Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

28 ta’ Frar 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Artikolu 183 – Rimbors tal-eċċess tal-VAT – Rimbors tardiv – Ammont tal-interessi moratorji dovuti skont l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali – Tnaqqis ta’ dan l-ammont għal raġunijiet mhux imputabbli lill-persuna taxxabbli – Ammissibbiltà – Newtralità fiskali – Ċertezza legali”

Fil-Kawża C-387/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Lulju 2016, fil-proċedura

Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos

vs

Nidera BV,

fil-preżenza ta’:

Vilniaus apskrities valstybinė mokesčių inspekcija,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda (Relatur), E. Juhász, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Ġunju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Nidera BV, minn I. Misiūnas u V. Vičius kif ukoll minn I. Pašvenskaitė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas kif ukoll minn R. Butvydytė u R. Krasuckaitė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Ottubru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos (l-Ispettorat Nazzjonali tat-Taxxa fi Ħdan il-Ministeru għall-Finanzi tar-Repubblika tal-Litwanja, iktar ’il quddiem l-“Ispettorat Nazzjonali tat-Taxxa”) u Nidera BV dwar l-ammont tal-interessi moratorji dovuti fir-rigward tar-rimbors tardiv lil din tal-aħħar tal-eċċess tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 183 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi:

“Fejn, għal perijodu partikolari ta’ taxxa, l-ammont ta’ tnaqqis jeċċedi l-ammont tal-VAT dovuta, l-Istati Membri jistgħu, skond il-kondizzjonijet li huma għandhom jiddeterminaw, jew jagħmlu rifużjoni jew imexxu l-eċċess ’il quddiem għall-perijodu li jmiss.”

 Id-dritt Litwan

4        L-Artikolu 91(10) tal-Lietuvos Respublikos pridėtinės vertės mokesčio įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud), fil-verżjoni li tirriżulta mil-Liġi Nru IX-751 tal-5 ta’ Marzu 2002, jiddisponi li l-VAT imħallsa żejda ġiet irrimborsata skont il-modalitajiet u sat-termini ffissati fil-Lietuvos Respublikos mokesčių administravimo įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa).

5        L-Artikolu 8(3) tal-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa, kif emendata bil-Liġi Nru X-1249 tat-3 ta’ Lulju 2007 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa”), jipprevedi:

“Għall-finijiet tal-amministrazzjoni tat-taxxa, l-amministrazzjoni fiskali għandha tirrispetta l-kriterji ta’ raġonevolezza u ta’ ekwità.”

6        Skont l-Artikolu 87(5) sa (7) u (9) tal-Liġi dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa:

“5.      L-ammont ta’ taxxi żejda mħallsa mill-persuna taxxabbli, li jibqa’ wara t-tpaċija bi kwalunkwe dejn fiskali, għandu jiġi rrimborsat fuq talba tal-persuna taxxabbli. […]

6.      L-amministrazzjoni fiskali tista’ tivverifika l-mertu tat-talba għar-rimbors tal-ħlas żejjed tal-persuna taxxabbli, skont il-modalitajiet u t-termini previsti minn din il-liġi. […]

7.      […] [L]-amministrazzjoni fiskali għandha tirrimborsa lill-persuna taxxabbli l-ħlas żejjed skont il-modalitajiet li ġejjin:

1)      il-ħlas żejjed għandu jiġi rrimborsat fi żmien 30 jum mid-data ta’ riċezzjoni tat-talba bil-miktub għar-rimbors tal-ħlas żejjed. F’każijiet fejn l-amministrazzjoni fiskali titlob lill-persuna taxxabbli dokumenti addizzjonali, it-terminu ta’ 30 jum huwa kkalkolat mid-data ta’ riċezzjoni ta’ dawn id-dokumenti. […] It-termini previsti f’dan il-punt ma għandhomx japplikaw fil-każijiet imsemmija fil-punt 2 ta’ dan il-paragrafu;

2)      fil-każijiet fejn it-talba għar-rimbors ta’ ħlas żejjed jagħti lok għal verifika fiskali jew fejn kwistjonijiet relatati mar-rimbors tal-ammonti mħallsa żejda huma parti integrali ta’ kontroll fiskali tal-persuna taxxabbli kkonċernata magħmula mill-amministrazzjoni fiskali, il-ħlas żejjed għandu jiġi rrimborsat, l-iktar tard, f’terminu ta’ 20 jum mid-data tan-notifika lill-persuna taxxabbli tad-deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali tal-kalkolu li jistabbilixxi mill-ġdid l-ammont ta’ taxxa dovuta mill-persuna taxxabbli u (jew) ta’ ammonti addizzjonali (jekk l-ebda reat ma jkun ġie kkonstatat fiċ-ċertifikat rilevanti).

[…]

9.      Jekk l-amministrazzjoni fiskali ma ħallsitx lura l-ammont imħallas żejjed fit-terminu previst fil-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu, l-interessi jiġu kkalkolati għall-benefiċċju tal-persuna taxxabbli sakemm il-ħlas żejjed ikun ġie rrimborsat. Ir-rata tal-interessi hija identika għal dik tal-penalitajiet għad-dewmien stabbilita f’każ ta’ pagament tardiv tat-taxxa.”

7        L-Artikolu 99 tal-Liġi dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa jipprevedi li:

“Il-Ministru għall-Finanzi jistabbilixxi r-rata tal-interessi moratorji u l-modalitajiet ta’ kalkolu tiegħu, b’kont meħud tal-medja ponderata tar-rata tal-interessi annwali tal-bonds tat-Teżor maħruġa, matul it-trimestru preċedenti, mill-Istat Litwan permezz ta’ sejħa għall-offerti. Ir-rata tal-interessi moratorji tinkiseb billi tiżdied ir-rata medja, iċċitata iktar ’il fuq, b’10 punti perċentwali.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8        Bejn Frar u Mejju 2008, Nidera, kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, xtrat, fil-Litwanja, qamħ mingħand fornituri ta’ prodotti agrikoli. L-ammont totali ta’ VAT imħallsa, skont fatturi ta’ dawn il-fornituri, ammonta għal 11 743 259 litas Litwani (LTL) (madwar EUR 3.4 miljun). Matul l-istess perijodu, Nidera esportat dan il-qamħ lejn pajjiżi terzi, billi applikat ir-rata ta’ 0 % VAT previst fid-dritt Litwan.

9        Fit-12 ta’ Awwissu 2008, Nidera ġiet irreġistrata fil-Litwanja bħala persuna taxxabbli għall-VAT. Fid-dikjarazzjoni tal-VAT tagħha għall-perijodu mit-12 sal-31 ta’ Awwissu 2008, Nidera ddikjarat l-ammont tal-VAT imħallsa u talbet ir-rimbors tiegħu.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Marzu 2009 li tikkonferma l-att ta’ verifika, il-Vilniaus apskrities valstybinė mokesčių inspekcija (l-Ispettorat tat-Taxxi tad-Distrett ta’ Vilnjus, il-Litwanja) irrifjuta dan ir-rimbors għar-raġuni li, fiż-żmien meta saru l-kunsinni tal-qamħ inkwistjoni, Nidera ma kinitx irreġistrata għall-finijiet ta’ VAT, b’tali mod li, skont id-dritt Litwan, hija ma kellhiex id-dritt li tnaqqas il-VAT imħallsa.

11      Madankollu, wara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Nidera Handelscompagnie (C-385/09, EU:C:2010:627), il-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos vyriausybės (il-Kummissjoni tat-Tilwim Fiskali fi Ħdan il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2010, irrikonoxxiet li Nidera kellha d-dritt li tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa u talbet lill-amministrazzjoni fiskali għar-rimbors tas-somma inkwistjoni. Fit-22 ta’ Diċembru 2010, l-Ispettorat Nazzjonali tat-Taxxa rrimborsa lil Nidera l-eċċess tal-VAT li ammonta għal LTL 11 743 259 (madwar EUR 3.4 miljun).

12      Sussegwentement, Nidera talbet il-ħlas tal-interessi dovuti minħabba r-rifjut inizjali li tiġi rrimborsata l-eċċess tal-VAT. Fil-11 ta’ Awwissu 2011, l-Ispettorat tat-Taxxa tad-Distrett ta’ Vilnjus taha s-somma ta’ LTL 214 902.27 (madwar EUR 60 000) bħala interessi fuq dan l-eċċess għall-perijodu bejn l-għoti tal-imsemmija sentenza u d-data tar-rimbors ta’ dak l-eċċess. Din l-ispezzjoni, min-naħa l-oħra, irrifjutat il-ħlas ta’ interessi moratorji għall-perijodu qabel l-imsemmija sentenza. Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Ottubru 2013, l-Ispettorat Nazzjonali tat-Taxxa rrifjuta li jilqa’ l-ilment ta’ Nidera kontra din id-deċiżjoni.

13      Nidera ppreżentat rikors quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja) intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Ispettorat Nazzjonali tat-Taxxa u għall-bidla tad-deċiżjoni tal-Ispettorat tat-Taxxa tad-Distrett ta’ Vilnjus, fejn talbet li l-qorti tordna li tiġi rrimborsata ammont ta’ LTL 3 864 706.66 (madwar EUR 1.1 miljun) bħala interessi. Hija sostniet li l-interessi għandhom jiġu kkalkolati mid-data tal-bidu tal-kontroll fiskali, jiġifieri l-21 ta’ Novembru 2008, sad-data tar-rimbors tal-eċċess tal-VAT. Din il-qorti laqgħet parzjalment ir-rikors ta’ Nidera u ordnat lill-Ispettorat tat-Taxxi tad-Distrett ta’ Vilnjus iħallasha l-interessi għall-perijodu mis-17 ta’ Frar 2009 sa dik id-data tar-rimbors. L-Ispettorat Nazzjonali tat-Taxxa appella din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

14      Din il-qorti tirrileva li jirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Enel Maritsa Iztok 3 (C-107/10, EU:C:2011:298), li l-Artikolu 183 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li t-terminu normali għar-rimbors tal-eċċess tal-VAT, li fl-iskadenza tiegħu interessi moratorji jkunu dovuti fuq l-ammont li għandu jiġi rrimborsat, jiġi mtawwal fil-każ li tinbeda proċedura ta’ verifika fiskali. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li huwa wara l-iskadenza tat-terminu previst mhux fil-punt 2 tal-Artikolu 87(7) tal-liġi dwar l-amministrazzjoni tat-taxxa, iżda fil-punt 1 tal-Artikolu 87(7) ta’ din il-liġi, jiġifieri 30 jum mid-data ta’ riċezzjoni tat-talba għar-rimbors tal-eċċess, li għandhom jiġu kkalkolati l-interessi dovuti lil Nidera.

15      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali, inklużi dawk ġudizzjarji, li jnaqqsu l-interessi dovuti minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali. B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi jekk hija għandhiex setgħa diskrezzjonali dwar in-natura fondata u ġusta tal-ammont tal-interessi dovuti, b’kont meħud, b’mod partikolari, tar-relazzjoni bejn dan l-ammont u dak tal-eċċess li ma ġiex irrimborsat, il-perijodu li matulu kien hemm dan in-nuqqas ta’ rimbors u r-raġunijiet għal dan id-dewmien – f’dan il-każ, il-projbizzjoni, skont id-dritt nazzjonali, li titnaqqas il-VAT tal-input imħallsa minn persuni mhux identifikati għal raġunijiet ta’ VAT –, kif ukoll it-telf effettivament imġarrab mill-persuna taxxabbli.

16      Skont il-qorti tar-rinviju, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Rafinăria Steaua Română (C-431/12, EU:C:2013:686, punt 25), tista’ tindika li l-ammont tal-interessi dovuti ma jistax jitnaqqas fid-dawl ta’ ċirkustanzi mhux konnessi mal-aġir tal-persuna taxxabbli stess. Madankollu, sa fejn dawn l-interessi huma maħsuba biex jikkumpensaw it-telf imġarrab minn dan tal-aħħar minħabba l-indisponibbiltà tal-fondi kkonċernati, din il-qorti tikkunsidra li perijodu twil ta’ indisponibbiltà ta’ fondi jista’ jwassal għal ammont ta’ interessi sproporzjonat fid-dawl tat-telf imġarrab, u li l-kriterji ta’ raġonevolezza u ta’ ekwità, li jiggwidaw kemm lill-amministrazzjoni fiskali, skont l-Artikolu 8(3) tal-Liġi dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa, u kemm lill-qorti nazzjonali, jistgħu jwasslu għal tnaqqis ta’ dan l-ammont.

17      Madankollu, fid-dawl tal-għanijiet ta’ rimbors tal-VAT, b’mod partikolari dak li ma jippreżenta l-ebda riskju finanzjarju lill-persuna taxxabbli, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-konsegwenzi finanzjarji negattivi li jirriżultaw mill-indisponibbiltà ta’ fondi jistgħu jimmaterjalizzaw ruħhom wara r-rimbors tagħhom. Għaldaqstant, il-fatt li wieħed jorbot l-ammont tal-interessi dovuti mat-telf effettivament imġarrab mill-persuna taxxabbli, sabiex inaqqas l-ammont ta’ dawn l-interessi, ma jneħħix kull riskju finanzjarju u żvantaġġ lill-persuna taxxabbli, peress li huwa għandu jagħti prova tat-telf imġarrab.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 183 tad-Direttiva [dwar il-VAT], moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li jitnaqqsu l-interessi, li normalment huma dovuti b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq ħlas żejjed (eċċess ta’ VAT) li ma ġiex irrimborsat (paċut) fit-termini, liema tnaqqis ikun immotivat minn ċirkustanzi li ma jirriżultawx mill-aġir tal-persuna taxxabbli nfisha, bħalma huma, ir-relazzjoni bejn l-interessi u l-ammont tal-ħlas żejjed li ma ġiex irrimborsat fit-termini, il-perijodu li matulu l-ħlas żejjed ma ġiex irrimborsat u r-raġunijiet għal dan id-dewmien, kif ukoll it-telf effettivament imġarrab mill-persuna taxxabbli?”

 Fuq id-domanda preliminari

19      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mill-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, wara li ngħatat is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Enel Maritsa Iztok 3 (C-107/10, EU:C:2011:298), il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li hemm lok, għall-finijiet tal-kawża li kellha quddiemha, li l-interessi moratorji dovuti lil Nidera jiġu kkalkolati fuq l-ammont tal-eċċess tal-VAT li għandu jiġi rrimborsat wara l-iskadenza tat-terminu previst fil-punt 1 tal-Artikolu 87(7) tal-liġi dwar l-amministrazzjoni tat-taxxa, li Nidera u l-Gvern Litwan kkonfermaw waqt is-seduta. Għalhekk, din il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja mhux fuq id-data minn meta l-interessi moratorji huma dovuti, iżda biss fuq il-possibbiltà li jitnaqqas l-ammont ta’ dawn l-interessi.

20      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 183 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi t-tnaqqis tal-ammont tal-interessi normalment dovuti skont l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali dwar eċċess tal-VAT li ma ġiex irrimborsat fit-termini, għal raġunijiet marbutin ma’ ċirkustanzi mhux imputabbli lill-persuna taxxabbli, bħall-importanza tal-ammont ta’ dawn l-interessi meta mqabbla mal-ammont tal-eċċess tal-VAT, il-perijodu li matulu l-ħlas żejjed ma ġiex irrimborsat u r-raġunijiet għal dan id-dewmien, kif ukoll it-telf effettivament imġarrab mill-persuna taxxabbli.

21      Hemm lok li jitfakkar li, minkejja li l-Artikolu 183 tad-Direttiva dwar il-VAT la jipprevedi obbligu li jitħallsu interessi fuq l-eċċess tal-VAT li għandu jiġi rrimborsat u lanqas jipprevedi d-data li minnha t-tali interessi huma dovuti, dan il-fatt waħdu ma jippermettix li jiġi konkluż li dan l-artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li l-modalitajiet stabbiliti mill-Istati Membri għall-finijiet tar-rimbors tal-eċċess tal-VAT ma huma suġġetti għal ebda verifika fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2011, Enel Maritsa Iztok 3, C-107/10, EU:C:2011:298, punti 27 u 28, kif ukoll tas-6 ta’ Lulju 2017, Glencore Agriculture Hungary, C-254/16, EU:C:2017:522, punt 18).

22      Fil-fatt, minn naħa, għalkemm l-implementazzjoni tad-dritt għar-rimbors tal-eċċess tal-VAT previst fl-Artikolu 183 tad-Direttiva dwar il-VAT taqa’, bħala prinċipju, taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, xorta jibqa’ l-fatt li din l-awtonomija hija limitata mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2011, Enel Maritsa Iztok 3, C-107/10, EU:C:2011:298, punt 29; tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C-591/10, EU:C:2012:478, punt 27, kif ukoll tal-24 ta’ Ottubru 2013, Rafinăria Steaua Română, C-431/12, EU:C:2013:686, punt 20).

23      Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċerti regoli speċifiċi li għandhom jiġu osservati mill-Istati Membri matul l-implementazzjoni tad-dritt għar-rimbors tal-eċċess tal-VAT jirriżultaw mill-Artikolu 183 tad-Direttiva dwar il-VAT, interpretat fid-dawl tal-kuntest u tal-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-qasam tal-VAT (sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2013, Rafinăria Steaua Română, C-431/12, EU:C:2013:686, punt 21 u tas-6 ta’ Lulju 2017, Glencore Agriculture Hungary, C-254/16, EU:C:2017:522, punt 19).

24      Għalhekk, għalkemm l-Istati Membri jgawdu ċerta libertà fl-iffissar tal-modalitajiet għar-rimbors tal-eċċess tal-VAT, dawn il-modalitajiet ma jistgħux jippreġudikaw il-prinċipju ta’ newtralità fiskali billi jġiegħlu l-persuna taxxabbli terfa’, totalment jew parzjalment, il-piż ta’ din it-taxxa. B’mod partikolari, dawn il-modalitajiet għandhom jippermettu lill-persuna taxxabbli tirkupra, taħt kundizzjonijiet xierqa, il-kreditu kollu li jirriżulta minn dan l-eċċess tal-VAT, li jimplika li r-rimbors għandu jsir f’terminu raġonevoli u li, fi kwalunkwe każ, il-metodu ta’ rimbors adottat ma għandu jinvolvi l-ebda riskju finanzjarju għall-persuna taxxabbli (sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2011, Enel Maritsa Iztok 3, C-107/10, EU:C:2011:298, punt 33, u tas-6 ta’ Lulju 2017, Glencore Agriculture Hungary, C-254/16, EU:C:2017:522, punt 20).

25      F’dan ir-rigward, meta r-rimbors lill-persuna taxxabbli tal-eċċess tal-VAT isir wara terminu raġonevoli, il-prinċipju ta’ newtralità tas-sistema fiskali tal-VAT ikun jirrikjedi li t-telf finanzjarju ġġenerat b’dan il-mod, bi ħsara għall-persuna taxxabbli, permezz tal-indisponibbiltà tas-somom ta’ flus inkwistjoni, jiġi paċut permezz tal-ħlas ta’ interessi moratorji. Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-VAT, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jipprevedi għall-kundizzjonijiet li fihom l-interessi moratorji għandhom jitħallsu, b’mod partikolari r-rata u l-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn l-interessi, filwaqt li tosserva l-prinċipju ta’ newtralità fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2011, Enel Maritsa Iztok 3, C-107/10, EU:C:2011:298, punti 33, 53 u 54, tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C-591/10, EU:C:2012:478, punt 27, kif ukoll tal-24 ta’ Ottubru 2013, Rafinăria Steaua Română, C-431/12, EU:C:2013:686, punti 22 u 23).

26      F’dak li jikkonċerna l-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tindika li, skont l-Artikolu 87(9) tal-Liġi dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa, ir-rata tal-interessi dovuti fil-każ ta’ rimbors tardiv tal-eċċess tal-VAT lill-persuna taxxabbli hija identika għal dik tal-interessi moratorji applikabbli għall-persuni taxxabbli fil-każ ta’ pagament tardiv tat-taxxa. Skont l-Artikolu 99 ta’ din il-liġi, din ir-rata għandha tinkiseb billi tiżdied b’għaxar punti perċentwali l-medja ponderata tar-rata tal-interessi annwali tal-bonds tat-Teżor maħruġa, matul it-trimestru preċedenti, mir-Repubblika tal-Litwanja.

27      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, meta r-rimbors partikolarment tardiv tal-eċċess tal-VAT jirriżulta f’perijodu twil ta’ indisponibbiltà ta’ fondi, kalkolu bħal dan jista’ jwassal għal ammont ta’ interessi kumpensatorji li jkun sproporzjonat meta mqabbel mat-telf effettivament imġarrab mill-persuna taxxabbli. Hija tirrileva li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kriterji ta’ raġonevolezza u ta’ ekwità jippermettu kemm lill-amministrazzjoni fiskali, skont l-Artikolu 8(3) tal-Liġi dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa, u kemm lill-qorti nazzjonali jaqblu dwar tnaqqis ta’ dan l-ammont minħabba r-raġunijiet imsemmija fid-domanda preliminari, li ma humiex relatati mal-aġir tal-persuna taxxabbli. Madankollu, jirriżulta mit-tweġiba tal-Gvern Litwan għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta li, sa issa, tnaqqis bħal dan qatt ma sar mill-qrati nazzjonali.

28      Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ tnaqqis minħabba l-importanza tal-ammont tal-interessi normalment dovuti, skont l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, fir-rigward tal-ammont tal-eċċess tal-VAT, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-ammont ta’ interessi jikkostitwixxi biss il-korrispettiv taċ-ċaħda ta’ dħul li jirriżulta mit-tul tal-perijodu li matulu s-somma prinċipali ma ġietx irrimborsata. Minn dan isegwi li tnaqqis tal-imsemmi ammont li huwa mmotivat biss mill-importanza tiegħu meta mqabbel mal-ammont prinċipali li għandu jiġi rrimborsat jimplika, għall-persuna taxxabbli, ir-riskju li l-pagament ta’ interessi moratorji ma jkoprix il-perijodu kollu li matulu l-prinċipju ta’ newtralità fiskali, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 24 u 25 ta’ din is-sentenza, jeżiġi li l-indisponibbiltà tas-somom ta’ flus inkwistjoni jiġu paċuti permezz tal-pagament ta’ interessi moratorji.

29      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tul tal-perijodu li matulu ma kienx hemm rimbors, jirriżulta mill-punt preċedenti li t-tali perijodu ma jistax minnu nnifsu jiġġustifika tnaqqis tal-interessi moratorji, peress li dawn tal-aħħar għandhom preċiżament l-għan li jikkumpensaw t-telf finanzjarju mġarrab mill-persuna taxxabbli matul dan il-perijodu. Barra minn hekk, il-possibbiltà li jitnaqqas l-ammont ta’ interessi dovuti minħabba t-tul tal-perijodu li matulu ma kienx hemm rimbors tista’ twassal biex l-awtoritajiet tat-taxxa ma jkollhomx inċentiv biex jipproċedu għar-rimbors tal-eċċess tal-VAT mill-iktar fis possibbli, li aktarx ukoll twassal għal riskju finanzjarju għall-persuna taxxabbli li jmur kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

30      Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi enfasizzat li r-rifjut tal-amministrazzjoni fiskali li jirrimborsaw l-eċċess tal-VAT mitlub minn Nidera qabel l-għoti tas-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Nidera Handelscompagnie (C-385/09, EU:C:2010:627), lanqas ma jista’ jiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-interessi moratorji. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tiċċara u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha (sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1980, Denkavit italiana, 61/79, EU:C:1980:100, punt 16, kif ukoll tal-14 ta’ April 2015, Manea, C-76/14, EU:C:2015:216, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Barra minn hekk, mill-perspettiva tal-persuna taxxabbli, ma teżisti ebda differenza rilevanti bejn rimbors tardiv li jkun seħħ minħabba trattament amministrattiv tat-talba li jeċċedi t-termini u dak li jkun seħħ minħabba atti amministrattivi li illegalment jirrifjutaw ir-rimbors u li sussegwentement jiġu annullati permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Rafinăria Steaua Română, C-431/12, EU:C:2013:686, punt 25).

32      F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, il-possibbiltà li qorti nazzjonali tnaqqas l-ammont ta’ interessi normalment dovuti b’applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali sabiex jittieħed kont tat-telf imġarrab minn persuna taxxabbli partikolari minħabba ċ-ċaħda, matul il-perijodu li matulu ma kienx hemm rimbors, tal-ammont tal-eċċess tal-VAT li għandu jiġi rrimborsat, tali possibbiltà timplika li huwa l-obbligu tal-persuna taxxabbli li turi telf finanzjarju effettivament imġarrab minħabba din iċ-ċaħda ta’ fondi.

33      Madankollu, il-Gvern Litwan isostni, minn naħa, li r-rata tal-interessi prevista fl-Artikolu 99 tal-Liġi dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa mhux biss hija intiża li tikkumpensa t-telf imġarrab mill-persuna taxxabbli, iżda tinkludi, bis-saħħa ta’ żieda ta’ għaxar punti perċentwali tar-rata annwali tal-bonds tat-Teżor, element punittiv b’effett ta’ sanzjoni. Huwa jenfasizza li, skont l-Artikolu 87(9) ta’ din il-liġi, ir-rata tal-interessi pagabbli lill-persuna taxxabbli, f’każ ta’ nuqqas ta’ rimbors tal-eċċess tal-VAT fit-termini previsti, għandha tkun ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli għall-persuni taxxabbli fil-każ ta’ pagament tardiv tat-taxxa dovuti.

34      Min-naħa l-oħra, ir-rata stabbilita fl-imsemmi Artikolu 99 tapplika biss għall-perijodu mid-data tad-deċiżjoni tal-awtorità fiskali jew, jekk ikun il-każ, tal-qorti li tiddikjara l-mertu tat-talba għal rimbors u d-data tar-rimbors sħiħ tal-eċċess tal-VAT lill-persuna taxxabbli. Il-Gvern Litwan jikkonkludi li l-applikazzjoni ta’ din ir-rata għall-perijodu ta’ qabel din id-deċiżjoni tirriżulta f’kumpens żejjed tat-telf imġarrab mill-persuna taxxabbli minħabba l-indispożizzjoni ta’ fondi għar-rimbors, jiġifieri li din tal-aħħar tista’ tibbenefika minn vantaġġ mhux iġġustifikat.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-argumenti tal-Gvern Litwan huma bbażati fuq interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Litwana li hija differenti minn dik esposta mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, ma jirriżultax mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-interessi moratorji inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ta’ natura punittiva. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li d-data minn meta l-interessi jibdew jiddekorru għandha tiġi ddeterminata skont il-punt 1 tal-Artikolu 87(7), tal-Liġi dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa, li jiffissa terminu ta’ 30 jum mid-data tar-riċezzjoni tat-talba għar-rimbors u mhux mid-data tad-deċiżjoni dwar din it-talba. Madankollu, hija biss il-qorti tar-rinviju li tista’ tagħti l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domanda preliminari, abbażi tal-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni msemmija mill-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Enel Maritsa Iztok 3, C-107/10, EU:C:2011:298, punt 38).

36      Fi kwalunkwe każ, fil-kuntest tal-libertà li tistabbilixxi l-modalitajiet għar-rimbors tal-eċċess tal-VAT imfakkra fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri huma intitolati, sabiex ikun żgurat kumpens permezz ta’ regoli ġestiti u kkontrollati faċilment mill-amministrazzjoni fiskali, li jipprevedu interessi moratorji fil-forma ta’ somma f’daqqa. Kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk, f’ċerti każijiet partikolari, l-ammont ta’ interessi kumpensatorji jeċċedi d-dannu reali mġarrab mill-persuna taxxabbli, dan huwa biss il-konsegwenza ta’ skema ta’ kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa, li min-natura tagħha, ma tirriflettix it-telf imġarrab, iżda t-telf li l-persuna taxxabbli, skont l-evalwazzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali, tista’ ġġarrab. Il-kumpens fil-forma ta’ interessi jista’ jkun, skont il-każ, iktar jew inqas mit-telf reali.

37      Madankollu, jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprevedi l-pagament ta’ interessi moratorji fil-forma ta’ somma f’daqqa, din ma tistax, fl-istess ħin, tipprevedi l-possibbiltà li l-pagament ta’ interessi moratorji jiġi eskluż u li tillimita kumpens għat-telf reali fuq il-bażi tal-kriterji ta’ raġonevolezza u ta’ ekwità, kif isostni l-Gvern Litwan. Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni nazzjonali timplika li huwa impossibbli li l-persuna taxxabbli tipprevedi ċ-ċirkustanzi li fihom tista’ tistenna li jkun jista’ jsir pagament ta’ interessi moratorji fil-forma ta’ somma f’daqqa u, b’hekk, taġġusta l-attività tagħha abbażi ta’ tali pagament. Għalhekk jidher li tali leġiżlazzjoni ma tippermettix lill-persuna taxxabbli tirkupra, taħt kundizzjonijiet xierqa, il-kreditu kollu li jirriżulta mill-eċċess tal-VAT mingħajr ebda riskju finanzjarju, kuntrarjament għall-prinċipju ta’ newtralità fiskali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Enel Maritsa Iztok 3, C-107/10, EU:C:2011:298, punti 57 u 58).

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 183 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi t-tnaqqis tal-ammont tal-interessi normalment dovuti skont l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali dwar eċċess tal-VAT li ma ġiex irrimborsat fit-termini, għal raġunijiet marbutin ma’ ċirkustanzi mhux imputabbli lill-persuna taxxabbli, bħall-importanza tal-ammont ta’ dawn l-interessi meta mqabbla mal-ammont tal-eċċess tal-VAT, il-perijodu li matulu l-ħlas żejjed ma ġiex irrimborsat u r-raġunijiet għal dan id-dewmien, kif ukoll it-telf effettivament imġarrab mill-persuna taxxabbli.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 183 tad-Direttiva 2006/112/KE tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi t-tnaqqis tal-ammont tal-interessi normalment dovuti skont l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali dwar eċċess tat-taxxa fuq il-valur miżjud li ma ġiex irrimborsat fit-termini, għal raġunijiet marbutin ma’ ċirkustanzi mhux imputabbli lill-persuna taxxabbli, bħall-importanza tal-ammont ta’ dawn l-interessi meta mqabbla mal-ammont tal-eċċess tat-taxxa fuq il-valur miżjud, il-perijodu li matulu l-ħlas żejjed ma ġiex irrimborsat u r-raġunijiet għal dan id-dewmien, kif ukoll it-telf effettivament imġarrab mill-persuna taxxabbli.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Litwan.