Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
26 ta’ Ottubru 2017 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Artikolu 220(1) u (2)(b) – Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni – Kunċett ta’ “dħul fil-kontijiet ta’ dazji tal-importazzjoni” – Deċiżjoni tal-awtorità doganali kompetenti – Terminu ta’ tressiq ta’ talba għar-rimbors jew maħfra – Obbligu ta’ trażmissjoni tal-kawża lill-Kummissjoni Ewropea – Provi fil-każ ta’ rikors kontra deċiżjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ importazzjoni”
Fil-Kawża C-407/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākās tiesas Administratīvo lietu departaments (qorti suprema, dipartiment tal-affarijiet amministrattivi, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Lulju 2016, fil-proċedura
“Aqua Pro” SIA
vs
Valsts ieņēmumu dienests,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla S. Rodin (Relatur), E. Regan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Latvjan, minn I. Kucina, D. Pelše u G. Bambāne kif ukoll minn I. Kalniņš, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u E. Kalniņš, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 220(1) u (2)(b), u tal-Artikoli 236 u 239 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 239) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), kif ukoll tal-Artikolu 869(b) u tal-Artikolu 875 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3) kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1335/2003 tal-25 ta’ Lulju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 13, p. 463, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implimentazzjoni”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-kawża bejn “Aqua Pro” SIA u l-Valsts ieņēmumu dienests (awtorità tat-taxxa Latvjana, iktar ’il quddiem l-“awtorità tat-taxxa”) dwar l-intaxxar tad-dazji fuq l-importazzjoni u dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), flimkien mal-interessi moratorji, filwaqt ta’ verifika a posteriori ta’ dikjarazzjoni doganali.
Il-kuntest ġuridiku
3 L-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi:
“Kull ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali, minn hawn ‘l isfel imsejjaħ “ammont ta’ dazju”, għandu jiġi kalkolat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji, u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontijiet).”
[...] ”
4 Skont l-Artikolu 220 tal-Kodiċi Doganali:
“1 Fejn l-ammont ta’ dazju li jirrizulta minn dejn doganali ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet skond l-Artikoli 218 u 219 jew iddaħħal fil-kontijiet f’livell anqas mill-ammont legalment dovut, l-ammont ta’ dazju li għandu jiġi rkuprat jew li jibqa’ biex jiġi rkuprat għandu jiddaħħal fil-kontijiet fi żmien jumejn mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jsiru jafu bis-sitwazzjoni u jkunu f’pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont legalment dovut u jistabbilixxu d-debitur (daħla sussegwenti fil-kontijiet). Dak it-terminu ta’ żmien jista’ jiġi estiż skond l-Artikolu 219.
2. Ħlief fil-każijiet li ssir referenza għalihom fit-tieni u t-tielet subparagrafi ta’ l-Artikolu 217(1), daħliet sussegwenti fil-kontijiet m’għandhomx isiru fejn:
[...]
(b) l-ammont ta’ dazju li ried jitħallas legalment ma ġiex imdaħħal fil-kontijiet minħabba żball min-naħa ta’ l-awtoritajiet tad-dwana li ma satax raġjonevolment jiġi notat mill-persuna resposabbli għall-pagament, u li din ta’ l-aħħar min-naħa tagħha tkun aġixxiet in bona fede u tkun ħarset id-dispożizzjonijiet kollha preskritti fil-liġijiet fis-seħħ fir-rigward ta’ dikjarazzjoni tad-dwana.
Fejn l-istatus preferenzjali ta’ l-oġġetti huwa stabbilit fuq il-bażi ta’ koperazzjoni amministrattiva li tinvolvi lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz, il-ħruġ ta’ ċertifikat minn dawn l-awtoritajiet, jekk jiġi pruvat li hu inkorrett, għandu jikkostitwixxi żball li ma satax raġjonevolment ikun notat fit-tifsira ta’ l-ewwel sotto-paragrafu.
Il-ħruġ ta’ ċertifikat żbaljat ma għandux, iżda, jikkostitwixxi żball fejn iċ-ċertifikat ikun bażat fuq tagħrif inkorrett tal-fatti provdut mill-esportatur, minbarra fejn, partikolarment, jidher biċ-ċar illi l-awtoritajiet tal-ħruġ kienu konxji jew kellhom ikunu konxji li l-oġġetti ma ssodisfawx il-kondizzjonijiet preskritti għad-dritt ta’ trattament preferenzjali.
Il-persuna responsabbli għal dan tista’ ġġib il-bona fede tagħha bħala turija illi, matul il-perijodu taż-żmien ta’ l-operati msemmija tan-negozju tagħha, ħadet il-kura mistħoqqa sabiex tiżgura illi ġew imwettqa l-kondizzjonijiet kollha tat-trattament preferenzjali.
Iżda, il-persuna responsabbli ma tistax iżda ġġib bi skuża l-bona fede tagħha jekk il-Kummissjoni Ewropea tkun ippublikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-[Unjoni Ewropea], li jgħid li hemm lok għal dubji rigward l-applikazzjoni kif għandha tkun ta’ arranġamenti preferenzjali mill-pajjiż benefiċjarju;
[...] ”
5 L-Artikolu 236 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:
“1 Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura sakemm jiġi stabbilit li meta kien tħallas l-ammont ta’ dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur ta’ l-Artikolu 220(2).
Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jintbagħtu sakemm jiġi stabbilit li meta kienu ddaħħlu fil-kontijiet l-ammont ta’ dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur tal-Artikolu 220(2).
Ebda ħlas lura jew maħfra m’għandha tingħata meta l-fatti li wasslu għall-ħlas jew daħla fil-kontijiet ta’ ammont li ma kienx legalment dovut kienu r-riżultat ta’ azzjoni maħsuba mill-persuna involuta.
2. Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien tliet snin mid-data li fiha l-ammont ta’ dawk id-dazji kien ġie kkomunikat lid-debitur.
Dak il-perjodu għandu jiġi estiż jekk il-persuna interessata tipprovdi evidenza li ma kenitx tħalliet tippreżenta l-applikazzjoni tagħha fil-perjodu msemmi b’riżultat ta’ ċirkostanzi imprevedibbli jew ta’ forza maġġuri.
Fejn l-awtoritajiet doganali stess jiskopru matul dan il-perjodu li sitwazzjoni jew oħra deskritta fl-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 1 jeżistu, għandhom iħallsu lura jew jibagħtu [jaħfru] l-flus fuq inizjattiva tagħhom stess.”
6 L-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:
“1 Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni jistgħu jitħallsu lura jew jintbagħtu f’sitwazzjonijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikoli 236, 237, u 238:
– li għandhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura tal-kumitat;
– li jirriżultaw minn ċirkostanzi li fihom ebda ingann jew traskuraġni ovvja ma jistgħu jiġu attribwiti lill-persuna interessata. Is-sitwazzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dak il-għan għandhom jiġu definiti skond il-proċedura tal-Kumitat. Ħlas lura jew remissjoni jistgħu jsiru bla ħsara għal kondizzjonijiet speċjali.
2. Dazji għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu [jinħafru] għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 1 malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien 12-il xahar mid-data li fiha l-ammont tad-dazji kien ġie komunikat lid-debitur.
Iżda, l-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu li dan il-perjodu jinqabeż f’każijiet eċċezzjonali ġustifikati kif jixraq.”
7 Skont l-Artikolu 869 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni:
“L-awtoritajiet doganali għandhom huma stess jiddeċiedu li ma jagħtux kas a posteriori [jdaħħlux sussegwentement fil-kontijiet] dazji li ma jkunux inġabru:
(a) f’każijiet li fihom it-trattament ta’ tariffi preferenzjali jkun ġie applikat fil-kuntest ta’ kwota ta’ tariffa, ta’ limitu massimu ta’ tariffa jew ta’ arranġamenti oħra meta l-intitolament għal dan it-trattament ikun ġie soppress fil-mument ta’ l-aċċettazjoni tad-dikjarazjoni doganali mingħajr li dak il-fatt ikun ġie ppublikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej qabel ir-rilaxx f’ċirkolazjoni libera tal-merkanzija f’dak il-każ jew, meta dik is-soppressjoni ma tkunx ġiet ippublikata, li jkun ġie mgħarraf bil-manjera xierqa fl-Istat Membru kkonċernat, il-persuna li tkun suġġetta għal pagament li da parti tagħha tkun aġixxiet in bona fide u tkun ikkonformat mad-dispożizzjonijiet kollha stabbiliti bil-leġislazjoni eżistenti f’dak li għandu x’jaqsam mad-dikjarazjoni doganali;
(b) fil-każi li fihom huma jikkonsidraw li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi huma mwettqa, apparti minn dawk li fihom id-dossier għandu jkun trasmess lejn il-Kummissjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 871. B’dana kollu, meta l-Artikolu 871(2), it-tieni nċiż, ikun applikabbli, l-awtoritajiet doganali ma jistgħux jadottaw deċiżjoni li twarrab id-dħul fil-kontijiet tad-dazji f’dak il-każ sat-tmiem tal-proċedura inizzjata b’konformità ma l-Artikoli 871 sa 876.
Meta talba tkun ippreżentata għal rifużjoni jew remissjoni permezz ta’ l-Artikolu 236 tal-Kodiċi b’konnessjoni ma l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi, is-subparagrafu (b) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu u l-Artikoli 871 sa 876 għandhom ikunu japplikaw mutatis mutandis.
Għall-iskopijiet li jkunu applikati l-paragrafi ta’ hawn fuq, l-Istati Membri għandhom jagħtu lil-xulxin għajnuna reċiproka, partikolarment meta żball mill-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru apparti milli minn dak responsabbli għat-teħid tad-deċiżjoni jkun ikkonċernat.”
8 L-Artikolu 871 ta’ dan ir-regolament huwa redatt hekk:
“1 L-awtorità doganali għandha titrasmetti l-każ lejn il-Kummissjoni sabiet ikun deċiż permezz tal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 872 sa 876 meta din tikkonsidra li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi jkunu mwettqa u:
- jekk hi tikkonsidra li l-Kummissjoni tkun wettqet żball fil-qofol tat-tifsira ta’ l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi,
- iċ-ċirkostanzi tal-każ huma relatati mas-sejbiet ta’ l-investigazzjoni tal-Komunità mwettqa bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997 rigward l-għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn ta’ l-aħħar u l-Kummissjoni sabiex jassiguraw l-applikazzjoni korretta tal-liġi fuq il-materji doganali u agrikoli [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 8, p. 217] jew permezz ta’ leġislazzjoni tal-Komunità jew ta’ xi ftehim konkluż mill-Komunità ma pajjiż jew grupp ta’ pajjiżi li fih disposizzjoni tkun saret għat-twettieq ta’ l-investigazzjonijiet bħal dawn mill-Komunità, jew
- l-ammont mhux miġbur mill-operatur ikkonċernat fir-rigward ta’ operazzjoni waħda jew aktar ta’ l-importazzjoni jew l-esportazzjoni imma b’konsegwenza ta’ żball wieħed ikun ta’ EUR 500,000 jew aktar.
2. B’dana kollu, il-każi referuti fil-paragrafu 1 m’għandhomx ikunu trasmessi meta:
- il-Kummissjoni tkun diħa adottat deċiżjoni permezz tal-proċedura li hemm provvediment dwarha fl-Artikoli 872 sa 876 dwar każ li jinvolvi kwestjonijiet komparabbli fil-fatt u fil-liġi,
il-Kummissjoni tkun diġa tikkonsidra każ li jinvolvi kwestjonijiet komparabbli fil-fatt u fil-liġi.
[...] ”
9 L-Artikolu 875 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jipprevedi:
"Meta jkun stabbilit li d-deċiżjoni referuta fl-Artikolu 873 u ċ-ċirkostanzi li jkunu taħt konsiderazzjoni huma tali li d-dazji f’dak il-każ ma jkunux jeħtieġu li jiddaħħlu fil-kontijiet, il-Kummissjoni tista tispeċifika li l-kondizzjonijiet li permezz tagħhom l-Istati Membru jkunu jistgħu jibqgħu lura milli jwettqu d-dħul ta’ wara r-rilaxx fil-kontijiet fil-każi li jinvolvu każi komparabbli fil-fatt u fil-liġi.”
10 L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 li jikkonċernaw l-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 91 iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-invetsigazzjonijiet tal-OLAF” jipprevedi:
“1 Malli titlesta investigazzjoni mwettqa mill-Uffiċċju, dan ta’ l-aħħar għandu jħejji rapport, taħt l-awtorità tad-Direttur, li jispeċifika l-fatti stabbiliti, it-telf finanzjarju, jekk ikun hemm, u s-sejbiet ta’ l-investigazzjoni, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tad-Direttur ta’ l-Uffiċċju dwar l-azzjoni li għandha tittieħed.
2. Meta jitħejjew dawn ir-rapporti, għandhom jiġu meqjusa r-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fil-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru involut Ir-rapporti preparati fuq dik il-bażi għandhom jikkostitwixxu prova ammissibbli fi proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru li fih l-użu tagħhom jirriżulta li huwa meħtieġ, bl-istess mod u taħt l-istess kondizzjonijiet bħar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali. Għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli ta’ valutazzjoni bħal dawk applikabbli għar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali u huma ta’ valur identiku għal dawk ir-rapporti.
3. Rapporti magħmula wara investigazzjoni esterna u kull dokument relatat li jkun utli għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri in kwistjoni skond ir-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ investigazzjonijiet esterni.
4. Rapporti mħejjija wara investigazzjoni interna u kull dokument relatat li jkun utli għandhom jintbagħtu lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija involuta. L-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija għandhom jieħdu dik l-azzjoni, partikolarment dixxiplinarja jew legali, fuq il-bażi ta’ l-investigazzjonijiet interni, skond ir-riżultati ta’ dawk l-investigazzjonijiet, u għandha tirraporta dwarha lid-Direttur ta’ l-Uffiċċju fit-terminu ta’ żmien minnu stipulat fis-sejbiet tar-rapport tiegħu.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11 Mill-1 ta’ Settembru 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2009, Aqua Pro a importat fl-Unjoni Ewropea roti li ġejjin mill-Kambodja. Konformement għal ftehim ta’ distribuzzjoni, hija xtrathom mingħand impriża Ġermaniża bil-għan li jitqiegħdu f’ċirkulazzjoni libera.
12 Billi bbażat ruħha fuq ċertifikat ta’ oriġini "Formula A", maħruġ mill-awtoritajiet tal-Kambodja fil-kuntest tal-preferenzi ġġeneralizzati, Aqua Pro ma ħallset l-ebda dazju doganali jew VAT.
13 Matul is-sena 2010, l-awtorità tat-taxxa rċeviet informazzjoni mingħand l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), skont liema ċ-ċertifikat tal-oriġini mogħti mill-Gvern tal-Kambodja dwar il-merkanzija kkonċernata ma kienx konformi mar-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.
14 Abbażi ta’ din l-informazzjoni, l-amministrazzjoni fiskali wettqet audit tad-dazju doganali u ta’ taxxi oħra dovuti minn Aqua Pro u kkonstatat li ċ-ċertifikat “formula A” inħarġet irregolarment u li l-eżenzjonijiet tad-dazji doganali kienu ġew applikati indebitament għall-imsemmija merkanzija.
15 Konsegwentement, b’deċiżjoni tat-3 ta’ Settembru 2010, l-amministrazzjoni fiskali imponiet Aqua Pro l-ħlas tad-dazji doganali u tal-VAT, flimkien mal-interessi moratorji (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
16 Peress li kkontestat din id-deċiżjoni, mingħajr suċċess, mad-direttur ġenerali tal-amministrazzjoni fiskali, Aqua Pro ppreżentat rikors għal annullament quddiem l-administratīvā rajona tiesa (qorti amministrattiva distrettwali, il-Latvja) billi argumentat li, bid-dikjrazzjoni tal-merkanzija b’rata 0, hija aġixxiet in bona fide sa fejn hija ma setgħetx, b’mod partikolari, tkun taf li ċ-ċertifikat “formula A” inħarġu irregolarment.
17 Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, tqum il-kwistjoni tal-applikabbiltà għaċ-ċirkustanzi tal-każ tad-Deċiżjoni C(2012) 8694, adottata mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Novembru 2012, wara talba mir-Repubblika tal-Finlandja dwar dazji tal-importazzjoni għal roti li ġejjin mill-Kambodja minn kumpannija Finalandiża u li fiha l-Kummissjoni kkunsidrat li, f’dan il-każ, huwa ġġustifikat li ma jittiħidx inkunsiderazzjoni a posteriori l-ammont ta’ dazji li għandhom jiġu rkuprati.
18 F’dan ir-rigward, l-amministrazzjoni fiskali tal-Latvja, sostniet, b’mod partikolari, li Aqua Pro ma ppreżentatx talba għal rimbors jew eżenzjoni tad-dazji tal-importazzjoni konformement mal-Artikoli 878 u 879 tar-regolament ta’ Implementazzjoni, ebda proċedura f’dan is-sens ma ġiet mibdija sabiex tiddetermina jekk dan l-importatur kienx kapaċi jidentifika l-iżball magħmul meta ħareġ iċ-ċertifikat ta-oriġini. Barra minn dan, skont din l-amministrazzjoni, is-sitwazzjoni ta’ Aqua Pro ma hijiex komparabbli ma’ dik li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija iktar ’il fuq.
19 Peress li kisbet, permezz tal-intervent tal-amminsitrazzjoni fiskali tal-Latvja, informazzjoni mill-Ministeru tal-Kummerċ tal-Kambodja li tirrigwarda ċ-ċirkustanzi tal-ħruġ taċ-ċertifikati “formula A” dwar roti esportati lejn il-Latvja , li minnhom jirriżulta li dan il-ministeru ma setax jivverifika r-regolarità ta’ dan il-ħruġ peress li l-esportatur ma nnotifikax id-dokumenti rilevanti, l-administratīvā rajona tiesa (qorti amministrattiva distrettwali), permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, ċaħdet ir-rikors għal annullament ta’ Aqua Pro.
20 Wara eżami tal-kawża fl-appell, l-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali, il-Latvja), permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Mejju 2015, ċaħdet ukoll it-talba ta’ Aqua Pro billi kkunsidrat li hija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex tinvoka l-aspettattivi leġittimi skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, Aqua Pro, li fuqha għandha, skont din il-qorti, l-oneru tal-prova, ma pproduċietx provi li jirrifjutaw il-konstatazzjonijiet tal-OLAF li jirrigwardaw l-oriġini tal-komponenti tar-roti insostenn ta’ ċertifikati ta’ oriġini “formuli B u D”.
21 Aqua Pro ppreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.
22 Qabelxejn, din il-qorti tosserva, li jeżistu dubji fuq il-kwistjoni ta’ jekk kienx iġġustifikat il-fatt li l-awtoritajiet doganali u l-administratīvā rajona tiesa (qorti amministrattiva distrettwali) irrifjutaw li jeżaminaw il-bona fide ta’ Aqua Pro fis-sens tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, fid-dawl tal-assenza ta’ talba tar-rikorrenti li bdiet il-proċedura ta’ maħfra jew ta’ rimbors tad-dazji. Skont l-imsemmija qorti, jeżistu wkoll dubji fuq il-kwistjoni ta’ jekk huwiex ġust li l-awtoritajiet doganali u l-administratīvā rajona tiesa (qorti amministrattiva distrettwali) ma ħadux inkunsiderazzjoni tad-Deċiżjoni C(2012) 8694 tat-30 ta’ Novembru 2012 fil-kuntest tat-talba tar-Repubblika tal-Finlandja. F’dan ir-rigward, il-punt determinanti f’dan ir-rigward huwa jekk iċ-ċirkustanzi fattwali u legali humiex paragunabbli u jekk il-persuna kkonċernata aġixxitx b’bona fide u osservat ir-regoli kollha relatati mad-dikjarazzjoni doganali.
23 Sussegwentement, skont il-qorti tar-rinviju, għandhom isiru mistoqsijiet dwar l-użu tar-rapport tal-OLAF bħala prova u verifika sussegwenti biex jiġu kkonstatati l-fatti.
24 Fl-aħħar nett, hemm dubji dwar jekk, meta titqies il-kwistjoni tal-bona fide tar-rikorrenti, għandhiex, flimkien maċ-ċirkustanzi l-oħra tal-kawża, inkluż il-mudell operazzjonali tal-impriżi tal-Kambodja u l-awtoritajiet inkwistjoni, jagħtu tifsira lill-fatt li Aqua Pro kisbet l-imsemmija merkanzija mhux direttament mill-impriża Kambodjana iżda, fl-ambitu ta’ ftehim ta’ distribuzzjoni, ma’ impriża Ġermaniża, peress li dan il-mudell ta’ kummerċjali diġà jeskludi, bħala prinċipju, fih innifsu, kooperazzjoni diretta bejn Aqua Pro u l-kumpannija Kambodjana, fl-assenza ta’ kuntatt bejniethom.
25 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākās tiesas Administratīvo lietu departaments (qorti suprema, dipartiment tal-affarijiet amministrattivi, il-Latvja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) a) L-Artikolu 220(1) u(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (1), tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dħul fil-kontijiet tal-ammont tad-dazji dovuti kkonstatati mill-awtoritajiet huwa meqjus li seħħ fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet dwar id-dħul fil-kontijiet jew id-determinazzjoni tal-obbligu ta’ ħlas tad-dazji, irrispettivament mill-kontestazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja ta’ din id-deċiżjoni?
b) L-Artikoli 236 u 239 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, minn meta l-awtoritajiet adottaw deċiżjoni li ddaħħal fil-kontijiet l-ammont tad-dazji inkwistjoni u minn meta imponew fuq id-debitur l-obbligu li jħallashom (hekk kif għamelt l-amministrazzjoni nazzjonali f’dan il-każ), filwaqt li kontra din id-deċiżjoni d-debitur ikun ippreżenta rimedju amministrattiv u ġudizzjarju, dan tal-aħħar għandu simultanjament jitlob il-maħfra jew ir-rimbors ta’ dawn id-dazji skont il-proċedura prevista fl-Artikoli 236 jew 239 tar-regolament (jew inkella l-kontestazzjoni tad-deċiżjoni tal-amministrazzjoni fil-kawża preżenti tista’ wkoll titqies li hija talba għal maħfra/rimbors)? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, x’differenza sostanzjali hemm bejn l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet dwar id-dħul fil-kontijiet u dwar l-obbligu ta’ ħlas tad-dazji, minn naħa, u l-kwistjoni li għandha tiġi deċiża fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 236 [tal-Kodiċi Doganali], min-naħa l-oħra ?
ċ) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kontestazzjoni tad-deċiżjoni tal-amministrazzjoni nazzjonali li timponi l-ħlas tad-dazji u t-tul ta’ din il-proċedura jestendu t-terminu għat-tressiq ta’ talba għall-maħfra jew għar-rimbors tad-dazji (jew jiġġustifikaw it-tardività tagħha)?
d) Jekk, fil-kawża preżenti, il-kwistjoni tad-dħul fil-kontijiet jew tal-maħfra għandha tiġi deċiża irrispettivament mid-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward ta’ Stat Membru ieħor (f’dan il-każ il-Finlandja), l-awtoritajiet jew il-qorti għandhom, fid-dawl tal-Artikolu 869(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju, u tal-eventwali ammont dazji fil-kawża inkwistjoni, iressqu quddiem il-Kummissjoni Ewropea l-kwistjoni tan-nuqqas ta’ dħul fil-kontijiet jew tal-maħfra tad-dazji?
2) a) Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandhom jitwettqu eżamijiet wara r-rilaxx taċ-ċirkustanzi relatati mal-aġir tal-awtoritajiet u ta’ esportatur ta’ pajjiż terz (f’dan il-każ, il-Kambodja) li kien is-suġġett ta’ investigazzjoni fil-kuntest ta’ missjoni tal-OLAF? Jew inkella d-deskrizzjonijiet ġenerali taċ-ċirkustanzi esposti fir-rapport tal-OLAF fir-rigward tal-imsemmi aġir għandhom jingħataw l-istatus ta’ provi?
b) L-informazzjoni miksuba fil-kuntest ta’ eżami wara r-rilaxx jieħdu l-preċedenza fuq ir-rapport tal-OLAF, anki jekk dawn jirrigwardaw is-sitwazzjoni ta’ Stat Membru speċifiku?
ċ) L-Artikolu 875 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru huwa marbut minn deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea adottata fir-rigward ta’ Stat Membru ieħor (f’dan il-każ [ir-Repubblika tal-]Finlandja) abbażi ta’ dan l-istess rapport tal-OLAF?
d) Għandu jkun hemm eżami wara r-rilaxx u l-informazzjoni miksuba fil-kuntest ta’ dan l-eżami għandha tintuża f’ċirkustanzi fejn il-Kummissjoni Ewropea tkun adottat, abbażi tar-rapport tal-OLAF, deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ dħul fil-kontijiet tad-dazji fil-konfront ta’ Stat Membru ieħor u tkun applikat l-Artikolu 875 tar-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali [?]
3) Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, il-fatt li, f’każ partikolari, operazzjoni ta’ importazzjoni ta’ merkanzija seħħet abbażi ta’ ftehim ta’ distribuzzjoni, jista’ jkun rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ motivi raġonevoli u ta’ bona fide fl-aġir tal-persuna taxxabbli?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq id-domanda 1(a)
26 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li ġiet adita biha. F’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Barra minn hekk, jista’ jkun meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (sentenza tal-1 ta’ Frar 2017, Município de Palmela, C-144/16, EU:C:2017:76, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 F’dan il-każ, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-Augstākās tiesas Administratīvo lietu departaments (qorti suprema, dipartiment tal-affarijiet amministrattivi), b’mod partikolari, tistaqsi jekk dħul fil-kontijiet a posteriori tal-ammont tad-dazji li għandu jiġi rkuprat, li għalih Aqua Pro setgħet toġġezzjona taħt l-Artikolu 220 (2) (b) tal-Kodiċi Doganali, diġà seħħ minħabba l-fatt li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata ma kienx għadha wasslet għal deċiżjoni li saret res judicata u li, għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk id-dażji inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx jiġu kkunsidrati għadha ma ġietx deċiża.
28 Għal dan il-għan, permezz tal-(a) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, meta d-dħul fil-kontijiet a posteriori tal-ammont ta’ dazju li għandu jiġi rkuprat għandu inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 220 tal-Kodiċi Doganali, jitqies li seħħ meta d-deċiżjoni tal-awtoritajiet marbuta mat-teħid inkunsiderazzjoni jew id-determinazzjoni tal-obbligu li jitħallsu d-dazji tkun is-suġġett ta’ appell amministrattiv jew ġudizzjarju.
29 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 220 (1) tal-Kodiċi Doganali jillimita ruħu li jipprevedi, fir-rigward ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori tal-ammont ta’ dazju li għandu jiġi rkuprat, li dawn tal-aħħar għandhom, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 219 ta’ dan il-kodiċi, isiru fi żmien jumejn mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jkunu ġew għal-konjizzjoni tas-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 220(1) u jistgħu jikkalkulaw l-ammont legalment dovut u jiddeterminaw id-debitur.
30 Madankollu, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-ammont tad-dazji li għandhom jiġu rkuprati għandux jiġi kkunsidrat bħala attwalment daħal fil-kont, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 217 (1) tal-Kodiċi Doganali, li d-dħul fil-kontijiet għandu jikkonsisti fl-iskrizzjoni mill-awtoritajiet doganali tal-ammont ta’ dazji ta’ importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni li jirriżultaw minn dejn doganali fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Distillerie Smeets Hasselt et, C-126/08, EU:C:2009:470, punt 22, kif ukoll tat-8 ta’ Novembru 2012, KGH Belgium, C-351/11, EU:C:2012:699, punt 21).
31 Konsegwentement, fil-każ ta’ rkupru a posteriori, l-ammont ta’ dazji dovut kkonstatati mill-awtoritajiet għandu jitqies li daħal fil-kontijiet meta l-awtoritajiet doganali daħħlu dan l-ammont fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti, din ir-reġistrazzjoni għandha titwettaq, fil-prinċipju, f’terminu ta’ jumejn previst fl-Artikolu 220 (1) tal-Kodiċi Doganali.
32 Madankollu, il-fatt li d-deċiżjoni, sussegwenti, tal-awtoritajiet dwar dħul fil-kontijiet jew id-determinazzjoni tal-obbligu ta’ ħlas tad-dazji hija suġġetta għal proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja bħala tali, ma jistax jaffettwa l-konstatazzjoni li operazzjoni ta’ dħul fil-kontijiet effettivament twettqet skont l-Artikolu 217 (1) u l-Artikolu 220 (1) tal-Kodiċi Doganali.
33 Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata, b’mod partikolari, mill-fatt li l-preżentata ta’ rikors, skont l-Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali ma hijiex, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 244 ta’ dan il-kodiċi, fil-prinċipju, ma tissospendix l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li tali appell ma jipprekludix, għalhekk, l-eżekuzzjoni immedjata ta’ dik id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C-129/13 u C-130/13, EU:C:2014:2041, punt 56).
34 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-punt (a) tal-ewwel domanda hija li l-Artikolu 217(1) u l-Artikolu 220 (1) tal-Kodiċi Doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ rkupru a posteriori, l-ammont ta’ dazju dovut lill-awtoritajiet jitqies li daħal fil-kontijiet meta l-awtoritajiet tad-dwana għandhom jinkludu dan l-ammont fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti, irrispettivament minn jekk id-deċiżjoni tal-awtoritajiet dwar id-dħul fil-kontijiet jew id-determinazzjoni tal-obbligu ta’ ħlas tad-dazji, irrispettivament mill-kontestazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja ta’ din id-deċiżjoni.
Fuq id-domanda 1(b)
35 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-punt (b) tal-ewwel domanda, tressqet sabiex jiġi vverifikat jekk l-awtorità fiskali u l-korpi ġudizzjarji preċedenti jistgħux ġustament iqisu li fl-assenza ta’ talba minn Aqua Pro, għal remissjoni jew rimbors skont l-Artikoli 236 u 239 tal-Kodiċi Doganali, ma kienx hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk Aqua Pro tistax invokat aspettattivi leġittimi fis-sens tal-Artikolu 220(2)(b) ta’ dan il-kodiċi.
36 Għaldaqstant, il-kwistjoni għandha tinftiehem bħala li hija essenzjalment jekk l-Artikoli 220(2)(b) kif ukoll l-Artikoli 236, 239, u 243 tal-Kodiċi Doganali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ rimedju amministrattiv u sussegwentement ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni tal-awtoritajiet fiskali li jdaħħlu fil-kontijiet, a posteriori, ammont ta’ dazji fuq l-importazzjoni u li jimponu ħlas fuq l-importatur, dan tal-aħħar għandu, sabiex ikun jista’ jibbaża ruħu fuq aspettattivi leġittimi skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, jitlob il-maħfra jew ir-rimors ta’ dawk id-dazji konformement mal-proċedura prevista fl-Artikoli 236 u 239 ta’ dan il-Kodiċi u jekk, fejn xieraq, il-kontestazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni fil-kuntest tal-imsemmi rikors tista’ titqies li tikkostitwixxi tali talba.
37 Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, hemm lok li jitfakkar, qabelxejn, li L-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali li għandu l-għan li jipproteġi l-aspettattivi leġittimi tal-persuna taxxabbli fir-rigward tal-mertu tal-elementi kollha li huma involuti fid-deċiżjoni li jiġu rkuprati jew le d-dazji doganali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2007, Agrover, C-173/06, EU:C:2007:612, punt 31, u tal-10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss, C-427/14, EU:C:2015:803, punt 43).
38 Għal dan il-għan, din id-dispożizzjoni tipprevedi li ma sarx id-dħul fil-kontijiet a posteriori tal-ammont tad-dazji ta’ importazzjoni legalment dovuti u, konsegwentement, għall-irkupru ta’ dawn id-dazji, meta importatur jista’ jibbaża ruħu fuq aspettattiva leġittima.
39 Minn dan jirriżulta, kif speċifikat ukoll fl-Artikolu 869(b) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, li fil-prinċipju, huma l-awtoritajiet doganali stess li għandhom jiddeċiedu li ma jwettqux dħul fil-kontijiet a posteriori tad-dazji mhux miġbura u għall-irkupru relatat jekk huma jqisu li l-kundizzjonijiet tal-protezzjoni ta’ dawn l-aspettativi leġittimi huma sodisfatti mill-importatur ikkonċernat.
40 Jekk l-awtoritajiet doganali jiddeċiedu, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari, wara kontroll a posteriori, li jidħlu fil-kontijiet dazji doganali mhux miġbura u billi jintalab l-irkupru mingħand l-importatur, huwa obbligu tagħhom, skont l-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi Doganali li jwettqu rimors jew maħfra ta’ dawn id-dazji jekk u sa fejn iseħħ, sussegwentement, b’mod partikolari, li l-ammont tagħhom jidħol fil-kontijiet bi ksur tal-Artikolu 220(2)(b) ta’ dan il-kodiċi.
41 Dan ir-rimbors jew maħfra ta’ dazji abbażi tal-Artikolu 236, moqri flimkien mal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, għandhom isiru ex officio skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ din l-ewwel disposizzjoni jew, skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-imsemmija dispożizzjoni, malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien tliet snin mid-data li fiha l-ammont ta’ dawk id-dazji inkwistjoni.
42 Madankollu, sa fejn Aqua Pro, fl-ewwel fażi tagħha, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ikkontestat quddiem l-amministrazzjoni, id-dħul fil-kontijiet a posteriori tal-ammont ta’ dazju li għandu jiġi rkuprat, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk Aqua Pro ppreżentatx applikazzjoni lill-uffiċju doganali kkonċernat għal maħfra jew rimbors fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 236(2) moqri flimkien mal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, jew jekk ġabx azzjoni kontra d-deċiżjoni tal-awtoritajiet fiskali li jqisu l-ammont tad-dazji inkwistjoni u li jimponu ħlas fuq Aqua Pro bħala importatur, rimedju amministrattiv, kif previst fl-Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali, quddiem l-awtorità doganali maħtura għal dak il-għan skont il-paragrafu 2 (a) ta’ dan l-Artikolu.
43 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-Kodiċi Doganali jipprevedi, b’mod partikolari fl-Artikoli 236 u 239, għal proċedura speċifika għall-maħfra jew rimbors ta’ dazji doganali fil-każ, b’mod partikolari, ta’ dħul fil-kontijiet bi ksur tal-Artikolu 220(2)(b) ta’ dan il-kodiċi, persuna taxxabbli tista’ wkoll tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni sabiex topponi d-dħul fil-kontijiet a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju fis-sens tal-Artikolu 243 tal-imsemmi kodiċi.
44 Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, persuna taxxabbli ġeneralment ikollha dritt ta’ rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-awtoritajiet li għandhom x’jaqsmu mal-applikazzjoni tar-regoli doganali u li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali li jirrigwardawh direttament u individwalment.
45 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda 1 (b) għandha tkun li l-Artikolu 220(2)(b) kif ukoll l-Artikoli 236, 239, u 243 tal-Kodiċi Doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li fil-kuntest ta’ rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju fis-sens tal-Artikolu 243 ta’ dan il-Kodiċi ppreżentat kontra deċiżjoni mill-amministrazzjoni fiskali kompetenti li jdaħħlu fil-kontijiet, a posteriori, ammont ta’ dazji tal-importazzjoni u li jimponu ħlas fuq l-importatur, dan tal-aħħar jista’ jinvoka aspettattivi leġittimi skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-imsemmi kodiċi sabiex jopponi dan id-dħul fil-kontijiet, irrispettivament minn jekk l-importatur ikunx ippreżenta applikazzjoni għal maħfra jew rimbors ta’ dawk id-dazji konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 236 u 239 tal-istess kodiċi.
Fuq il-punt (c) tal-ewwel domanda
46 Permezz tal-punt (c) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 236 (2) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet it-teħid inkunsiderazzjoni jew id-determinazzjoni tal-obbligu li jitħallsu d-dazji huma s-suġġett ta’ rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju għandu l-effett li jestendi t-terminu għas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għal maħfra jewrimbors ta’ dazji.
47 Sa fejn din il-kwistjoni hija bbażata fuq il-premessa, invalidata bir-risposta għall-punt (b) tal-ewwel domanda, li tgħid li l-possibbiltà li tinvoka, f’rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju, l-aspettattivi leġittimi, skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, tkun suġġetta għat-tressiq ta’ applikazzjoni għal maħfra jew rimbors ta’ dazji doganali abbażi tal-Artikolu 236 ta’ dan il-kodiċi, ma hemmx lok ta’ tweġiba.
Fuq il-punt (d) tal-ewwel domanda
48 Permezz tal-punt(d) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk u sa fejn l-Artikolu 869(b) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwistjoni ta’ jekk għandhomx jidħlu fil-kontijiet jew jinħafru d-dazji doganali meta jkun jaqbel li jiġu ma tiġix kkunsidrata deċiżjoni li tkun ġiet adottata dwar is-suġġett fir-rigward ta’ Stat Membru ieħor.
49 Mill-Artikolu 869 (b) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jirriżulta li, meta l-awtoritajiet doganali jikkunsidraw li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali huma sodisfatti, huma jiddeċiedu huma stess li ma jdaħħlux fil-kontijiet id-dazji mhux miġbura a posteriori, għajr jekk il-Kummissjoni għandha tiġi nnotifikata konformement mal-Artikolu 871 ta’ dan ir-regolament.
50 L-imsemmi Artikolu 871 jistabbilixxi fil-paragrafu 1 il-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni għandha tiġi nnotifikata sabiex il-każ ikun jista’ jiġi solvut skont il-proċedura prevista fl-Artikoli 872 sa 876 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, filwaqt li jipprevedi, fil-paragrafu (2) tiegħu, li, f’żewġ kundizzjonijiet, ma hemmx lok li jsir dan ir-riferiment, jiġifieri meta l-Kummissjoni tkun diġà adottat deċiżjoni skont l-imsemmija proċedura dwar każ fejn kwistjonijiet ta’ fatt u liġi min-naħa l-waħda, u min-naħa l-oħra, fejn diġà hija notifikata b’każ fejn jitressqu provi ta’ fatti u ta’ liġi komparabbli.
51 F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mid-diċitura tal-punt (d) tal-ewwel domanda jirriżulta li l-qorti tar-rinviju jitilqu mill-premessa li, b’mod partikolari, minħabba nuqqas ta komparabbiltà tal-każ ma’ dak imsemmi b’deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Finlandja, dawk iż-żewġ kundizzjonijiet ma humiex sodisfatti fiċ-ċirkustanzi tal-każ.
52 F’dan il-kuntest, konformement mal-Artikolu 869 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 871 ta’ dan ir-regolament, l-awtoritajiet doganali ma jistgħux jiddeċiedu huma nnifishom li ma jdaħħlux fil-kontijiet a posteriori d-dazji mhux miġbura billi jqisu li l-kundizzjonijiet għall-invokazzjoni ta’ aspettattivi leġittimi skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali huma sodisfatti u huma obbligati jirreferu d-dokumentazzjoni lill-Kummissjoni jekk waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 871(1) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tkun preżenti fiċ-ċirkustanzi tal-każ. Konsegwentement, l-awtoritajiet doganali huma obbligati jirreferu d-dokumentazzjoni lill-Kummissjoni meta jqisu li din tal-aħħar wettqet żball fis-sens tal-imsemmija disposizzjoni tal-Kodiċi Doganali, meta ċ-ċirkustanzi tal-każ huma marbuta mar-riżultati ta’ investigazzjoni tal-Unjoni fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, jew meta l-ammont ta’ dazju inkwistjoni huwa ta’ EUR 500 000 jew iktar.
53 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-punt(d) tal-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 869(b) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni jew proċedura tal-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 871(2) ta’ dan ir-regolament, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet doganali ma jistgħux huma nnifishom ma jdaħħlux fil-kontijiet a posteriori d-dazji mhux miġbura u billi jqisu li l-kundizzjonijiet għall-invokazzjoni ta’ aspettattivi leġittimi skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali huma sodisfatti u li dawk l-awtoritajiet huma obbligati li jirreferu d-dokumentazzjoni lill-Kummissjoni, jew meta l-imsemmija awtoritajiet jikkunsidraw li l-Kummissjoni wettqet żball fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni tal-Kodiċi Doganali, jew fejn iċ-ċirkustanzi tal-każ fil-kawża prinċipali huma marbuta mar-riżultati ta’ investigazzjoni, investigazzjoni tal-Unjoni fis-sens tat-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 871(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jew meta l-ammont tad-dazji inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ta’ EUR 500 000 jew iktar.
Fuq il-punt (a) tat-tieni domanda
54 Permezz tal-punt (a) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 220 (2) (b) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni f’rapport tal-OLAF dwar l-aġir tal-awtoritajiet doganali tal-Istat esportatur u tal-esportatur għandu jkollha l-istatus ta’ prova jew jekk l-awtoritajiet doganali humiex obbligati jwettqu verifiki a posteriori f’dan ir-rigward.
55 Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi, fil-punt 48 tas-sentenza tagħha tas-16 ta’ Marzu 2017, Veloserviss (C-47/16, EU:C:2017:220) b’risposta għal mistoqsija simili mqajma wkoll mill-Augstākās tiesas Administratīvo lietu departaments (qorti suprema, dipartiment tal-affarijiet amministrattivi), li, sa fejn ikun fih informazzjoni rilevanti, rapport tal-OLAF jista’ jiġi kkunsidrat sabiex jiġi stabbilit jekk ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet li taħthom importatur jista’ jinvoka l-aspettattivi leġittimi skont l-Artikolu 220 (2) (b) tal-Kodiċi Doganali.
56 Barra minn hekk, kif jirriżulta b’mod korrett mill-qorti tar-rinviju u kif osservaw ġustament il-partijiet, jirriżulta mill-Artikolu 9 (2) tar-regolament dwar l-investigazzjonijiet tal-OLAF li tali rapporti jikkostitwixxu, bl-istess mod u taħt l-istess kundizzjonijiet bħar-rapporti amministrattivi mfassla mill-ispetturi amministrattivi nazzjonali, provi ammissibbli fil-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji tal-Istat Membru li fih l-użu tagħhom huwa meħtieġ.
57 Madankollu, kif jirriżulta wkoll mis-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2017 Veloserviss, (C-47/16, UE: C: 2017: 220), sakemm tali rapport ikun fih biss deskrizzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni inkwistjoni, li hija r-responsabbiltà tal-qorti ma jistax waħdu jkun biżżejjed biex jistabbilixxi jekk dawk il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti fl-aspetti kollha, b’mod partikolari fir-rigward tal-aġir rilevanti tal-esportatur jew, fejn xieraq, l-awtoritajiet doganali tal-Istat esportatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2017, Veloserviss, C-47/16, EU:C:2017:220, punti 49 u 50).
58 F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement ma’ din il-ġurisprudenza, fil-prinċipju, huwa l-kompitu tal-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni sabiex jipproduċu l-prova, permezz ta’ provi addizzjonali, li l-ħruġ, mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni, ta’ ċertifikat ta’ oriġini “Formola A” inkorrett huwa attribwibbli għall-preżentazzjoni mhux eżatta tal-fatti mill-esportatur (ara s-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2017, Veloserviss, C-47/16, EU:C:2017:220, punti 47 u 50).
59 Minn dan jirriżulta li, għalkemm l-informazzjoni li tinsab f’rapport tal-OLAF hija waħda mill-provi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk il-kundizzjonijiet li taħthom importatur jista’ jinvoka aspettattivi leġittimi, skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali huma sodisfatti, tali rapport jista’ juri, fid-dawl tal-informazzjoni li hemm fih insuffiċjenti sabiex jiġi stabbilit suffiċjentement skont il-liġi jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex fil-fatt sodisfatti fl-aspetti kollha.
60 Konsegwentement, l-awtoritajiet doganali jistgħu jintalbu jipprovdu provi addizzjonali f’dan is-sens, b’mod partikolari rigward l-aġir rilevanti tal-esportatur jew tal-awtoritajiet doganali tal-Istat esportatur, b’mod partikolari billi twettaq verifiki a posteriori.
61 F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-imsemmija awtoritajiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex iwettqu verifiki a posteriori (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2012, Südzucker et, C-608/10, C-10/11 u C-23/11, EU:C:2012:444, punti 48 u 50, kif ukoll tal-10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss, C-427/14, EU:C:2015:803, punti 27 u 28).
62 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-punt (a) tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni f’rapport tal-OLAF dwar l-aġir tal-awtoritajiet doganali tal-Istat esportatur u tal-esportatur huma fost il-prova li trid tiġi kkunsidrata sabiex jiġi stabbilit jekk il-kundizzjonijiet li taħthom importatur jista’ jinvoka aspettattivi leġittimi, skont din id-dispożizzjoni huma sodisfatti. Madanakollu, sa fejn rapport bħal dan juri li ma huwiex biżżejjed sabiex jistabbilixxi suffiċjentement skont il-liġi jekk dawk il-kundizzjonijiet humiex fil-fatt sodisfatti fl-aspetti kollha, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, l-awtoritajiet doganali jistgħu jintalbu sabiex jipprovdu provi addizzjonali għal dak il-għan, b’mod partikolari fit-twettiq ta’ verifiki ta posteriori.
Fuq il-parti (b) tat-tieni domanda
63 Permezz tal-punt (b) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet li taħthom importatur jista’ jinvoka aspettattivi leġittimi, skont din id-dispożizzjoni, humiex sodisfatti, l-informazzjoni miksuba f’verifika a posteriori tieħu preċedenza fuq dik li tinsab f’rapport tal-OLAF.
64 Huwa ċar mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament ta’ Investigazzjoni tal-OLAF, b’mod partikolari, li r-rapporti tal-OLAF huma suġġetti għall-istess regoli ta’ evalwazzjoni bħal dawk applikabbli għar-rapporti amministrattivi mfassla minn spetturi amministrattivi nazzjonali u għandhom valur identiku għal dawn.
65 Konsegwentement, l-informazzjoni miksuba minn verifika a posteriori ma tieħu l-ebda preċedenza fuq informazzjoni li tinsab f’rapport tal-OLAF.
66 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-punt (b) tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tar-rinviju, fid-dawl ta’ skont il-provi kollha konkreti tal-kawża prinċipali, u, b’mod partikolari, il-provi miġjuba għal dan il-għan mill-partijiet fil-kawża prinċipali, jekk il-kundizzjonijiet li taħthom importatur jista’ jinvoka l-aspettittiva leġittima, skont din id-dispożizzjoni, ġew sodisfatti. Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, l-informazzjoni miksuba f’verifika a posteriori ma tieħu l-ebda preċedenza fuq informazzjoni li tinsab f’rapport tal-OLAF.
Fuq il-punt (ċ) tat-tieni domanda
67 Permezz tal-punt (ċ) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 875 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru huwa marbut b’deċiżjoni tal-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 873 ta’ dan ir-regolament, indirizzat lil Stat Membru ieħor u adottat abbażi ta’ rapport tal-OLAF dwar l-aġir tal-awtoritajiet u ta’ esportatur minn Stat terz.
68 Konformement mal-Artikolu 875 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, meta deċiżjoni adottata konformement mal-Artikolu 873 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxu li s-sitwazzjoni eżaminata tippermetti li ma jiddaħlux fil-kontjiet a posteriori d-dazji inkwistjoni, il-Kummissjoni tista’ tispeċifika l-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu, ma jdaħħlux fil-kontijiet a posteriori d-dazji f’każijiet fejn jeżistu provi ta’ fatt u ta’ liġi komparabbli.
69 Minn dan isegwi li Stat Membru, u b’mod iktar partikolari l-korpi amministrattivi u ġudizzjarji tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading, C-375/07, EU:C:2008:645, punt 64), huwa marbut, skont il-kundizzjonijiet speċifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-evalwazzjonijiet magħmula minnha f’deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 873 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, fir-rigward ta’ Stat Membru ieħor, f’każijiet oħra fejn jeżistu provi ta’ fatt u ta’ liġi komparabbli.
70 F’dan ir-rigward, essenzjalment għall-istess raġunijiet bħal dawk stabbiliti fil-paragrafi 55 u 56 ta’ din is-sentenza, jista’ jiġi kkunsidrat rapport tal-OLAF biex jiġi ddeterminat jekk każ partikolari huwiex, fis-sens deskritt hawn fuq, komparabbli għal dak li kien is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 873 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.
71 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-punt (ċ) tat-tieni domanda, għandha tkun li l-Artikolu 875 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru huwa marbut, skont il-kundizzjonijiet speċifikati mill-Kummissjoni konformement ma’ dan l-artikolu, bl-evalwazzjonijiet magħmula minnha f’deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 873 ta’ dan ir-regolament fir-rigward ta’ Stat Membru ieħor f’każijiet fejn jeżistu provi ta’ fatt u ta’ liġi komparabbli, fatt li għandu jiġi evalwat mill-awtoritajiet tiegħu u mill-qrati tiegħufid-dawl, b’mod partikolari, tal-informazzjoni li tirrigwarda l-aġir tal-esportatur jew dak tal-awtoritajiet doganali tal-Istat esportatur kif jirriżulta minn rapport tal-OLAF li fuqu hija bbażata dik id-deċiżjoni.
Fuq il-punt d) tat-tieni domanda
72 Permezz tal-punt (d) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 220(2) (b) tal-Kodiċi Doganali u l-Artikolu 875 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li għandha ssir verifika a posteriori u li għandha tintuża l-informazzjoni li tirriżulta meta minnha, meta, abbażi ta’ rapport tal-OLAF, il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni li ma ddaħħalx fil-kontijiet tad-dazji konformement mal-Artikoli 873 u 875 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.
73 Kif ġie rrilevat fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, l-awtoritajiet doganali għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex iwettqu verifiki a posteriori u sabiex tiġbed il-konklużjonijiet neċessarji (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss, C-427/14, EU:C:2015:803, punti 27 u 28).
74 Dawk l-awtoritajiet jistgħu, fil-prinċipju jagħmlu l-verifiki a posteriori li huma jqisu neċessarji u jużaw l-informazzjoni miksuba matul dawn il-verifiki kemm biex jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet li taħthom importatur jista jinvoka aspettattivi leġittimi, skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, kif ukoll, b’mod iktar speċifiku, sabiex jiġi ddeterminat jekk kawża mressqa quddiemhom hijiex paragunabbli fis-sens tal-Artikolu 875 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, ma’ każ li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni li ma ddaħħalx fil-kontijiet id-dazji li l-Kummissjoni tkun adottat skont l-Artikolu 873 ta’ dan ir-regolament.
75 Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-punt (d) tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali u l-Artikolu 875 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet doganali jistgħu jwettqu kwalunkwe verifiki a posteriori li jidhrilhom meħtieġa u jużaw l-informazzjoni miksuba matul dawn il-verifiki kemm biex jiġi aċċertat jekk il-kundizzjonijiet li taħthom importatur jista’ jinvoka aspettattivi leġittimi skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali huma sodisfatti, kif ukoll sabiex jiġi ddeterminat jekk każ imressaq quddiemhom ikunx fih provi ta’ fatt u ta’ liġi “komparabbli” fis-sens tal-Artikolu 875 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, għal każ li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni li ma daħħlitx id-dazji li l-Kummissjoni tkun adottat skont l-Artikolu 873 ta’ dan ir-regolament.
Fuq it-tielet domanda
76 Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk u sa fejn l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-importazzjoni ta’ merkanzija bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali saret abbażi ta’ akkordju ta distribuzzjoni hija rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk, bħal fil-kawża prinċipali, il-kundizzjonijiet għall-invokazzjoni tal-aspettattivi leġittimi skont din id-dispożizzjoni, ġewx sodisfatti.
77 Peress li l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali huwa maħsub, kif ġie mfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġu protetti l-aspettattivi leġittimi ta’ persuna taxxabbli fir-rigward tal-fondatezza tal-provi kollha involuti fid-deċiżjoni biex jiġu rkuprati d-dazji doganali, ma tistax tiġi konkluża mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jew mill-għan tagħha li persuna taxxabbli li tkun importat il-merkanzija kkonċernata abbażi ta’ ftehim ta’ distribuzzjoni ma tistax tibbaża ruħha, taħt l-istess kundizzjonijiet, fuq aspettattivi leġittimi skont din id-dispożizzjoni, bħal persuna taxxabbli għall-importazzjoni ta’ dik il-merkanzija billi tixtrihom direttament mill-esportatur.
78 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, importatur ma jistax utilment jinvoka aspettativi leġittimi taħt l-imsemmija dispożizzjoni, u għalhekk jibbenefika minn eċċezzjoni ta’ rkupru a posteriori li hija prevista, biss jekk tliet rekwiżiti kumulattivi jiġu sodisfatti. Qabel kollox jeħtieġ li d-dazji ma jkunux inġabru b’riżultat ta’ żball tal-awtoritajiet kompetenti nnifishom, sussegwentement, li l-iżball imwettaq minn dawn tal-aħħar ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna suġġetta għad-dazju li taġixxi in bona fide u, fl-aħħar nett, li din tal-aħħar osservat id-dispożizzjonijiet kollha previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2007, Agrover, C-173/06, EU:C:2007:612, punt 35, u tal-15 ta’ Diċembru 2011, Afasia Knits Deutschland, C-409/10, EU:C:2011:843, punt 47).
79 Dawn il-kundizzjonijiet joperaw, essenzjalment, kondiviżjoni tar-riskju minn żbalji jew irregolaritajiet li jivvizzjaw dikjarazzjoni doganali skont l-aġir u d-diliġenza ta’ kull wieħed mill-atturi involuti, jiġifieri l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ esportazzjoni u l-Istat importatur, l-esportatur kif ukoll l-importatur (is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2017, Veloserviss, C-47/16, EU:C:2017:220, punt 25).
80 F’dan il-każ, jirriżulta mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li tistaqsi, b’mod iktar partikolari, dwar l-importanza ta’ ftehim ta’ distribuzzjoni u, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ relazzjonijiet diretti mal-esportatur li tirriżulta f’evalwazzjoni ta’ jekk Aqua Pro kinitx persuna taxxabbli jew setgħetx tivverifika jekk iċ-ċertifikat “Formola A” kienx inħareġ kif suppost.
81 Għaldaqstant, it-tielet domanda tikkonċerna b’mod iktar speċifiku l-evalwazzjoni, fid-dawl ta’ tali ċirkustanzi, tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, dwar in-nuqqas tal-awtoritajiet kompetenti u, għalhekk, id-diliġenza li importatur, li jaġixxi fuq il-bażi ta’ ftehim ta’ distribuzzjoni, għandu juri.
82 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li huma l-operaturi ekonomiċi li għandhom jadottaw, fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom, il-miżuri neċessarji sabiex jipproteġu rwieħhom kontra r-riskju ta’ azzjoni ta’ rkurpu a posteriori, u li tali prevenzjoni tista’, b’mod partikolari, tikkonsisti fil-fatt, għall-persuna taxxabbli, li tikseb mill-parti kontraenti l-oħra, matul jew wara l-konklużjoni tal-kuntratt, il-provi kollha li jikkonfermaw li l-merkanzija ġejja mill-Istat benefiċjarju tal-iskema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati, inklużi dokumenti li jistabbilixxu din l-oriġini (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Lagura Vermögensverwaltung, C-438/11, EU:C:2012:703, punti 30 u 31, kif ukoll tas-16 ta’ Marzu 2017, Veloserviss, C-47/16, EU:C:2017:220, punt 38).
83 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-operaturi ekonomiċi, peress li huma stess għandhom dubji dwar l-applikazzjoni eżatta tad-dispożizzjonijiet li bin-nuqqas ta’ implementazzjoni tagħhom jistgħu jwasslu għal dejn doganali jew inkwantu għad-definizzjoni tal-oriġini tal-merkanzija, li jiksbu informazzjoni u li jfittxu l-kjarifiki kollha possibbli sabiex jivverifikaw jekk dawn id-dubji humiex iġġustifikati (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1996, Faroe Seafood et u Føroya Fiskasøla, C-153/94 u C-204/94, EU:C:1996:198, punt 100 ; tal-11 ta’ Novembru 1999, Söhl & Söhlke, C-48/98, EU:C:1999:548, punt 58, kif ukoll tas-16 ta’ Marzu 2017, Veloserviss, C-47/16, EU:C:2017:220, punt 37).
84 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, diġà speċifikat li hija r-responsabbiltà tal-importatur, bħala parti mill-obbligu ta’ diliġenza tiegħu, meta minkejja li hemm raġunijiet manifesti sabiex tiġi ddubitata l-eżattezza ta’ ċertifikat ta’ oriġini “Formola A”, importatur ikun naqas milli jinvestiga, sa fejn ikun possibbli, iċ-ċirkustanzi tal-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2017, Veloserviss, C-47/16, EU:C:2017:220, punti 39 u 43).
85 Madankollu, il-prinċipji msemmija iktar ‘il fuq japplikaw bl-istess mod għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-importatur, minħabba l-fatt li huwa jimporta l-prodotti kkonċernati fuq il-bażi ta’ ftehim ta’ distribuzzjoni mal-operatur terz, ma għandux relazzjoni kuntrattwali diretta mal-esportatur ta’ din il-merkanzija.
86 Għalhekk importatur li naqas milli jinvestiga b’dan il-mod mingħand kontraent fi ftehim ta’ distribuzzjoni li abbażi tiegħu l-merkanzija kkonċernatia hija importata sabiex tiġi vverifikata l-eżattezza taċ-ċertifikat oriġini “Formola A’ maħruġ għal din il-merkanzija, ma tistax tinvoka aspettattivi leġittimi fis-sens tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali għar-raġuni li l-iżball imwettaq mill-awtorità kompetenti ma setax, fid-dawl ta’ dan il-ftehim ta’ distribuzzjoni, jiġi raġonevolment identifikat minn persuna taxxabbli ta’ bona fide fis-sens tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-ġurisprudenza mfakkra fil-paragrafu 78 ta’ din is-sentenza.
87 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 220 (2) (b) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li importatur ikun importa merkanzija abbażi ta’ ftehim ta’ distribuzzjoni ma taffettwax il-kapaċità tiegħu li jafferma l-aspettattivi leġittimi tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet bħal importatur li importa merkanzija billi jixtrihom direttament mingħand l-esportatur, jiġifieri, jekk jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Jeħtieġ, qabel kollox, li d-dazji ma jkunux inġabru b’riżultat ta’ żball tal-awtoritajiet kompetenti nnifishom, sussegwentement, li dan l-iżball huwa ta’ natura tali li ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna taxxabbli li taġixxi in bona fide u, fl-aħħar nett, li din tal-aħħar osservat id-dispożizzjonijiet kollha fis-seħħ f’dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali tagħha. Għal dak il-għan, dan l-importatur għandu jipproteġi lilu nnifsu kontra r-riskji ta’ azzjoni għal irkupru a posteriori, b’mod partikolari billi jfittex li jikseb mingħand il-kontraent tal-imsemmi ftehim ta’ distribuzzjoni minn żmien għal żmien jew wara konklużjoni tiegħu, bil-provi kollha li jikkonfermaw l-eżattezza tal-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ oriġini “Formola A” għal dik il-merkanzija. Għalhekk, aspettattivi leġittimi fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, b’mod partikolari, fejn, għalkemm hemm raġunijiet ċari għal dubju dwar il-korrettezza ta’ ċertifikat ta’ oriġini “Formola A”, l-importatur astjena milli jinvestiga mal-imsemmi kontraent dwar iċ-ċirkustanzi tal-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat biex jivverifika jekk dawn id-dubji humiex iġġustifikati.
Fuq l-ispejjeż
88 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 217(1) u l-Artikolu 220(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000, għandhom jiġu interpretati fis-sens li f’każ ta’ rkupru a posteriori, l-ammont ta’ dazji dovuti kkonstatati mill-awtoritajiet huwa meqjus li daħal fil-kontjiet meta l-awtoritajiet doganali jinkludu dan l-ammont fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti, irrispettivament minn jekk id-deċiżjoni tal-awtoritajiet dwar id-dħul fil-kontijiet jew id-determinazzjoni tal-obbligu ta’ ħlas tad-dazji, irrispettivament mill-kontestazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja ta’ din id-deċiżjoni.
2) L-Artikolu 220(2)(b), kif ukoll l-Artikoli 236, 239, u 243 tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 2700/2000, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju, fis-sens tal-Artikolu 243 ta’ dan ir-regolament, kif emendat bir-Regolament Nru 2700/2000, ippreżentat kontra deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali kompetenti li ddaħħal fil-kontijiet a posteriori, ammont ta’ dazji tal-importazzjoni u li timponi l-ħlas fuq l-importatur, dan tal-aħħar jista’ jinvoka aspettativi leġittimi skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-imsemmi regolament, kif emendat bir-Regolament Nru 2700/2000, sabiex jopponi dan id-dħul fil-kontijiet, irrispettivament minn jekk l-importatur ikunx ippreżenta applikazzjoni għal maħfra jew rimbors ta’ dawk id-dazji konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 236 u 239 tal-istess regolament.
3) L-Artikolu 869(b) tar-Regolament 2913/92, hekk kif emendat bir-Regolament Nru 955/99, u tal-Artikolu 867a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92, hekk kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1335/2003, tal-25 ta’ Lulju 2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ deċiżjoni jew ta’ proċedura tal-Kummissjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 871(2) ta’ dan ir-regolament kif emendat bir-Regolament Nru 1335/2003, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet doganali ma jistgħux huma n nifishom ma jdaħħlux fil-kontijiet a posteriori d-dazji mhux miġbura, billi jqisu li l-kundizzjonijiet għall-invokazzjoni ta’ aspettattivi leġittimi skont l-Artikolu 220(2) (b) tal-Kodiċi Doganali huma sodisfatti u li dawk l-awtoritajiet huma obbligati li jirreferu d-dokumentazzjoni lill-Kummissjoni, jew meta l-imsemmija awtoritajiet jikkunsidraw li l-Kummissjoni wettqet żball fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni tal-Kodiċi Doganali, jew fejn iċ-ċirkustanzi tal-każ fil-kawża prinċipali huma marbuta mar-riżultati ta’ investigazzjoni tal-Unjoni Ewropea fis-sens tat-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 871 (1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jew meta l-ammont tad-dazji inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ta’ EUR 500 000 jew iktar.
4) L-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 2700/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni f’rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) dwar l-aġir tal-awtoritajiet doganali tal-Istat esportatur u tal-esportatur huma fost il-prova li trid tiġi kkunsidrata sabiex jiġi stabbilit jekk il-kundizzjonijiet li taħthom importatur jista’ jinvoka aspettattivi leġittimi, skont l-Artikolu 220(2) (b) tal-Kodiċi Doganali huma sodisfatti. Madanakollu, sa fejn rapport bħal dan juri li ma huwiex biżżejjed sabiex jistabbilixxi suffiċjentement skont il-liġi jekk dawk il-kundizzjonijiet ġewx effettivament sodisfatti fl-aspetti kollha, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, l-awtoritajiet doganali jistgħu jintalbu sabiex jipprovdu provi addizzjonali għal dak il-għan, b’mod partikolari fit-twettiq ta’ verifiki a posteriori.
5) L-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 2700/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tar-rinviju, fid-dawl ta’ skont il-provi kollha konkreti tal-kawża prinċipali, u, b’mod partikolari, il-provi miġjuba għal dan il-għan mill-partijiet fil-kawża prinċipali, jekk il-kundizzjonijiet li taħthom importatur jista’ jinvoka l-aspettittiva leġittima, skont din id-dispożizzjoni, ġewx sodisfatti. Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, l-informazzjoni miksuba f’verifika a posteriori ma tieħu l-ebda preċedenza fuq informazzjoni li tinsab f’rapport tal-OLAF.
6) L-Artikolu 875 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru huwa marbut, skont il-kundizzjonijiet speċifikati mill-Kummissjoni konformement ma’ dan l-artikolu, bl-evalwazzjonijiet magħmula minnha f’deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 873 ta’ dan ir-regolament kif emendat bir-Regolament Nru 1335/2003, fir-rigward ta’ Stat Membru ieħor f’każijiet fejn jeżistu provi ta’ fatt u ta’ liġi komparabbli, fatt li għandu jiġi evalwat minn l-awtoritajiet tiegħu u l-qrati tiegħu fid-dawl, b’mod partikolari, tal-informazzjoni li tirrigwarda l-aġir tal-esportatur jew dak tal-awtoritajiet doganali tal-Istat esportatur kif jirriżulta minn rapport tal-OLAF li fuqu hija bbażata dik id-deċiżjoni.
7) L-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 2700/2000 u l-Artikolu 875 tar-Regolament Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 1335/2003, għandhom jiġu interpretati fis-sens li li l-awtoritajiet doganali jistgħu jwettqu kwalunkwe verifiki a posteriori li jidhrilhom meħtieġa u jużaw l-informazzjoni miksuba matul dawn il-verifiki kemm biex jiġi aċċertat jekk il-kundizzjonijiet li taħthom importatur jista’ jinvoka aspettattivi leġittimi skont l-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92 kif emendat bir-Regolament Nru 2700/2000, huma sodisfatti, kif ukoll sabiex jiġi ddeterminat jekk każ imressaq quddiemhom ikunx fih provi ta’ fatt u ta’ liġi komparabbli fis-sens tal-Artikolu 875 tar-Regolament Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 1335/2003, għal każ li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni li ma daħħlitx id-dazji li l-Kummissjoni tkun adottat skont l-Artikolu 873 ta’ dan ir-regolament Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 1335/2003.
8) L-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 2700/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li importatur ikun importa merkanzija abbażi ta’ ftehim ta’ distribuzzjoni ma taffettwax il-kapaċità tiegħu li jafferma l-aspettattivi leġittimi tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet bħal importatur li importa merkanzija billi jixtrihom direttament mingħand l-esportatur, jiġifieri, jekk jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Jeħtieġ, qabel kollox, li d-dazji ma jkunux inġabru b’riżultat ta’ żball tal-awtoritajiet kompetenti nnifishom, sussegwentement, li dan l-iżball huwa ta’ natura tali li ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna taxxabbli li taġixxi in bona fide u, fl-aħħar nett, li din tal-aħħar osservat id-dispożizzjonijiet kollha fis-seħħ f’dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali tagħha. Għal dak il-għan, dan l-importatur għandu jipproteġi lilu nnifsu kontra r-riskji ta’ azzjoni għal irkupru a posteriori, b’mod partikolari billi jfittex li jikseb mingħand il-kontraent tal-imsemmi ftehim ta’ distribuzzjoni minn żmien għal żmien jew wara konklużjoni tiegħu, bil-provi kollha li jikkonfermaw l-eżattezza tal-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ oriġini “Formola A” għal dik il-merkanzija. Għalhekk, aspettattivi leġittimi fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, b’mod partikolari, fejn, għalkemm hemm raġunijiet ċari għal dubju dwar il-korrettezza ta’ ċertifikat ta’ oriġini “Formola A”, l-importatur astjena milli jinvestiga mal-imsemmi kontraent dwar iċ-ċirkustanzi tal-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat biex jivverifika jekk dawn id-dubji humiex iġġustifikati.
Firem
*Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.