Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
17 ta’ Mejju 2017 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji omm u għall-kumpanniji sussidjarji ta’ Stati Membri differenti – Direttiva 2011/96/UE – Ħelsien mit-taxxa doppja – Kontribuzzjoni addizzjonali ta’ 3 % għat-taxxa fuq il-kumpanniji”
Fil-Kawża C-365/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Lulju 2016, fil-proċedura
Association française des entreprises privées (AFEP),
Axa SA,
Compagnie générale des établissements MichelinSCA,
Danone SA,
ENGIE SA, li kienet GDF Suez,
Eutelsat Communications SA,
LVMH Moët Hennessy-Louis Vuitton SE,
Orange SA,
Sanofi SA,
Suez Environnement Company SA,
Technip SA,
Total SA,
Vivendi SA,
Eurazeo SA,
Safran SA,
Scor SE,
Unibail-Rodamco SE,
Zodiac Aerospace SA,
vs
Ministre des Finances et des Comptes publics,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, E. Regan, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Tanchev,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Association française des entreprises privées (AFEP), Axa SA, Compagnie générale des établissements Michelin SCA, Danone SA, ENGIE SA, li kienet GDF Suez, Eutelsat Communications SA, LVMH Moët Hennessy-Louis Vuitton SE, Orange SA, Sanofi SA, Suez Environnement Company SA, Technip SA, Total SA, Vivendi SA, Eurazeo SA, Safran SA, Scor SE, Unibail-Rodamco SE u Zodiac Aerospace SA, minn G. Blanluet, N. de Boynes u S. Austry, avukati,
– għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u S. Ghiandoni, bħala aġenti,
– għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet u M. Jacobs, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Gossement u W. Roels, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE, tat-30 ta’ Novembru 2011, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal- kumpanniji prinċipali [omm] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU 2011, L 345, p. 8), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2014/86/UE, tat-8 ta’ Lulju 2014 (ĠU 2014, L 219, p. 40) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva omm-sussidjarji”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, l-Association française des entreprises privées (AFEP) u 17-il kumpannija (iktar ’il quddiem l-“AFEP et”), u min-naħa l-oħra, il-Ministre des Finances et des Comptes publics (ministru tal-finanzi u tal-kontijiet pubbliċi, Franza) dwar rikors intiż għall-annullament ta’ duttrina amministrattiva relattiva għall-kontribuzzjoni addizzjonali għat-taxxa fuq il-kumpanniji li kumpannija omm residenti hija suġġetta għaliha fil-mument tad-distribuzzjoni tal-profitti, inklużi dawk magħmula mis-sussidjarji tagħha mhux residenti.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Skont il-premessa 3 tad-Direttiva omm-sussidjarji, l-għan ta’ din id-direttiva huwa li teżenta mit-taxxa f’ras il-għajn id-dividendi u t-tqassim ta’ profitti oħra mħallsa minn sussidjarji lill-kumpannija omm tagħhom, u li telimina t-taxxa doppja fuq dan id-dħul fil-livell tal-kumpannija omm.
4 Il-premessi 7 u 9 ta’ din id-direttiva jipprovdu:
“(7) Meta, bis-saħħa tal-assoċjazzjoni tagħha mal-kumpannija sussidjarja tagħha, il-kumpannija prinċipali [omm] tirċievi profitti mqassma, l-Istat Membru tal-kumpannija prinċipali jrid jew jibqa’ lura milli jintaxxa dan il-qligħ, jew jintaxxa dan il-qligħ filwaqt li jawtorizza lill-kumpannija prinċipali li tnaqqas mill-ammont tat-taxxa mistħoqqa dak il-frazzjon tat-taxxa fuq il-korporazzjoni mħallas mill-kumpannija sussidjarja li jkollha x’taqsam ma’ dan il-qligħ.
[…]
(9) Il-ħlas tad-distribuzzjonijiet tal-qligħ lil stabbiliment permanenti ta’ kumpannija prinċipali u l-irċevuta tagħhom minnha għandhom joħolqu l-istess trattament bħal dak li japplika bejn sussidjarja u l-kumpannija prinċipali tagħha. Dan għandu jinkludi s-sitwazzjoni meta kumpannija prinċipali u s-sussidjarja tagħha jkunu fl-istess Stat Membru u l-istabbiliment pemanenti jkun fi Stat Membru ieħor. Mill-banda l-oħra, jidher li s-sitwazzjonijiet meta l-istabbilment permanenti u s-sussidjarja jkunu fl-istess Stat Membru jistgħu jiġu ttrattati, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-prinċipji tat-Trattat, fuq il-bażi tal-leġislazzjoni nazzjonali mill-Istat Membru kkonċernat.”
5 L-Artikolu 4(1) u (3) ta’ din id-direttiva jipprevedi:
“1. Meta kumpannija prinċipali [omm] jew l-istabbiliment permanenti tagħha jirċievu qligħ imqassam bis-saħħa tal-assoċjazzjoni tal-kumpannija prinċipali mas-sussidjarja tagħha, l-Istat Membru tal-kumpannija prinċipali u l-Istat Membru tal-istabbiliment permanenti tagħha għandhom, għajr meta s-sussidjarja tiġi llikwidata, jew:
(a) ma jintaxxawx tali profitti sal-punt li tali profitti ma jkunux deduċibbli mis-sussidjarja, u jintaxxaw tali profitti sal-punt li tali profitti jkunu deduċibbli mis-sussidjarja; jew
(b) jintaxxaw dan il-qligħ filwaqt li jawtorizzaw lill-kumpannija prinċipali u lill-istabbiliment permanenti li jnaqqsu mill-ammont mistħoqq tat-taxxa dak il-frazzjon tat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet li jkollu x’jaqsam ma’ dan il-qligħ u mħallas mis-sussidjarja u minn kull sussidjara fi skala iktar baxxa, suġġett għall-kondizzjoni illi f’kull skala kumpannija u s-sussidjara tal-iskala iktar baxxa tagħha jaqgħu taħt id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 u jissodisfaw il-ħtiġiet previsti fl-Artikolu 3, sal-limitu tal-ammont tat-taxxa mistħoqqa korrispondenti.
[...]
3. Kull Stat Membru għandu jżomm l-għażla li jipprovdi li kull spiża li jkollha x’taqsam mal-investiment u kull telf li jirriżulta mit-tqassim tal-qligħ tal-kumpannija sussidjarja ma jistgħux jitnaqqsu mill-qligħ taxxabbli tal-kumpannija prinċipali.
Meta l-ispejjeż tal-ġestjoni li jkollhom x’jaqsmu mal-investiment f’dan il-każ jiġu stabbiliti bħala rata fissa, l-ammont stabbilit ma jistax jaqbeż il 5 % tal-qligħ mqassam mill-kumpannija sussidjarja.”
6 L-Artikolu 5 tad-Direttiva omm-sussidjarji jipprovdi:
“Il-qligħ li sussidjarja tqassam lill-kumpannija prinċipali [omm] tagħha għandhom ikunu eżentati mit-taxxa fuq l-interessi.”
Id-dritt Franċiż
7 Mill-atti tal-proċess ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda t-trattament fiskali tal-profitti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva omm-sussidjarji, ir-Repubblika Franċiża għażlet sistema ta’ eżenzjoni tagħhom, bla ħsara għat-tassazzjoni ta’ proporzjon tal-ispejjeż u tal-onorarji, iffissata b’rata fissa għal 5 %, li tirrappreżenta l-ispejjeż u l-onorarji sostnuti mill-kumpannija omm, relatati mas-sehem tagħha fis-sussidjarja li qassmet dawn il-profitti. Għaldaqstant, dawn il-profitti huma għalhekk eżentati sa 95 %.
8 L-Artikolu 235 ter ZCA tal-Code général des impôts (kodiċi ġenerali tat-taxxa, iktar ’il quddiem il-“KĠT”) jipprovdi:
“I. Il-kumpanniji jew l-organi Franċiżi jew barranin suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji fi Franza, bl-esklużjoni tal-impriżi ta’ investiment kollettiv imsemmija fit-II tal-Artikolu L. 214-1 tal-Code monétaire et financier (kodiċi monetarju u finanzjarju) kif ukoll ta’ dawk li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u medji mogħtija fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014, tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat għandhom ikunu suġġetti għal kontribuzzjoni addizzjonali għal din it-taxxa fir-rigward tal-ammonti li huma jqassmu fis-sens tal-Artikoli 109 sa 117 ta’ dan il-kodiċi.
Il-kontribuzzjoni għandha tkun ekwivalenti għal 3 % tal-ammonti mqassma [...]
[...]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 L-AFEP et ippreżentaw quddiem il-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza) rikors intiż għall-annullament tad-duttrina amministrattiva, b’mod partikolari tal-paragrafu 70 tal-Istruzzjoni BOI-IS-AUT-30-20160302 (Bulletin officiel des finances publiques-impôts, de 2 de marzo de 2016 [bulettin uffiċjali tal-finanzi pubbliċi-taxxi, tat-2 ta’ Marzu 2016]), dwar il-kontribuzzjoni addizzjonali għat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward tal-ammonti mqassma (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjoni addizzjonali”) prevista fl-Artikolu 235 ter ZCA tal-KĠT.
10 Insostenn ta’ dan ir-rikors, l-AFEP et qajmu kwistjoni prijoritarja ta’ kostituzzjonalità abbażi tal-Artikolu 61-1 tal-Kostituzzjoni. Huma jsostnu wkoll li l-kontribuzzjoni addizzjonali hija, b’mod prinċipali, kuntrarja għall-Artikolu 4(1) tad-Direttiva omm-sussidjarji u, b’mod sussidjarju, kuntrarja għall-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva.
11 Il-Ministre des Finances et des Comptes publics (ministru tal-finanzi u tal-kontijiet pubbliċi) isostni li l-motivi mqajma mill-AFEP et ma humiex fondati.
12 Il-qorti tar-rinviju tqis li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni hija deċiżiva għad-deċiżjoni tagħha dwar ir-rinviju tal-kwistjoni prijoritarja ta’ kostituzzjonalità lill-Conseil constitutionnel (kunsill kostituzzjonali, Franza). Min-naħa, hija tippreċiża li huma suġġetti għall-kontribuzzjoni addizzjonali għat-taxxa fuq il-kumpanniji, il-kumpanniji jew il-korpi li rċevew dħul mill-ishma fis-sussidjarji tagħhom meta huma jqassmu mill-ġdid dan id-dħul. Barra minn hekk, il-modalitajiet ta’ rkupru u ta’ talba applikabbli għal din il-kontribuzzjoni addizzjonali u dawk previsti għat-taxxa fuq il-kumpanniji huma identiċi.
13 Min-naħa l-oħra, il-fatt li jiġġenera din il-kontribuzzjoni addizzjonali huwa differenti minn dak tat-taxxa fuq il-kumpanniji, peress li l-kontribuzzjoni ma tapplikax meta jiġu riċevuti d-dividendi, iżda fil-mument tat-tqassim mill-ġdid tagħhom mill-kumpannija li rċevithom.
14 Hija teċċepixxi wkoll li l-bażi ta’ din l-istess kontribuzzjoni addizzjonali, li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-profitti mqassma li jirriżultaw minn profitti miżmuma, hija differenti minn dik tat-taxxa fuq il-kumpanniji. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni dwar jekk il-kontribuzzjoni addizzjonali tikkostitwixxix taxxa fuq il-profitti kuntrarja għall-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva omm-sussidjarji, tippreżenta, skont din il-qorti, diffikultà serja.
15 Min-naħa l-oħra, din il-qorti tar-rinviju tindika li, fid-dawl tal-fatt li l-fatt li jiġġenera din il-kontribuzzjoni addizzjonali huwa l-ħlas ta’ dividendi, tal-fatt li l-bażi tagħha hija kkostitwita mill-ammont tad-dividendi mħallsa, tal-fatt li l-persuna taxxabbli hija l-kumpannija li tqassam id-dividendi u tal-fatt li ma hemm ebda kreditu ta’ taxxa favur l-azzjonist, din il-kontribuzzjoni addizzjonali ma tidhirx li għandha, fir-rigward tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-26 ta’ Ġunju 2008, Burda (C-284/06, EU:C:2008:365), il-karatteristiċi ta’ taxxa f’ras il-għajn. Madankollu, fid-dawl tas-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, Athinaïki Zythopoiïa (C-294/99, EU:C:2001:505), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ li l-kontribuzzjoni addizzjonali ma tikkostitwixxix taxxa ipprojbita mill-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-direttiva, din tistax titqies bħala “taxxa fuq l-interessi [f’ras il-għajn]”, li minnha l-profitti mqassma għandhom jiġu eżentati taħt l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva.
16 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Conseil d’État (kunsill tal-istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) L-Artikolu 4 tad-Direttiva [omm-sussidjarji], u b’mod partikolari l-paragrafu (1)(a) tiegħu, jipprekludi taxxa bħal dik prevista fl-Artikolu 235b[ter] ZCA tal-[KĠT], li tinġabar fl-okkażjoni tat-tqassim tal-profitti minn kumpannija suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji fi Franza u li l-bażi tagħha hija kkostitwita mill-ammonti mqassma?
2) Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, taxxa bħal dik prevista fl-Artikolu 235b ZCA tal-[KĠT], għandha tiġi kkunsidrata bħala ‘[taxxa fuq l-interessi [f’ras il-għajn]]’ li huma eżenti minnha l-profitti imqassma minn sussidjarja abbażi tal-Artikolu 5 tad-Direttiva?”
Fuq it-talba għall-ftuħ tal-proċedura orali
17 Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Marzu 2017, il-Gvern Franċiż talab il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali minħabba, essenzjalment, l-assenza ta’ diskussjoni dwar l-applikazzjoni fil-kawża prinċipali, tas-soluzzjonijiet proposti mill-Avukat Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża X (C-68/15, EU:C:2016:886).
18 F’dan ir-rigward, l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ jew il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet.
19 F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li għandha l-elementi neċessarji kollha sabiex tagħti deċiżjoni f’din il-kawża. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
20 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva omm-sussidjarji għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi miżura fiskali prevista mill-Istat Membru ta’ kumpannija omm, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-ġbir ta’ taxxa fl-okkażjoni tat-tqassim tad-dividendi mill-kumpannija omm u li l-bażi tagħha hija kkostitwita mill-ammonti tad-dividendi mqassma, inklużi dawk li joriġinaw mis-sussidjarji mhux residenti ta’ din il-kumpannija.
21 Mill-premessa 3 tad-Direttiva omm-sussidjarji jirriżulta li din id-direttiva trid tilħaq l-għan ta’ ħelsien mit-tassazzjoni doppja tal-profitti mqassma minn sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha fuq il-livell tal-kumpannija omm.
22 Għal dan il-għan, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva omm-sussidjarji jħalli lill-Istati Membri l-għażla bejn żewġ sistemi, jiġifieri bejn is-sistema ta’ eżenzjoni u dik ta’ imputazzjoni. Fil-fatt, skont il-premessi 7 u 9 ta’ din id-direttiva, din id-dispożizzjoni tippreċiża li, meta kumpannija omm jew l-istabbiliment permanenti tagħha tirċievi, bis-saħħa tal-assoċjazzjoni bejn il-kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha, profitti mqassma għajr meta din tal-aħħar tiġi llikwidata, l-Istat Membru tal-kumpannija omm u l-Istat Membru tal-istabbiliment permanenti tagħha għandhom jew jastjenu milli jintaxxaw dawn il-profitti sa fejn dawn tal-aħħar ma jistgħux jitnaqqsu mis-sussidjarja, u jintaxxawhom sa fejn dawn jistgħu jitnaqqsu mis-sussidjarja, jew jintaxxawhom filwaqt li jippermettu lill-kumpannija omm u lill-istabbiliment permanenti jnaqqsu mill-ammont tat-taxxa tagħhom il-frazzjoni tat-taxxa relatata ma’ dawn il-profitti u mħallsa mis-sussidjarja u minn kull sussidjarja fi skala iktar baxxa (sentenza tal-lum, X, C-68/15, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).
23 Madankollu, l-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà jipprevedu li spejjeż relatati mas-sehem u telf li jirriżulta mit-tqassim tal-profitti tal-kumpannija sussidjarja ma jistgħux jitnaqqsu mill-profitt taxxabbli tal-kumpannija omm. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta wkoll li, jekk, f’dan il-każ, l-ispejjeż ta’ ġestjoni relatati mas-sehem ikunu iffissati b’rata fissa, tali ammont ma jistax jeċċedi 5 % tal-profitti mqassma mis-sussidjarja.
24 Għaldaqstant, l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva huwa intiż sabiex jiġi evitat li l-profitti mqassma lil kumpannija omm residenti minn sussidjarja mhux residenti jiġu intaxxati, l-ewwel, fir-rigward tas-sussidjarja fl-Istat ta’ residenza tagħha u, it-tieni, fir-rigward tal-kumpannija omm fl-Istat ta’ residenza tagħha.
25 F’dan il-każ, hemm lok, min-naħa, li jiġi ppreċiżat li, hekk kif ġie indikat fil-punt 7 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika Franċiża għażlet l-eżenzjoni sa 95 %, tal-profitti li joriġinaw minn sussidjarja mhux residenti ta’ kumpannija omm residenti.
26 Min-naħa l-oħra għandu jiġi rrilevat li, sa fejn il-bażi tal-kontribuzzjoni addizzjonali għat-taxxa fuq il-kumpanniji hija kkostitwita mid-dividendi mqassma minn kumpannija omm, din il-bażi tista’ tinkludi wkoll profitti li joriġinaw mis-sussidjarji ta’ din il-kumpannija omm li huma residenti fi Stati Membri oħra, fatt li għandu bħala konsegwenza li dawn il-profitti jiġu ntaxxati b’rata li taqbeż il-limitu ta’ 5 % previst fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva omm-sussidjarji.
27 Għaldaqstant tqum il-kwistjoni dwar jekk tali tassazzjoni ta’ dawn il-profitti hijiex kuntrarja għad-Direttiva omm-sussidjarji.
28 Skont il-Gvern Franċiż u dak Belġjan, il-profitti mqassma mill-ġdid minn kumpannija omm lill-azzjonisti tagħha ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva omm-sussidjarji, peress li din id-dispożizzjoni tapplika biss meta kumpannija omm tirċievi profitti mqassma mis-sussidjarja tagħha.
29 Madankollu, tali interpretazzjoni ma tistax tiġi aċċettata.
30 Hekk kif jirriżulta mis-sentenza tal-lum X (C-68/15, punt 78), għandu jiġi kkonstatat li din l-interpretazzjoni la tirriżulta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas mill-kuntest jew mill-għanijiet tagħha.
31 Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 79 u 80 ta’ din is-sentenza X ippreċiżat, minn naħa, li, billi tipprevedi li l-Istat Membru tal-kumpannija omm u l-Istat Membru tal-istabbiliment permanenti għandhom “ma jintaxxawx tali profitti” din id-dispożizzjoni tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jintaxxaw lill-kumpannija omm jew lill-istabbiliment permanenti tagħha fir-rigward tal-profitti mqassma mis-sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha, mingħajr ma tagħmel distinzjoni skont jekk il-fattur taxxabbli tal-intaxxar tal-kumpannija omm huwiex ir-riċeviment ta’ dawn il-profitti jew it-tqassim mill-ġdid tagħhom.
32 Min-naħa l-oħra, peress li, skont il-premessa 3 tagħha, id-Direttiva omm-sussidjarji trid tilħaq l-għan ta’ ħelsien mit-tassazzjoni doppja tal-profitti mqassma minn sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha fuq il-livell tal-kumpannija omm, tassazzjoni ta’ dawn il-profitti mill-Istat Membru tal-kumpannija omm fir-rigward ta’ din il-kumpannija waqt id-distribuzzjoni mill-ġdid ta’ dawn tal-aħħar, li jkollha bħala effett li dawn il-profitti jkunu suġġetti għal tassazzjoni li teċċedi l-limitu ta’ 5 % previst fl-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva, twassal għal tassazzjoni doppja fuq il-livell ta’ din il-kumpannija kuntrarja għal din id-direttiva.
33 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-kuntest, ftit huwa rilevanti li l-miżura fiskali nazzjonali tkun ikklassifikata jew le bħala taxxa fuq il-kumpanniji. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva omm-sussidjarji ma hijiex suġġetta għal taxxa partikolari. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Istat Membru tal-kumpannija omm għandu jastjeni milli jintaxxa l-profitti mqassma mis-sussidjarja tagħha mhux residenti. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex jiġi evitat li l-Istat Membri jadottaw miżuri fiskali li jwasslu għal tassazzjoni doppja ta’ dawn il-profitti fir-rigward tal-kumpanniji omm.
34 Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-punt 105 tas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, EU:C:2006:774), peress li, f’dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkummentat biss fuq il-konformità mad-Direttiva omm-sussidjarji ta’ ċertu metodi ta’ kalkolu tal-ammont tal-ħlas antiċipat tat-taxxa fuq il-kumpanniji meta kumpannija omm residenti tqassam mill-ġdid dividendi riċevuti mingħand sussidjarja mhux residenti, u mhux fuq il-konformità tal-ġbir, f’dan il-każ, ta’ din it-taxxa, ma’ din id-direttiva.
35 Fid-dawl ta’ dan li ntqal, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva omm-sussidjarji għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura fiskali prevista mill-Istat Membru ta’ kumpannija omm, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-ġbir ta’ taxxa fl-okkażjoni tat-tqassim tad-dividendi mill-kumpannija omm u li l-bażi tagħha hija kkostitwita mill-ammonti tad-dividendi mqassma, inklużi dawk li joriġinaw mis-sussidjarji mhux residenti ta’ din il-kumpannija.
Fuq it-tieni domanda
36 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.
Fuq l-ispejjeż
37 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE, tat-30 ta’ Novembru 2011, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [omm] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2014/86/UE, tat-8 ta’ Lulju 2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura fiskali prevista mill-Istat Membru ta’ kumpannija omm, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-ġbir ta’ taxxa fl-okkażjoni tat-tqassim tad-dividendi mill-kumpannija omm u li l-bażi tagħha hija kkostitwita mill-ammonti tad-dividendi mqassma, inklużi dawk li joriġinaw mis-sussidjarji mhux residenti ta’ din il-kumpannija.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.