilment quddiem il-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni tal-IDMGAV u dwar l-allegata natura ta’ għajnuna mill-Istat tagħha.
13 Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Novembru 2014, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Spanjoli, li, wara evalwazzjoni preliminari tal-iskema tal-IDMGAV, l-eżenzjoni mogħtija lill-istabbilimenti kummerċjali żgħar kif ukoll lil ċerti stabbilimenti speċjalizzati setgħet titqies li hija għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern, u li kien meħtieġ li r-Renju ta’ Spanja jabolixxi jew jemenda din it-taxxa.
14 Kien f’dan il-kuntest li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti, li huma identiċi fil-Kawżi C-236/16 u C-237/16:
“1) L-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-eżistenza ta’ taxxa reġjonali li tiddikjara li tintaxxa l-ħsara ambjentali kkawżat mill-użu tal-installazzjonijiet u tal-elementi ddedikati għall-attività u għall-kummerċ implementati fl-istabbilimenti kummerċjali li jkollhom superfiċji kbira ta’ bejgħ u ta’ parkeġġ għall-klijenti tagħhom, dejjem sa fejn is-superfiċji ta’ bejgħ lill-pubbliku tkun ta’ iktar minn 500 m2, iżda li tirriżulta li hija eżiġibbli irrispettivament mill-post reali fejn jinsabu dawn l-istabbilimenti kummerċjali barra jew ġewwa n-nisġa urbana kkonsolidata u li fil-parti l-kbira tad-drabi taffettwa lill-impriżi ta’ Stati Membri oħra, fid-dawl tal-fatt li:
a) ma tintaxxax effettivament lin-negozjanti proprjetarji ta’ numru ta’ stabbilimenti kummerċjali, ikun liema jkun it-total tas-superfiċji ta’ bejgħ għall-pubbliku, jekk ebda wieħed minnhom ma jkollu superfiċji ta’ bejgħ lill-pubbliku ta’ iktar minn 500 m2 u anki jekk uħud minn fosthom jaqbżu dan il-limitu iżda li l-bażi taxxabbli tagħhom ma taqbiżx l-2 000 m2, filwaqt li tintaxxa effettivament lin-negozjanti bi stabbiliment kummerċjali wieħed biss li s-superfiċji ta’ bejgħ tiegħu taqbeż dawn il-limiti, u
b) li barra minn hekk ma humiex taxxabbli l-istabbilimenti kummerċjali ddedikat għall-bejgħ esklussiv ta’ makkinarji, vetturi, għodda u provvisti ta’ natura industrijali; materjal għall-kostruzzjoni, ta’ iġjene, bibien u twieqi, għall-bejgħ esklussiv lill-professjonisti; ta’ għamara fi stabbilimenti individwali, tradizzjonali u speċjalizzati; vetturi awtomobilistiċi fi swali ta’ espożizzjoni ta’ konċessjonarji u f’garaxxijiet ta’ tiswija; mixtliet għall-ġonna u għall-koltivazzjoni u ta’ [...] karburanti [...], tkun liema tkun is-superfiċji ta’ bejgħ lill-pubbliku kkonċernat?
2) L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ipprojbita, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, l-assenza ta’ ssuġġettar għall-IDMGAV tal-istabbilimenti kummerċjali b’superfiċji ta’ bejgħ għall-pubbliku ta’ mhux iktar minn 500 m2 jew ta’ iktar għal dawk li l-bażi taxxabbli tagħhom ma taqbiżx l-2 000 m2, u tal-istabbilimenti kummerċjali li jipprovdu l-bejgħ esklussiv ta’ makkinarji, vetturi, għodda u provvisti ta’ natura industrijali; materjal għall-kostruzzjoni, ta’ iġjene, bibien u twieqi, għall-bejgħ esklussiv lill-professjonisti; ta’ għamara fi stabbilimenti individwali, tradizzjonali u speċjalizzati; vetturi awtomobilistiċi fi swali ta’ espożizzjoni ta’ konċessjonarji u f’garaxxijiet ta’ tiswija; mixtliet għall-ġonna u għall-koltivazzjoni u ta’ kombustibbli u karburanti għal lokomozzjoni?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
15 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu taxxa fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
16 Skont ġurisprudenza stabbilita, il-libertà ta’ stabbiliment hija intiża li tiggarnatixxi l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra u lill-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 54 TFUE, u li tipprojbixxi, fir-rigward tal-kumpanniji, kull diskriminazzjoni bbażata fuq il-post tal-uffiċċju rreġistrat tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C-374/04, EU:C:2006:773, punt 43, kif ukoll tal-14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France, C-170/05, EU:C:2006:783, punt 22).
17 F’dan ir-rigward, ma humiex ipprojbiti biss id-diskriminazzjonijiet manifesti bbażati fuq il-post tal-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanniji, iżda hija pprojbita wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, twassal, de facto, għall-istess riżultat (sentenza tal-5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport-és Divatkereskedelmi, C-385/12, EU:C:2014:47, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
18 Barra minn hekk, taxxa obbligatorja li tipprevedi kriterju ta’ differenzazzjoni apparentement oġġettiv iżda li jisfavorixxi fil-parti l-kbira tal-każijiet, fid-dawl tal-karatteristiċi tiegħu, lill-kumpanniji li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stati Membri oħra u li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dawk li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fl-Istat Membru tat-taxxa, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq il-post tal-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanniji pprojbita mill-Artikoli 49 u 54 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport-és Divatkereskedelmi, C-385/12, EU:C:2014:47, punti 37 sa 41).
19 Fil-kawżi prinċipali, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tistabbilixxi kriterju marbut mas-superfiċi ta’ bejgħ tal-istabbiliment, li ma jistabbilixxi ebda diskriminazzjoni diretta.
20 L-elementi ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma jindikaw li dan il-kriterju jisfavorixxi fil-parti l-kbira tal-każijiet liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra jew lill-kumpanniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stati Membri oħra.
21 Fil-fatt, tali konstatazzjoni ma tirriżultax mid-data mogħtija mill-ANGED fil-kuntest tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li barra minn hekk tikkonċerna essenzjalment it-taxxa fuq l-istabbilimenti kbar introdotta mill-Komunità Awtonoma tal-Cataluña.
22 Il-qorti tar-rinviju tispeċifika wkoll li hija ma għandhiex informazzjoni “valida” sabiex turi l-eżistenza ta’ eventwali diskriminazzjoni moħbija.
23 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux taxxa fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.
Fuq it-tieni domanda
24 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali fuq l-istabbilimenti kbar ta’ distribuzzjoni li tiddependi, essenzjalment, mis-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom, sa fejn huma eżentati minn din it-taxxa l-istabbilimenti li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom ma jaqbiżx il-500 m2, dawk li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom jaqbeż dan il-limitu iżda li l-valur taxxabbli tagħhom ma jaqbiżx l-2 000 m2 u dawk li l-attività tagħhom hija ddedikata għall-bejgħ ta’ makkinarju, ta’ vetturi, ta’ għodda u ta’ provvisti industrijali, ta’ materjal għall-kostruzzjoni, ta’ prodotti sanitarji u ta’ bibien u twieqi għall-professjonisti, ta’ għamara fi stabbilimenti individwali tradizzjonali u speċjalizzati u ta’ vetturi bil-mutur kif ukoll il-ħwienet tal-ġonna u l-pompi tal-petrol.
25 Il-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet segwenti kollha. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan l-intervent għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, dan l-intervent għandu jwassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C-20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53).
26 Fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mas-selettività tal-vantaġġ, li hija l-iktar kundizzjoni li ssemmiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni teħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, il-miżura nazzjonali inkwistjoni hijiex ta’ natura li tiffavorixxi lil “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu, fid-dawl tal-għan segwit minn din is-sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u li għalhekk iġarrbu trattament iddifferenzjat li essenzjalment ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “diskriminatorju” (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C-20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
27 Fir-rigward b’mod partikolari ta’ miżuri nazzjonali li jagħtu vantaġġ fiskali, għandu jitfakkar li miżura ta’ din in-natura li, minkejja li ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni iktar favorevoli mill-persuni taxxabbli l-oħra tista’ tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji u tikkostitwixxi, għaldaqstant, għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għall-kuntrarju, vantaġġ fiskali li jirriżulta minn miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha ma tikkostitwixxix tali għajnuna fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C-20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981, punt 56).
28 F’dan ir-rigward, il-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali bħala “selettiva” teħtieġ, l-ewwel nett, li tiġi identifikata s-sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat u, it-tieni nett, li jintwera li l-miżura fiskali eżaminata tidderoga minn din is-sistema komuni jew normali, sa fejn tintroduċi differenzazzjonijiet bejn operaturi li, fid-dawl tal-għan segwit minn din is-sistema komuni, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C-20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
29 Għandu jitfakkar ukoll li l-qafas legali ta’ referenza għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-selettività ta’ miżura ma għandux jiġi ddeterminat neċessarjament fil-limiti tat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, iżda jista’ jkun dak tat-territorju li fih awtorità reġjonali jew lokali teżerċita l-kompetenza mogħtija lilha mill-kostituzzjoni jew mil-liġi. Dan ikun il-każ meta din l-entità jkollha status legali u fattwali li jagħmilha suffiċjentement awtonoma fil-konfront tal-gvern ċentrali ta’ Stat Membru sabiex, permezz tal-miżuri adottati minnha, tkun din l-entità, u mhux il-gvern ċentrali, li jkollha rwol fundamentali fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku li fih joperaw l-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Union General de Trabajadores de La Rioja (UGT-Rioja) et, C-428/06 sa C-434/06,EU:C:2008:488, punti 47 sa 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
30 Madankollu, miżura li tintroduċi differenzazzjoni bejn impriżi li, fid-dawl tal-għan segwit mis-sistema legali inkwistjoni, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u, għaldaqstant, a priori selettiva, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, meta l-Istat Membru kkonċernat jirnexxielu juri li din id-differenzazzjoni hija ġġustifikata għaliex tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li tagħmel parti minnha (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C-20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
31 Miżura li tintroduċi eċċezzjoni għall-applikazzjoni tas-sistema fiskali ġenerali tista’ tkun iġġustifikata min-natura u mill-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ juri li din il-miżura tirriżulta direttament mill-prinċipji bażi jew ta’ gwida tas-sistema fiskali tiegħu. F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn l-għanijiet attribwiti lil sistema fiskali partikolari u li huma esterni għal din is-sistema u, min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmi inerenti għas-sistema fiskali stess li huma meħtieġa sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C-88/03, EU:C:2006:511, punt 81).
32 Għandu jitfakkar ukoll li, għalkemm, sabiex tiġi stabbilita s-selettività ta’ miżura fiskali ma huwiex meħtieġ f’kull każ li din ikollha natura derogatorja fil-konfront ta’ sistema fiskali meqjusa li hija sistema komuni, il-fatt li miżura jkollha tali natura huwa fil-fatt rilevanti għal dan il-għan peress li minn dan jirriżulta li qiegħda ssir distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ operaturi, li jkunu a priori s-suġġett ta’ trattament iddifferenzjat, jiġifieri dawk li jaqgħu taħt il-miżura derogatorja u dawk li jibqgħu jaqgħu taħt is-sistema fiskali komuni, f’sitwazzjoni fejn dawn iż-żewġ kategoriji jkunu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli fid-dawl tal-għan segwit mill-imsemmija sistema (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C-20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981, punt 77).
33 Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġiex ikkontestat li l-kuntest ta’ referenza territorjali għandu jkun dak tal-Komunità Awtonoma ta’ Aragón.
34 Għalkemm il-kriterju marbut mas-superfiċi ta’ bejgħ ma jidhirx li huwa formalment derogatorju għal qafas legali ta’ referenza partikolari, xorta waħda għandu l-effett li jeskludi lill-istabbilimenti kummerċjali li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom huwa inqas mil-limitu ffissat mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din it-taxxa. B’hekk, l-IDMGAV ma tistax tiġi distinta minn taxxa reġjonali li għaliha huma suġġetti l-istabbilimenti kummerċjali li s-superfiċi bejgħ tagħhom taqbeż ċertu livell.
35 Issa, l-Artikolu 107(1) TFUE jiddefinixxi l-interventi mill-Istati fuq il-bażi tal-effetti tagħhom, irrispettivament mit-tekniki użati (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates Association, C-487/06 P, EU:C:2008:757, punt 89).
36 Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż a priori li tali kriterju jippermetti li jiġu ffavoriti, fil-prattika, “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.
37 F’dan il-kuntest, għandu għaldaqstant jiġi ddeterminat jekk l-istabbilimenti kummerċjali li b’hekk huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din it-taxxa jinsabux jew le f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-istabbilimenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.
38 Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, għandu jitqies li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, id-determinazzjoni tal-valuri taxxabbli u tat-tqassim tal-oneru fiskali fuq id-diversi fatturi ta’ produzzjoni u d-diversi setturi ekonomiċi taqa’ fil-kompetenza fiskali tal-Istati Membri jew tal-entitajiet infra-Statali li għandhom awtonomija fiskali (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C-106/09 P u C-107/09 P, EU:C:2011:732, punt 97).
39 Fil-fatt, kif tfakkar il-Kummissjoni fil-punt 156 tal-Avviż tagħha dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 262, p. 1), “[l]-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar il-politika ekonomika li huma jqisu bħala l-aktar xierqa u, b’mod partikolari, biex iqassmu l-piż tat-taxxa kif jidhrilhom xieraq fid-diversi fatturi ta’ produzzjoni. Madankollu, l-Istati Membri jridu jeżerċitaw din il-kompetenza skont il-liġi tal-Unjoni”.
40 Fir-rigward tat-taxxa inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-għan tagħha huwa li tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent u għall-ippjanar tat-territorju. Fil-fatt, dan l-għan jikkonċerna l-korrezzjoni u l-kumpens tal-konsegwenzi ambjentali u territorjali fuq it-territorju inkwistjoni tal-attività ta’ dawn l-istabbilimenti kummerċjali kbar, li jirriżultaw b’mod partikolari mill-flussi ta’ traffiku kkawżati, billi dawn l-istabbilimenti kummerċjali kbar ikunu meħtieġa jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ pjanijiet ta’ azzjoni ambjentali u għat-titjib tal-infrastrutturi.
41 F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi kkontestat li l-impatt ambjentali tal-istabbilimenti kummerċjali jiddependi, fil-parti l-kbira tiegħu, mid-daqs tagħhom. Fil-fatt, iktar ma s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom tkun kbira, iktar ikun kbir in-numru ta’ viżitaturi, li jwassal għal ħsara ikbar għall-ambjent. Minn dan jirriżulta li kriterju bbażat fuq il-limitu marbut mas-superfiċi, bħal dak adottat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, sabiex issir distinzjoni bejn l-impriżi skont jekk l-impatt ambjentali tagħhom huwiex ikbar jew iżgħar, huwa koerenti mal-għanijiet segwiti.
42 Huwa evidenti wkoll li l-lokalizzazzjoni ta’ tali stabbilimenti hija ta’ interess partikolari f’termini ta’ politika ta’ ppjanar tat-territorju, irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-400/08, EU:C:2011:172, punt 80).
43 Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell ta’ dan il-limitu u tal-modalitajiet tal-kalkolu tal-valur taxxabbli, din taqa’ fil-marġni ta’ diskrezzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali u hija bbażata, barra minn hekk, fuq evalwazzjonijiet tekniċi u kumplessi li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tapplika biss stħarriġ ġudizzjarju limitat.
44 Għandu jingħad ukoll li l-fatt li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma tipprevedix li, għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa, għandhom jingħaddu flimkien is-superfiċi tal-istabbilimenti kummerċjali li jkunu miżmuma mill-istess proprjetarju ma jidhirx li huwa inkoerenti mal-għanijiet segwiti mil-leġiżlatur nazzjonali.
45 F’dawn iċ-ċirkustanzi, kriterju dwar l-impożizzjoni tat-taxxa bbażat fuq is-superfiċi ta’ bejgħ tal-impriża, bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, iwassal sabiex issir distinzjoni bejn kategoriji ta’ stabbilimenti li ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet.
46 Għaldaqstant, l-eżenzjoni fiskali li jibbenefikaw minnha l-istabbilimenti kummerċjali li jinsabu fit-territorju tal-Komunità Awtonoma ta’ Aragón u li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom hija ta’ inqas minn 500 m2 u dawk li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom taqbeż dan il-limitu iżda li l-valur taxxabbli tagħhom ma jaqbiżx l-2 000 m2 ma tistax titqies li tagħti vantaġġ selettiv lil dawn l-istabbilimenti u, għaldaqstant, ma tistax tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.
47 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-karatteristiċi l-oħra tat-taxxa inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Hija tistaqsi jekk l-eżenzjoni totali mogħtija lill-istabbilimenti li jeżerċitaw l-attività tagħhom fis-settur tal-bejgħ ta’ makkinarju, ta’ vetturi, ta’ għodda u ta’ provvisti industrijali, ta’ materjal għall-kostruzzjoni, ta’ prodotti sanitarji u ta’ bibien u twieqi għall-professjonisti, ta’ għamara fi stabbilimenti individwali tradizzjonali u speċjalizzati u ta’ vetturi bil-mutur kif ukoll għall-ħwienet tal-ġonna u għall-pompi tal-petrol tikkostitwixxix vantaġġ favur dawn l-istabbilimenti.
48 Għandu jiġi osservat li din il-miżura hija ta’ natura derogatorja fil-konfront tal-qafas ta’ referenza stabbilit minn din it-taxxa speċifika.
49 Il-Komunità Awtonoma ta’ Aragón issostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-attivitajiet tal-istabbilimenti kummerċjali kkonċernati, għalkemm jeħtieġu superfiċi ta’ bejgħ kbar, jikkawżaw inqas ħsara għall-ambjent u għall-ippjanar tat-territorju milll-attivitajiet tal-istabbilimenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa inkwistjoni.
50 Tali element jista’ jkun ta’ natura li jiġġustifika d-distinzjoni magħmula mil-leġiżlazzjoni kkontestata fil-kawżi prinċipali li, għalhekk, ma tkunx timplika l-għoti ta’ vantaġġ selettiv favur l-istabbilimenti kummerċjali kkonċernati. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk dan huwiex effettivament il-każ fil-kawżi pendenti quddiemha.
51 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fuq l-istabbilimenti ta’ distribuzzjoni kbar li tiddependi, essenzjalment, mis-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn huma eżentati minn din it-taxxa l-istabbilimenti li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom ma taqbiżx il-500 m2 u dawk li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom taqbeż dan il-limitu iżda li l-valur taxxabbli tagħhom ma jaqbiżx l-2 000 m2. Tali taxxa lanqas ma tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn huma eżentati minn din it-taxxa l-istabbilimenti li jeżerċitaw l-attività tagħhom fis-settur tal-bejgħ ta’ makkinarju, ta’ vetturi, ta’ għodda u ta’ provvisti industrijali, ta’ materjal għall-kostruzzjoni, ta’ prodotti sanitarji u ta’ bibien u twieqi għall-professjonisti, ta’ għamara fi stabbilimenti individwali tradizzjonali u speċjalizzati u ta’ vetturi bil-mutur, kif ukoll il-ħwienet tal-ġonna u l-pompi tal-petrol, sa fejn dawn l-istabbilimenti ma jikkawżawx ħsara għall-ambjent u għall-ippjanar tat-territorju daqstant kbira daqs l-istabbilimenti l-oħra, sitwazzjoni din li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.
Fuq l-ispejjeż
52 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux taxxa fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.
2) Taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fuq l-istabbilimenti ta’ distribuzzjoni kbar li tiddependi, essenzjalment, mis-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn huma eżentati minn din it-taxxa l-istabbilimenti li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom ma taqbiżx il-500 m2 u dawk li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom taqbeż dan il-limitu iżda li l-valur taxxabbli tagħhom ma jaqbiżx l-2 000 m2. Tali taxxa lanqas ma tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn huma eżentati minn din it-taxxa l-istabbilimenti li jeżerċitaw l-attività tagħhom fis-settur tal-bejgħ ta’ makkinarju, ta’ vetturi, ta’ għodda u ta’ provvisti industrijali, ta’ materjal għall-kostruzzjoni, ta’ prodotti sanitarji u ta’ bibien u twieqi għall-professjonisti, ta’ għamara fi stabbilimenti individwali tradizzjonali u speċjalizzati u ta’ vetturi bil-mutur, kif ukoll il-ħwienet tal-ġonna u l-pompi tal-petrol, sa fejn dawn l-istabbilimenti ma jikkawżawx ħsara għall-ambjent u għall-ippjanar tat-territorju daqstant kbira daqs l-istabbilimenti l-oħra, sitwazzjoni din li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.